17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija”

COM(2009) 35 finali – 2009/0010 (COD)

(2009/C 277/18)

Rapporteur Ġenerali: is-Sur RETUREAU

Nhar l-10 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 156 u 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija

COM(2009) 35 finali – 2009/0010 (COD)

Nhar l-24 ta’ Frar 2009, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni sabiex tħejji l-ħidma dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-453 Sessjoni Plenara tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur Retureau bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’129 vot favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Proposti

1.1.   Fl-aħħar ta’ Jannar 2009, bil-għan li jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija, il-Kummissjoni pproponiet li talloka mill-ġdid EUR 5 biljun mill-baġit tal-2008 mill-fondi strutturali agrikoli li ma ntefqux; din il-proposta ppruvat tiffaċilita l-investiment fl-enerġija sostenibbli u l-aċċess għall-broadband fiż-żoni rurali.

1.2.   Id-diskussjonijiet fil-Kunsill u t-talbiet minn xi membri parlamentari wasslu għal negozjati dwar il-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati fost l-Istati Membri, filwaqt li l-Parlament iddispjaċih għan-nuqqas ta’ investiment f’miżuri għall-iffrankar tal-enerġija.

1.3.   Jidher li ntlaħaq ftehim informali bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ koleġiżlaturi f’nofs April, b’rabta mal-aspett tal-enerġija, fuq somma ta’ EUR 3.98 biljun, meta mqabbla ma’ dik ta’ EUR 3.5 biljun stipulata fl-abbozz tar-Regolament. Il-ftehim jistipula li jekk it-EUR 3.98 biljun allokati għall-proġetti ta’ enerġija (interkonessjonijiet tal-elettriku u tal-gass; enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta; il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju) ma jkunux intefqu kollha sa tmiem l-2010, ikunu jistgħu jintużaw għal proġetti oħra, pereżempju għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-idea li riżorsi baġitarji mhux użati mill-2008 jiġu allokati għal proġetti li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea, li staġnat ruħha bil-kriżi sistemika li qed tolqot lill-ekonomija dinjija u bin-nuqqas ta’ rieda tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu self b’interessi baxxi lin-negozji, l-iktar lill-SMEs u lill-istartups.

2.2.   Fil-qagħda attwali, jeħtieġ li nieħdu azzjoni kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li nagħtu prijorità lil proġetti speċifiċi li jaqblu mal-għanijiet fuq tul qasir u twil ta’ żmien ta’ żvilupp sostenibbli, bħall-enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp tal-komunikazzjonijiet bil-broadband f’żoni li għadhom mhumiex konnessi mal-internet b’teknoloġiji effiċjenti kif xieraq.

2.3.   Għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-approċċ ġenerali tar-Regolament, iżda jifhem li l-espressjoni tal-interessi u t-tħassib nazzjonali differenti marbuta mal-bidla fil-klima jistgħu jwasslu għal xi tibdil fil-proposta tal-bidu.

2.4.   Dak li jeħtieġ li jiġri issa huwa li l-miżuri proposti jittieħdu mill-aktar fis possibbli, għax il-ħin huwa prezzjuż fil-ġlieda kontra din il-kriżi. Jekk ma tintweriex rieda politika, u jekk il-miżuri jittieħdu tard wisq, għandhom mnejn ibatu l-objettivi li qed nippruvaw nilħqu.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih għall-fatt li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex tiġi miġġielda l-kriżi huma b’mod ġenerali wisq dgħajfa meta jitqies l-impatt mgħaġġel u mifrux tagħha fuq l-impjiegi u n-negozji. Jiddispjaċih ukoll li ma tressqux proposti aktar b’saħħithom u li ma ngħatawx sinjali aktar ċari fix-xhur li għaddew diġà.

3.2.   Mingħajr dubju, il-Kumitat ser joħroġ opinjoni dwar proposti oħrajn, bħal dawk dwar ir-regolamentazzjoni tal-movimenti transkonfinali tal-kapital jew il-ġlieda kontra r-refuġji fiskali (tax haven); ser jagħmel dan meta jkun il-waqt, iżda qed jistenna proposti b’saħħithom u effettivi li jilqgħu tassew għal kriżi li diġà jidher li qed ikollha konsegwenzi aktar serji minn dawk ta’ kriżijiet oħra li diġà għaddejna minnhom.

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI