23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

COM(2008) 435 finali/2

(2009/C 317/14)

Relatur: Is-Sur SIMONS

Nhar it-8 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

COM(2008) 435 finali/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Mejju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Simons.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 133 vot favur, 6 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni għamlet bosta sforzi għat-tħejjija tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha tat-trasport. Għalkemm il-Kumitat jirrikonoxxi dawn l-isforzi, partikolarment minħabba d-diffikultà ta’ dan il-proġett, xorta josserva li għad fadal numru ta’ ostakli x’jiġu megħluba, l-aktar mil-lat tal-applikazzjoni prattika tal-mudell. Għalhekk jeħtieġ li, fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni, din tiġi appoġġjata b’mod ġenerali mis-soċjetà.

1.2.   L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandha tnaqqas it-tniġġis u l-ħsarat li ġejjin minn kull wieħed mill-modi tat-trasport li jeżistu bħalissa.

1.3.   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex mill-bidu nett tiżgura li intrapriżi tat-trasport minn pajjiżi terzi jiġu integrati sew fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni sabiex jiġi evitat li jitpoġġew f’sitwazzjoni iktar favorevoli.

1.4.   Is-sitwazzjoni attwali, fejn l-ispejjeż esterni mhumiex attribwiti lill-modi differenti ta’ trasport u l-utenti tagħhom, tagħti vantaġġ kompetittiv lill-modi ta’ trasport li jiġġeneraw spejjeż esterni għoljin. L-internalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż tippermetti min-naħa tagħha li tiġi garantita kompetizzjoni b’saħħitha li tista’ twassal għal bidla lejn modi ta’ trasport iktar ekoloġiċi. Il-Kumitat iqis li huwa importanti li ssir komunikazzjoni ħafna iktar b’saħħitha dwar dan il-prinċipju, billi dan jista’ jwassal ukoll għal modifiki fl-istruttura tal-operaturi u tal-utenti tas-settur tat-trasport.

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li temmen li jkun aħjar jekk jinħoloq qafas fil-livell Komunitarju. Huwa tal-fehma wkoll li l-ebda Stat Membru m’għandu jipprova jibqa’ barra minn dan il-qafas.

1.5.1.   Skont il-Kumitat, hemm lok biex f’dan il-qafas tiġi integrata sensiela ta’ kondizzjonijiet ġenerali (pereżempju l-ammont tal-ispejjeż – li għandu jkun ibbażat fuq il-livell tal-għajxien – b’divrenzjar skont iż-żona iktar mill-pajjiż, u bi perijodi differenti li għalihom għandhom jiġu sodisfati, f’ċerti limiti, l-ispejjeż li jridu jitħallsu sabiex l-ispejjeż esterni jiġu newtralizzati.

1.5.2.   L-awtoritajiet kompetenti għall-ispejjeż, pereżempju Stat Membru jew awtorità lokali jew reġjonali, se jkollhom imbagħad jistabbilixxu t-tariffa, fil-limiti diġà msemmija, skont l-għarfien dettaljat tagħhom dwar is-sitwazzjoni lokali.

1.6.   Il-Kumitat iqis li huwa urġenti li l-Kummissjoni tressaq, anki waqt il-kriżi, proposti konkreti rigward dan il-qafas Ewropew għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-modi kollha tat-trasport, u jipprevedi li dan il-qafas jiġi żviluppat aktar kif ukoll implimentat mill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Naturalment, il-proposti għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq l-appoġġ tas-soċjetà u tal-modi tat-trasport, u għandhom iqisu l-kwistjonijiet b’kuxjenza ambjentalista. Il-pagamenti jew l-imposti li se jkunu dovuti għandhom ikunu marbuta mal-użu u mhux mas-sjieda tal-mezzi tat-trasport.

1.7.   Jekk l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tiġi implimentata fil-prattika, il-Kumitat huwa tal-fehma li d-dħul minn din, b’konformità mar-regoli baġitarji nazzjonali, għandu jintuża għal miżuri sabiex jitnaqqsu, kemm jista’ jkun mis-sors, l-effetti esterni tal-modi tat-trasport, bħalma huma d-danni ambjentali direttament relatati jew it-trattament mediku meħtieġ.

2.   Daħla

2.1.   Il-kwistjoni tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni mhijiex waħda ġdida. L-ekonomisti Ingliżi Pigou (fl-1924) u Coase (fl-1960) kienu żviluppaw teoriji dwar il-mod kif l-ispejjeż ta’ effetti esterni pożittivi u negattivi jistgħu jiġu inkorporati permezz ta’ ffissar ta’ prezz fil-mekkaniżmu tas-suq: il-mekkaniżmu ta’ Pigou kien jinvolvi sussidji u tariffi; Coase kien issuġġerixxa li jiġu negozjati d-drittijiet tal-proprjetà; għalkemm dan kollu fuq bażi ta’ ċerti kondizzjonijiet stretti (spejjeż ta’ tranżazzzjoni baxxi jew negliġibbli, id-danni għandhom jitkejlu, u n-numru tal-parteċipanti għandu jkun limitat).

2.2.   It-traffiku, jiġifieri l-moviment gwidat ta’ vetturi tul l-infrastrutturi tat-trasport, iġib miegħu effetti esterni wkoll. Fejn in-numru ta’ parteċipanti jkun kbir, bħal pereżempju fil-każ tat-trasport intern, l-approċċ ta’ Pigou huwa aħjar b’mod partikulari peress li, meta dan jiġi applikat għal spejjeż esterni marġinali, ikun hemm allokazzjoni effiċjenti.

2.3.   Il-kwistjoni tal-internalizzazzjoni kienet tqajmet fil-kuntest tal-KEE lejn l-aħħar tas-snin sittin; iżda, minħabba l-qagħda fil-progress tat-teorija ekonomika ta’ dak iż-żmien, ma kienx għadu possibbli li jiġi evalwat kemm dawn l-effetti jistgħu jiġu kkalkolati u pprezzati b’mod preċiż fil-prattika. L-għan dak iż-żmien kien li jiġu kkoreġuti l-kundizzjonijiet li ma kinux meqjusa ugwali tal-kompetizzjoni bejn il-modi tat-trasport.

2.4.   Iżda l-affarijiet jinbidlu. Tista’ ssir referenza, pereżempju, għall-Green Paper tal-1995 bit-titolu “Lejn prezzar ġust u effikaċi fit-trasport”, għall-White Paper ippubblikata fl-1998 bit-titolu “Tariffi ġusti għall-użu tal-infrastrutturi: approċċ fi stadji għat-twaqqif ta’ qafas komuni fil-qasam tat-tariffi għall-infrastrutturi tat-trasport fl-UE”, għal dik, ippubblikata fl-2001, dwar it-tema tal-“Politika Ewropea tat-trasport sal-2010: il-mument tal-għażla”, jew inkella għar-reviżjoni ta’ nofs il-perijodu ta’ dan l-istess dokument, li saret fl-2006.

2.5.   Fl-2006, il-Kummissjoni kienet intalbet (1), tressaq, mhux aktar tard mill-10 ta’ Ġunju 2008, wara li teżamina l-aspetti kollha, inklużi l-ispejjeż relatati mal-ambjent, l-istorbju, it-traffiku u s-saħħa, (…) mudell universali, trasparenti u li jinftiehem għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha, li għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-infrastruttura. Il-mudell huwa akkumpanjat minn analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-modi kollha tat-trasport u bi strateġija għall-implimentazzjoni pass pass tal-mudell għall-modi kollha tat-trasport.

2.6.   L-għan kien li jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni għall-modi kollha tat-trasport, b’mod li jiġi ffissat prezz xieraq għall-utenti kollha li se jġorru l-piż tal-ispejjeż reali li joħolqu huma stess. B’hekk dawn isiru aktar konxji mill-konsegwenzi tal-azzjoni tagħhom b’mod li jkunu jistgħu jibdlu l-imgiba tagħhom sabiex inaqqsu dawn l-ispejjeż esterni.

2.7.   F’bosta opinjonijiet adottati fil-passat, il-Kumitat kien diġà eżamina l-kwistjoni tal-kalkolu tal-ispejjeż esterni. F’opinjoni tal-1996 il-Kumitat wera li l-infrastruttura differenti u l-ispejjeż esterni tal-modi differenti tat-trasport jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni inġusta jekk dawn ma jiġux attribwiti kompletament. Fil-fatt, fl-opinjoni dwar il-White Paper li ħarġet fl-2001, kien wera li jaqbel mal-objettiv li l-azzjoni Komunitarja tissostitwixxi gradwalment it-taxxi eżistenti tas-sistema tat-trasport bi strumenti aktar effettivi għall-integrazzjoni tal-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni.

2.8.   Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-White Paper ippubblikata fl-2001, il-Kumitat wera l-qbil tiegħu dwar l-approċċ modifikat li adottat il-Kummissjoni meta nbidlet minn politika li tiffoka fuq trasferiment modali obbligatorju għal proċedura msejħa “komodalità” (2), li timplika li kull mod ta’ trasport jiġi ottimizzat biex dan isir aktar kompetittiv, aktar sostenibbli, aktar vantaġġuż, aktar soċjali, aktar sigur, u li jirrispetta aktar l-ambjent, u dan kollu se jippermetti biex il-kombinazzjonijiet bejn il-modi jiżdiedu u jittejbu.

2.9.   F’dan il-kuntest, il-Kumitat huwa tal-fehma li kull mod ta’ trasport (3) għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż kollha tiegħu.

2.10.   Il-Kumitat ippubblika wkoll bosta opinjonijiet dwar il-kwistjoni tat-trasport urban sostenibbli, b’mod speċjali dwar il-“Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana” (4) dwar it-tema “It-taħlita enerġetika fit-trasport” (5). Ġiet miżjuda dimensjoni oħra fil-mod kif il-Kumitat iħares lejn il-kwistjoni. Il-prinċipju “l-utent iħallas” sar “min iniġġes iħallas”, jew jekk jagħti l-każ, “min juża jħallas”.

2.11.   L-użu tal-prinċipju tat-“tariffikazzjoni għall-ispiża soċjali marġinali” bħala prinċipju ġenerali għall-internalizzazzjoni huwa wkoll il-qofol tal-istrateġija li qed tiġi proposta llum.

2.12.   Dan il-prinċipju jfisser li l-prezzijiet tat-trasport għandhom ikunu ekwivalenti għall-ispiża supplimentari li jikkaġuna utent addizzjonali tal-infrastruttura. Fit-teorija, dawn l-ispejjeż supplementari għandhom jinkludu l-ispejjeż tal-utent kif ukoll l-ispejjeż esterni, iwasslu għal użu effikaċi tal-infrastrutturi u jistabbilixxu linja diretta bejn l-użu tar-riżorsi komuni u s-servizzi tat-trasport. Tariffa stabbilita fuq il-bażi ta’ spiża soċjali marġinali twassal ukoll għal użu effikaċi tal-infrastruttura eżistenti (6).

2.13.   Skont il-Kumitat, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tas-soċjetà jista’ jkollha konsegwenzi. Għalhekk huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti fid-diskussjoni fil-fażi l-aktar bikrija possibbli sabiex jaqsmu l-ideat tagħhom dwar il-mod kif se ssir l-implimentazzjoni fis-setturi differenti.

3.   Sintesi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tal-konklużjonijiet tal-Kunsill

3.1.   Fil-kuntest tal-pakkett imsejjaħ “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” – li jinkludi komunikazzjoni ġenerali, proposta li temenda d-Direttiva tal-Eurovignette, komunikazzjoni dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti u komunikazzjoni ta’ strateġija – il-Kummissjoni beħsiebha tinkorpora l-ispejjeż esterni (CO2, tniġġis fl-arja, storbju u konġestjoni) fil-prezz tat-trasport, sabiex l-utenti jġorru l-ispejjeż li joħolqu huma stess.

3.2.   Jibqgħu jinħtieġu azzjonijiet oħra, bħal politika dwar is-sorsi tal-enerġija, inizjattivi li jikkonċernaw is-suq intern, kif ukoll il-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika. Id-dħul minn dan għandu jiġi investit għat-tnaqqis tal-ispejjeż esterni, pereżempju billi jsir investiment fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, fl-infrastrutturi li jirrispettaw l-ambjent u fl-iżvilupp tat-trasport pubbliku. Għandha ssir evalwazzjoni fl-2013.

3.3.   Waqt il-laqgħa tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill diġà kien spjega li hemm bżonn li, fir-rigward tal-modi differenti tat-trasport, jiġi adottat approċċ gradwali, ġust, effikaċi u bbilanċjat li jkun newtrali mil-lat teknoloġiku. Kien ħa nota wkoll li l-Kummissjoni kienet ipproponiet l-2013 bħala s-sena fejn issir l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-istrateġija. Il-Kunsill ikompli billi jgħid li l-konformità ma’ dawn il-prinċipju hija prekondizzjoni sabiex jiġi żgurat l-appoġġ pubbliku għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni ilha attiva f’dan il-qasam sa mill-2006. Wara li ħejjiet konsultazzjoni pubblika u organizzat diversi workshops mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni ressqet proposta relatata mat-twaqqif ta’ qafas komuni għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, wettqet evalwazzjoni tal-impatt u fasslet strateġija għall-internalizzazzjoni gradwali tal-ispejjeż esterni għal kull mod ta’ trasport.

4.2.   Fil-qosor, il-Kummissjoni wettqet numru ta’ ħidmiet f’temp qasir ta’ żmien fir-rigward tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, li huwa suġġett pjuttost delikat. Il-Kumitat jikkunsidra d-dokumenti ta’ ħidma SEC(2008) 2209, SEC(2008) 2208 u SEC(2008) 2207 tal-Kummissjoni bħala testi sensibbli ħafna, indipendentement mill-konklużjonijiet li jippreżentaw. Ħasra li l-Komunikazzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni ma tagħmilx użu akbar mill-kontenut tagħhom, pereżempju l-aħjar soluzzjonijiet li jirriżultaw mill-analiżi. Madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi eżaminat jekk id-data bażika fornita mill-“Handbook on estimation of external costs in the transport sector” (Gwida dwar l-istima tal-ispejjeż esterni fis-settur tat-trasport) tistax tiġi żviluppata aktar.

4.3.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkunsidraw li l-iktar ħaġa importanti hija li jinżamm l-appoġġ li s-soċjetà f’sens globali diġà qed tagħti, u li b’mod partikulari fil-modi tat-trasport, tinħoloq sistema oġġettiva, universalment applikabbli, trasparenti u li tinftiehem.

4.4.   Il-Kumitat jemmen li għandu jitqies numru ta’ kondizzjonijiet importanti, bħalma huma l-iżviluppi teknoloġiċi, l-impatt soċjali tal-introduzzjoni tas-sistema, l-effetti fuq ir-reġjuni tal-gżejjer, dawk imdawrin u dawk imbiegħda tal-Unjoni, l-importanza tal-investimenti fis-settur u l-kontribut għall-kisba tal-objettivi ta’ politika tat-trasport sostenibbli.

4.5.   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li huwa essenzjali li d-dħul mill-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi ta’ trasport jiġi allokat, bi preferenza, għal miżuri li kapaċi jipproduċu l-aħjar effett fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tniġġis, l-istorbju, l-konġestjoni fil-modi ta’ trasport, u dan bil-għan li jiġi promoss il-funzjonament sostenibbli u b’konformità mal-kombinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-modi tat-trasport.

4.6.   Id-dħul li jiġi ġġenerat għandu jintuża għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-effetti esterni mhux mixtieqa, pereżempju miżuri li jittieħdu fis-sors jew dawk li jikkumpensaw l-ispejjeż għal trattament mediku direttament relatat mal-mod tat-trasport, jew inkella mal-bjar tal-karbonju.

4.7.   Fil-fehma tal-Kumitat huwa importanti wkoll li l-elementi differenti tal-ispejjeż esterni għal kull mod ta’ trasport ikunu magħrufa u rikonoxxuti.

4.8.   Sabiex kollox isir b’mod ġust, l-ispejjeż tal-konġestjoni tat-trasport fit-toroq għandhom, pereżempju, jiġu allokati għat-trasport tal-prodotti u tal-passiġġieri.

4.9.   Fl-interess ta’ żvilupp sostenibbli tal-modi ta’ trasport differenti, il-Kumitat jixtieq li tingħata aktar attenzjoni meta jitqiesu l-aspetti soċjali fil-kuntest tad-dibattitu dwar l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

4.10.   Il-Kumitat jixtieq ukoll jinsisti dwar il-fatt li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fl-ebda każ m’għandha tiġi riflessa fuq id-dħul tal-ħaddiema; l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-utenti tal-modi differenti ta’ trasport.

4.11.   Għalhekk fit-teorija, il-Kumitat jappoġġja l-filosofija tal-Kummissjoni li jiġu kkalkolati l-ispejjeż esterni kollha (7). Madankollu, l-effett mixtieq se jinkiseb biss jekk din il-filosofija tiġi applikata fuq l-istess skala fl-oqsma kollha fejn se jkun hemm spejjeż esterni.

4.12.   Is-sitwazzjoni attwali, fejn l-ispejjeż esterni mhumiex attribwiti lill-modi differenti ta’ trasport u l-utenti tagħhom, tagħti vantaġġ kompetittiv lill-modi ta’ trasport li jiġġeneraw spejjeż esterni għoljin. L-internalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż tippermetti min-naħa tagħha li tiġi garantita kompetizzjoni b’saħħitha li tista’ twassal għal bidla lejn modi ta’ trasport iktar ekoloġiċi. Il-Kumitat iqis li huwa importanti li ssir komunikazzjoni ħafna iktar b’saħħitha dwar dan il-prinċipju, billi dan jista’ jwassal ukoll għal modifiki fl-istruttura tal-operaturi u tal-utenti tas-settur tat-trasport.

Il-Kumitat huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li temmen li jkun aħjar jekk jinħoloq qafas fil-livell Komunitarju.

4.13.1.   Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-ispejjeż tal-internalizzazzjoni għandhom jissodisfaw, b’ċerti limiti, għadd ta’ kondizzjonijiet. Jeħtieġ b’mod speċjali li hawnhekk jiġu maħsuba t-tipi ta’ spejjeż esterni, l-ammont ta’ spejjeż, li għandu jiġi bbażat fuq il-livell tal-għajxien, b’divrenzjar skont iż-żona iktar mill-pajjiż, b’arranġamenti differenti għall-ħinijiet.

4.13.2.   L-awtoritajiet inkarigati mill-ispejjeż, pereżempju Stat Membru jew awtorità lokali jew reġjonali, se jkollhom imbagħad jistabbilixxu t-tariffa, fil-limiti diġà msemmija, skont l-għarfien dettaljat tagħhom dwar is-sitwazzjoni lokali, u dan se jippermetti li jitqiesu d-differenzi bejn ir-reġjuni fir-rigward tal-livell tal-għajxien.

Fit-trasport marittimu u bl-ajru, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandha tqis ir-realtà tal-kompetizzjoni dinjija li qed jiffaċċjaw dawn il-modi ta’ trasport.

4.13.3.1.   Mil-lat tal-kompetizzjoni, it-tliet fergħat klassiċi tat-trasport intern, jiġifieri t-toroq, il-ferroviji, u l-mogħdijiet interni fuq l-ilma, għandhom jiġu soġġetti b’mod bilanċjat għal strateġija u metodoloġija simultanjament, u dawn jistgħu ovvjament jagħtu riżultati differenti skont il-partikolaritajiet ta’ kull wieħed minn dawn is-setturi.

4.13.3.2.   Dan it-tip ta’ internalizzazzjoni huwa konsistenti mal-politika ta’ komodalità tat-trasport u l-politika tal-kompetizzjoni, u b’hekk se nersqu aktar viċin għall-1992 fir-rigward tat-twettiq tas-suq intern mingħajr fruntieri nazzjonali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Fir-rigward tal-mogħdijiet interni fuq l-ilma, il-Kummissjoni rreferiet għall-Konvenzjoni ta’ Mannheim bħala qafas regolatorju li jistħoqqlu attenzjoni. Dan it-trattat japplika għax xmara Rhine, inkluża l-parti Żvizzera tax-xmara u n-nixxigħat tagħha. Dil-Konvenzjoni, li magħha għadu kif ingħaqad it-tielet pajjiż, hija l-aktar waħda antika fost it-trattati tal-Unjoni, u għalhekk tieħu prijorità (8). Din tipprojbixxi t-tassazzjoni fuq it-tbaħħir – inkluż it-traffiku tat-tbaħħir intern.

5.2.   Il-Kumitat, li min-naħa huwa konxju mill-kriżi dinjija profonda, u min-naħa l-oħra huwa favur tal-idea tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, li timplika l-aktar aspetti ambjentali, qed jagħmel appell sabiex ma naqtgħux qalbna.

5.3.   Għall-kuntrarju, il-Kumitat jixtieq jara passi pożittivi oħra u li jkompli jiġi żviluppat u mwessa’ l-qafas għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, kif imsemmi fil-punt 4.13.1 u l-punti ta’ wara dan. il-KESE huwa tal-fehma li din hija biċċa xogħol li għandha ssir fil-kuntest ta’ kollaborazzjoni stretta bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-intrapriżi.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/38/KE

(2)  COM(2006) 314, paragrafi 1.1 u 9.

(3)  Il-modi kollha tat-trasport relevanti għal-leġiżlazzjoni Ewropea. Dawn jeskludu, pereżempju, il-vetturi militari u oħrajn.

(4)  ĠU C 224, tat-30.8.09, p. 39.

(5)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 52.

(6)  Fuq bażi tad-dokument tal-Kummissjoni COM(2008) 435 finali dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni”

(7)  Il-Kumitat jitfa’ l-attenzjoni fuq il-fatt li jeħtieġ li jiġu esklużi minn dawn id-dispożizzjonijiet il-vetturi storiċi tat-trasport kemm dawk tat-triq, kif ukoll dawk bil-baħar u bl-ajru.

(8)  L-Artikolu 307 tat-trattat tal-KE.