17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-ostakli leġiżlattivi fl-Istati Membri għall-kompetittività tal-UE”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

(2009/C 277/02)

Rapporteur: is-Sur Joost van IERSEL

F’ittra datata s-27 ta’ Ġunju 2008, is-Sur Alexandr Vondra, id-Deputat Prim Ministru responsabbli għall-Affarijiet Ewropej, f’isem il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex ifassal opinjoni espoloratorja dwar

l-impatt tal-ostakli leġiżlattivi fl-Istati Membri fuq il-kompetittività tal-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur van Iersel.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’198 vot favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Is-Suq Intern bħala għan politiku ġenerali li jistimola t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li joħloq żvilupp sostenibbli, jinsab fil-qalba tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Is-Suq Uniku rnexxa ħafna fis-sens li neħħa għadd kbir immens ta’ ostakli leġiżlattivi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-konsumaturi, l-intrapriżi u s-soċjetà b’mod ġenerali (1). F’dan il-kuntest, l-istat tad-dritt huwa prinċipju essenzjali.

1.2.   Iżda għall-kuntrarju ta’ dak li spiss jingħad li s-Suq Intern huwa komplut, id-dinamika ekonomika teħtieġ sforzi kontinwi biex jinħolqu Suq Uniku ġenwin għall-atturi ekonomiċi pubbliċi u privati madwar l-UE. Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni tal-UE għadha mhix biżżejjed biex tkopri oqsma importanti bħal dawk tal-finanzi u l-enerġija. Meta titqies is-sitwazzjoni attwali, hemm bżonn urġenti ta’ qafas legali effettiv għas-settur finanzjarju.

1.3.   Fl-agħar reċessjoni fl-istorja moderna u kriżi sistematika fis-swieq finanzjarji, l-irkupru tal-fiduċja u l-kunfidenza huma kruċjali. Sabiex tissolva din il-kriżi, il-politiki ta’ bħalissa jridu jitfasslu mill-ġdid, l-iktar fis-settur finanzjarju. Sabiex jingħelbu r-riskji tal-protezzjoniżmu u tan-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politiki u biex jiġu mħarsa s-swieq miftuħa fl-UE u lilhinn minnha, jeħtieġ li l-UE tieħu direzzjoni politika ċara mill-aktar fis. Il-KESE jitlob impenn sod u kontinwu min-naħa tal-Kunsill u l-Istati Membri kontra l-protezzjoniżmu u l-frammentazzjoni tas-suq.

1.4.   Miżuri li jittieħdu biex itaffu l-impatt tal-kriżi, bħall-intervenzjoni diretta mill-Istat fil-banek jew il-proprjetà statali tal-banek kif ukoll l-istimuli fiskali u finanzjarji speċifiċi, minkejja li huma meħtieġa fil-kriżi attwali, ma jridux ifixklu l-għanijiet mifthiema fl-UE għall-perijodu medju u fit-tul, jew jheddu kundizzjonijiet qafas eżistenti li kienu ta’ suċċess, inklużi r-regoli li japplikaw għall-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar. Inkella tinħoloq il-possibbiltà ta’ distorsjonijiet kbar fil-kompetizzjoni. Fl-istess ħin huwa importanti li nitgħallmu mill-kriżi liema regolamenti u miżuri finanzjarji għandhom jiġu implimentati bħall-iżvilupp sostenibbli fuq perijodu fit-tul.

1.5.   It-tnaqqis f’daqqa ta’ bħalissa fl-attività ekonomika jeħtieġ ambjent robust, reżistenti u ġust għan-negozju u l-ħaddiema Ewropej sabiex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, il-progress soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. L-Aġenda ta’ Liżbona-Göteborg (2) għadha fundamentali għat-tkabbir u l-impjiegi u biex tiġi promossa l-vitalità u l-innovazzjoni fl-UE u fid-dinja.

1.6.   F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni aħjar u l-inizjattivi kollha relatati fil-livell tal-UE, il-kwalità tat-traspożizzjoni korretta, u l-infurzar fil-livell tal-Istati Membri u dak reġjonali huma ta’ importanza kbira. L-atturi ewlenin, jiġifieri l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri nfushom għandhom jibqgħu impenjati bis-sħiħ favur dawn l-għanijiet.

1.7.   Sabiex ikun hemm gveranza tajba, apparti mill-atturi tal-gvern, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jagħmlu l-biċċa tagħhom u jħossuhom koresponsabbli u responsabbli fil-proċess kollu kemm hu.

1.8.   L-integrazzjoni Ewropea hija ċertament appoġġjata bil-kapitoli l-ġodda bħall-Approċċ il-Ġdid u l-Pakkett tal-Oġġetti 2008, bit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

1.9.   L-iżviluppi riċenti jikkonfermaw mill-ġdid it-talba li ilu jagħmel il-KESE biex il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-trattati, tirċievi aktar riżorsi, minflok isirilha tfixkil, kif jiġri ħafna drabi, sabiex tiżgura b’mod effikaċi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konsistenti mar-rekwiżiti legali tal-UE.

1.10.   Fl-2009, l-implimentazzjoni li għaddejja tad-Direttiva tas-Servizzi se tiftaħ mezzi ġodda għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-kumpaniji. Madankollu, għandu jsir monitoraġġ effettiv biex ma jitbaxxewx il-livelli soċjali, ambjentali, tal-kwalità u tas-sigurtà.

1.11.   It-tneħħija ta’ ostakli legali, u l-mod li bih issir, teħtieġ, b’mod partikolari llum, strateġija tal-komunikazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. Din il-komunikazzjoni għandha ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-UE u trawwem il-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-kumpaniji kontra l-ewroxettiċiżmu.

1.12.   It-tneħħija ta’ ostakli legali, ir-regolamentazzjoni aħjar u kundizzjonijiet qafas mifthiema fl-UE ser jappoġġaw il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati ma’ gruppi ta’ kummerċ oħrajn fid-WTO u r-round ta’ Doha.

1.13.   Fl-aħħar mill-aħħar, l-UE tista’ tieħu xi lezzjonijiet mill-istorja tagħha li ż-żminijiet diffiċli jafu jwasslu wkoll għal passi benefiċjali ‘l quddiem. Il-kriżi tas-snin sebgħin u kmieni fis-snin tmenin fl-aħħar seklu ikkonfermat ir-rieda politika għall-unità monetarja, u fl-1985 wasslet għall-Att Uniku li serva bħala bażi għall-‘Ewropa 1992', it-triq lejn il-kompletar tas-Suq Intern.

2.   Daħla

2.1.   Din l-opinjoni esploratorja, li qed titfassal mill-KESE fuq talba tal-Presidenza Ċeka dwar l-“Ostakli Leġiżlattivi għall-Kompetittività” qed tiffoka fuq il-ksib ta’ Suq Intern ħieles minn ostakli amministrattivi (mhux ġustifikati) u bbażat fuq regolamentazzjoni aħjar. Is-Suq Uniku jfisser li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jingħataw ambjent ġuridiku ċert u sigur li jippermetti l-moviment ħieles tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital madwar l-UE.

2.2.   Fil-programm tagħha, il-Presidenza Ċeka attwali tikkonċentra b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni f’waqtha u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi u t-tneħħija ta’ aktar ostakli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’konformità mar-Reviżjoni tal-Istrateġija tas-Suq Intern. Dawn l-għanijiet huma meqjusa korrettament fil-perspettiva usa’ tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u l-Istrateġija ta’ Liżbona, u r-reviżjoni u l-modifiki li jistgħu jsiru fl-2010.

2.3.   L-istess qafas jinkludi r-rabta bejn ir-Regolamentazzjoni Aħjar (3), l-użu aħjar tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni li għaddejja tal-miżuri li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi tal-intrapriżi kif ukoll ta’ appoġġ għal Small Business Act għall-Ewropa u politika industrijali sostenibbli għall-UE, inkluża politika xierqa għall-innovazzjoni.

2.4.   Dawn l-intenzjonijiet u proposti jridu jitwettqu fl-eqqel ta’ xejra ta’ tnaqqis ekonomiku qawwi (4). Huma juru biċ-ċar li l-Presidenza, b’konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni, fil-Programm tagħha tipprevedi li jinżammu l-istess linji strateġiċi kif definiti fi żminijiet aħjar. B’hekk il-Presidenza qed timmira wkoll li tagħti spinta ġdida lill-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida.

2.5.   Il-Presidenza tixtieq iżżomm il-politiki strateġiċi għaddejjin mal-iskeda oriġinali, ikunu xi jkunu l-miżuri meħtieġa fuq medda qasira ta’ żmien biex jassorbu x-xokkijiet kbar għal għarrieda fl-ekonomija, li jaffettwaw is-setturi, l-investimenti u l-impjiegi.

2.6.   It-tneħħija tal-ostakli għall-iżvilupp addizzjonali spontanju tan-negozji fl-Ewropa hija l-punt ewlieni ta’ din l-Opinjoni. F’dak is-sens, it-tisħiħ tal-kompetittività għandu jiġi definit bħala r-rinfurzar tal-kundizzjonijiet indaqs fl-UE billi l-bażi komuni tal-leġiżlazzjoni ssir effiċjenti kemm jista’ jkun.

2.7.   Wieħed mill-pedamenti ta’ dan il-proċess huwa l-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar li tiffoka fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt, is-semplifikazzjoni, l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda fejn xieraq u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi b’25 % sal-2012 (5).

2.8.   Din l-Opinjoni tiffoka fuq it-tneħħija ta’ ostakli leġiżlattivi u r-regolamentazzjoni effettiva li tibni mill-ġdid il-fiduċja fis-swieq, billi tqis id-dimensjonijiet dejjem aktar globalizzati tal-kompetittività. Aktar ma l-qafas regolatorju tas-Suq Intern jaħdem tajjeb, aktar tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-UE fix-xena dinjija.

2.9.   Il-KESE diġà esprima ruħu fuq għadd ta’ oqsma. Billi l-kwistjoni tal-kompetittività hija wiesgħa ħafna, din l-Opinjoni se tiffoka fuq għażla ta’ suġġetti li huma partikolarment urġenti fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa.

2.10.   Diġà saru żviluppi impressjonanti bil-ksib tas-Suq Intern. Iżda fl-istess waqt, ħadd ma jista’ jiċħad li hemm nuqqas serju ta’ armonizzazzjoni f’oqsma speċifiċi – l-enerġija, il-finanzi, il-privattiva Komunitarja (!) u bżonn konsiderevoli ta’ azzjoni fil-qasam soċjali. L-azzjonijiet kontinwi tal-gvernijiet – il-leġiżlazzjoni, il-prattiki amministrattivi – jeħtieġu attenzjoni l-ħin kollu minn perspettiva Ewropea (6).

2.11.   In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jew azzjonijiet governattivi mixtieqa spiss joħloq tfixkil sostanzjali għall-kumpaniji l-kbar u ostakli li huma ta’ ħsara għall-investimenti pan-Ewropej tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

2.12.   L-SMEs huma indispensabbli għall-kompetittività pan-Ewropea. Il-kumpaniji l-kbar huma daqstant ieħor indispensabbli għas-saħħa Ewropea. Madankollu, minħabba l-esternalizzazzjoni, il-frammentazzjoni tal-proċessi tan-negozju u l-katina tal-provvista u l-valur miżjud, l-SMEs huma l-iktar li joħolqu l-impjiegi. Bħala regola, l-SMEs huma flessibbli biżżejjed biex jaġġustaw għall-produzzjoni sostenibbli meħtieġa, u spiss ikunu, bħala msieħba fil-katina tal-provvista u l-valur miżjud, l-oriġinaturi tal-invenzjonijiet u sistemi ġodda li jippromovu l-produzzjoni sostenibbli u ekoloġika.

2.13.   L-ostakli leġiżlattivi ma jolqtux biss in-negozju iżda wkoll il-moviment transkonfinali tal-ħaddiema (7). Huwa importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali u r-regoli tas-suq tax-xogħol ikunu applikabbli għall-ħaddiema kollha (8).

3.   Kuntest u Kummenti Ġenerali

3.1.   Il-kunċett tas-Suq Uniku huwa wieħed dinamiku. Il-kontenut tiegħu u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-atturi kollha ekonomiċi fl-Ewropa huma definiti b’għanijiet ta’ politika tal-UE xierqa u ggarantiti bil-liġi Ewropea. L-għanijiet u r-regoli jiġu aġġustati minn żmien għal żmien skont il-bidla fiċ-ċirkostanzi. Fejn ikun utli u xieraq għandhom jittieħdu, mill-iktar fis possibbli, miżuri ta’ protezzjoni għall-ħaddiema, b’tali mod li jagħmluha ċara li la l-libertajiet ekonomiċi u lanqas ir-regoli tal-kompetizzjoni ma jieħdu preċedenza fuq id-drittijiet soċjali bażiċi.

3.2.   It-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika taffettwa lilna lkoll ekonomikament u soċjalment. Żminijiet anormali x’aktarx jitolbu approċċi u soluzzjonijiet mhux tas-soltu – jiġifieri għajnuna Statali sensittiva approvata “biex tirmedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” (9) wara parir ta’ “emerġenza” mill-Kummissjoni (10) – iżda bla ma thedded il-kundizzjonijiet qafas mifthiema u kull intervent għandu jkun ġustifikat kif xieraq.

3.3.   Il-liġijiet nazzjonali spiss huma maħsuba biex iwieġbu għal kull xorta ta’ sfida fis-soċjetà moderna. F’dan l-isfond ukoll, il-programmi li għaddejjin marbuta mat-tneħħija tal-ostakli leġiżlattivi li jista’ jeżistu bejn l-Istati Membri huma meħtieġa u għandhom jiġu mħeġġa.

3.4.   Motivazzjonijiet għal tul qasir ta’ żmien jistgħu faċilment inaqqsu r-rieda politika għal azzjoni xierqa. Il-protezzjoniżmu fid-dieher jew moħbi dejjem jistenna s-siegħa tiegħu. Fiċ-ċirkostanzi attwali, aktar u aktar tinħass il-ħtieġa ta’ appell ċar għat-tkomplija ta’ dak diġà mibdi fir-rigward tal-ostakli leġiżlattivi. Aktar ma nwittu t-triq tajjeb issa, aktar issir reżistenti l-ekonomija Ewropea ’l quddiem.

Is-sitwazzjoni attwali teħtieġ sforzi msaħħa biex jiġu definiti kundizzjonijiet qafas ġodda u trasparenti fil-qasam tal-finanzi u l-enerġija.

3.5.1.   Fil-kriżi finanzjarja li għaddejja bħalissa, l-Istati reġgħu kisbu l-importanza bħala atturi prinċipali fis-sistema ekonomika billi jipprovdu għajnuna sinifikanti għall-“emerġenza” lill-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin. Minbarra l-impatt li jista’ jkollu fuq il-finanzi pubbliċi, dan l-approċċ jista’ jwassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, jekk ir-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat ma jiġux imħarsa (11) u jqiegħed il-banek aktar konformanti fi żvantaġġ.

3.5.2.   Waqt li l-KESE m’għandux dubju dwar il-ħtieġa ta’ intervent immedjat f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa importanti li l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tiġi mmonitorjata (12) biex jiġu mħarsa l-koeżjoni, l-istat tad-dritt, u l-livell ta’ kompetizzjoni attwali fi ħdan is-suq Ewropew – ilkoll fatturi li huma kruċjali għaċ-ċittadini u l-ekonomija.

3.5.3.   Hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet qafas u dispożizzjonijiet legali ġodda. Dawn għandhom jikkonċentraw fuq monitoraġġ Ewropew – jew li għall-inqas ikun kkoordinat strettament fil-livell Ewropew – tas-settur bankarju dwar ir-regolamentazzjoni indispensabbli u dwar il-politiki diverġenti attwali fir-rigward tal-banek (13). Il-KESE jisħaq dwar il-bżonn ta’ regolamentazzjoni u kontroll aħjar tas-settur finanzjarju kif propost mir-Rapport ta’ de Larosière f’isem il-Kummissjoni taħt il-Presidenza Ċeka (14). Minn barra s-suq bankarju, il-monitoraġġ Ewropew għandu jinkludi wkoll is-settur tal-assigurazzjoni.

3.5.4.   Id-diskussjoni li ġejja dwar l-arkitettura finanzjarja legali għandha tadotta bħala għan strateġiku qafas affidabbli għar-reżistenza futura tal-ekonomija Ewropea b’mod ġenerali. Din il-perspettiva usa’ s’issa ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed.

3.5.5.   L-enerġija bħala materja prima bażika għas-soċjetà kollha f’bosta kuntesti – il-prezzijiet, l-intervent pubbliku, il-livell ta’ liberalizzazzjoni, il-kompetizzjoni, u oħrajn – tista’ tkun sors vast ta’ ostakli legali (mhux mixtieqa) li jagħmluha diffiċli li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali tassew, b’effetti negattivi possibbli f’setturi industrijali oħrajn. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakli strutturali u legali għall-kummerċ intern għandha tkun motivazzjoni importanti ħafna għall-ħolqien ta’ suq komuni tal-enerġija.

3.6.   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (OMC) (15) qajjem aspettattivi kbar dwar il-possibbiltà li l-azzjonijiet nazzjonali jkunu koordinati. Approċċ bħal dan li ma jkunx vinkolanti jħalli prerogattiva wiesgħa f’idejn l-Istati Membri, sors ta’ aktar ostakli leġiżlattivi. Approċċ iktar strutturat ikun mixtieq.

3.7.   F’dan ir-rigward, suġġett important għad-diskussjoni huwa jekk f’każijiet speċifiċi d-direttivi jew ir-regolamenti tal-UE għandhomx jintgħażlu bħala l-aktar bażi legali xierqa għall-armonizzazzjoni. Bl-istess konvinzjoni, il-KESE jenfasizza li aktar promozzjoni tal-istandardizzazzjoni, li twassal fost oħrajn għal ambjent trasparenti u titjib fl-interoperabbiltà, hija f’ħafna każi l-aktar għażla fejjieda.

L-ostakli għal ambjent kompetittiv fl-Ewropa jieħdu diversi forom. Huma jistgħu jinġabru f’diversi kategoriji li kull waħda minnhom teħtieġ trattament għaliha:

3.8.1.   L-ewwel kategorija tkopri l-ostakli eżistenti faċċjati mill-kumpaniji li jixtiequ joperaw fi Stat Membru ieħor. Dawn it-tipi ta’ ostakli jistgħu joħorġu mil-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti jew il-proċeduri amministrattivi nazzjonali li ma jiddependux mil-leġiżlazzjoni Ewropea jew it-traspożizzjoni tagħha per se, u huma b’hekk diffiċli biex negozju li jkollu ħsieb jopera b’mod transkonfinali jipprevedihom minn qabel.

3.8.2.   L-integrazzjoni Ewropea mhux bilfors iġġib magħha tnaqqis fir-regoli nazzjonali, anzi pjuttost il-kuntrarju. Ta’ spiss, regoli nazzjonali (addizzjonali) bħal dawn jikkawżaw aktar ostakli. Barra minn dan, fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, dispożizzjonijiet legali speċjali faċilment jistgħu joħolqu effett ta’ protezzjoniżmu.

3.8.3.   Tip ieħor ta’ ostaklu jista’ jiġi mill-inizjattivi eżistenti bħall-punti ta’ provvista ċentralizzati (one-stop-shops), li huma diġà operattivi iżda li ma jaħdmux għal kollox kif mistenni. Dan jista’ jirriżulta minn insuffiċjenza ta’ riżorsi jew tipi oħra ta’ problemi bħad-disponibbiltà tal-informazzjoni bil-lingwa tal-pajjiż biss.

3.8.4.   Ir-raba’ tip ta’ ostakli jinħoloq minn inizjattivi mixtieqa għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali fis-suq, iżda li ma jitwettqux jew jitwettqu biss parzjalment. Din ix-xorta ta’ ostaklu ġejja min-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea jew il-liġijiet tal-Istati Membri (16).

3.8.5.   Hawnhekk għandna nsemmu ostakli speċifiċi kkawżati, fost oħrajn, mill-qasma bejn l-Istati taż-Żona tal-Euro u l-Istati Membri l-oħra, il-lingwi ta’ ħidma obbligatorji tal-UE u r-reġimi differenti ta’ tassazzjoni u bażijiet ta’ taxxa.

3.9.   Uħud mill-ostakli msemmija huma riżultati indiretti tal-karatteristiċi tas-sistemi amministrattivi u leġiżlattivi nazzjonali. Dan għandu jwassal għal enfasi qawwija fuq il-konverġenza fit-trattament tal-problemi transkonfinali.

3.10.   Stimulu finanzjarju speċifiku, jekk ma jkunx ikkoordinat sew, u b’mod partikolari b’mod li jirrispetta r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, jista’ joħloq xkiel ġdid. Il-KESE jinsisti li fil-każijiet kollha l-acquis communautaire – kemm ir-regolamenti kif ukoll l-istrumenti – għandu jiġi rispettat.

3.11.   Netwerks speċjalizzati bejn l-UE u l-amministrazzjonijiet nazzjonali bħan-Netwerk Enterprise Europe, is-SOLVIT u n-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, u pjattaformi online għall-iskambju tal-aħjar prattiki, iffukati fuq it-tneħħija tal-ostakli bla bżonn, huma ferm mixtieqa.

3.12.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni u informazzjoni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE huwa problema serja ħafna. F’dan il-kuntest, il-KESE bħalissa qed iħejji opinjoni dwar l-inizjattiva tal-Informazzjoni fis-Suq Intern (17).

3.13.   Madankollu, iż-żieda fil-komunikazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandha tipprovdi kontroll addizzjonali fuq l-ostakli potenzjali (moħbija) li joriġinaw mil-liġijiet u l-obbligi nazzjonali f’oqsma speċifiċi.

3.14.   Fuq l-istess linji, it-taħriġ u t-tħejjija ta’ ħaddiema tas-servizz ċivili nazzjonali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE huwa kruċjali. Dan jeħtieġ l-allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati biex kompetenzi jinżammu aġġornati. Dan huwa partikolarment rilevanti fid-dawl taż-żieda fl-enfasi fuq l-użu ta’ għodod ta’ politika msejsa fuq l-evidenza, bħall-evalwazzjonijiet tal-impatt u l-kejl tal-piżijiet amministrattivi.

3.15.   F’diversi Opinjonijiet il-KESE argumenta li l-monitoraġġ effikaċi tal-applikazzjoni fl-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet Ewropej huwa indispensabbli.

3.16.   Għal gvernanza tajba tas-Suq Uniku, minn barra atturi tal-gvern, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jagħmlu l-parti tagħhom u jħossuhom koresponsabbli u responsabbli fil-promozzjoni tal-kundizzjonijiet qafas għal kundizzjonijiet ugwali fl-Ewropa. L-istrumenti jinkludu: l-esperjenza prattika, l-iskambju ta’ prattiki tajbin, l-awtoregolazzjoni, id-djalogi soċjali fid-diversi livelli, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni, u oħrajn.

4.   Kwistjonijiet speċifiċi

4.1.   Regolamentazzjoni aħjar

4.1.1.   Ir-regolamentazzjoni aħjar hija strateġija kruċjali għal ambjent kummerċjali reżistenti. L-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar skont id-definizzjoni tal-punt 2.7 hija l-qofol ta’ din l-istrateġija.

4.1.2.   Ir-regolamentazzjoni aħjar tikkonsisti kemm fl-għażla tas-suġġetti għall-armonizazzjoni fil-livell tal-UE kif ukoll il-metodu tar-regolamentazzjoni, pereżempju permezz ta’ regolamenti, direttivi dettaljati jew direttivi qafas. Ostakli legali bejn l-Istati Membri jistgħu jibqgħu intatti meta d-direttivi jkunu ambigwi wisq jew jipprevedu biss regoli minimi.

4.1.3.   F’diversi okkażjonijiet il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon reviżjonijiet mill-qiegħ iffukati ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja mill-Kummissjoni. Reviżjonijiet bħal dawn jissarrfu f’aġġustamenti meħtieġa mill-bidliet fiċ-ċirkostanzi u abolizzjoni tal-ostakli legali eżistenti.

4.1.4.   Għandu jiġi rikonoxxut li ċerti suġġetti mhumiex xierqa għall-armonizzazzjoni minħabba d-diversità tal-oqfsa leġiżlattivi tal-Istati Membri. F’dawk il-każijiet, l-ostakli legali potenzjali għandhom jiġu studjati speċifikament.

4.1.5.   F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni Ewropea qed jirnexxilha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt kull fejn ikun hemm nuqqasijiet f’livell ta’ Stati Membri f’dan il-qasam. Dan ifixkel il-kundizzjonijiet ugwali għan-negozji u l-mobbiltà b’mod ġenerali.

4.1.6.   Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda tassew siewja kemm fil-ġlieda kontra r-regolamentazzjoni eċċessiva kif ukoll fil-kuntest tar-regoli l-ġodda. Dan ifisser li jagħmlu lill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u lill-Kunsill aktar konxji tas-sitwazzjoni. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jirrispettaw l-evalwazzjonijiet tal-impatt u l-aġġornamenti tagħhom tul il-proċess leġiżlattiv kollu.

4.1.7.   Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġu approċċ ġenerali u integrali mhux biss f’dawk li huma l-aspetti tekniċi tal-oġġetti u s-servizzi, iżda wkoll fl-effetti sekondarji bħal dawk fuq l-interessi tal-ambjent u l-konsumatur. Mill-banda l-oħra, fil-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent u l-konsumatur, il-ħtieġa ta’ industrija kompetittiva għandha titqies dejjem. Fil-valutazzjonijiet tal-impatt suċċessivi għandhom posthom il-partijiet interessati kollha.

4.2.   Implimentazzjoni u infurzar (18)

4.2.1.   Implimentazzjoni korretta u f’waqtha u infurzar fil-prattika huma aspett inerenti tar-regolamentazzjoni aħjar. L-evidenza prattika turi li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni (goldplating) u l-implimentazzjoni eċċessiva (cherry-picking) huma sors ewlieni ta’ ostakli legali, problemi transkonfinali u protezzjoniżmu. Għalhekk jeħtieġ li r-riżorsi u l-istrumenti meħtieġa għall-monitoraġġ tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell tal-Istati Membri jiġu vvalutati bir-reqqa.

4.2.2.   Is-sussidjarjetà għandha tiġi rispettata. Dan m’għandux, madankollu, ixaqleb lejn naħa waħda biss. Tassew li l-UE għandha toqgħod lura milli tindaħal fil-proċeduri u s-sistemi amministrattivi nazzjonali. Iżda t-Trattat jipprevedi li l-UE tħares il-miri tal-Unjoni u għandha tiggarantixxi l-funzjonament tas-Suq skont ir-regoli mifthiema. Il-problemi li jiffaċċjaw in-negozji, l-organizzazzjonijiet oħra u ċ-ċittadini fl-operat tagħhom jistgħu jissolvew tajjeb biss b’dik il-kundizzjoni.

4.2.3.   Fi kliem ieħor, ir-rabta bejn ir-regoli Komunitarji u s-sussidjarjetà hija waħda fina. Il-KESE huwa tal-fehma li fil-proċess tat-tisħiħ tal-integrazzjoni, il-bilanċ xieraq bejn ir-rispett li jitolbu t-tradizzjonijiet u s-sistemi amministrattivi nazzjonali u l-monitoraġġ tal-UE, għandu jiġi definit u applikat skont l-għanijiet mifthiema.

4.2.4.   F’dan ir-rigward, eżempju tassew rilevanti huwa l-entitajiet lokali u reġjonali li f’għadd ta’ Stati Membri huma responsabbli għall-implimentazjoni tal-liġi Ewropea. Dawn l-entitajiet għandhom jikkunsidraw b’mod korrett il-liġi Komunitarja.

4.2.5.   Qasam ieħor vast u importanti huwa dak tal-akkwist pubbliku. Minkejja l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-2004, il-prattiki tradizzjonali u l-proċeduri amministrattivi, inklużi l-ostakli legali li jxekklu l-kompetizzjoni transkonfinali fil-kuntratti pubbliċi, għadhom hemm. L-akkwist pubbliku jeħtieġ attenzjoni kontinwa, filwaqt li jibqa’ jiġi rispettat in-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali.

Il-KESE jqis li, fil-kuntest tat-tneħħija tal-ostakli leġiżlattivi fl-UE, il-gvernanza għandha tittejjeb b’mod konsiderevoli:

4.2.6.1.   Ir-reazzjoni eżistenti dwar l-applikazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni għadha mhijiex sodisfaċenti (19).

4.2.6.2.   Bħala aspett importanti indispensabbli għall-istat tad-dritt, il-monitoraġġ tal-Kummissjoni għandu jiġi estiż sistematikament għall-implimentazjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE. Din il-kwistjoni teħtieġ attenzjoni speċjali u dibattitu politiku.

4.2.6.3.   Minbarra dan, ikun mixtieq li n-netwerks tal-evalwazzjoni ta’ bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali (20) jiġu introdotti fejn ma jeżistux u li jitrawmu l-ħiliet amministrativi fl-Istati Membri.

4.2.6.4.   Fl-istess perspettiva, il-KESE japprova t-twaqqif reċenti tan-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà mill-Kumitat tar-Reġjuni li jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-UE u l-entitajiet lokali u reġjonali.

4.2.6.5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-regolaturi nazzjonali japplikaw ir-regoli tal-UE bl-istess mod u b’mod koordinat.

4.2.6.6.   Il-gvernanza mixtieqa msemmija f’4.2.6 għandha tiġi applikata bl-istess mod fil-każ ta’ ostakli mhux legali li spiss jinħolqu mill-prattiki amministrattivi eżistenti.

4.3.   Is-Suq Uniku tas-Servizzi

L-Ewropa tinsab f’salib it-toroq fir-rigward tas-Suq Intern tas-Servizzi. L-istat tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi, previsti għal tmiem l-2009, irid jiġi segwit mill-qrib biex jiġi żgurat li ma jiżdiedu l-ebda ostakli u diskrepanzi fil-livell nazzjonali. Madankollu, hawnhekk ma għandhomx jaqgħu l-istandards soċjali, ambjentali, tal-kwalità u tas-sigurtà. L-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi tal-UE titlob li l-persunal amministrattiv jitħarreġ tajjeb (lingwi, ħiliet interkulturali).

4.3.1.1.   L-approċċ attwali adottat mill-Kummissjoni Ewropea b’appoġġ għat-traspożizzjoni tad-Direttiva f’livell nazzjonali jidher li hu effikaċi u għandu jitħeġġeġ aktar.

Fir-rigward tal-aspetti speċifiċi tad-Direttiva tas-Servizzi, il-libertà tal-istabbiliment u l-attivitajiet transkonfinali hija element ewlieni għall-ħolqien tal-ambjent ideali għan-negozju Ewropew (21).

4.3.2.1.   Ir-reazzjoni mill-partijiet interessati tidher li tindika li minkejja l-eżistenza ta’ miżuri ad hoc li jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ negozju fi Stat Membru ieħor, xorta għad hemm lok għal titjib.

Kwistjoni oħra li għandha tiġi indirizzata hija l-approċċ li għandu jiġi adottat fl-oqsma li bħalissa mhumiex koperti bid-Direttiva tas-Servizzi.

4.3.3.1.   Uħud mis-setturi bħas-servizzi finanzjarji, il-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi awdjoviżivi huma regolati apparti, waqt li oqsma oħra mhumiex regolati fil-livell tal-UE.

4.3.3.2.   Dawn tal-aħħar jistgħu jippreżentaw differenzi minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk joħlqu l-possibbiltà ta’ ostakli mhux mistennija. Għalhekk, hemm il-ħtieġa ta’ aktar koordinazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali biex jiġu evitati approċċi kontra xulxin dwar kwistjonijiet speċifiċi li jaffettwaw l-ambjent tan-negozju Ewropew direttament.

Barra minn dan, irid jiġi enfasizzat li llum il-ġurnata l-linja li tifred l-oġġetti mis-servizzi dejjem tiċċajpar aktar. Għaldaqstant, implimentazzjoni korretta tal-libertà tal-istabbiliment u l-attivitajiet transkonfinali tkun tabilħaqq ta’ benefiċċju għall-industrija tal-manifattura.

4.3.4.1.   Anke fil-preżenza ta’ traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw bir-reqqa l-kwistjonijiet pendenti u jżommu ostakli ġodda milli joħorġu. Billi l-biċċa l-kbira tal-progress fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs sar fis-suq tal-oġġetti, il-lezzjonijiet minn dak il-qasam jistgħu joffru ħjiel utli ta’ kif għandhom jiġu ttrattati l-ostakli li għadhom jeżistu fis-servizzi.

4.4.   L-Approċċ il-Ġdid, il-Pakkett tal-Oġġetti 2008 u l-istandardizzazzjoni

4.4.1.   L-Approċċ il-Ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandards tekniċi (22) u r-reviżjoni għaddejja tiegħu huwa wieħed mill-aktar suċċessi tanġibbli fit-tneħħija tal-ostakli għall-kompetittività fis-Suq Intern.

4.4.2.   Fiċ-ċirkustanzi attwali, huwa ferm importanti li jinżamm il-metodu tal-Approċċ il-Ġdid u li jiġi evitat li jintilfu r-riżultati miksuba minħabba miżuri ta’ protezzjoniżmu.

4.4.3.   Jiswa wkoll li jiġi vvalutat kif ħadmet l-applikazzjoni u l-użu tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. B’mod partikolari għandu jitqies kemm l-iżvilupp sostenibbli jista’ jiġi żgurat minn lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mmonitorjat l-impatt reali tal-“Pakkett tal-Oġġetti” 2008, li hu maħsub biex ir-rikonoxximent reċiproku jaħdem.

4.4.4.   Qasam ieħor huwa l-istandardizzazzjoni li normalment tissejjes fuq miżuri volontarji u mhux fuq leġiżlazzjoni. Il-kontribut ċar tal-istandardizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika Ewropea jiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet li għadhom jeżistu li jfixklu l-isforzi fis-Suq Intern kif ukoll il-pożizzjoni tal-kompettittività tal-UE fix-xena dinjija.

4.4.5.   F’każijiet oħra, huwa n-nuqqas ta’ standards f’xi qasam partikolari li joħloq ostakli (legali), bħal fl-akkwist pubbliku fejn nuqqas ta’ kunsens fost l-atturi industrijali jkollu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fl-UE. Dan joħroġ ċar pereżempju meta kumpaniji jagħtu bidu għal “taqbida għall-istandards” biex jistabbilixxu jew jiddefendu pożizzjoni monopolistika fis-suq, bi ħsara għall-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur. F’dawn il-każijiet għandha titqies il-possibbiltà ta’ intervenzjoni min-naħa tal-UE biex tiffaċilita ftehim bejn il-partijiet konċernati.

4.4.6.   Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi għall-istandardizzazzjoni f’ċerti oqsma bħall-akkwist pubbliku u s-servizzi tal-IT u l-komunikazzjoni. Madankollu, biex tiġi evitata d-distorsjoni fil-proċess, huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jiġu involuti meta jiġu stabbiliti l-istandards. F’dan ir-rigward, inizjattivi għaddejjin bħall-ħidma tan-NORMAPME dwar l-istandardizzazzjoni u l-SMEs għandhom jitħeġġu aktar.

4.5.   It-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati

Politika prominenti tal-Kummissjoni Ewropea hija l-Programm ta’ Azzjoni 2007 dwar il-kejl tal-piżijiet amministrattivi biex jiġi ssemplifikat l-ambjent regolatorju tan-negozju.

4.5.1.1.   Bis-saħħa tal-iStandard Cost Model, oriġinarjament adottat fl-Olanda, l-UE bħalissa qiegħda tiffinalizza l-kejl tal-piżijiet iġġenerati mil-leġiżlazzjoni tagħha stess (23).

4.5.1.2.   It-twaqqif tal-Grupp Stoiber – Grupp ta’ Livell Għoli ta’ 15-il espert – biex iressaq proposti ta’ tnaqqis kien pass ieħor lejn il-konkretizzazzjoni ta’ din l-inizjattiva.

Il-programm għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi qiegħed kull ma jmur jaqbad l-art fil-livell nazzjonali, u l-Istati Membri diġà impenjaw ruħhom li jkejlu u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi f’pajjiżhom.

4.5.2.1.   F’dan l-istadju, huwa assolutament essenzjali li jiġu kkoordinati l-istrateġiji tal-kejl u t-tnaqqis madwar l-Ewropa u bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali għas-suċċess tal-eżerċizzju.

4.6.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

4.6.1.   Biex is-Suq Intern jaħdem b’mod effikaċi, minn barra l-moviment ħieles tal-oġġetti u s-servizzi, għandu jiġi approvat il-moviment ħieles tal-professjonisti. B’konformità mad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill tar-riċerka dwar il-mobbiltà tar-riċerkaturi, jeħtieġ li jkun hemm applikazzjoni usa’ li tkopri professjonisti oħrajn.

4.6.2.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fl-UE huwa kwistjoni kumplessa li tmur lilhinn mill-kwistjoni tal-ostakli leġiżlattivi; din għandha tiġi indirizzata minħabba li hija marbuta direttament mal-problema tal-ostakli (moħbija) fis-Suq Intern.

4.6.3.   Dan l-aħħar, sar avvanz kbir ħafna f’dan il-qasam bit-twaqqif tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki, l-hekk imsejjaħ ħames libertà, jiġifieri l-mobbiltà tar-riċerkaturi. Il-KESE jilqa’ dan il-pass sinifikanti ’l quddiem.

4.7.   Inizjattivi oħra

Minħabba t-tul u l-ispiża tal-proċeduri ġudizzjarji tradizzjonali, mekkaniżmi oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim jagħtu kontribut siewi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti li jinqalgħu mill-attivitajiet transkonfinali.

4.7.1.1.   Madankollu, ftit huwa magħruf dwar is-sitwazzjoni attwali tal-użu u l-aċċess għal din l-għodda fost in-negozji u ċ-ċittadini. Hija ħasra li r-rakkomandazzjonijiet mhux obbligatorji tal-Kummissjoni f’dan il-qasam jiġu applikati biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri.

4.7.1.2.   Ikun siewi li l-kwistjoni tiġi mistħarrġa aktar fil-fond u jsir magħruf kif tista’ tiġi appoġġjata u promossa fil-prattika bħala mezz addizzjonali għat-tnaqqis tal-ostakli u l-problemi eżistenti.

4.7.2.   Meta jaħdem sew, in-netwerk tas-SOLVIT jitfaħħar kif għandu jkun għall-ħila tiegħu li jsolvi l-problemi malajr u jipprevjeni milli jinqalgħu oħrajn. Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-riżorsi u l-persunal allokati għaċ-Ċentri nazzjonali jissodisfaw b’mod xieraq il-bżonnijiet eżistenti (24) u li l-partijiet interessati jkunu konxji tal-eżistenza u l-funzjonijiet tan-netwerk.

Ir-rwol tan-Netwerk Enterprise Europe (li issa jissostitwixxi n-Netwerk taċ-Ċentri tal-Informazzjoni dwar l-UE – EICs) huwa wkoll sors ta’ appoġġ ewlieni partikolarment għall-SMEs, u jtejjeb l-ambjent operattiv tagħhom. Fil-fatt, in-Netwerk Enterprise Europe spiss jirrappreżenta wiċċ l-Ewropa għall-operaturi fil-livell lokali.

4.7.3.1.   Studji preċedenti (25) sabu li waqt li n-netwerk preċedenti ta’ EICs ġeneralment kien jipprovdi servizzi ta’ kwalità, il-mekkaniżmi tar-reazzjoni bejn iċ-Ċentri u l-Kummissjoni Ewropea mhux dejjem ħadmu tajjeb. Dan l-aspett għandu jiġi evalwat mill-ġdid u jsir intervent fejn il-problema tippersisti.

4.7.4.   Ilmenti dwar l-ostakli legali jistgħu jiġu indirizzati wkoll direttament lill-Kummissjoni Ewropea. Din il-komunikazzjoni addizzjonali għandha tingħata pubbliċità adegwata.

4.7.5.   L-istat attwali tal-inizjattivi tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni għandu impatt ukoll fuq l-ambjent tan-negozju, u dawn jistgħu jgħinu biex jitneħħew l-ostakli eżistenti. Ikun ideali li jiżdied l-għarfien dwar l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni biex jinxterdu l-aħjar prattiki (26).

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Għal ħarsa ġenerali dwar l-ostakli li għad fadal għas-Suq Uniku, ara l-istudju tal-KESE-SMO fuq http://www.eesc.europa.eu/smo/news/index_en.asp

(2)  F’Ġunju 2001, is-Summit tal-Kunsill ta’ Gothenburg żied id-dimensjoni ambjentali għall-Aġenda ta’ Liżbona.

(3)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 39.

(4)  Ara r-rapport reċenti mill-OECD favur it-tkomplija tar-riforma regolatorja u prekompetittiva fil-kuntest attwali tal-kriżi (Going for Growth 2009)

(5)  B’mod partikolari ara t-Tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, COM(2009) 15 finali.

(6)  F’dan il-kuntest, ara l-fuljett illustrattiv: Meta ġejja verament l-1992? tal-Federazzjonijiet tal-Impjegaturi (VNO – NCW, MKB – ippublikat f’Diċembru 2008) L-1992, kienet dak iż-żmien imħabbra bħala s-sena tal-kompletar tas-Suq Intern.

(7)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol, ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14, punt 1.5

(9)  Ara l-Artikolu 87.3(b) tat-Trattat KE. Din hija bidla deliberata tal-bażi legali mill-Artikolu 87.3(c) li jiġi applikat is-soltu. Tagħti iktar lok għal appoġġ lill-Istati Membri u tista’ twassal għal distorsjonijiet. Għaldaqstant, “il-Kummissjoni għandha ssewgi dawn id-distorsjonijiet intenzjonati u awtorizzati mill-qrib u tikkoreġihom malli s-sitwazzjoni ekonomika terġa’ għan-normal”, ara l-opinjoni ĠU C 228, 22.9.2009, p. 47.

(10)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1

(11)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8, ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2 ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

(12)  Il-kelma “monitorjata” qed tintuża hawnhekk, u fil-punti 4.2.1 u 4.2.6.2 f’sens ġenerali mingħajr id-definizzjoni dettaljata tar-rwol u l-mandat tal-Kummissjoni. Dawn ivarjaw skont l-istrumenti legali użati f’każijiet konkreti.

(13)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 11.

(14)  Ara r-Rapport ta’ de Larosière dwar il-monitoraġġ finanzjarju fl-EU, il-25 ta’ Frar 2009

(15)  Dan il-metodu jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE fl-oqsma ta’ politika li jaqgħu fil-kompetenzi tagħhom, bħall-impjiegi, l-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, iż-żagħżagħ u t-taħriġ. Huwa tipikament għodda ta’ politika intergovernattiva. Għal aktar dettalji: http://europa.eu/scadplus/glossarty/open_methodcoordination_en.htm.

(16)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 3.

(17)  Ara COM(2008) 703, u ĠU C 325, 30.12.2006, p. 3.

(18)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52.

(19)  Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi għadd ta’ sorsi ta’ informazzjoni, fosthom punti ta’ kuntatt għall-ilmenti bħall-call centre Europe Direct, il-Eurojus, iċ-ċentri nazzjonali tas-SOLVIT, iċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej, in-Netwerk Enterprise Europe u l-portal tal-Ewropa Tiegħek.

(20)  Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għas-sistema tal-Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI), li l-Kummissjoni żviluppat biex tiffaċilita l-informazzjni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar il-leġiżlazzjoni ta-UE.

(21)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 11.

(22)  Imniedi fl-1985, l-Aproċċ il-Ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni teknika jikkostitwixxi żvolta għal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-Suq Intern. Huwa ġie adottat bħala tweġiba għall-ambjent leġiżlattiv kumpless li rriżulta minn sensiela ta’ regoli dettaljati stabbiliti għall-ħolqien u l-kompletar tas-Suq Intern tal-oġġetti.

(23)  Dan l-approċċ – ħafna drabi msejjaħ il-ġlieda kontra l-burokrazija, huwa maħsub biex jidentifika u jkejjel kull piż amministrattiv għall-kumpaniji li joħroġ minn leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex jinstabu possibbiltajiet għat-tnaqqis ta’ 25 % ta’ dan il-piż.

(24)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 15.

(25)  Renda A., Schrefler L. and Von Dewall F. (2006), Ex post evaluation of the MAP 2001-2005 initiative and suggestions for the CIP 2007-2013, CEPS Studies.

(26)  Il-KESE waqqaf database dedikata għall-inizjattivi Ewropej ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni flimkien mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea: http://eesc.europa.eu/self-and-coregulation/index.asp.


APPENDIĊI

għall-opinjoni

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-test li ġej, tal-Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata, ġie rrifjutat favur emenda adottata mill-assemblea iżda ġabar mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Biddel il-punt 3.1 kif ġej:

“Il-kunċett tas-Suq Uniku huwa wieħed dinamiku. Il-kontenut tiegħu u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-atturi kollha ekonomiċi fl-Ewropa huma definiti b’għanijiet ta’ politika tal-UE xierqa u ggarantiti bil-liġi Ewropea. L-għanijiet u r-regoli jiġu aġġustati minn żmien għal żmien skont il-bidla fiċ-ċirkostanzi.”

Raġuni

Kumment fl-Opinjoni tal-KESE SOC/315.

Riżultat tal-votazzjoni

L-emenda ġiet adottata b’125 vot favur, 76 vot kontra u 9 astensjonijiet.