18.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/103 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba”
COM(2008) 703 finali
(2010/C 128/19)
Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER
Nhar is-6 ta’ Novembru 2008, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba
COM(2008) 703 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Settembru 2009.
Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (sessjoni tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’128 vot favur u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1. Il-KESE jappoġġja l-approċċ iktar deċentralizzat u bbażat fuq in-netwerk għall-kooperazzjoni transkonfinali fis-suq uniku li ser jinkiseb permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI). Il-KESE jqis li s-sistema ser tgħin biex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tas-suq uniku u biex jiġu adottati l-miżuri adegwati biex jiġu solvuti l-problemi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini u l-intrapriżi.
1.2. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata fid-diversi Stati Membri jistgħu jaqdu rwol attiv u sinifikanti fit-tħaddim tal-IMI. Jistgħu wkoll ixerrdu l-informazzjoni dwar is-sistema u l-funzjonament tagħha.
1.3. Billi s-sistema tal-IMI ser tidentifika l-ostakli fil-livell nazzjonali li jxekklu l-applikazzjoni tajba tad-Direttiva dwar is-servizzi u dik dwar il-kwalifiki professjonali, u billi jista’ jkun li l-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha jinfirex għal setturi oħra, ikun xieraq li l-Kummissjoni tħejji mekkaniżmu speċifiku ta’ twissija u/jew ta’ sanzjoni sabiex jitneħħew l-ostakli msemmija.
1.4. Billi t-trażmissjoni tad-data tas-sistema IMI hija soġġetta għall-iskema ta’ protezzjoni tad-data personali stabbilita mil-liġi Komunitarja, il-KESE jirrakkomanda li l-persuni kkonċernati jiġu avżati minn qabel sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ aċċess stabbiliti mill-iskema, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
2. Introduzzjoni
2.1. L-Artikolu 10 tat-TKE jistabbilixxi, fuq bażi ġenerali, il-“prinċipju tal-lealtà Komunitarja” bejn l-Istati Membri u l-Komunità li ġie żviluppat b’mod wiesa’ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (1), u skont liema l-Istati Membri għandhom:
— |
jadottaw il-miżuri kollha ta’ liġi nazzjonali neċessarji għall-implimentazzjoni tar-regoli u l-atti Komunitarji, |
— |
jikkooperaw bejniethom u mal-Komunità sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja. |
2.2. Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u l-Komunità s’issa ġiet żviluppata f’oqsma speċifiċi, bħat-taxxi (2) (bit-twaqqif ta’ uffiċċju ċentrali f’kull Stat Membru u bl-obbligu ta’ assistenza bejn l-Istati Membri), id-dwana, il-kompetizzjoni (netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali), jew saħansitra, pereżempju, il-politiki tal-ażil, l-immigrazzjoni u l-affarijiet esterni (ara l-programm ARGO-2002).
2.3. Il-KESE indirizza l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u dawk Komunitarji f’opinjoni ta’ inizjattiva proprja (3), li fiha wasal għall-konklużjoni li proċeduri politiċi u nazzjonali ċari u effikaċi flimkien mat-titjib tal-leġiżlazzjoni u tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħha jiffurmaw parti integrali minn gvernanza Komunitarja tajba.
2.4. Permezz tad-Deċiżjoni 2004/387/KE (4) tal-21 ta’ April 2004, inħoloq programm għall-provvista interoperabbli ta’ servizzi pan-Ewropej fl-ambitu tal-amministrazzjoni elettronika lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, lill-istituzzjonijiet Komunitarji u entitajiet oħra, kif ukoll lill-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej (programm IDABC). Din id-Deċiżjoni tinkludi l-applikazzjoni ta’ proġetti ta’ “interess komuni” u miżuri orizzontali li l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu koperti mill-Komunità b’mod proporzjonali għall-iskop tagħhom (Artikolu 10).
2.5. Fis-17 ta’ Marzu 2006, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-kumitat konsultattiv dwar is-suq intern approvaw il-Pjan Globali ta’ Applikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u l-iżvilupp tiegħu bil-għan li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (5) dwar il-protezzjoni tad-data personali fit-tħaddim tas-sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern tikkwalifika lil din is-sistema bħala proġett ta’ interess komuni għall-applikazzjoni tal-IDABC.
2.6. L-IMI twaqqfet bħala strument li jiffaċilita l-applikazzjoni tal-atti leġiżlattivi fl-ambitu tas-suq intern li jitolbu skambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.
3. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni
In-nuqqas ta’ fiduċja fil-qafas legali u fis-superviżjoni fi Stati Membri oħra wasslet għall-multiplikazzjoni tar-regoli u l-irduppjar tal-kontrolli li għalihom huma soġġetti l-attivitajiet transkonfinali, u dan ħoloq wieħed mill-ikbar ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għal din ir-raġuni l-Istati Membri jridu jikkooperaw mill-qrib u jħeġġu l-fiduċja fis-sistemi ta’ xulxin.
3.1.1. L-IMI ser tgħin lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligu legali tal-iskambju tal-informazzjoni. Bl-istess mod, ser tgħinhom jiżviluppaw forom ġodda ta’ kooperazzjoni amministrattiva li mhumiex possibbli mingħajr sistema elettronika ta’ informazzjoni.
L-IMI tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għodda sempliċi biex jidentifikaw l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra u jibagħtulhom talba għall-informazzjoni permezz ta’ sett strutturat ta’ mistoqsijiet ibbażati fuq oqsma speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
3.2.1. L-IMI tfasslet biex tkun mezz effiċjenti u effikaċi biex titbaxxa l-ispiża unitarja tal-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri, ħaġa li hija meħtieġa biex il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tkun implimentata sewwa. Madankollu ġie deċiż li jkun aħjar li s-sistema tiġi applikata f’żewġ oqsma limitati: ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, li diġà beda, u d-Direttiva dwar is-servizzi. L-esperjenza miksuba f’dawn iż-żewġ oqsma ser isservi għall-estensjoni futura tal-iskema għal setturi oħra li huma importanti għall-funzjonament tas-suq intern.
3.2.2. B’hekk l-IMI ser tagħti kontribut biex tinħoloq il-klima ta’ fiduċja u kunfidenza li hija meħtieġa biex niżguraw li s-suq uniku jaħdem mingħajr intoppi u jagħti l-benefiċċji tiegħu.
3.3. L-IMI hija għodda multilingwi mibnija għal UE b’27 Stat Membru u 23 ilsien uffiċjali, għalkemm ser tiġi implimentata fit-30 pajjiż taż-ŻEE. Il-multilingwiżmu huwa vantaġġ. Permezz tat-teknoloġiji l-ġodda u bis-saħħa tas-servizzi tat-traduzzjoni umani u awtomatiċi, l-IMI hija eżempju tajjeb tal-miżuri konkreti li l-UE tista’ tieħu biex iċċekken l-ostakli kemm jista’ jkun u tegħleb il-problemi fil-komunikazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fl-Ewropa.
3.4. Fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-gvernanza fis-suq uniku, l-IMI ser tikkontribwixxi għal approċċ għall-kooperazzjoni transkonfinali li jkun aktar effikaċi, deċentralizzat u bbażat fuq in-netwerk.
3.5. Permezz tal-IMI l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw b’mod iktar effikaċi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, billi din is-sistema tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jegħlbu ostakli kbar għall-komunikazzjoni prattika, bħad-differenzi lingwistiċi u n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar il-persuni ta’ kuntatt fi Stati Membri oħra. L-għan tagħha huwa li ssaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-kooperazzjoni ta’ kuljum bejn l-Istati Membri.
3.6. L-iżvilupp tal-IMI huwa msejjes fuq tliet prinċipji ewlenin:
— |
li l-IMI ma timponi l-ebda obbligu addizzjonali fuq l-Istati Membri lil hinn minn dawk li diġà jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern; |
— |
li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu rrispettati d-diversi strutturi u kulturi amministrattivi fl-Ewropa; |
— |
l-IMI hija sistema unita, ibbażata fuq elementi li jistgħu jintużaw f’kuntesti oħra. Is-sistema hija mfassla biex taqdi r-rekwiżiti ta’ bosta strumenti leġiżlattivi dwar is-suq intern u b’hekk se tevita li jkun hemm proliferazzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni. |
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza r-rabta bejn is-sistema tal-IMI u l-protezzjoni tad-data personali, li hija kompletament soġġetta għad-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-qasam, b’mod partikulari għad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.
3.7.1. Fil-fatt, l-aċċess għall-informazzjoni amministrata mill-IMI huwa llimitat għall-awtoritajiet u l-entitajiet nazzjonali identifikati bħala “awtoritajiet kompetenti” fid-Direttivi li s-sistema qiegħda tiġi applikata għalihom attwalment.
3.8. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li ser ikun hemm bżonn li jissaħħaħ l-investiment fit-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa. Il-Kummissjoni ser tesplora d-diversi għażliet u teżamina l-possibbiltà, fejn hemm bżonn, ta’ programm ta’ taħriġ u skambju.
3.9. Fid-29 ta’ Ġunju 2009 (6) il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni dwar il-miżuri li jistgħu jittieħdu biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Fiha tikkunsidra l-adozzjoni ta’ approċċ ikkoordinat u kooperattiv li jinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bl-objettiv komuni li jittejbu t-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku. Dan ifisser li l-Istati Membri jkollhom responsabbiltà maqsuma u b’konsegwenza ta’ dan jaqdu rwol iktar proattiv fil-ġestjoni tas-suq uniku.
4. Kummenti ġenerali
L-approċċ ta’ kooperazzjoni transkonfinali iktar deċentralizzata u bbażata fuq in-network li huwa meħtieġ biex titnieda l-IMI ser isaħħaħ id-dritt għal amministrazzjoni tajba fl-interess taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi. Għandhom jinżammu l-prinċipji fundamentali tal-flessibbiltà u l-użu mill-ġdid u m’għandhomx jiġu imposti obbligi addizzjonali fuq l-Istati Membri.
4.1.1. Id-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa applikat billi ċ-ċittadini jiġu pprovduti b’ informazzjoni preċiża u konkreta, b’mod flessibbli, fuq ir-rekwiżiti tal-Istati li fihom għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu ruħhom, joffru servizz jew jaħdmu, u tal-awtoritajiet kompetenti li għandhom jikkuntattjaw għal dan il-għan. Barra minn hekk, indirettament is-sistema ser tipprovdi informazzjoni dwar l-ostakli nazzjonali mhux iġġustifikati li jxekklu l-libertajiet Komunitarji hekk kif iggarantiti mil-liġi Komunitarja, ħaġa li għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tirreaġixxi konsegwentement.
4.2. Sabiex is-suq intern jaħdem tajjeb, jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib u jibnu l-fiduċja fis-sistemi ta’ xulxin. B’hekk jikkontribwixxu għat-titjib tat-trasparenza u tal-gvernanza tajba. Biex tinkiseb kooperazzjoni transkonfinali stretta bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-kwistjonijiet marbutin mas-suq uniku, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiggarantixxu l-funzjonament tan-netwerks transkonfinali u s-sistemi elettroniċi tal-informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, bħall-IMI.
4.3. Id-Deċiżjoni 2004/387/KE (IDABC) tipprovdi skema li tiddefinixxi diviżjoni ġusta tal-ispejjeż marbutin mal-funzjonament u l-manteniment tas-servizzi pan-Ewropej tal- amministrazzjoni elettronika u tal-infrastruttura bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha (Art. 7–3). Konsegwentement, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iwettqu l-investimenti neċessarji biex l-IMI taħdem tajjeb. Il-KESE jqis li billi din hija kompetenza maqsuma u b’hekk responsabbiltà maqsuma, l-Istati Membri wkoll għandhom jagħmlu sforz addizzjonali.
Sabiex is-sistema tiġi implimentata b’mod effettiv, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Fil-ġejjieni għandu jitwessa’ l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-IMI, li attwalment jinkludi biss id-Direttiva dwar il-kwalifiki professjonali u dik dwar is-servizzi fis-suq intern.
4.4.1. Bil-għan li tinkiseb kooperazzjoni amministrattiva, id-Deċiżjoni 2008/49/KE tistabbilixxi sistema ta’ skambju u pproċessar tal-informazzjoni li, minħabba s-sensittività tagħha, tiġi allokata lid-diversi entitajiet amministrattivi involuti b’mod frammentarju, billi kull entità tiġi fdata bil-ġestjoni ta’ parti konkreta tas-sistema. B’hekk, minbarra l-Kummissjoni, l-IMI teħtieġ li jieħdu sehem il-parteċipanti nazzjonali li ġejjin: minn naħa l-koordinatur u min-naħa l-oħra l-utenti tas-sistema; dawn tal-aħħar, taħt is-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali jew tal-koordinatur, jiġu identifikati skont id-diversi funzjonijiet li jagħtuhom l-amministratur tat-talbiet, l-allokatur, is-superviżur u l-amministratur lokali tad-data.
4.4.2. Din is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva ser ikollha tiġi kkoordinata mas-sistemi ta’ kooperazzjoni amministrattiva stipulati fid-Direttivi li ser tiġi applikata għalihom, jiġifieri l-mekkaniżmi ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali magħżula għal dan il-għan fid-Direttiva dwar is-servizzi u d-Direttiva dwar il-kwalifiki professjonali. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati r-rabtiet diretti jew indiretti bejn l-utenti tal-IMI u l-awtoritajiet nazzjonali identifikati fid-Direttivi msemmija, b’mod speċjali dawk li huma involuti fis-suq intern direttament jew indirettament.
4.4.3. Ikun xieraq li, bl-iskop li jkun hemm koordinazzjoni mal-IMI, jiġu trattati dawn l-aspetti li ġejjin tad-Direttiva dwar is-servizzi:
a) |
id-definizzjoni wiesgħa tal-awtorità kompetenti (Art. 4); |
b) |
l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni (Art. 6) u punti ta’ kuntatt għall-assistenza reċiproka (Art. 28); |
c) |
l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni armonizzati u ta’ komunikazzjoni mal-applikanti (Art. 13); |
d) |
l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ twissija (Art. 32), li jista’ jagħti lok għall-ħolqien ta’ netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
4.4.4. Fl-aħħar, u b’rabta mad-Direttiva dwar il-kwalifiki professjonali, ikun tajjeb li jiġu indirizzati l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li ġejjin:
a) |
id-definizzjoni dettaljata tal-awtorità kompetenti u l-għoti ta’ akkreditazzjoni tal-attività professjonali minn organizzazzjonijiet professjonali (Art. 3); |
b) |
il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri għall-prestazzjoni ħielsa tas-servizzi (Art. 8); |
c) |
l-armonizzazzjoni tal-proċedura għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali (Art. 51); |
d) |
is-sistema speċifika ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tiddefinixxi t-termini tal-iskambju ta’ informazzjoni rigward azzjoni dixxiplinari jew sanzjonijiet kriminali, il-lista ta’ awtoritajiet kompetenti u l-koordinazzjoni tagħhom (Art. 56), u fl-aħħar, l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali li jiġu inkarigati bil-provvista ta’ informazzjoni speċifika li tkun rilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva (Art. 57). |
4.4.5. Il-Kumitat iqis li implimentazzjoni immedjata tal-IMI għandha tinkludi l-aspetti soċjali (perijodi ta’ ħlas għas-servizzi soċjali, pensjoni, eċċ.) marbutin mal-oqsma koperti minn din l-ewwel fażi. Il-KESE jemmen f’dan l-approċċ mhux biss għax bih jieħu pożizzjoni politika hekk kif għandu d-drawwa li jagħmel, iżda għax għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-aspett ekonomiku u dak soċjali fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet professjonali u tax-xogħol.
4.4.6. Din il-konnessjoni kemm-il darba ġiet enfasizzata mill-Kumitat: pereżempju reċentement, fl-opinjoni tal-14.1.2009 (7) dwar id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-suq uniku, il-Kumitat innota li “l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu kemm l-interessi leġittimi tan-negozju kif ukoll il-fatt li l-libertajiet ekonomiċi għandhom bżonn ikunu soġġetti għal regolazzjoni sabiex ikun żgurat li l-eżerċitar tagħhom ma jnaqqasx mid-drittijiet soċjali fundamentali rikonnoxxuti mil-liġi tal-UE, mill-istandards internazzjonali tax-xogħol u mil-liġijiet tal-Istati Membri individwali, li jinkludu d-dritt tan-negozjar u d-dritt tal-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi.”
4.4.7. B’mod partikulari, il-Kumitat appoġġja l-miżuri ta’ armonizzazzjoni f’dan il-kuntest, bħall-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali jew l-inizjattivi favur il-“mobbiltà” tal-pensjonijiet (8).
4.5. Il-KESE jappoġġja l-idea li l-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha taħdem b’mod effikaċi u li s-suq intern juża l-potenzjal kollu tiegħu, kif ukoll li jiġu adottati l-miżuri adegwati sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu infurmati u mħarrġa sewwa.
4.6. Sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li jissaħħaħ il-funzjonament tal-IMI kif ukoll dak tal-organizzazzjonijiet li jikkooperaw fi ħdanu; min-naħa l-oħra l-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom rwol importanti x’jaqdu, b’mod speċjali permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar l-IMI u l-importanza tagħha għall-funzjonament tas-suq intern.
4.7. Il-KESE jqis li fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fit-tħaddim tas-sistema IMI u l-iżvilupp tal-liġi Komunitarja, ser ikunu jistgħu jiġu ddefiniti l-prinċipji ġenerali sabiex fil-ġejjieni tkun tista’ titfassal regolazzjoni Komunitarja iktar kompluta u dettaljata dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-approvazzjoni ta’ regolament li jkopri l-iktar aspetti ġenerali.
4.8. B’hekk l-IMI tirrappreżenta l-ewwel fażi ta’ dan il-proċess: taħt id-dispożizzjonijiet imħejjija, ser tissemplifika s-sistemi ta’ kooperazzjoni amminsitrattiva bejn l-Istati Membri individwali u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fis-setturi bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li huma essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern. Fl-istess ħin, ser jinżamm qasam essenzjali għaċ-ċittadini tal-UE, il-protezzjoni tad-data personali, permezz tal-qsim dettaljat tar-rwoli bejn il-partijiet involuti fil-ġestjoni tal-IMI stabbilit mill-Kummissjoni f’dan l-ambitu.
4.9. Fl-aħħar, fir-rigward tar-rabta tal-IMI mal-iskema ta’ protezzjoni tad-data personali, ta’ min isemmi l-pubblikazzjoni reċenti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali s-Sur Ruiz-Jarabo Colomer (9), li interpreta wħud mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha hija bbażata s-sistema u li huma kompletament applikabbli f’dan il-kuntest. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mis-sentenza tal-QĠE tas-7 ta’ Mejju 2009 fir-rigward tal-obbligu li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ data personali kif ukoll dwar il-kontenut tad-data trażmessa mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-imgħoddi u t-twaqqif ta’ limitu ta’ żmien li fih tibqa’ tinħażen din l-informazzjoni billi jinżamm bilanċ ġust bejn l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-privatezza tiegħu u l-piż li l-obbligu li jaħżen l-informazzjoni jirrappreżenta għal min jikkontrolla.
4.10. L-interpretazzjoni tal-Avukat Ġenerali tiffoka fuq żewġ drittijiet rikonoxxuti mid-Direttiva 95/46 u rregolati b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ wieħed minnhom (id-dritt għat-tħassir tad-data wara sena) donnha xxekkel l-applikazzjoni tat-tieni wieħed (id-dritt għall-aċċess tal-persuna interessata għall-ġestjoni tad-data): meta d-data tiġi kkanċellata b’konformità mad-Direttiva 95/46 jintemm id-dritt tal-aċċess għad-data, billi ma tistax tintalab informazzjoni dwar xi ħaġa li m’għadhiex teżisti. Għalhekk huwa rrakkomandat li titqies l-interpretazzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jinstab mezz biex iż-żewġ drittijiet rikonoxxuti mil-liġi Komunitarja jikkoeżistu: din l-interpretazzjoni timplika li l-persuna interessata trid tiġi infurmata bit-tħassir tad-data, inklużi l-identità tal-persuni kkonċernati u l-fatt li l-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-data trid issir fi żmien sena, billi wara din l-iskadenza l-informazzjoni titħassar u b’hekk l-aċċess għaliha jkun impossibli.
Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Każ C-392/02, sentenza tal-15.11.2005, u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, is-Sur Geelhoed.
(6) ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.
(9) Konklużjonijiet tat-22.12.2008, każ C-553/07.