|
22.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 228/103 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
COM(2008) 867 finali – COD 2008/0267
2009/C 228/20
Nhar l-20 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 159(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni”
Nhar it-13 ta’ Jannar 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu 2009) li jaħtar lis-Sur PARIZA CASTAÑOS bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’ 152 vot favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-iskop tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi estiż temporanjament biex jgħin lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi ekonomika internazzjonali attwali. |
|
1.2 |
Hemm ħtieġa urġenti li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jħaffu n-negozjati sabiex ir-Regolament il-ġdid ikun jista’ jiġi adottat kemm jista’ jkun malajr matul il-mandat attwali. |
|
1.3 |
Il-KESE jipproponi li għandha ssir valutazzjoni tal-EGF tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali bil-għan li jiġu analizzati l-proċeduri u l-ġestjoni tal-Fond u s-sitwazzjoni ekonomika u tas-swieq tax-xogħol. Il-valutazzjoni għandha titwettaq mill-KESE flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. |
|
1.4 |
Il-Kumitat jikkunsidra li r-riżerva tal-baġit ta’ EUR 500 miljun mhijiex biżżejjed u jipproponi li jitpoġġew EUR 1 000 miljun għad-dispożizzjoni tal-Fond, ammont li jista’ jiżdied fil-futur skont kif tiżviluppa l-kriżi ekonomika. |
|
1.5 |
Bħalissa jridu jgħaddu seba’ xhur minn meta titressaq it-talba sa meta jsir il-ħlas mill-Kummissjoni. Billi dan huwa żmien twil wisq biex tingħata għajnuna lill-ħaddiema liċenzjati, il-Kumitat jipproponi li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jingħata baġit inizjali għalih. |
|
1.6 |
Il-Kumitat jaqbel li l-ammont ta’ liċenzjati meħtieġ biex jinfetaħ l-aċċess għall-Fond irid jitnaqqas għal 500; li l-fondi għandhom ikunu disponibbli għal 24 xahar u li l-UE għandha tagħti kontribut finanzjarju li jwassal sa 75 %. |
|
1.7 |
Il-KESE jipproponi li l-imsieħba soċjali għandhom jingħataw rwol aktar attiv fl-istadji kollha tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-assistenza mill-EGF kemm fil-livell tal-kumpaniji kif ukoll fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE. |
2. Kuntest
|
2.1 |
F’Marzu 2006, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex jitwaqqaf Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (1) bl-iskop li jipprovdi appoġġ speċifiku u ta’ darba li jiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema li jkunu f’oqsma jew setturi li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ taqlib ekonomiku serju minħabba d-delokalizzazzjoni ekonomika lejn pajjiżi terzi, żjieda qawwija fl-importazzjonijiet, jew tnaqqis gradwali tas-sehem fis-suq tal-UE f’settur partikolari. Il-Kummissjoni fasslet proposta għal Regolament, li l-Kunsill kkonsulta mal-KESE għall-opinjoni tiegħu. |
|
2.2 |
Fit-13 ta’ Diċembru 2006, il-KESE adotta l-opinjoni tas-CCMI/036 (2) (rapporteur: is-Sur van Iersel, korapporteur: is-Sur Gibellieri), li laqgħet il-proposta tal-Kummissjoni u li qablet mal-objettivi tal-EGF. Il-Kumitat għadda numru ta’ kummenti u suġġerimenti bil-ħsieb li r-regolament tal-EGF jaħdem b’mod effiċjenti (3). |
|
2.3 |
Ir-Regolament (KE) Nru. 1927/2006 (4) li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u ser jibqa’ japplika sal-2013. L-għajnuna pprovduta mill-Fond tista’ tammonta għal total annwali ta’ EUR 500 miljun, u hija supplimentari għall-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew. Il-ġestjoni tal-Fond hija f’idejn id-Direttorat Ġenerali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs tal-Kummissjoni. |
|
2.4 |
L-applikazzjonijiet iridu jitressqu mill-Istati Membri u mhux mill-kumpaniji jew il-ħaddiema milquta. |
|
2.5 |
Fl-Lulju 2008, il-Kummissjoni fasslet Komunikazzjoni (5) li tivvaluta l-ewwel xhur tat-tħaddim tal-EGF (6) u tanalizza l-prospettivi u l-proposti għall-modifiki fil-ġejjieni. |
|
2.6 |
Ir-reviżjoni tal-Kummissjoni kienet pożittiva, għalkemm il-Fond intuża ħafna inqas milli kien mistenni, u ħabbret li kienet ser tissemplifika l-proċeduri, tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u ttejjeb il-pubbliċità għall-Fond. Wegħdet ukoll li tipproponi xi modifiki għar-Regolament qabel ma toħroġ ir-rapport annwali li jmiss, li jrid jitħejja sa nofs l-2009. |
|
2.7 |
Mill-banda l-oħra, ħafna ħaddiema tilfu l-impjieg tagħhom u ħafna negozji qed jagħlqu temporanjament jew definittivament bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija. |
|
2.8 |
Fil-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku Ewropew tagħha (7), il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tagħmel l-EGF strument aktar effettiv għal azzjoni bikrija, bħala parti mir-risposta Ewropea għall-kriżi. Għal dan l-iskop, ir-Regolament irid jinbidel biex ikun jista’ jaġixxi iktar malajr f’xi setturi, b’mod partikolari biex jikkofinanzja t-taħriġ u l-impjegar mill-ġdid tan-nies li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi ekonomika. |
3. Proposta li temenda r-Regolamenti tal-EGF
|
3.1 |
L-għan ta’ din il-proposta huwa li jippermetti l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jirreaġixxi b’mod aktar effettiv b’appoġġ għall-ħadiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-globalizzazzjoni, biex iwessa’ temporanjament l-iskop tiegħu billi jkopri lil dawk li tilfu xogħlhom minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex it-tħaddim tal-Fond joqrob iktar lejn l-objettiv tiegħu ta’ solidarjetà. Biex jintlaħaq dan l-objettiv iridu jiġu emendati xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. |
|
3.2 |
Qabel ma fasslet il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali billi organizzat konferenza fi Brussell fl-4 ta’ Settembru 2008. |
|
3.3 |
It-tibdil fir-Regolament għandu jservi ta’ garanzija li l-Fond jissodisfa l-għan tiegħu ta’ solidarjetà mal-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-bidliet kbar li ġabet magħha l-globalizzazzjoni, fosthom id-dispożizzjoni temporanja biex tappoġġja lill-ħaddiema li tilfu x-xogħol minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. |
|
3.4 |
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi wkoll numru ta’ modifiki għar-Regolament biex il-proċeduri u r-rekwiżiti tal-applikazzjoni jsiru aktar flessibbli u sempliċi, u biex jiġi estiż l-iskop tal-Fond. |
4. Kummenti ġenerali
|
4.1 |
Eluf ta’ ħaddiema Ewropej tilfu xogħlhom f’dawn l-aħħar xhur minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali. Il-KESE jqis li flimkien mal-politiki ekonomiċi u monetarji li qed jiġu adottati skont il-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku Ewropew (8), l-UE għandha tippromovi wkoll politiki speċifiċi ta’ appoġġ għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom. |
|
4.2 |
F’dan il-perjodu ta’ kriżi u inċertezza, iċ-ċittadini Ewropej għandhom jirċievu messaġġ ċar mill-Unjoni Ewropea, li turi d-disponibbiltà tagħha li tgħin lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom. |
|
4.3 |
Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-iskop tal-EGF għandha tiġi estiża temporanjament biex tgħin lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi ekonomika internazzjonali attwali. |
|
4.4 |
Skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, ir-riżerva annwali tal-baġit għall-EGF m’għandhiex tkun iktar minn EUR 500 miljun. |
|
4.5 |
Il-KESE jemmen li fis-sitwazzjoni preżenti, dan l-ammont riżervat fil-baġit jista’ ma jkunx biżżejjed biex jintlaħqu dawn il-miri. Għalhekk il-Kumitat qed jipproponi li dan l-ammont jiżdied temporanjament sakemm il-kriżi ddum fil-fażi akuta tagħha, l-impjiegi jibqgħu jintilfu u l-ħaddiema mkeċċija. Il-Kumitat jipproponi li għall-2009 l-Fond ikollu riżerva ta’ EUR 1 000 miljun, b’somma ikbar tkun ippjanata għall-2010 jekk ikun hemm żjieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet għall-assistenza. |
|
4.6 |
Bħalissa jridu jgħaddu seba’ xhur minn meta titressaq it-talba sa meta jsir il-ħlas mill-Kummissjoni. Billi dan huwa żmien twil wisq biex tingħata għajnuna lill-ħaddiema liċenzjati, il-Kumitat jipproponi li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jingħata baġit inizjali għalih. |
|
4.7 |
Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni biex ir-rekwiżit għall-applikazzjonijiet għall-EGF jonqos minn 1 000 persuna li titlef ix-xogħol għal 500, peress li dan jirrifletti aħjar id-daqs tan-negozji Ewropej. |
|
4.8 |
Minħabba l-effetti tal-globalizzazzjoni, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni (9) li wieħed irid iqis mhux biss it-tkeċċijiet minħabba l-bidliet strutturali fil-kummerċ dinji, iżda wkoll minħabba tipi oħra ta’ bidliet strutturali li huma l-frott tat-teknonolġija, il-prodotti, bidliet fl-organizzazzjoni tal-produzzjoni u l-aċċess għall-materji primi u l-prezz tagħhom. |
|
4.9 |
Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-perjodu ta’ kontribuzzjoni tal-fond għal 24 xahar, peress li l-perjodu inizjali ta’ 12-il xahar li hemm fir-Regolament mhuwiex biżżejjed biex il-ħaddiema li tilfu l-impjieg isibu xogħol ieħor. |
|
4.10 |
Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-limitu tal-kontribut tal-EGF għandu jiżdied minn 50 % għal 75 % peress li fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, l-UE għandha ssaħħaħ is-solidarjetà tagħha mal-ħaddiema li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom u mal-Istati Membri. |
|
4.11 |
Il-KESE jaqbel li biex jiġi kkalkolat in-numru tan-nies qiegħda, għandu jitqies jew il-mument li min iħaddem jagħti notifika individwali ta’ tmiem tal-kuntratt ta’ impjieg ta’ ħaddiem li jitkeċċa, jew it-tmiem fil-fatt ta’ kuntratt qabel ma dan ikun skada. |
|
4.12 |
Skont il-KESE, l-Artikolu 2 ikopri wkoll is-sensji fi kwalunkwe kumpanija jew reġjun fl-UE li jseħħu minħabba r-rilokazzjoni għal reġjuni oħra fi ħdan l-UE. Għalkemm ir-reġjuni kollha tal-UE jiffurmaw parti minn suq intern uniku, il-pressjonijiet li l-globalizzazzjoni titfa’ fuq il-kumpaniji biex jikkompetu fuq livell dinji spiss iwasslu għal ċaqliq lejn reġjuni li għandhom spejjeż aktar baxxi tal-produzzjoni, kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-UE. |
|
4.13 |
F’opinjoni preċedenti (10), il-KESE argumenta li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra (negozji jew reġjuni) għandhom jipparteċipaw b’mod adegwat f’dawn il-proċeduri. L-Artikolu 5 tar-Regolament jipprovdi li fl-applikazzjoni, l-Istati Membri jridu jirrappurtaw dwar il-proċeduri li jsegwu fil-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. Il-Kumitat iqis li l-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-kumpanija u dak reġjonali u nazzjonali għandha tkun kundizzjoni għall-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni. |
|
4.14 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fl-appoġġ amministrattiv u tekniku għall-Istati Membri, biex jiġu megħjuna jippreparaw l-applikazzjonijiet u għalhekk tissaħħaħ il-konsistenza tal-applikazzjonijiet madwar l-Ewropa, u jħeġġiġha tieħu rwol proattiv fil-konfront tal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali. |
|
4.15 |
L-EGF għandu jissuplimenta l-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew: għalhekk id-duplikazzjoni għandha tiġi evitata. Il-Kumitat iqis li l-awtoritajiet reġjonali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jikkooperaw biex jiżguraw li ż-żewġ fondi jintużaw sew, permezz tal-proċeduri ta’ parteċipazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew. |
|
4.16 |
Il-KESE jipproponi li għandha ssir valutazzjoni tal-EGF tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament il-ġdid fil-Ġurnal Uffiċjali bil-għan li jiġu analizzati l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament, il-ġestjoni tal-Fond, u s-sitwazzjoni ekonomika u tas-swieq tax-xogħol. Din il-valutazzjoni għandha tikkunsidra l-aspetti li ġejjin:
|
5. Kummenti speċifiċi dwar l-Artikli tar-Regolament
|
5.1 |
Artikolu 1(1): meta wieħed iqis l-effetti tal-globalizzazzjoni, il-KESE jissuġġerixxi li r-Regolament għandu jkopri wkoll is-sensji li mhumiex ir-riżultat dirett tal-bidliet fit-tendenzi tal-kummerċ, iżda li huwa l-frott ta’ bidliet strutturali oħra marbuta mat-teknonolġija, il-prodotti, l-organizzazzjoni tal-produzzjoni u l-aċċess għall-materji primi (ara 4.7 u 4.11). |
|
5.2 |
Artikolu 2. Il-kriterji ta’ intervent: il-Kumitat jaqbel li jitnaqqas għal 500 n-numru ta’ ħaddiema qiegħda meħtieġa għal talba ta’ intervent mill-EGF, iżda jqis li fil-valutazjoni li jmiss, għandha tiġi eżaminata l-possibbilta li n-numru jonqos iktar, skont is-settur u r-reġjun milquta (ara 4.6). |
|
5.3 |
Artikolu 2. Il-kalkolu tas-sensji: il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni (ara 4.10). |
|
5.4 |
Artikolu 5(2)(a) Il-Kumitat jaqbel mal-emenda proposta mill-Kummissjoni u jissuġġerixxi wkoll l-inkorporazzjoni tal-proposta li saret hawn fuq għal Artikolu 1(1). Il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li punt (f) jiġi emendat kif ġej: “Peress li l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali hija essenzjali għall-użu effettiv tal-Fond, l-applikazzjonijiet għandhom jinkludu l-proċeduri li ntużaw għall-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni mill-imsieħba soċjali” (ara 4.12). |
|
5.5 |
Artikolu 8. Il-Kumitat jaqbel mal-emendi għal paragrafi 1, 2 u 3, iżda jipproponi li jiddaħħal paragrafu 4 ġdid: “L-assistenza teknika tal-Kummissjoni għandha tkun ta’ natura proattiva, li tinvolvi lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali fl-użu, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-EGF” (ara 4.13). |
|
5.6 |
Artikolu 10(1). Il-Kumitat jaqbel li l-ammont tal-kontribut finanzjarju tal-EGF jista’ jitla’ sa 75 % tal-ispiża stmata (ara 4.9). |
|
5.7 |
Artikolu 13(2). Il-Kumitat jaqbel li l-kontribut finanzjarju tal-Fond jista’ jintuża għal perjodu ta’ 24 xahar (ara 4.8). |
|
5.8 |
Artikolu 17. Il-Kumitat jipproponi li punt (a) jiġi emendat kif ġej: “Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ta’ nofs it-term flimkien mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali dwar l-effikaċja u t-tħaddim tal-Fond tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali” (ara 4.15). |
|
5.9 |
Artikolu 20. Il-Kumitat jipproponi li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi emendata kif ġej (sottopraragrafu ġdid): “Wara li l-valutazzjoni prevista f’Artikolu 17, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrevedu dan ir-Regolament, inkluża d-deroga temporanja pprovduta f’Artikolu 1(1)(a)”. |
Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) COM(2006) 91 finali, 2006/0033 (COD)
(2) ĠU C 318, 23.12.2006, pp. 38-41.
(3) Il-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu fit-13 ta’ Diċembru 2006 (PE A6-0385/2006), ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1; corrigendum ĠU L 048, 22.2.2008, p. 82. Il-KtR ġie kkonsultat (opinjoni tal-KtR 137/2006 fin, rapporteur: is-Sinjura Oldfather), ĠU C 51, 6.3.2007.
(4) ĠU L 406, 30.12.2006, pġ. 1; Corrigendum għar-Regolament fil-ĠU L 48, 22.2.2008, p. 82 u għall-verżjoni bl-Ingliż fil-ĠU L 202, 31.7.2008, p. 74.
(5) COM(2008) 421 finali.
(6) Daħlu għaxar applikazzjonijiet fl-2007, u ħamsa biss fl-2008.
(7) COM(2008) 800 finali, 26.11.2008.
(8) COM(2008) 800 finali.
(9) Solidarjetà quddiem il-Bidla: Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) fl-2007 - Reviżjoni u Prospetti COM (2008) 421 finali
(10) ĠU C 318, 23.12.2006, pġ. 38-41.