|
23.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 317/67 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet
COM(2009) 83 finali/2 – 2009/0035 (COD)
(2009/C 317/11)
Rapporteur: is-Sur PEZZINI
Nhar l-20 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 44(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet
COM(2009) 83 finali/2 – 2009/0035 (COD)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Pezzini.
Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet il-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’144 vot favur, 10 voti kontra u 17-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li nissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju u s-settur tas-snajja’ sabiex ikunu jistgħu jilqgħu għall-firxa wiesgħa ta’ sfidi strutturali li qed toħloq soċjetà kumplessa, bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar (1), fi proċess li huwa konsistenti mal-Istrateġija ta’ Liżbona.
1.2. Il-KESE jieħu nota tal-inizjattiva tal-Kummissjoni li jiġu eżentati mikroentitajiet mill-eżiġenzi amministrattivi u ta’ kontabilità, li ta’ sikwit ikunu ta’ piż qawwi u mhux proporzjonati mal-istruttura ta’ dawn in-negozji, u jiġbed l-attenzjoni għall-pożizzjonijiet li kienu ġew adottati fl-opinjonijiet CESE 1187/2008 (2) u CESE 1506/2008 (3).
1.3. Il-KESE iqis ta’ importanza li l-inizjattiva tkun:
|
— |
obbligatorja: kull Stat irid ikun mistenni jintroduċi kriterji ta’ eżenzjoni għal mikroentitajiet; |
|
— |
flessibbli: l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jadattaw il-kriterji ta’ eżenzjoni għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, fil-limiti komuni stipulati; |
|
— |
sempliċi: il-bidliet għandhom ikunu faċli biex jiġu implimentati; |
|
— |
trasparenti: f’kull każ għandha tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti fis-suq uniku. |
1.4. Waqt li l-KESE huwa konxju li l-Komunità mhijiex l-unika entità b’kompetenza f’dan il-qasam, iħoss li sabiex titħares l-integrità tas-Suq Uniku u tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn l-entitajiet li joperaw fih, il-konċessjonijiet li jingħataw f’miżuri futuri li jirrivedu r-4 u s-7 Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji għandhom japplikaw b’mod awtomatiku għall-mikrointrapriżi kollha fl-UE, skont il-kriterji definiti b’mod ċar minn kull Stat Membru.
1.5. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali bl-istess bażi legali bħall-ftehim dwar “Regolamentazzjoni Aħjar” (4), waqt li jiġi applikat il-prinċipju ta’ gwida “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u tiġi stipulata sensiela ta’ impenji ċari u trasparenti fil-livell Komunitarju u nazzjonali sabiex tiġi eliminata l-burokrazija, biex il-prinċipju jiġi applikat b’mod sistematiku kemm fil-proċessi leġiżlattivi kif ukoll implimentattivi, b’mod speċjali fir-rigward ta’ negozji “mikro” u żgħar.
1.6. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament u lill-Kunsill tliet snin wara li din il-proposta tkun daħlet fis-seħħ, fejn jiġu evalwati l-impatt u t-tħaddim tal-eżenzjoni tal-mikroentitajiet madwar l-Istati Membri tal-UE, u kemm iffrankaw il-mikroentitajiet Ewropej.
2. Daħla
2.1. Mis-Sena Ewropea tal-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju u tal-Industrija tas-Snajja’ ’l hawn (5), sena li wasslet għall-ħolqien ta’ DG XXIII (6) u numru ta’ konferenzi Ewropej (7), il-Kummissjoni wettqet numru konsiderevoli ta’ sforzi biex tissodisfa l-ħtiġijiet tan-negozji żgħar u ta’ daqs medju u tal-industrija tas-snajja’, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi u strutturali numerużi li għandhom quddiemhom. Barra minn hekk, bosta opinjonijiet tal-KESE irrimarkaw dwar dan (8).
2.2. Negozji żgħar u ta’ daqs medju ta’ sikwit huma soġġetti għall-istess regoli li jirregolaw in-negozji l-kbar. Huma każijiet rari fejn ġew analizzati l-ħtiġijiet ta’ kontabilità speċifiċi, u r-regoli dwar l-informazzjoni finanzjarja huma ta’ piż finanzjarju konsiderevoli kif ukoll ta’ xkiel għall-użu effettiv tal-kapital, li jista’ jiġi investit aħjar fil-produzzjoni u fl-impjiegi.
2.3. Għalkemm l-għan li titjieb il-kwalità tal-kontijiet tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata u tiżdied it-trasparenza huwa fundamentalment importanti, l-obbligi iktar stretti imposti fuq in-negozji ta’ sikwit huma ta’ piż partikulari għall-intrapriżi “mikro” u żgħar.
2.4. Għal din ir-raġuni speċifika, dan l-aħħar il-Kummissjoni nediet proposta sabiex jiġu eżentati kumpaniji ta’ daqs medju minn ċerti rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u mir-rekwiżit li jippreparaw kontijiet ikkonsolidati (9); il-proposta ntlaqgħet tajjeb mill-KESE (10).
2.5. L-ispejjeż amministrattivi għoljin li huma r-riżultat tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jillimitaw il-kompetittività tan-negozji Ewropej. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi, il-kontabilità u l-verifika tal-kumpaniji ma żammitx il-pass mal-ambjent li fih in-negozji joperaw. Fil-prattika d-direttivi li jiżguraw il-kwalità tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika fl-UE ipoġġu piżijiet amministrattivi għoljin fuq in-negozji, b’mod speċjali n-negozji ż-żgħar.
2.6. Skont l-istimi li saru għall-Kummissjoni, li ma jidhrux strutturati la mil-lat xjentifiku u lanqas minn dak metodoloġiku, hemm madwar 5,4 miljun mikroentità li aktarx se tikkonċernahom il-miżura ta’ eżenzjoni, u l-piż amministrattiv ġenerali tal-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi u ta’ kontabilità stipulati mid-Direttiva huwa madwar EUR 6,3 biljun fis-sena.
2.7. Il-KESE jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi tan-negozji b’25 % (11); u approva dan l-impenn mingħajr riżervi (12).
2.8. Il-KESE jemmen li “Għandhom jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jassiguraw li l-Istati Membri kollha jimplimentaw id-direttivi kollha fil-ħin u b’livell ta’ kwalità għoli, u jikkonvinċu lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali u l-leġiżlaturi sabiex jibdew il-proġetti tagħhom stess għas-semplifikazzjoni, u dawn għandhom jiffokaw b’mod partikulari fuq ir-regolamentazzjoni li, permezz tal-implimentazzjoni tal-liġi Ewropea, ġiet ‘mgħobbija’ b’eżiġenzi eċċessivi (il-fenomenu msejjaħ ‘gold-plating’)” (13).
3. Il-kuntest
3.1. Bħala parti mir-raba’ stadju tal-inizjattiva tas-Semplifikazzjoni tal-Leġiżlazzjonni dwar is-Suq Intern (SLIM), ġew emendati l-ewwel u t-tieni Direttivi dwar il-Liġi tal-Kumpaniji.
3.2. Il-Kunsill Ewropew tat-8–9 ta’ Marzu 2007 enfasizza li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huwa importanti għat-tisħiħ tal-ekonomija Ewropea, l-aktar minħabba l-impatt li dan ikollu fuq in-negozji ż-żgħar. Enfasizza li jinħtieġ sforz konġunt qawwi sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fl-UE.
3.3. Il-Kunsill Ewropew tat-13–14 ta’ Marzu 2008 sejjaħ lill-Kummissjoni biex tidentifika proposti leġiżlattivi ġodda li jistgħu jitwettqu malajr (fast track) (14) sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Il-kontabilità u l-verifika ġew identifikati bħala oqsma ewlenin.
3.4. L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa (15) ppreżentat mill-Kummissjoni f’Ġunju 2008, li dwaru l-KESE ikkummenta (16), enfasizza l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni għan-negozji ż-żgħar.
3.5. Barra minn hekk, waħda mill-miżuri ewlenin inkluża fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku li ġie ppreżentat fl-aħħar ta’ Novembru 2008 kienet li jitnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-mikroentitajiet, billi fost l-oħrajn, “ineħħu r-rekwiżit fuq l-intrapriżi ż-żgħar ħafna li jippreparaw ir-rapporti tal-kontabbiltà annwali” (17).
3.6. Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2008 (18), approva t-tneħħija tar-rekwiżiti ta’ rappurtar finanzjarju għal mikroentitajiet sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom u jkun jista’ jintuża l-potenzjal tagħhom għal tkabbir, waqt li talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva li tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw l-intrapriżi lokali u reġjonali mill-ambitu tar-Raba’ Direttiva (78/660/KEE).
3.7. Id-Direttiva 78/660/KEE ġiet emendata bosta drabi f’dawn l-aħħar 20 jew 30 sena (19).
4. Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni
4.1. Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi l-kunċett ta’ mikroentitajiet, li diġà jeżisti f’xi Stati Membri, u li dawn jiġu esklużi mill-ambitu tar-Raba’ Direttiva (kontabilità) (78/660/KEE). Sabiex jiġu eżentati, il-mikroentitajiet iridu jissodisfaw dawn it-tliet kriterji:
|
— |
mhux iktar minn 10 impjegati, |
|
— |
bilanċ totali ta’ inqas minn EUR 500 000, |
|
— |
dħul ta’ inqas minn EUR 1 000 000. |
4.2. Għal dawn in-negozji ż-żgħar ħafna l-ispejjeż tal-kontabilità jistgħu jkunu ta’ piż partikularment iebes. Barra minn hekk, hemm interess limitat fl-istat finanzjarju tagħhom peress li mill-biċċa l-kbira joperaw fil-livell lokali jew reġjonali.
4.3. L-inklużjoni ta’ eżenzjoni fid-Direttivi tal-Kontabilità għandha tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jidditerminaw liema regoli għandhom jiġu mħarsa mill-mikroentitajiet.
4.4. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet li temenda l-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali. Ġew proposti bosta miżuri għall-mikroentitajiet:
|
— |
li dawn in-negozji jiġu lliberati mir-rekwiżit li jippubblikaw il-kontijiet tagħhom, |
|
— |
li l-mikroentitajiet ikollhom l-għażla li jekk iridu jfasslu kontijiet annwali fuq bażi volontarja u li dawn jiġu vverfikati u mibgħuta lir-reġistru nazzjonali, |
|
— |
li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jneħħu l-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba’ Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji. |
5. Kummenti ġenerali
5.1. Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-inizjattiva tal-Kummissjoni – li l-mikroentitajiet jiġu eżentati mir-rekwiżiti amministrattivi u ta’ kontabilità, li huma ta’ piż u mhux proporzjonati mal-ħtiġijiet tal-mikroentitajiet u l-utenti ewlenin tal-informazzjoni finanzjarja.
5.2. B’mod partikulari fil-kriżi ekonomika ta’ bħalissa, il-KESE jaħseb li hija meħtiġa b’mod urġenti azzjoni iktar effettiva sabiex in-negozji ż-żgħar nett jiġu megħjuna madwar l-Ewropa. Il-miżuri ta’ eżenzjoni għal mikroentitajiet għandhom jittieħdu fil-pront (sistema “fast-track”) (20) madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Dawn il-miżuri għandhom ikunu flessibbli u mmirati lejn sitwazzjonijiet nazzjonali individwali, u għandhom jiġu applikati b’mod trasparenti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi u legali.
5.3. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll inċentiv b’saħħtu fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, kif ġie enfasizzat mill-KESE bosta drabi. Għaldaqstant, il-KESE enfasizza “l-impatt negattiv ħafna tax-xogħol mhux iddikjarat fuq il-finanzi pubbliċi, kemm f’termini tal-finanzjar tas-sigurtà soċjali kif ukoll it-telf tad-dħul mit-taxxi” (21), waqt li nnota li “l-prezz tal-onestà m’għandux ikun għoli żżejjed, għax inkella l-ekonomija sewda tista’ tinxtered bl-addoċċ” (22).
5.4. Il-KESE jilqa’ l-proposta għal semplifikazzjoni tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li tiżgura li l-qafas regolatorju jgħin biex jistimola l-imprenditorija u l-innovazzjoni fin-negozji “mikro” u żgħar sabiex ikunu iktar kompetittivi u jkunu kapaċi jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern.
5.5. Il-KESE huwa konxju li l-Komunità mhijiex l-unika entità kompetenti f’dan il-qasam, u jaf ukoll dwar il-ħtieġa li jiġi applikat l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Madankollu, iħoss li sabiex tinżamm l-integrità tas-Suq Uniku u biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn l-entitajiet li joperaw fih, aġġornamenti futuri tar-Raba’ u s-Seba’ Direttivi dwar il-Liġi tal-Kumpaniji m’għandhomx iħallu l-konċessjonijiet mogħtija lill-mikroentitajiet f’idejn l-Istati Membri individwali, iżda jiżguraw li dawn japplikaw b’mod awtomatiku għall-mikrointrapriżi kollha fl-UE.
5.6. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiżguraw li, fl-aġġornamenti li ġejjin tar-Raba “u s-Seba” Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji, il-prinċipju ta’ gwida “Aħseb l-ewwel fiż-żgħirl” għandu jiġi applikat permezz ta’ ftehim interistituzzjonali li għandu l-istess bażi legali bħall-ftehim dwar “Regolamentazzjoni Aħjar” (23) u jistipula sensiela ċara ta’ rekwiżiti sabiex tiġi eliminata/mnaqqsa l-burokrazija.
5.7. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament u lill-Kunsill tliet snin wara li din il-proposta tkun daħlet fis-seħħ, fejn jiġu evalwati l-impatt u t-tħaddim tal-eżenzjoni tal-mikroentitajiet madwar l-Istati Membri tal-UE, u kemm iffrankaw il-mikroentitajiet Ewropej.
Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Imsejħa mill-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona tal-2000.
(3) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 37.
(4) Ara l-Opinjoni CESE 38/2009 tal-14.1.2009, Rakkomandazzjoni Nru 1, rapporteur: is-Sur Malosse, korapporteur: is-Sur Cappellini.
(5) 1983.
(6) Fil-bidu ġie stabbilit Task Force, immexxi mis-Sinjura Cresson, li mbagħad sar id-DG XXIII il-ġdid.
(7) Avignon, 1990; Berlin, 1994; Milan, 1997.
(8) Ara, inter alia: l-Opinjoni CES 467/93 tat-28.4.1993; l-Opinjoni CES 850/94 tas-6.7.1994 u ĠU C 295, 7.10.1996, p. 6; ĠU C 56, 24.2.1997, p. 7; ĠU C 89, 19.3.1997, p. 27; ĠU C 235, 27.7.1998, p. 13; ĠU C 221, 7.8.2001, p. 1; ĠU C 374, 3.12.1998, p. 4; ĠU C 116, 20.4.2001, p. 20.
(9) COM(2008) 195 tat-18.9.2008.
(10) Opinjoni CESE 1506/2008 tat-18.9.2008, rapporteur: is-Sur Cappellini.
(11) COM(2006) 689, 690 u 691 finali tal-14.11.2006.
(12) ĠU C 256, 27.10.2007, p. 8.
(13) ĠU C 256, 27.10.2007, p. 8, punt 4.3.6 u ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9, punt 6.2.
(14) Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-13-14 ta’ Marzu 2008, punt 9.
(15) COM(2008) 394 finali tal-25.6.2008.
(16) Opinjoni CESE 38/2009 tal-14.1.2009, rapporteur: is-Sur Malosse, korapporteur: is-Sur Cappellini.
(17) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew – Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008) 800 finali tas-26.11.2008, punt 4).
(18) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar ir-rekwiżiti ta’ kontabilità, fir-rigward tal-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, partikularment mikroentitajiet.
(19) Ġiet emendata tnax-il darba mid-Direttiva 83/349/KEE, Direttiva 84/569/KKE, Direttiva 89/666/KKE, Direttiva 90/604/KEE, Direttiva 90/605/KEE, Direttiva 94/8/KE, Direttiva 1999/60/KE, Direttiva 2001/65/KE, Direttiva 2003/38/KE, Direttiva 2003/51/KE, Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2006/46/KE.
(20) Fast-track: sabiex jinkisbu l-ewwel riżultati malajr il-Kummissjoni ressqet tliet proposti “fast-track”. L-ewwel waħda, li kellha l-għan li toħloq konformità bejn ċerti regoli dwar rapporti tal-esprit fil-każ ta’ għaqdiet u diviżjonijiet domestiċi mar-regoli li jinsabu fid-Direttiva dwar l-Għaqdiet Transkonfinali (Direttiva 2005/56/KE), ġiet approvata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew f’Novembru 2007 (Direttiva 2007/63/KE). F’April 2008 il-Kummissjoni ressqet ukoll żewġ proposti sabiex jiġu emendati l-Ewwel u l-Ħdax-il Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji u d-Direttivi dwar il-Kontabilità.
(21) Opinjoni CES 63/99 tat-28.1.1999, rapporteur: is-Sur Giron (mhux disponibbli bil-Malti).
(22) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 61 (mhux disponibbli bil-Malti).
(23) Ara l-Opinjoni 38/2009 tal-14.1.2009 (rapporteur: is-Sur Malosse, korapporteur: is-Sur Cappellini), Rakkomandazzjoni Nru 1 u speċjalment il-punt 3.2: “Rigward il-prinċipju ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’, il-KESE jerġa’ jikkonferma l-pożizzjoni preċedenti tiegħu (opinjoni INT/390) u jitlob li tiġi stabbilita regola vinkolanti f’forma li għad trid tiġi definita (kodiċi tal-kondotta, ftehim interistituzzjonali, deċiżjoni tal-Kunsill), iżda li tkun tapplika għall-Parlament Ewropew, għall-Kummissjoni u għall-Kunsill. Jidher li t-triq ta’ ftehim interistituzzjonali msejjes fuq l-istess bażi legali tal-Ftehim dwar ‘Regolamentazzjoni Aħjar’ tal-2003 hija għażla interessanti …”.
APPENDIĊI
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
It-test hawn taħt, li kien jagħmel parti mill-opinjoni tas-Sezzjoni, tħassar u ħadet postu emenda li ġiet adottata mill-assemblea, iżda rċieva mill-inqas kwart tal-voti:
|
“2.6. |
Skont l-istimi li saru għall-Kummissjoni, hemm madwar 5,4 miljun mikroentità li aktarx se tikkonċernahom il-miżura ta’ eżenzjoni, u l-piż amministrattiv ġenerali tal-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi u ta’ kontabilità stipulati mid-Direttiva huwa madwar EUR 6.3 biljun fis-sena.” |
Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda: 89 vot favur, 40 vot konta u 30 astensjoni.