17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku”

(opinjoni esploratorja)

(2009/C 277/04)

Rapporteur: Dr BREDIMA

B’ittra tat-3 ta’ Novembru 2008, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien Dr Bredima.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 182 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Din l-opinjoni esploratorja teżamina “it-tħaddir” tal-ambjent tal-oċeani kif ukoll tax-xmajjar, waqt li tħares il-kompetittività tal-industrija tat-trasport, skont l-Istrateġija ta’ Liżbona. “It-tħaddir” tal-ambjent tal-oċeani u x-xmajjar jista’ jinkiseb permezz ta’ politika ħolistika li tippromwovi investiment “ekoloġikament sensittiv” u toħloq “impjiegi ekoloġikament sensittivi”. Il-KESE jsostni li l-ekonomija ekoloġika mhix lussu. Għalhekk il-KESE jilqa’ dan l-approċċ.

1.2.   It-trasport marittimu huwa s-sinsla tal-globalizzazzjoni u jġorr madwar 90 % tal-kummerċ dinji, 90 % tal-kummerċ estern tal-UE kif ukoll 45 % tal-kummerċ fl-UE (bħala volum). It-tbaħħir intern jaqdi rwol importanti fit-trasport intern Ewropew minħabba li s-sehem modali tat-trasport fuq ix-xmajjar ilaħħaq għal 5,3 % tat-trasport intern totali fl-UE. Iż-żewġ modalitajiet huma kompetittivi, sostenibbli u jirrispettaw l-ambjent.

1.3.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-konsultazzjonijiet tal-ġejjieni tagħmel distinzjoni u biex tqis it-tbaħħir intern bħala mod ta’ trasport intern.

1.4.   Il-KESE jemmen li l-prestazzjoni ambjentali tat-trasport marittimu u t-tbaħħir intern għandha titqabbel mal-prestazzjoni tat-trasport fuq l-art fl-UE u mat-tniġġis li joriġina minn sorsi bbażati fuq l-art. Huwa jtenni l-fehma li kull miżura tal-UE dwar it-tniġġis ambjentali għandha tkun applikabbli għall-bastimenti tal-btajjel u, jekk possibbli, għall-bastimenti navali wkoll. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu applikabbli għall-bastimenti kollha (irrispettivament mill-bandiera), b’mod kemm jista’ jkun prattiku u effiċjenti f’sens ta’ nfiq. Huma għandhom ikunu msejsa wkoll fuq evalwazzjoni ambjentali, teknika u soċjoekonomika tajba.

1.5.   Fis-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009) il-KESE jemmen li l-industrija tal-UE għandha tkun fuq quddiem nett fir-riċerka innovattiva għat-teknoloġija “ekoloġikament sensittiva” għad-disinn tal-vapuri, il-portijiet u l-operazzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi Ewropej fi bnadi oħra tad-dinja. Din l-inizjattiva se jkollha l-benefiċċju addizzjonali li toħloq aktar impjiegi fil-pajjiżi tal-UE (“impjiegi ekoloġikament sensittivi”). Investimenti intelliġenti f’sistemi aktar ekoloġikament sensittivi għall-vapuri, l-effiċjenza enerġetika u l-portijiet iħaffu l-irkupru mill-kriżi ekonomika dinjija.

1.6.   Il-KESE jsostni li bilanċ bejn il-leġiżlazzjoni u l-inizjattiva tal-industrija jista’ jikseb riżultati aħjar. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina kif hija tista’ tieħu vantaġġ mill-aħjar prattiki fil-livell tal-UE. “It-tħaddir” favur il-ħarsien tal-ambjent huwa negozju tajjeb u jista jiġġenera aktar impjiegi. M’hemm l-ebda kunflitt bejn trasport marittimu u tal-passaġġi tal-ilma sostenibbli u l-profitabbiltà.

1.7.   Il-KESE jista’ jservi bħala il-“komunikatur” uffiċjali ta’ politiki ekoloġikament sensittivi ġodda għas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea sabiex tinħoloq “kultura ekoloġikament sensittiva”. Jista’ jkun il-Forum Ewropew li jqajjem kuxjenza fost is-soċjetà ċivili organizzata dwar l-ambjent. Qabel ma jirnexxielna naslu biex ikollna “l-vapur ekoloġikament sensittiv”, “il-karburant ekoloġikament sensittiv” u “l-port ekoloġikament sensittiv”, għandna nbiddlu l-mod kif naħsbu u naġixxu fuq il-bażi ta’ kuljum u nakkwistaw kuxjenza aktar ekoloġika.

1.8.   F’termini ta’ emissjonijiet tas-CO2 it-trasport marittimu u dak tal-ibħra interni huma rikonoxxuti bħala l-aktar mezzi effiċjenti ta’ trasport kummerċjali. Il-promozzjoni tan-navigazzjoni interna tista’ tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-politika ambjentali tal-UE. Użu aktar estensiv ta’ din il-modalità huwa element importanti biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport.

1.9.   It-trasport marittimu se jkompli jikber fil-ġejjieni qasir biex jaqdi l-kummerċ dinji li dejjem qed jikber, u għalhekk anke l-emissjonijiet tiegħu. Għalhekk jidher li l-emissjonijiet minn din il-modalità ser jiżdiedu. Tnaqqis sinifikanti jista’ jinkiseb permezz ta’ serje ta’ miżuri tekniċi u operazzjonali.

1.10.   Meta tiġi kkunsidrata l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (ETS) għat-trasport marittimu, il-kompetittività tal-industrija Ewropea tat-trasport marittimu fis-suq dinji m’għandhiex tintlaqat ħażin. Skema globali tkun wisq aktar effikaċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-tbaħħir internazzjonali minn skema tal-UE jew xi skema reġjonali oħra.

1.11.   L-applikazzjoni tal-ETS hija konsiderevolment aktar ikkumplikata fit-trasport marittimu milli fl-avjazzjoni, u l-aktar fit-trasport marittimu mingħajr korsa regolari. Taxxa fuq is-CO2 (il-karburanti tal-bastimenti) jew xi għamla oħra ta’ taxxa tista’ tkun daqstant “effikaċi” u wisq aktar sempliċi biex titħaddem fit-trasport marittimu jekk titħaddem internazzjonalment.

1.12.   L-istandardizzazzjoni ta’ kunċetti edukattivi u ta’ taħriġ għall-ekwipaġġ ta’ bastimenti għat-tbaħħir intern, li tkun tista’ titqabbel ma’ standards għat-trasport marittimu se tkun ta’ ġid, l-aktar fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1.   Għalkemm il-mezzi tat-trasport marittimu u dak intern huma kompetittivi, sostenibbli u jirrispettaw l-ambjent, il-Kummissjoni għandha teżamina l-potenzjal għal aktar żviluppi permezz ta’ sinerġiji bejn azzjonijiet regolatorji u inizjattivi tal-industrija.

2.2.   Il-KESE jinnota li hemm bżonn li titjieb l-infrastruttura tal-potijiet u tal-kanali biex jiġu akkomodati vapuri akbar, tiġi eliminata l-konġestjoni fil-portijiet u tiġi massimizzata l-bidla fid-direzzjoni ta’ malajr fil-port.

2.3.   L-Istati Membri, kemm fuq bażi individwali kif ukoll dik kollettiva għandhom jimplimentaw miżuri adegwati fil-livell ta’ prontezza, mezzi u faċilitajiet biex jirrispondu għal, jiġġieldu u jtaffu l-effetti tat-tniġġis fl-ilmijiet tal-UE.

2.4.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja l-industrija u inizjattivi oħra ambjentali u teżamina kif tista’ tikkapitalizza mill-aħjar prattiki biex jonqsu l-emissjonijiet fl-arja mill-bastimenti fil-livell tal-UE.

2.5.   Biex jinkisbu l-“Vapur Ekoloġikament Sensittiv” u l-“Port Ekoloġikament Sensittiv” tal-Futur, il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-industrija tal-UE biex tkun minn ta’ quddiem fir-riċerka tat-teknoloġija tal-vapuri u tal-portijiet.

2.6.   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex teżamina l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi Ewropej fi bnadi oħra tad-dinja. Din l-inizjattiva se jkollha l-benefiċċju addizzjonali li toħloq aktar impjiegi fil-pajjiżi tal-UE (“impjiegi ekoloġikament sensittivi”).

2.7.   Il-KESE jipproponi li tittejjeb il-loġistika bħal rotot iqsar, inqas vjaġġi bi stivi/tankijiet mingħajr merkanzija (vjaġġi bis-saborra) u aġġustamenti għal ħinijiet aħjar ta’ wasla bħala mezzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti.

2.8.   L-UE trid tappoġġja lill-IMO fl-isforzi tagħha biex tipprovdi regolamentazzjoni globali għat-tbaħħir internazzjonali u biex tindirizza l-ħtieġa għall-bini tal-kapaċità fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera.

2.9.   Ħafna mill-inċidenti fis-settur tat-trasport jiġru minħabba żbalji umani. Hemm bżonn li jitħares il-benesseri tal-baħħara li jkunu abbord (il-kundizzjonijiet tal-għejxien u tax-xogħol) Għalhekk, għandu jsir kull sforz biex tiddaħħal kultura soċjali ta’ sigurtà u korporattiva.

2.10.   Il-kwalità tal-karburanti marini taffettwa s-saħħa tal-bniedem. Il-KESE jemmen li għall-industriji involuti din għandha tkun kwistjoni ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva li jieħdu passi oħra b’mod volontarju biex jitħares l-ambjent u titjieb il-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà ġenerali.

2.11.   L-espansjoni tal-flotta dinjija li tuża' il-gass naturali likwifikat (LNG) tippreżenta sfidi importanti f’termini ta’ uffiċjali li huma mħarġa tajjeb u ċċertifikati biex iħaddmuha. In-nuqqas ta’ uffiċjali kwalifikati jirrikjedi azzjoni biex il-livelli ta’ rekrutaġġ u taħriġ jiżdiedu.

2.12.   L-attivitajiet u l-inċidenti fl-ibħra miftuħa jista’ jkollhom impatt fuq l-ilmijiet tal-UE. Il-KESE jissuġġerixxi l-użu tas-Servizz tal-Monitoraġġ u Sorveljanza bis-Satellita tal-EMSA. Huma joffru kapaċità mtejba ta’ detezzjoni, interventi fil-ħin, u azzjonijiet ta’ tindif. Finanzjar adegwat tal-EMSA jsaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ koordinament.

2.13.   Jeħtieġ li jiġu żviluppati programmi ta’ reklutaġġ, edukazzjoni u taħriġ għall-ekwipaġġi tat-tbaħħir intern, l-aktar fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża, biex jiġu attirati żgħażagħ lejn is-settur u biex jinżammu l-ħiliet meħtieġa.

3.   Dħala Ġenerali

3.1.   Din l-opinjoni esploratorja hija msejsa fuq żewġ assi: “Kif jista’ jsir it-tħaddir tal-ambjent fl-oċeani kif ukoll ix-xmajjar waqt li titħares il-kompetittività tal-industrija tat-trasport”. Il-mistoqsija qed issir fl-ambitu tal-Komunikazzjonijiet dwar “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” (1) u dwar “Strateġija għat-twettiq ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni” (2). Il-pakkett għandu strateġija li l-mira tagħha hija li jiġi żgurat li l-prezzijiet tat-trasport jirriflettu aħjar kemm verament jiswew lis-soċjetà, biex il-ħsara fl-ambjent u l-konġestjoni ikunu jistgħu jitnaqqsu gradwalment biex b’hekk tingħata spinta lill-effiċjenza tat-trasport u lill-ekonomija kollha kemm hi. Il-KESE jilqa’ dawn l-inizjattivi li huma konformi mal-Istrateġija ta’ Liżbona/Göteborg.

3.2.   Għat-tbaħħir intern l-istrateġija tħabbar l-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni. Għat-trasport marittimu, fejn l-internalizzazzjoni għadha ma bdietx, tobbliga lill-Kummissjoni Ewropea taġixxi fl-2009 jekk l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ma tkunx qablet dwar miżuri konkreti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra sa dak iż-żmien. Għat-trasport marittimu, l-istrateġija se tiġi żviluppata b’konformità mal-Politika Marittima Integrata l-ġdida għall-UE.

3.3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew enfasizzaw l-importanza ta’ politika tat-trasport sostenibbli, l-aktar fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Huma saħqu li t-trasport għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

3.4.   Il-KESE ifakkar li t-trasport marittimu, inkluż it-trasport marittimu għal distanzi qosra, huwa mod ta’ trasport li għandu jkun distint strettament minn dak fl-ibħra interni mill-aspett ekonomiku, soċjali, tekniku u nawtiku. Hemm differenzi kbar u kruċjali bejn is-swieq li fihom joperaw dawn il-modi, ir-regoli u ċ-ċirkustanzi soċjali li japplikaw għalihom, il-kejl tal-piżijiet u l-magni, il-kapaċità ta’ ġarr, ir-rotot u l-istruttura tal-passaġġi fuq l-ilmijiet. It-trasport bil-baħar u dak bl-ajru huma evidentement forom ta’ trasport globali, waqt li l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fil-kontinent tal-Ewropa ġeneralment huma inklużi fil-kategorija tal-hekk imsejjaħ trasport intern, li jinkludi wkoll it-trasport bit-triq u bil-ferrovija fl-Ewropa (3). Għalhekk il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel distinzjoni fid-dokumenti u l-konsultazzjonijiet u biex tqis it-tbaħħir intern bħala forma ta’ trasport intern.

4.   Il-kuntest tal-bidla fil-klima

4.1.   It-tisħin globali, l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem u l-provvista limitata taż-żejt fid-dinja huma inċentivi kbar għall-politika tal-UE biex is-settur tat-trasport isir inqas dipendenti fuq il-karburanti fossili. Il-konsum tal-karburanti fossili jarmi d-dijossidu tal-karbonju (CO2), li huwa l-gass b’effett ta’ serra predominanti. Minħabba f’hekk il-politiki ambjentali attwali huma ffukati kważi esklussivament fuq sforzi biex jittaffew l-emissjonijiet tas-CO2. Madankollu, l-aktar gass importanti b’effett ta’ serra li mhux CO2 huwa l-gass tal-metanu (CH4) li joħroġ mis-settur tal-bhejjem.

4.2.   Il-KESE jemmen li l-prestazzjoni ambjentali tat-trasport marittimu u tal-ilmijiet interni għandha titqabbel mal-prestazzjoni tat-trasport bl-art u mat-tniġġis li joriġina minn sorsi bbażati fuq l-art. Il-KESE jtenni (4) li jeħtieġ ikun hemm approċċ ħolistiku li jqis kull miżura għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet, il-ħtieġa li tiġi mħeġġa l-innovazzjoni, l-aspetti ekonomiċi tal-kummerċ dinji u l-ħtieġa li jiġu evitati l-effetti negattivi ta’ żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 meta jitnaqqsu elementi oħra li jniġġsu, jiġifieri biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi mhux maħsuba bejn politiki differenti.

4.3.   Miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport marittimu u tal-ilmijiet interni għandhom ikunu prattiċi u effiċjenti f’sens ta’ nfiq, u applikabbli għall-bastimenti kollha (irrispettivament mill-bandiera), inklużi d-dgħajjes tal-btajjel u jekk possibbli l-bastimenti tal-gwerra (5). Miżuri futuri għandhom ukoll ikunu msejsa fuq evalwazzjoni ambjentali, teknika u soċjoekonomika tajba. Barra minn hekk, liġijiet li jftittxu li jiksbu frankar minimu ta’ gassijiet b’effett ta’ serra bi spejjeż kbar, jistgħu jirriżultaw f’ċaqlieq fl-użu tal-mezzi lejn mezzi oħra tat-trasport li jirrispettaw inqas l-ambjent. Ir-riżultat ikollu effett globali negattiv għall-impatt fuq it-tisħin globali.

4.4.   Wieħed mill-aspetti tal-politiki ekoloġiċi li sikwit jiġi injorat huwa l-benefiċċju ekonomiku tagħhom. Filfatt “l-ekonomija ekoloġikament sensittiva” hija waħda mill-modi biex tintemm il-kriżi dinjija. L-ekonomija ekoloġikament sensittiva emerġenti qed tiġġenera opportunitajiet ta’ impjiegi ekoloġikament sensittivi (6). Il-Kummissarju Dimas iddikjara li “investimenti ekoloġikament sensittivi” se joħolqu żewġ miljuni impjiegi fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin. Għalhekk “l-ekonomija ekoloġikament sensittiva” mhix lussu.

4.5.   Jista’ jkun hemm aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu u dak tal-ilmijiet interni iżda l-impatt tiegħu ma tantx se jkun sinifikanti minħabba li l-prodotti jeħtieġ li jittieħdu minn post għall-ieħor irrispettivament mill-ispejjeż addizzjonali, li f’kull każ jagħmlu tajjeb għalihom il-konsumaturi.

5.   “It-Tħaddir” tat-trasport Marittimu

5.1.   Iż-żieda fl-industrijalizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji espandew il-kummerċ dinji u d-domanda għal prodotti għall-konsumatur. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Marittima tal-UE (7) jagħmel enfasi partikolari fuq it-trasport marittimu bħala mod ta’ trasport kompetittiv, sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent.

5.2.   Sar titjib kostanti tul diversi snin fl-effiċjenza ambjentali tat-tbaħħir. It-tniġġis mill-operazzjonijiet tnaqqas għal ammont insinifikanti. Titjib sinifikanti fl-effiċjenza tal-magni u d-disinn tal-bwieq wasslu għal tnaqqis ta’ emissjonijiet u żieda fl-effiċjenza tal-karburanti. Meta jitqies il-volum ta’ prodotti li jinġarru fuq il-bastimenti, il-kontribut tat-trasport marittimu fl-emissjonijiet tas-CO2 huwa żgħir (2,7 %) (8).

5.3.   Is-silġ li qed jinħall fil-baħar fir-Reġjun tal-Artiku qiegħed progressivament joħloq opportunitajiet għal tbaħħir fuq rotot fl-ibħra Artiċi (9). Vjaġġi iqsar mill-Ewropa għall-Paċifiku għandhom jiffrankaw l-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet. L-importanza tar-rotta Artika ingħatat prominenza fl-opinjoni tal-KESE dwar “Politika Marittima Integrata għall-UE” (10). Fl-istess ħin, hemm ħtieġa li qed tikber li jiġi ppreżervat l-ambjent marin ta’ dan ir-reġjun flimkien mal-popolazzjoni tiegħu u li titjieb il-gvernanza fil-livelli differenti. Rotot marittimi ġodda f’dan ir-reġjun għandhom jiġu studjati b’kawtela sakemm issir stima tal-impatt ambjentali tan-NU. Għal żmien qasir u medju, il-KESE jissuġġerixxi li dan ir-reġjun jitqies bħala żona ta’ konservazzjoni naturali. Għalhekk huwa mixtieq li fil-livell tal-UE u tan-NU jinstab bilanċ bejn il-parametri differenti ta’ din ir-rotta ġdida. Huma mistennija aktar benefiċċji mill-estensjoni tal-Kanal tal-Panama, li mistenni jitlesta sal-2015.

5.4.   It-trasport marittimu huwa regolat ħafna b’aktar minn 25 Konvenzjoni u Kodiċi internazzjonali kbar. Il-MARPOL73/78 hija l-Konvenzjoni internazzjonali ewlenija li tkopri l-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu minn bastimenti minħabba kawżi operazzjonali jew aċċidentali (11). It-trasport marittimu huwa regolat ukoll minn liġijjiet komprensivi tal-UE, l-aktar mill-pakketti ta’ ERIKA I u II u mit-Tielet Pakkett ta’ Sikurezza Marittima (2009). Il-leġiżlazzjoni saħħet ħafna s-sikurezza marittima, il-monitoraġġ tat-tniġġis u, fejn xieraq, l-interventi biex ma jkunx hemm jew jittaffew il-konsegwenzi tal-inċidenti.

5.5.   L-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, rivedut reċentement, dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja minn bastimenti, jintroduċi limiti aktar stretti ta’ emissjonijiet tal-Ossidu tal-Kubrit (SOx), il-Materja ta’ Partikulu (PM) u Ossidu tan-Nitroġenu (NOx). Tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2 fl-arja minn vapuri jista’ jinkiseb permezz ta’ serje ta’ miżuri tekniċi u operazzjonali. Ħafna minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati biss fuq bażi volontarja. It-tnaqqis fil-veloċità (“slow steaming”) hija l-aktar miżura effiċjenti b’effett immedjat. Madankollu, l-implimentazzjoni tagħha jiddependi mill-ħtiġijiet tal-kummerċ.

5.6.   Il-KESE jemmen li jistgħu jinkisbu riżultati aħjar b’taħlita bbilanċjata ta’ leġiżlazzjoni u inizjattivi industrijali, bħall-objettivi pijuniristiċi tal-Hellenic Marine Environment Protection Association (HELMEPA) (12), Il-“Premju għall-Isfida ta’ Poseidon” (13), il-“Foresta fuq Wiċċ l-Ilma” (14), u l-“Fondazzjoni tal-Premju Aħdar” (15).

5.7.   Meta tiġi kkunsidrata l-iskema tat-tpartit tal-Emissjonijiet (ETS) għat-trasport marittimu, il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-vapuri fis-suq globali m’għandhiex tintlaqat ħażin, għax inkella jinħoloq kunflitt mal-Aġenda ta’ Liżbona. Qabel ma tiddeċiedi, il-Kummissjoni għandu jkollha tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li ġejjin: x’ikun il-benefiċċju għall-ambjent mill-introduzzjoni ta’ skema bħal din fit-trasport marittimu internazzjonali u kif għandha taħdem din l-skema fil-prattika f’industrija daqshekk internazzjonali bħat-trasport marittimu? F’dan l-isfond, skema globali taħt l-IMO tkun aktar effikaċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport marittimu minn skema tal-UE jew xi skema reġjonali oħra.

5.8.   Il-pressjoni politika biex it-tbaħħir jiddaħħal fl-ETS tal-UE sal-2013 hija ċara. L-applikazzjoni tal-ETS hija konsiderevolment aktar ikkumplikata għat-trasport marittimu milli għall-avjazzjoni, u l-aktar għal bastimenti mingħajr korsa regolari, minħabba fil-prattiċitajiet tad-dinja tal-kummerċ marittimu li jagħmilha diffiċli li l-ETS jiġu kalkolati. It-tbaħħir internazzjonali predominantement huwa okkupat bil-ġarr tal-merkanzija f’xejriet ta’ kummerċ li l-ħin kollu jinbidlu madwar id-dinja. Ħafna mill-bastimenti tal-UE għandhom bħala port ta’ tagħbija jew ta’ ħatt, port li mhuwiex fl-UE li huwa deċiż minn min qed jikri. Il-vapuri mhumiex omoġenji, u għalhekk hija diffiċli li jkun hemm punt ta’ referenza. It-tbaħħir huwa kkaratterizzat minn ħafna kumpaniji żgħar u minħabba f’hekk il-piż amministrattiv tal-ETS ikun tqil wisq. Ħafna mill-vapuri fis-settur mingħajr korsa regolari, li huma il-parti l-kbira tat-tbaħħir, jidħlu fl-UE okkażjonalment biss. Il-mili tal-karburant għall-vapuri waqt il-vjaġġi jista’ jsir f’portijiet li mhumiex tal-UE u l-kalkoli tal-konsum tal-karburanti bejn il-portijiet huwa bbażat fuq stimi biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, diversi pajjiżi jistgħu ikunu involuti fl-allokazzjoni tal-emissjonijiet tal-ETS: per eżempju il-pajjiż ta’ sid il-vapur, l-operatur tal-vapur, dak li jikrieħ, sid it-tagħbija, min jirċievi it-tagħbija. Barra minn hekk skema tal-ETS tal-UE għat-trasport marittimu trid tiġi applikata għall-bastimenti kollha li jżuru l-portijiet tal-UE, b’possibbiltà reali li jkun hemm miżuri ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE li ma japplikawx l-ETS għall-vapuri li għandhom il-bandiera tagħhom.

5.9.   Minflok, taxxa fuq id-dijossidu tal-karbonju (il-karburant tal-bastimenti), jew xi għamla oħra ta’ taxxa, tkun daqstant “effikaċi”, u ħafna iktar faċli biex titħaddem. Barra minn dan, ikun aktar faċli jiġi żgurat li fondi miġburin b’dan l-mod jintefqu verament f’inizjattivi favur l-ambjent.

5.10.   Fil-ġejjieni qarib sistemi tal-propulsjoni tal-vapuri se jibqgħu jiddominaw b’karburanti abbażi tal-karbonju. Il-gass se jkun karburant alternattiv u jibda jintuża b’mod aktar wiesa’ meta jkunu hemm infrastrutturi ta’ distribuzzjoni. Studji ta’ fattibiltà għal ċelloli tal-karburant imħaddmin bil-gass naturali juru tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2. Barra min hekk, il-ħidma fil-ġejjieni tal-IMO ser tiffoka fuq it-tnaqqis tal-ħsejjes mill-vapuri.

5.11.   Mhux probabbli li jinkiseb biżżejjed bijokarburant sostenibbli għat-trasport marittimu jew li l-qbid u l-ħażna tas-CO2 u tal-Idroġenu ser ikollhom impatt importanti fuq it-tbaħħir fl-għoxrin sena li ġejjin. L-enerġija mir-riħ, bħal Skysails u x-xemx waħidha mhijiex biżżejjed biex tħaddem il-vapuri, iżda tista’ tikkontribwixxi flimkien mal-magni. L-użu ta’ l-elettriku mix-xatt (cold ironing) ser jippermetti operazzjonijiet li aktar jirrispettaw l-ambjent fil-port. Il-propulsjoni nukleari li teħtieġ infrastruttura speċjali u kapaċitajiet ta’ reazzjoni f’emerġenza mhix għażla vijabbli għal bastimenti tal-merkanzija.

6.   “It-Tħaddir” tat-Tbaħħir Intern

6.1.   It-tbaħħir intern jaqdi rwol mhux negliġabbli fit-trasport intern Ewropew minħabba li s-sehem modali tat-trasport fuq ix-xmajjar ilaħħaq 5,3 % tat-trasport intern totali fl-UE, u f’xi reġjuni b’kanali tal-ilma kbar jilħaq l-40 %. Dat-tip tat-trasport huwa affidabbli, effiċjenti f’sens ta’ nfiq, sikur u effiċjenti fl-enerġija. Il-promozzjoni tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilmijiet interni tista’ tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-politika ambjentali tal-UE. L-użu aktar estensiv tiegħu huwa essenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport. Dan jimxi id f’id mal-politika tal-UE biex tindirizza l-kwistjoni tal-konġestjoni eċċessiva tat-toroq.

6.2.   Tradizzjonalment it-tbaħħir intern kien regolat mir-regoli tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (CCNR) li permezz tagħha ddaħlu livelli għoljin kemm mill-aspett tekniku kif ukoll dak tas-sigurtà. Il-leġiżlazzjoni bbażata fuq it-Trattat ta’ Mannheim hija applikabbli għall-pajjiżi riparji tar-Rhine. Fiha regolamenti għas-sigurtà, ir-responsabbiltà u l-ħarsien mit-tniġġis. Minħabba f’dawn il-livell għoljin, in-navigazzjoni interna hija kkaratterizzata b’livell unifikat għoli ħafna fil-kwalità u s-sigurtà tat-tagħmir tal-bastimenti u t-taħriġ tal-ekwipaġġ. Fuq il-bażi tar-regoli li nibtu mit-Trattat ta’ Mannheim, reċentement, fid-Direttiva 2006/87/KE l-UE daħlet rekwiżiti komprensivi ta’ natura teknika u operattiva għall-bastimenti li jbaħħru internament.

6.3.   Il-leġiżlazzjoni tal-UE (16) tistabbilixxi limiti għall-kwalità tal-karburant użat mill-bastimenti tal-ilmijiet interni. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (17) dwar il-kontenut tal-kubrit fil-karburant li għandha l-ħsieb li ddaħħal tnaqqis fil-kontenut tal-kubrit kemm għall-bastimenti marittimi kif ukoll dawk tal-ilmijiet interni. Is-settur tan-navigazzjoni tal-ilmijiet interni kien favur it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit fil-karburanti f’darba waħda minn 1 000 ppm għal 10 ppm. Reċentement, il-Parlament Ewropew aċċetta din il-proposta mis-settur tan-navigazzjoni interna u ddeċieda li jbaxxi l-kontenut tal-kubrit għal 10 ppm f’pass wieħed sa mill-2011. Għall-ġejjieni mhux ’il bogħod wisq, it-tbaħħir intern jista’ jibbenefika mill-użu ta’ sistemi mingħajr emissjonijiet bħal ċelloli tal-karburant. Il-barkun il-ġdid ta’ tbaħħir intern “CompoCaNord” u t-tanker Futura li nbena m’ilux fil-Ġermanja u it-Tug boat ibrida tal-port li taħdem bl-idroġenu u kważi m’għandiex emissjonijiet huma eżempji konkreti. Barra minn hekk, liġijiet ġodda (18) jirregolaw it-trasport ta’ prodotti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bit-tbaħħir intern fi Stati Membri jew bejniethom.

6.4.   It-tkabbir reċenti tal-UE wessa’ n-netwerk ta’ passaġġi fuq l-ilmijiet interni mill-Baħar tat-Tramuntana sal-Baħar l-Iswed permezz tal-konnessjoni bejn ix-xmajjar Rhine u d-Danubju. Il-passaġġi fuq l-ilmijiet interni joffru potenzjal kbir għat-trasport affidabbli ta’ merkanzija u jitqabblu tajjeb ma’ modi oħra, li ta’ sikwit jiffaċċjaw problemi ta’ konġestjoni u volum ta’ ġarr.

6.5.   Ma jkunx realistiku li t-tbaħħir intern jiġi trattat bħall-attivitajiet nazzjonali li jistgħu jiġu regolati b’liġijiet domestiċi jew reġjonali. Bastimenti tat-tbaħħir intern li jtajru l-bandiera tal-Kroazja, l-Ukrajna, is-Serbja u l-Moldova diġà qed joperaw fuq xmajjar u f’kanali Ewropej, u l-liberalizzazzjoni tat-trasport Russu fuq ix-xmajjar u l-aċċess ta’ operaturi tal-UE għalih u viċeversa, għandha wkoll tagħti dimensjoni internazzjonali lit-tbaħħir intern tal-UE.

6.6.   Waħda mill-kundizzjonijiet u l-isfidi l-aktar importanti biex it-tbaħħir intern ikun affidabbli huwa t-titjib tal-infrastruttura fiżika li tneħħi l-konġestjonijiet u li ssir il-manutenzjoni meħtieġa. Il-KESE jfakkar l-opinjoni preċedenti (19) tiegħu u jittama li azzjonijiet skont il-proġett ta’ NAIADES (20) jerġgħu jagħtu l-ħajja lit-tbaħħir intern u jagħmluha possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti ta’ żvilupp tal-infrastruttura.

6.7.   Fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, it-tbaħħir intern, li ma tantx hu mezz li jintuża, m’għandux ikun l-ewwel wieħed. Kull politika li tfittex li tkun imposta taxxa fuq il-karbonju għat-tbaħħir intern ikollha tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet legali minħabba li skont il-Konvenzjoni ta’ Mannheim (1868), għar-Rhine ma japplikawx tariffi. F’termini prattiċi, 80 % tat-tbaħħir intern attwali jseħħ fuq ir-Rhine. Il-KESE jinnota li l-inkompatibbiltà tar-reġimi legali bejn it-Trattat tar-Rhine u dak tad-Danubju tolħloq problemi fil-leġiżlazzjoni ambjentali tad-Danubju: Huwa jissuġġerixxi li jiżdiedu l-isforzi tal-UE biex ikun hemm uniformità tar-regoli fil-ġejjieni (ambjentali, soċjali u tekniċi) bħala mezz biex tiġi ffaċilitata n-navigazzjoni interna.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 433 finali, SEC(2008)2206.

(2)  COM(2008) 435 finali.

(3)  It-terminu “fuq l-ilma”, li japplika għaż-żewġ modalitajiet, jirreferi biss għall-mezz li bih it-trasport jimxi. Ma jurix il-mezz tat-trasport u l-implikazzjonijiet tal-politika ambjentali. Il-fatt li DG TREN daħlet it-trasport bit-triq u tal-ferrovija, iżda mhux tal-ilmijiet interni, taħt it-titlu ta’ trasport intern, ma jbiddilx dan il-fatt.

(4)  ĠU C 168, 20.7.2007, pġ. 50; ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

(5)  Ara nota f’qiegħ il-paġna 4.

(6)  UNEP Green Job.

(7)  SEC(2007) 1278.

(8)  IMO: Studju Aġġornat tal-2000 dwar l-Emissjonijiet tal-Gassijiet b’effett ta’ Serra.

(9)  COM(2008) 763.

(10)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

(11)  Il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri ser tkompli tissaħħaħ bl-implimentazzjoni fil-ġejjieni tal-Konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sistemi ta’ antifouling, l-ilma tas-saborra, it-tneħħija ta’ strutturi mfarka, bunkers u r-riċiklaġġ tal-vapuri (liser tiġi adottata fl-2009).

(12)  HELMEPA, li twaqqfet fl-1981 serviet ta’ mudell għall-ħolqien ta’ CYMEPA, TURMEPA, AUSMEPA, NAMEPA, UKRMEPA, URUMEPA u INTERMEPA.

(13)  Mwaqqaf mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sidien Indipendenti tat-Tankers (Intertanko) fl-2005.

(14)  Stabbilita fir-Renju Unit, info@flyingforest.org

(15)  Stabbilita fl-Olanda, www.greenaward.org.

(16)  Direttiva 2004/26/KE, ĠU L 225, 25.6.2004, p. 3.

(17)  COM (2007) 18.

(18)  Direttiva 2008/68/KE, ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

(19)  ĠU C 318 tat- 23.12.2006, pġ 218 (Mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  COM(2006) 6.