23.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 318/69 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika”
COM(2008) 329 finali
2009/C 318/13
Relatur: is-PEGADO LIZ
Nhar it-30 ta' Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika”
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta'Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur PEGADO LIZ.
Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta' Settembru u l-1 ta' Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika għaliex hija f'waqtha u għax tfasslet u ġiet ippreżentata b'mod strutturat u infurmat. Dawn il-fatturi ġġustifikaw id-deċiżjoni tal-KESE li jħejji opinjoni dwar din il-kwistjoni minkejja li fil-bidu ma kienx mitlub li jagħmel dan. |
1.2 |
Il-ftehim li ġie konkluż bejn il-PE, il-Kunsill u l-Kummissjoni u li tqies fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-Pjan ta' Azzjoni li għandu jiġi implimentat f'dan il-qasam sal-2013, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet dwar l-ambitu tal-inizjattiva u l-iżvilupp tagħha fil-ġejjieni huma fatturi ewlenin li għandhom jitqiesu. |
1.3 |
F'dan il-kuntest, il-KESE jieħu nota tal-linji gwida għall-miżuri li għandhom jiġu adottati soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet u riservi fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri. |
1.4 |
Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni l-ewwel u qabel kollox għall-bżonn li jiġi definit sew l-ambitu speċifiku tal-ġustizzja elettronika b'kunsiderazzjoni tal-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji tal-informazzjoni l-ġodda fejn japplikaw għall-aspetti differenti taċ-ċittadinanza u l-amministrazzjoni pubblika in ġenerali. |
1.5 |
Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-għanijiet aħħarin li tiġi pprovduta l-ġustizzja jew sistema tal-“ġustizzja ġusta” b'tali mod li niżguraw a) li l-inizjattivi tajbin li jissemplifikaw u jistandardizzaw il-liġijiet u l-proċeduri ta' aċċess għall-ġustizzja ġenwinament jaqdu l-interessi tal-pubbliku in ġenerali u b'mod partikolari tal-operaturi ekonomiċi u soċjali u b) li dawn l-inizjattivi huma aċċettati u mixtieqa mill-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja. |
1.6 |
Il-Kumitat jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li kwalunkwe inizjattiva f'dan il-qasam tista' tmur kontra d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-data. Huwa jirrakkomanda li kwalunkwe miżura għandha tiġi adottata b'rispett sħiħ lejn il-prinċipji bażiċi tal-konvenzjonijiet internazzjonali u tal-liġi proċedurali ċivili nazzjonali li hija komuni għall-Istati Membri tal-Ewropa kollha. |
1.7 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kkonċernati li jirriflettu l-istandards kulturali u l-valuri nazzjonali li għandhom jiġu mħarsa b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u li ssir analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kull inizjattiva ġdida b'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. |
1.8 |
Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li hi u tiżviluppa l-inizjattivi differenti li huma ppjanati, il-Kummissjoni għandha dejjem tqis il-fehma tal-pubbliku ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-ġustizzja sabiex tiżgura li huma t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li jservu l-ġustizzja u mhux bil-kontra. |
1.9 |
Il-KESE jissuġġerixxi b'mod partikolari li, huma u jiġu introdotti l-mekkaniżmi għall-iżmaterjalizzazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, għandhom jittieħdu prekawzjonijiet speċjali u għandha tingħata ħafna attenzjoni sabiex jintlaqgħu r-rekwiżiti proċedurali u r-rekwiżiti tal-mezz għall-ħżin fit-tul tal-informazzjoni (durable medium) li jiggarantixxu ċ-ċertezza u s-sigurtà legali. |
1.10 |
Fl-aħħar nett, il-Kumitat jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex isegwu l-iżvilupp tal-miżuri mill-qrib u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħhom fid-dawl tal-valuri u l-istandards stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet rispettivi tagħhom, li l-KESE jilqa' wkoll. |
2. Introduzzjoni u stqarrija ta' spjegazzjoni
2.1 Il-kwistjoni tal-ġustizzja elettronika ġiet indirizzata b'mod sistematiku għall-ewwel darba matul il-Presidenza Taljana tal-UE fl-2003 waqt konferenza li saret b'mod konġut mal-Kunsill tal-Ewropa fejn ġie konkluż li “fuq kollox, id-diskussjonijiet li jikkonċernaw il-benefiċċji, l-opportunitajiet u l-perikli tal-internet, fl-aħħar mill-aħħar jikkonċernaw it-tħassib tagħna fir-rigward tal-valuri u d-drittijiet li huma stipulati b'mod partikolari fil-Konvenzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill tal-Ewropa” (1).
2.2 Minn dak iż-żmien 'il hawn, bosta Stati Membri żviluppaw is-sistemi tal-ġustizzja elettronika tagħhom. Uħud minnhom huma żviluppati sew mil-lat teoretiku u jiffukaw fuq l-iżgurar ta' applikazzjoni prattika tajba (2) iżda tonqoshom il-koordinazzjoni.
2.3 Fil-livell Komunitarju, il-kwistjoni bdiet titqies bħala waħda li taqa' taħt il-gvernanza elettronika b'mod partikolari wara d-dokumenti eEuropa 2002 u eEuropa 2005 li ġew adottati fil-Kunsilli Ewropej ta' Feira (2000) u Sevilja (2002) rispettivament u fil-karta strateġika i2010 (3).
2.3.1 |
Il-proġett tal-ġustizzja elettronika tnieda taħt is-Sitt Programm Qafas bħala wieħed mill-“proġetti integrati” iżda l-għanijiet tiegħu kienu limitati u sperimentali ħafna. Kien biss matul il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja li saret fi Dresden f'Jannar 2007 li l-kwistjoni ġiet indirizzata għaliha u kompliet tiġi żviluppata matul il-konferenza “Naħdmu fuq il-ġustizzja elettronika” li saret fi Bremen f'Mejju 2007 (4). |
2.4 Kien taħt il-Presidenza Portugiża (5) li l-kwistjoni ngħatat spinta partikolari: l-ewwel matul il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, bejn il-1 u t-2 ta' Ottubru 2007, fejn ġew stabbiliti l-kwistjonijiet prinċipali tal-għażliet fil-ġejjieni; imbagħad fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, fis-6 u s-7 ta' Diċembru 2007, fejn ġiet eżaminata l-ħidma li kienet saret sa dak iż-żmien u ġie stabbilit limitu ta' żmien għall-proġett, li kien l-aħħar ta' Ġunju 2008. Fl-aħħar, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri, li saret fl-14 ta' Diċembru 2007, intlaqa' l-progress li sar fil-qasam tal-ġustizzja elettronika u ntalab li l-ħimda tkompli.
2.5 B'segwitu ta' dan, il-Kummissjoni fasslet il-Komunikazzjoni li qed tiġi indirizzata hawnhekk li tressqet quddiem il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iżda ma talbitx lill-Kumitat opinjoni dwarha. Għalhekk il-KESE ddeċieda li jieħu l-inizjattiva u jesprimi fehmietu dwar il-Komunikazzjoni.
2.6 Sadattant kemm il-Parlament Ewropew (6) kif ukoll il-Kunsill (7). kellhom l-opportunità li jieħdu pożizzjoni dwar din il-Komunikazzjoni b'mod partikolari dwar il-Pjan ta' Azzjoni mehmuż fl-anness tagħha.B'kunsiderazzjoni tal-fatt li dan huwa programm ta' miżuri li għandhom jiġu żviluppati fuq perijodu ta' ħames snin, il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li qed inressqu hawn taħt m'għandhomx jitqiesu bħala insinifikanti – għax huma l-kontribut tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li hija interessata u kkonċernata mill-inizjattivi tal-ġejjieni fil-qasam – u jistgħu jitqiesu fl-implimentazzjoni tad-diversi miżuri msemmija (8).
3. Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (9)
4. Kummenti ġenerali
4.1 B'mod ġenerali l-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ġiet akkumpanjata wkoll mill-proposti tal-Parlament Ewropew u l-linji gwida tal-Kunsill.
4.1.1 |
Dan l-appoġġ madanakollu jinkludi numru ta' kundizzjonijiet u huwa soġġett għal ċertu riservi. |
4.2 L-ewwel u qabel kollox huwa kruċjali li l-iskop tal-ġustizzja elettronika jiġi definit sew. Filwaqt li hija tista' tiġi inkorporata f'kunċetti usa' bħad-“demokrazija elettronika” jew il-“gvernanza elettronika” għax hija element ċentrali tat-tnejn u filwaqt li hija relatata mill-qrib mal-liġi elettronika li għandha tiffaċilita l-aċċess elettroniku a) għat-testi legali u l-produzzjoni tagħhom f'ħin reali, għal-liġi proċedurali jew il-liġi sostantiva, għal-“liġi li torbot” jew il-“liġi li ma torbotx”, b) għall-każistika tal-qrati u c) għad-deċiżjonijiet amministrattivi, il-ġustizzja elettronika għandha tiġi limitata għall-aspetti tal-ġustizzja fl-oqsma ċivili, kummerċjali u forsi l-liġi amministrattiva, fi kliem ieħor il-prattiki u l-proċeduri tal-qorti, inklużi l-proċeduri ta' arbitraġġ (10).
4.3 Barra minn hekk jeħtieġ li nżommu f'moħħna li l-għan aħħari ta' kwalunkwe programm tal-għoti tal-ġustizzja mhuwiex li l-ġustizzja titħaffef, issir iktar effiċjenti, iktar kost-effettiva jew diretta iżda li tkun ĠUSTIZZJA ĠUSTA (11) li tirrispetta d-drittijiet fundamentali bis-sħiħ, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data tan-nies.
4.3.1 |
Il-Kumitat jixtieq li jwissi kontra sforzi eċċessivi sabiex jinkisbu l-effiċjenza, frankar finanzjarju jew ħeffa li jistgħu jheddu l-valur fundamentali li ssir ġustizzja u li minflok ma jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja jafu jagħmluha iktar diffiċli jew ikkumplikata. |
4.4 Huwa importanti wkoll li niżguraw li x-xewqa tal-iżmaterjalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-passi proċedurali u l-istandardizzazzjoni tal-metodi u l-proċessi ta' ħidma ma jċajprux id-distinzjoni bejn l-aspetti li huma differenti. Barra minn hekk, huwa importanti li dawn l-isforzi ma jwasslux għat-tneħħija, fimkien mal-elementi li mhumiex neċessarji u mhux mistennija, ta' elementi li huma essenzjali u li m'hemmx għalfejn jew m'għandhomx ikunu identiċi.
4.4.1 |
Huwa importanti li niżguraw ukoll li kwalunkwe programm li jimplimenta t-teknoloġiji tal-informazzjoni jissodisfa l-bżonnijiet tal-pubbliku Ewropew in ġenerali, b'mod partikolari tal-operaturi ekonomiċi u soċjali kif ukoll tal-professsjonisti legali. Il-programm m'għandux jaħdem kontra l-interessi ta' dawn il-professjonisti. |
4.4.2 |
Hemm bżonn li niżguraw ukoll li kwalunwke sistema li tiġi introdotta jew żviluppata ma tippermettix interferenza malizzjuża jew sempliċiment negliġenti min-naħa ta' partijiet terzi, li tista' thedded is-sigurtà u l-affidabbiltà tal-użu tas-sistema jew il-possibbiltà li files jew il-kontenut tagħhom jista' jinbidel kompletament jew parzjalment. |
4.5 Aspett ieħor li għandna dejjem inżommu f'moħħna jikkonċerna l-aspetti proċedurali differenti li, għal dawk li mhumiex esperti, jistgħu jiġu kkunsidrati eċċessivi jew mhux neċessarji, iżda li huma kontribut essenzjali għall-mod ta' kif il-poplu jħares lejn l-imħallfin u lejn l-att tal-għoti tad-deċiżjonijiet, u li jipprovdu garanzija ta' rispett lejn id-drittijiet fundamentali fil-proċess tal-għoti tal-ġustizzja (12).
4.6 Barra minn hekk, peress li l-liġi proċedurali hija sussidjarja għal-liġi sostantiva u minħabba li din hija konsegwenza tad-differenzi kulturali bejn l-Istati Membri, anki għax mhux ser ikun possibbli jew mixtieq li dawn il-liġijiet jiġu standardizzati, l-aspetti bażiċi u diversi tal-proċeduri ġudizzjarji sekondarji m'għandhomx u ma jistgħux jiġu standardizzati. Jekk ma jkunx hekk, dawn jistgħu jfixklu l-liġi sostantiva li qegħdin hemm biex jipproteġu u jżommu.
4.7 Peress li l-liġi, b'mod partikolari l-liġi proċedurali, tikkonsisti minn sensiela ta' strumenti legali tekniċi li huma magħmula biex jeżerċitaw il-ġustizzja u biex jintużaw minn esperti legali li għandhom taħriġ speċjalizzat u esperjenza professjonali adegwata, huwa loġiku li meta tiġi definita u applikata l-liġi jintuża lingwaġġ tekniku speċifiku għal dawn il-professjonijiet.
4.7.1 |
Ix-xewqa eċċessiva li l-liġi tiġi “ssemmplifikata” u ssir “aċċessibbli għal kulħadd” tista' twassal sabiex din issir inqas rigoruża u titlef it-tifsira teknika u speċifika tagħha li mhijiex u m'għandhiex tkun identika fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha. |
4.7.2 |
Għalhekk minflok l-istandardizzazzjoni neħtieġu “tabella ta' ekwivalenza” jew “qafas ta' referenza komuni” għall-istrumenti ġudizzjarji differenti. |
4.8 Fl-aħħar nett, il-KESE jikkunsidra li l-implimentazzjoni b'suċċess ta' kwalunkwe sistema għall-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda fil-qasam tal-ġustizzja, għandha tissodisfa l-bżonnijiet u l-għanijiet tal-organizzazzjoni kkonċernata, għandha tkun kompatibbli mas-sistemi tal-kompjuters li jeżistu, tirrikjedi verifika minn qabel tal-proċeduri attwali u għandha tkun tista' tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi u l-għanijiet ġodda malajr u mingħajr ħafna spejjeż.
4.8.1 |
Il-proporzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju tal-inizjattiva għandu jingħata iktar importanza matul kull stadju tal-implimentazzjoni tagħha għax il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni (li apparentement hija disponibbli f'lingwa uffiċjali waħda biss) ma tikkwantifikax il-kwistjoni. Minflok hija tagħraf speċifikament li “l-ispejjeż involuti huma korretti iżda ma jistgħux jiġu valutati” u jistgħu jiġu determinati biss “każ b'każ”. Fir-rigward tal-benefiċċji tgħid li “b'mod ġenerali l-impatt ekonomiku diffiċli tikkwantifikah iżda m'hemmx dubji dwaru”. Din hija pożizzjoni suġġettiva ħafna u mhix aċċettabbli fi proġett ta' din l-iskala (13). |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Peress li ġuri jikkonsisti f'għadd ta' passi (proċedurali) li għandhom jiġu dokumentati għal raġunijiet ta' sigurtà u ċertezza legali u għal garanzija tad-drittijiet tal-partijiet involuti, il-kwistjoni ta' mezz għall-ħżin fit-tul tal-informazzjoni li jkopri l-ġuri kollu jpoġġi xi limiti fuq il-prinċipju tal-proċeduri orali u fuq l-iżmaterjalizzazzjoni taħt l-istat tad-dritt.
5.1.1 |
F'dan il-kuntest, ċerti aspetti tal-miżuri tal-“istrateġija ġenerali” attwali għandhom jiġu analizzati u kkunsidrati. |
5.2 Fir-rigward tal- portal tal-ġustizzja elettronika, il-KESE jikkunsidra li qabel dan ma jkun jista' jiġi stabbilit, kull min hu involut fil-ġudikatura (l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi, l-uffiċjali tal-qorti, l-awtoritajiet amministrattivi, l-uffiċjali tal-gvern u l-professjonisti legali kollha) għandu jirċievi taħriġ rigoruż sabiex jiġi żgurat li l-istrument huwa utli u jista' jitħaddem minn kull min hu kkonċernat.
5.2.1 |
Il-KESE jħoss li l-portal jista' jservi ta' forum ta' informazzjoni u servizzi ġudizzjarji u jkun punt ta' kuntatt utli bejn il-pubbliku, in-negozji u l-membri tal-ġudikatura li jgħin sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet legali. |
5.2.2 |
Fil-fehma tal-Kumitat, il-portal jista' jkun strument utli u vijabbli li jkunu jistgħu jużawh dawk kollha li huma involuti fil-ġudikatura ta' kuljum. Madanakollu, sabiex dan ikun jista' jseħħ jeħtieġ li tingħata garanzija li l-informazzjoni tal-portal hija affidabbli u awtentika. Idealment il-portal għandu jkollu livelli differenti ta' aċċess u drittijiet ta' aċċess skont it-tip ta' informazzjoni, bħala mezz ta' protezzjoni għall-individwi kkonċernati. |
5.2.3 |
Huwa għandu jservi wkoll ta' punt ta' aċċess għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali skont in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għall-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (14). Huwa għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u joffri pariri legali ġenerali u assistenza legali aħjar. |
5.3 Fir-rigward tal- vidjokonferenzi, il-KESE jikkunsidra li l-qrati kollha tal-Istati Membri għandhom jiġu eżaminati b'mod rigoruż (15) sabiex jiġi stabbilit jekk għandhomx tagħmir awdjoviżiv li jista' jħeġġeġ l-użu mifrux ta' din l-applikazzjoni. S'issa mhux ċar jekk l-Istati Membri kollha provdewx lill-qrati tagħhom bit-tagħmir meħtieġ għall-vidjokonferenzi, jekk it-tagħmir li għandhom hux kompatibbli mas-sistema jew jekk jaħdimx kif suppost (16).
5.3.1 |
Barra minn hekk u fejn l-għan huwa li tinġabar l-evidenza tax-xhieda jew li jiġu kkomunikati l-passi jew id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-KESE jikkunsidra li hemm bżonn ta' armonizzazzjoni leġiżlattiva ġenwina bejn l-Istati Membri differenti fir-rigward tal-istqarrijiet u l-vidjokonferenzi sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar l-istess kwistjoni ma tiġix interperetata u applikata b'mod differenti. Mingħajr il-koordinazzjoni leġiżlattiva neċessarja, l-użu tal-vidjokonferenzi ser ikollu jiffaċċja ostakli legali u kulturali fl-Istati Membri differenti. |
5.3.2 |
Il-KESE jikkunsidra li jekk is-sistema tal-vidjokonferenzi tiġi addottata fil-forma proposta, il-qrati kkonċernati dejjem għandhom jitolbu li din il-faċilità tintuża u hawnhekk il-KESE jaqbel li l-portal jista' jassisti fil-vidjokonferenzi bejn il-qrati għax fih il-karatteristiċi kollha li jirrikjedi dan il-proċess (17). |
5.4 Fir-rigward tal- kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet b'mod partikolari sabiex jiġu interkonnessi r-rekords kriminali, il-KESE huwa tal-fehma li fid-dawl tan-natura sensittiva tal-materjal ikkonċernat, din il-kooperazzjoni għandha tissodisfa rekwiżiti stretti ħafna tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data sabiex titħares il-privatezza tal-individwi kkonċernati (18).
5.4.1 |
Il-Kumitat madanakollu jħoss li għandu jsir studju minn qabel tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru sabiex, għal materjal sensittiv bħal dan, l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kriminali ma jkunx soġġett għal implimentazzjoni jew trattament differenti. |
5.5 Fir-rigward tat- traduzzjoni, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-portal tal-ġustizzja elettronika għandu jkun disponibbli f'diversi lingwi u jipprovdi informazzjoni fil-lingwi kollha tal-UE. Sabiex sistema tat-traduzzjoni awtomatika tkun utli għandha tipprovdi t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni simultanja tal-paġna tal-internet sabiex tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE.
5.5.1 |
Bħala mezz ta' assistenza għall-professjonijiet legali, il-portal tal-ġustizzja elettronika jista' jinkludi bażi ta' data tat-tradutturi u l-interpreti legali u l-forom neċessarji kollha, li jkunu jridu jiġu tradotti tajjeb fil-lingwa użata fis-sistema legali ta' kull Stat Membru. |
5.5.2 |
L-ispejjeż enormi ta' sistema effettiva tat-traduzzjoni awtomatika u simultjana fil-lingwi kollha tal-Komunità għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa f'termini tal-vijabbiltà u l-proporzjonalità u b'rabta mar-riżultati li ser jinkisbu u l-użu li għandhom. |
5.6 L-inizjattivi li jitolbu riservi u attenzjoni speċjali jinkludu b'mod partikolari, l-iżmaterjalizzazzjoni sħiħa tal-proċedura ta' ħlas Ewropea (19), il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar (20) u l-ħolqien ta' proċeduri elettroniċi Ewropej oħra, taħrik jew notifiki ta' passi legali b'mezzi elettroniċi biss, ħlas elettroniku tal-ispejjeż legali jew l-awtentikazzjoni elettronika tad-dokumenti.
5.6.1 |
Il-KESE jitlob kawtela sħiħa huma u jiġu introdotti kwalunke minn dawn l-iżviluppi u li qabel jiġu adottati tingħata kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-proporzjon bejn l-ispiża u l-benefiċċju u perijodi twal ta' prova qabel ma jiġu adottati minn kulħadd. Huwa jitlob ukoll li jingħataw garanziji assoluti sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-liġi proċedurali li huma komuni fl-Istati li josservaw l-istat tad-dritt. |
Brussell, 30 ta’ Settembru 2009
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Konferenza intitolata “Strateġiji tal-internet u l-ġustizzja elettronika fl-Ewropa” Ruma, 13–14 ta' Novembru 2003..
(2) Ta' min jirreferi għall-eżempju tal-Belġju fejn il-kummissjoni inkarigata mill-iżvilupp tal-proġett tal-ġustizzja elettronika hija magħmula minn uħud mill-akkademiċi u professjonisti legali l-aktar magħrufa fil-qasam, bħall-Professur George de Leval, inkarigat mill-metodi ta' kif jittieħdu l-passi legali u l-mezzi ta' komunikazzjoni bejn il-korp tal-imħallfin, u l-Professur Yves Poullet inkarigat mil-liġi dwar l-evidenza. It-tieni eżempju huwa tal-Portugall fejn sar studju dettaljat dwar l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda matul il-mumenti u l-istadji differenti tal-azzjoni legali. Dan l-istudju ħareġ minn rapport dettaljat intitolat “Para um novo judiciário: qualidade e eficiência na gestão dos processos cíveis” (Lejn ġudikatura ġdida: kwalità u effiċjenza fil-ġestjoni tal-proċeduri ċivili) li sar mill-Osservatorju Permamenti tal-Ġustizzja tal-Portugall, immexxi mill-Professur Boaventura de Sousa Santos u kkoordinat mill-Professur Conceição Gomes.
(3) COM(2005) 229 finali 1.6.2005. Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 110, 8.05.2006, relatur: is-Sur Lagerholm.
(4) Huwa sinifikanti l-fatt li l-“Programm tal-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin”, COM(2005) 184 finali tal-10 ta' Mejju ma jirreferix għall-użu tat-teknoloġiji l-ġodda fil-qasam tal-ġustizzja. In-nuqqas ta' ambizzjoni f'dan il-programm ġiet enfasizzata fl-opinjoni tal-KESE li tfasslet mis-Sur Pariza Castaños, ĠU C 65, 17.03.2006. Irreferi għar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Aja għall-2007 (COM(2008) 373 finali tat-2 ta' Lulju 2008) li jgħid li “Il-valutazzjoni globali ġenerali pjuttost mhix sodisfaċenti”.
(5) F'dan ir-rigward ta' min nirreferu għad-Deċiżjoni Nru 1149/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007–2013 il-Programm Speċifiku Ġustizzja Ċivili bħala parti mill-Programm Ġenerali Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja (ĠU L 257, 3.10.2007).
(6) Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni fil-qasam tal-ġustizzja elettronika (relatur: Diana Wallis – 2008/2125 (INI) – T6-0637/2008) u l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (relatur: Luca Romagnoli) tal-5 ta' Novembru 2008.
(7) Ara l-istqarrija għall-istampa għall-2908 sessjoni tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li sar bejn is-27 u t-28 ta' Novembru 2008 (16325/08) u għal referenza: Dok. 15315/08 tas-7 ta' Novembru 2008 mill-Presidenza għall-Coreper/Kunsill (JURINFO 71, JAI 612, JUSTCIV 239, COPEN 216).
(8) Fil-fatt dan ħareġ ċar fl-istqarrijiet u d-diskussjonijiet fil-Forum Interparlamentari dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet ċivili li sar matul il–Presidenza Franċiża tat-2 ta' Diċembru 2008 fil-Parlament Ewropew fi Brusssell, b'mod partikolari t-tieni sessjoni dwar il-Ġustizzja elettronika: strument għaċ-ċittadini, il-professjonisti legali u n-negozji.
(9) Fid-dawl tal-limiti imposti fuq it-tul tal-opinjonijiet, is-sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma ġietx inkluża. Il-qarrej huwa mitlub jirreferi għad-dokument u għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-PE u tal-Kunsill.
(10) Filwaqt li jiġu esklużi l-mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim li minkejja li għandhom l-għan li jsolvu t-tilwim, ma jaqgħux taħt l-ambitu tal-ġustizzja huma sempliċiment proċessi volontarji, mhux ġudizzjarji bil-għan li jibbalanċjaw l-interessi tal-partijiet ikkonċernati.
(11) Hekk kif tqassret fil-proverbju Latin: “Justitia est constans et perpetua voluntas jus suum cuique tribuendi” (Il-ġustizzja hija x-xewqa kontinwa u perpetwa li tagħti lil kull persuna dak li ħaqqha).
(12) L-awtur għandu f'moħħu l-iktar il-prinċipji bażiċi tal-liġi proċedurali. L-iktar waħda importanti fosthom hija l-garanzija ta' “smiegħ xieraq” u jinkludu wkoll l-imparzjalità tal-qorti, il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-partijiet, il-prinċipju tad-dispożizzjoni u l-prinċipju tad-diskrezzjoni u l-garanzija tal-proċedura avversarja, id-dritt ta' ġuri fil-publiku, id-dritt tal-evidenza, il-kontinwità tal-proċeduri u l-garanzija li l-akkużat jiġi notifikat jew infurmat tajjeb dwar il-passi kollha tal-proċedura (ara Miguel Teixeira de Sousa, “Estudos sobre o Novo Processo Civil” [Studji dwar il-Proċeduri Ċivili l-Ġodda] li ġie ppubblikat minn LEX Lisbona, 1997).
(13) Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt (SEC(2008) 1947, 30 ta' Mejju 2008) punti 5.3.2. u 5.3.3., p. 30-31.
(14) B'mod partikolari minħabba l-fatt li l-proposta reċenti għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda Deċiżjoni 2001/470/KE illimitat l-użu għall-professjonijiet legali biss (Ara ĠU C 175, 28.7.2009, p. 84, relatur: is-Sinjura Sánchez Miguel).
(15) Sadattant il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill talbet lill-Istati Membri sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha li għandhom dwar it-tagħmir awdjoviżiv tal-qrati tagħhom u ppublikat ir-risposti f'dokument intitolat “Sinteżi tar-risposti tal-Istati Membri tal-UE għat-talba tal-Ministru Ċek tal-Ġustizzja għal informazzjoni dwar it-tagħmir nazzjonali tal-vidjokonferenzi fil-qrati”.
(16) Fil-fatt il-kwistjoni tal-interoperabbiltà tas-sistema ġiet enfasizzata reċentement mill-Kummissjoni fid-dokument (COM(2008) 583 finali) li hija s-suġġett tal-opinjoni tal-KESE (ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36, relatur: is-Sur Pezzini); il-qarrej huwa mitlub jirreferi għal din l-opinjoni u għal-lista ta' opinjonijiet l-oħra tal-KESE f'dan il-qasam.
(17) Ta' min jinnota l-ħidma li wettaq il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ipproċessar tad-Data Legali (ġustizzja elettronika), b'mod partikolari ir-rapport dwar il-progress tal-15 ta' Mejju 2009 dwar l-ipproċessar tad-data legali (DOC 9362/09), il-karta strateġika dwar il-vidjokonferenzi (DOC w9365/09), il-gwida għall-użu (DOC 9863/09) u l-fuljett ta' informazzjoni pubblika (DOC 9862/09), kollha tal-15 ta' Mejju 2009 li jirriflettu t-tħassib li ressqet din l-opinjoni.
(18) Ara l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali lejn Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja ElettronikaC, ĠU C 128, 6.6.2009, p. 13.
(19) Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1).
(20) Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).