17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta’ rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz”

COM(2008) 812 finali - 2008/0229 COD

(2009/C 277/14)

Rapporteur: is-Sur Francis DAVOUST

Nhar l-20 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta’ rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz

COM(2008) 812 finali - 2008/0229 COD.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April. Ir-rapporteur kien is-Sur Francis Davoust.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’194 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ din il-proposta għal Direttiva li ssegwi fuq l-impenji li ttieħdu fil-qafas:

tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja;

tal-proposta tal-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva Nru 98/70/KE fuq il-kwalità tal-petrol u tad-diżil bl-għan li tiffaċilita l-użu tal-bijokarburanti u l-bijoetanol b’mod partikulari billi tnaqqas ir-rekwiżiti tal-pressjoni tal-fwar tal-petrol. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan jista’ jwassal għal iktar emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi u indikat li t-II Stadju PVR se jiġi propost sabiex jikkumpensa għal kwalunkwe żieda fl-emissjonijiet;

tad-dikjarazzjoni li takkumpanja d-Direttiva l-ġdida fuq il-kwalità tal-arja ta’ barra fejn il-Kummissjoni għarfet l-importanza li jiġi trattat it-tniġġis tal-arja mis-sors sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-kwalità tal-arja u pproponiet bosta miżuri ġodda tal-Komunità bbażati fuq is-sors, inkluż it-II Stadju PVR.

1.2.   Il-KESE jfakkar li d-Direttiva 94/63/KE tikkonċerna l-irkupru tal-fwar tal-petrol li joħroġ matul il-ħażna u d-distribuzzjoni tal-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz (Stadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol). Il-fwar tal-petrol iġġenerat meta stazzjon ta’ servizz jirċievi kunsinna ġdida ta’ petrol jitreġġa’ lura għat-tank tat-triq jew riżerva mobbli u lura lejn it-terminal fejn jista’ jiġi distribwit mill-ġdid.

1.3.   Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinstalla tagħmir PVR tal-Istadju II:

a.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha li ġew irranġati mill-ġdid u li għandhom fluss ta’ petrol ta’ aktar minn 500 m3 fis-sena;

b.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha li ġew irranġati sostanzjalment bi fluss ta’ petrol ta’ aktar minn 500 m3 kif ukoll stazzjonijiet ikbar (jiġifieri bi fluss ta’ aktar minn 3 000 m3 fis-sena);

c.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ta’ għażla b) u stazzjonijiet ta’ servizz li jinsabu f’akkomodazzjoni residenzjali jew taħtha;

d.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ta’ għażla c) b’monitoraġġ awtomatiku tat-tagħmir tal-Istadju II kollu li jillimita l-bejgħ tal-petrol jekk it-tagħmir ma jkunx qed jaħdem tajjeb.

1.4.   L-evalwazzjoni dettaljata tal-għażliet hija inkluża fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta u hija disponibbli fuq is-sit (1).

1.5.   Il-KESE jipproponi li din id-Direttiva tiġi adottata bl-emendi proposti fuq Artikoli 3, 4 u 5.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   L-għan tal-proposta għal Direttiva huwa l-irkupru tal-fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera waqt li l-passiġġieri jkunu qed jimlew il-karozzi bil-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz (Stadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol).

2.2.   Il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi li jinsabu fil-petrol jikkontribwixxu għal problemi fil-kwalità tal-arja lokali u reġjonali (il-benżin u l-ożonu) li għalihom ġew stabbiliti standards u għanijiet fil-livell komunitarju. L-ożonu fil-livell tal-art huwa sustanza li tniġġes b’mod li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jokkupa t-tielet post fil-lista ta’ gassijiet b’effett ta’ serra l-iktar importanti, filwaqt li l-benżin huwa sustanza karċinoġena. L-idrokarburi jinqasmu f’diversi gruppi skont l-istruttura molekulari tagħhom, pereżempju lineari jew tonda. L-idrokarburi aromatiċi għandhom struttura tonda u mhux saturata b’element bażiku magħmul minn sitt atomi tal-karbonju. L-iktar wieħed bażiku fost l-idrokarburi huwa l-benżin C6 H6. Bil-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, fl-2006, il-Parlament u l-Kummissjoni stabbilixxew limitu Ewropew fuq l-ammont ta’ benżin li wieħed jista’ jkun espost għalih fis-sena, b’medja annwali ta’ 9 µg/m3, bil-mira li sal-2010 tonqos għal 5 µg/m3. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li hemm bżonn nipproteġu kemm il-konsumaturi li spiss jimlew il-vetturi tagħhom fl-istazzjonijiet kif ukoll il-ħaddiema li jaħdmu fil-post ta’ kuljum.

2.3.   Is-sors prinċipali tal-emissjonijiet huwa l-fwar li joħroġ mit-tank tal-petrol tal-vetturi jew waqt li l-passiġġieri jkunu qed jimlew il-vetturi tagħhom bil-petrol. It-tibdil reċenti li ġie introdott fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-petrol jippermetti ammont ikbar ta’ etanol fil-petrol. Dan ikabbar il-problema tal-emissjonijiet għax l-etanol iżid il-pressjoni tal-fwar tal-petrol fit-tankijiet. Għalhekk wasal iż-żmien biex nikkunsidraw mezzi ġodda ta’ kif innaqqsu l-emissjonijiet.

2.4.   Il-KESE jirrakomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni tikkunsidra malajr il-possibbiltà li tinbidel l-istruttura tal-vetturi sabiex il-fwar ikun jista’ jinħażen fit-tank tal-vettura stess – din hija prattika obbligatorja fl-Istati Uniti – u li tressaq proposti dwar dan kemm jista’ jkun malajr.

2.5.   Sadattant, il-KESE jappoġġja l-proposti attwali tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ matul il-mili tal-vetturi bil-petrol.

2.6.   Il-KESE jenfasizza li l-prattiki attwali fil-qasam tal-irkupru tal-fwar tal-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz ivarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tibbaża fuq Artikolu 175 sabiex tiżgura standards minimi fuq l-irkupru tal-fwar tal-petrol fil-livell Ewropew filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jimponu standards aktar stretti jekk ikunu jixtiequ.

2.7.   Id-Direttiva 94/63/KE diġà tiżgura l-irkupru tal-fwar tal-petrol matul il-ħażna u d-distribuzzjoni tal-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz (Stadju I għall-irkupru tal-fwar tal-petrol).

2.8.   Il-KESE jemmen li l-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol huwa pass loġiku biex niżguraw kwalità tal-arja tajba.

2.9.   Barra minn hekk, il-KESE josserva li din il-proposta hija konformi mas-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali iżda hija wkoll kompatibbli mat-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Hija tħeġġeġ id-domanda għat-teknoloġiji tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar kif ukoll l-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji.

3.   Kummenti speċifiċi

Artikolu 3

Stazzjonijiet ta’ servizz

3.1.   Punt 1

3.1.1.   Fl-ewwel sentenza għandha tiġi ċċarata l-kelma “maħsub”. Il-KESE jemmen li diffiċli nivverifikaw li l-fluss reali ta’ meta jinfetaħ stazzjon ta’ servizz ikun konformi maċ-ċifri indikati fil-fażi preparatorja tal-proġett.

3.1.2.   Il-KESE jipproponi li wara l-frażi “500 m3 fis-sena” jiżdied dan li ġej: “L-istazzjonijiet ta’ servizz għandhom jiddikjaraw il-flussi reali tagħhom wara tliet xhur mill-ftuħ tal-istazzjon”.

3.1.3.   Il-KESE jemmen li l-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha b’kapaċità ta’ inqas minn 500m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li jgħollu l-flussi reali għal aktar minn 500 m3 fis-sena. Id-dikjarazzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-bidu tas-sena ta’ wara s-sena li fiha jkun żdied l-ammont. F’każ bħal dan it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena.

3.1.4.   Fit-tieni sentenza, għandha tiżdied il-frażi “lil hinn mill-bini tal-intrapriża” wara l-frażi “jew f’żoni ta’ xogħol”. Fl-istess bini tal-istazzjonijiet ta’ servizz jista’ jkun hemm uffiċċji bżonjużi għat-tħaddim tal-istess stazzjonijiet.

3.1.5.   Punt 1 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz ġdid għandu jkun fornut b’sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol jekk il-fluss reali tiegħu jew dak maħsub ikun ikbar minn 500 m3 fis-sena. L-istazzjonijiet ta’ servizz għandhom jiddikjaraw il-fluss reali tagħhom wara tliet xhur mill-ftuħ tal-istazzjon. L-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha b’kapaċità ta’ inqas minn 500m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li jgħollu l-fluss reali għal aktar minn 500m3 fis-sena. Id-dikjarazzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-bidu tas-sena ta’ wara s-sena li fiha jkun żdied l-ammont. F’każ bħal dan, it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena . Madankollu, l-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha li jinsabu fi kwartieri ta’ għixien permanenti jew f’żoni ta’ xogħol lil hinn mill-bini tal-intrapriża għandhom ikunu fornuti bis-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol irrispettivament mill-fluss reali jew maħsub tagħhom.

3.2.   Punt 2

3.2.1.   Il-KESE jipproponi li tiġi spjegata l-frażi “arranġamenti mill-ġdid”. Huwa jemmen li arranġamenti mill-ġdid għandhom jikkonsistu f’bidla sinifikanti bħal pereżempju żieda fil-fluss tal-apparat tad-distribuzzjoni u tal-karburant ta’ aktar minn 20 % meta mqabbla mal-fluss ekwivalenti tal-bidu jew it-tranżizzjoni minn stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat għal stazzjon ta’ servizz liberu li mhux issorveljat.

3.2.2.   Il-KESE jipproponi li bidliet bħal tabella prinċipali tal-istazzjon ta’ servizz ġdida, il-bidla minn stazzjon tradizzjonali għal stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat jew l-aġġornament tal-istazzjon ta’ servizz sabiex jikkonforma ma’ regoli ġodda m’għandhomx jitqiesu bħala arranġamenti mill-ġdid jew bidliet sinifikanti.

3.2.3.   Punt 2 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li għandu fluss ikbar minn 500 m fis-sena u li jitranġa kompletament mill-ġdid għandu jiġi fornut b’sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-proċess ta’ arranġament mill-ġdid. Arranġamenti mill-ġdid għandhom jikkonsistu f’bidla sinifikanti bħal pereżempju żieda fil-fluss tal-apparat tad-distribuzzjoni u tal-karburant ta’ aktar minn 20 % meta mqabbla mal-fluss ekwivalenti tal-bidu jew it-tranżizzjoni minn stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat għal stazzjon ta’ servizz liberu li mhux issorveljat. Bidliet bħal tabella prinċipali tal-istazzjon ta’ servizz ġdida, il-bidla minn stazzjon tradizzjonali għal stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat jew l-aġġornament tal-istazzjon ta’ servizz sabiex jikkonforma ma’ regoli ġodda m’għandhomx jitqiesu bħala arranġamenti mill-ġdid jew bidliet sinifikanti .

3.3.   Punt 3

3.3.1.   Il-KESE jipproponi li jiżdied dan li ġej: “L-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha bi fluss tal-petrol ta’ inqas minn 3 000 m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li permezz tagħhom il-fluss jaqbeż l-3 000 m3 fis-sena kalendarja”. F’każ bħal dan, it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena.

3.3.2.   Punt 3 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li stazzjon ta’ servizz eżistenti li għandu fluss żejjed ta’ 3 000 m fis-sena għandu jiġi fornut b’sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020. L-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha bi fluss tal-petrol ta’ inqas minn 3 000   m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li permezz tagħhom il-fluss jaqbeż l-3 000   m3 fis-sena kalendarja. F’każ bħal dan it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena .

Artikolu 4

Il-livell minimu permess għall-irkupru tal-fwar tal-petrol

3.4.   Punt 1

3.4.1.   Il-KESE jipproponi bidla fiċ-ċifra, minn 85 % għal 90 %. Ċerti Stati Membri diġà introduċew din iċ-ċifra bħala l-livell minimu tagħhom.

3.4.2.   Punt 1 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarbonju tas-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tkun minn tal-inqas ta’ 90  % daqs jew ikbar il-85  %.

3.5.   Punt ġdid

3.5.1.   Il-KESE jipproponi li tiġi kkjarifikata d-definizzjoni tat-tagħmir PVR tal-Istadju II.

Artikolu 5

Spezzjoni perjodika u konformità

3.6.   Punt 1

3.6.1.   Il-KESE jqis li l-monitoraġġ annwali fl-istazzjonijiet ta’ servizz li għandhom sistema awtomatika ta’ monitoraġġ huwa ferm aktar importanti għax f’dawn il-każijiet ma jkunx hemm operatur li jissorvelja l-ħsarat.

3.6.2.   Punt 1 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarburi fl-istazzjonijiet ta’ servizz li għandhom sistema awtomatika ta’ monitoraġġ hija ttestjata mill-inqas darba fis-sena.

3.7.   Punt 2

3.7.1.   Il-KESE jipproponi li titħassar l-ewwel sentenza.

3.7.2.   Huwa jipproponi li t-tieni sentenza “u twaqqaf awtomatikament il-fluss tal-petrol mid-dispensur li jkollu n-nuqqasijiet jekk in-nuqqas ma jiġix irranġat fi żmien sebat ijiem” għandha tinbidel kif ġej: “f’każ ta’ ħsarat fis-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar, id-distribuzzjoni tal-karburant tieqaf jekk il-ħsara ma tissewwiex fi żmien 72 siegħa”.

3.7.3.   Perijodu ta’ sebat ijiem huwa twil wisq. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għall-istazzjonijiet issorveljati.

3.7.4.   Punt 2 għalhekk ikun jgħid hekk:

Fejn ikun hemm sistema awtomatika ta’ monitoraġġ installata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarburi hija ttestjata mill-inqas darba kull tliet snin . Is-sistema awtomatika ta’ monitoraġġ għandha tinduna awtomatikament b’xi nuqqasijiet fil-funzjoni tas-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol u fis-sistema awtomatika tal-monitoraġġ innifisha, u tindika n-nuqqasijiet lill-operatur tal-istazzjon ta’ servizz u twaqqaf awtomatikament il-fluss tal-petrol mid-dispensur li jkollu n-nuqqasijeit jekk in-nuqqas ma jiġix irranġat fi żmien sebat ijiem . F’każ ta’ ħsarat fis-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar, id-distribuzzjoni tal-karburant tieqaf jekk il-ħsara ma tissewwiex fi żmien 72 siegħa .

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  http://ec.europa.eu/environment/air/transport/petrol.htm