22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija

COM(2008) 781 finali

2009/C 228/16

Nhar it-13 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura SIRKEINEN.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għax tenfasizza, kif tant kien hemm bżonn, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u jikkonkludi li:

il-kriżi reċenti tal-gass reġgħet tat xhieda tal-bżonn ta’ approċċ komuni fost l-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-enerġija, internament u esternament,

it-tielet pakkett tas-suq tal-enerġija għadu ma ġiex iffinalizzat, dan il-fattur jikkontradixxi t-tliet għanijiet tal-politika tal-enerġija – is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà,

l-isfidi li qed niffaċċjaw fejn jidħlu ż-żejt u t-trasport ma ngħatatilhomx l-attenzjoni li jeħtieġu mill-Kummissjoni,

il-Kummissjoni ma ndirizzatx l-aspetti soċjali tal-politiki tal-enerġija f’dan il-kuntest,

il-Komunikazzjoni jonqosha sens ta’ urġenza,

il-preżentazzjoni tal-Komunikazzjoni intitolata “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE”, li tħares lejn is-sorsi rinnovabbli bħala parti mis-sistema sħiħa tal-enerġija, hija urġenti,

l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta aġenda politika għall-2030 u viżjoni għall-2050 hija essenzjali, minħabba li tibdiliet kbar fit-teknoloġija u fis-sistemi jieħdu ż-żmien, u

l-aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv ikkunsidra bis-sħiħ il-kummenti tal-KESE dwar is-suġġett.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li

l-istrumenti kollha tal-UE li jistgħu jtaffu r-riskji għas-sigurtà tal-provvista għandhom jibdew jintużaw b’mod effikaċi u urġenti,

wara d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar il-proposti leġiżlattivi reċenti, l-enfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni u għandhom jiġu evitati proposti leġiżlattivi ġodda biex il-qafas leġiżlattiv jinżamm kemm jista’ jkun stabbli u prevedibbli,

minn fost il-ħames oqsma tal-pjan ta’ azzjoni, l-iffrankar tal-enerġija għandu jingħata prijorità ewlenija. L-effiċjenża fl-enerġija hija l-għodda ewlenija sabiex niffrankaw l-enerġija u l-potenzjal ta’ azzjonijiet kost-effettivi fil-qasam huwa kbir,

il-Kummissjoni għandha tagħżel il-prijoritajiet minn fost l-għadd kbir ta’ azzjonijiet li qed tipproponi li jittieħdu,

il-problemi relatati mas-swieq iżolati tal-enerġija għandhom jiġu indirizzati b’urġenza partikolari u n-Netwerks Trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-Es) għandhom jitlestew,

flimkien ma’ investimenti fl-infrastruttura, jeħtieġ li l-investiment kbir li hemm bżonn fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u fir-riċerka fundamentali minn issa sal-2050 jingħataw aktar attenzjoni,

fejn jidħlu relazzjonijiet esterni, l-UE għandha tiżviluppa approċċ globali, responsabbli u sostenibbli għall-enerġija b’konformità mal-politiki tas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa stess,

hemm bżonn ta’ bosta miżuri li jżidu l-iffrankar tal-enerġija, iżda għandha tiġi evitata regolamentazzjoni żejda fil-livell tal-UE,

l-UE jeħtieġ li tkun minn ta’ quddiem fit-teknoloġiji tal-effiċjenza fl-enerġija,

fejn hu possibbli, il-Kummissjoni teżamina jekk il-miri individwali fid-diversi oqsma tal-użu tal-enerġija humiex prattikabbli sabiex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b’mod partikolari tas-servizzi u l-prodotti li għandhom dimensjoni tas-suq interna,

deċiżjonijiet dwar il-ġejjieni tal-enerġija nukleari għandhom jittieħdu malajr minħabba l-ħtieġa ta’ investiment kbir fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u

il-viżjoni għall-2050 jeħtieġ li tinkludi l-qagħda globali, li fuqha għandhom jinbnew il-kundizzjonijiet qafas għall-ambizzjonijiet tal-UE.

2.   Daħla

2.1

L-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE huma s-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista. Reċentement is-sigurtà tal-provvista ma ngħatatx l-attenżjoni ċentrali u l-kwistjoni tat-trasferiment tal-gass bejn l-Ukraina u r-Russja, il-kriżi ekonomika u l-prezzijiet xejn stabbli tal-enerġija ħallew l-effetti negattivi tagħhom. Id-dipendenza fuq provvista esterna tal-enerġija fiha nfisha mhix problema, iżda l-konċentrazzjoni dejjem tiżdied ta’ dipendenza fuq fornituri, li mhumiex suġġetti għall-istess regoli tal-Ewropa, kif ukoll id-domanda dejjem tiżdied għall-gass, iżidu r-riskji ta’ problemi fil-provvista.

2.2

Il-proposti leġiżlattivi ewlenin tal-UE tul dawn l-aħħar sentejn kienu t-tielet pakkett tas-suq tal-elettriku u l-gass u l-pakkett tal-enerġija u l-klima. Dan tal-aħħar intlaħaq qbil dwaru f’rekord ta’ żmien, matul l-ewwel qari ta’ Diċembru 2008, u ħalla diversi dettalji importanti għall-komitoloġija. Il-pakkett tas-suq għadu mhux iffinalizzat wara kważi sentejn. Dan jikkontradixxi l-bżonn ta’ suq intern li jaħdem tajjeb sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu t-tliet għanijiet tal-politika tal-enerġija.

2.3

L-għanijiet differenti tal-politika tal-enerġija huma interdipendenti u l-politiki li jirrikjedu sa ċertu punt isaħħu lil xulxin iżda mhux f’kull aspett. L-ewwel prijorità għandha tingħata lis-sigurtà tal-provvista. Fid-dawl tal-effetti li jħallu l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u n-nuqqas ta’ enerġija, in-nies u l-intrapriżi għandu dejjem ikollhom provvista sigura tal-enerġija.

3.   Id-dokument tal-Kummissjoni

3.1

It-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija (SER) ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni f’Novembru 2008. Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta’ Azzjoni għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija li jikkonsisti f’5 punti:

Il-ħtiġijiet infrastrutturali u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija;

Ir-relazzjonijiet esterni fil-qasam tal-enerġija;

Il-ħażniet taż-żejt u tal-gass u l-mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet;

L-effiċjenza fl-enerġija;

L-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE.

3.2

L-aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv għall-2007 jagħmel parti mis-SER. Dan jiffoka fuq is-sigurtà tal-provvista, il-ħtiġijiet tal-investiment u l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-investiment.

3.3

Flimkien mas-SER, il-Kummissjoni ppreżentat:

il-Pakkett tal-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2008,

ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar il-Ħażniet taż-Żejt u

l-proposta reveduta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari.

3.4

Fid-dokument tas-SER, il-Kummissjoni tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tipproponi:

irfinar tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass fl-2010;

il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-karburanti fossili indiġeni tal-UE li jirrispetaw l-ambjent;

Komunikazzjoni intitolata “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE” u

Inizjattiva tal-Enerġija Sostenibbli tal-Iffinanzjar bħala proġett konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment.

3.5

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tipproponi li ġġedded il-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa fl-2010 bil-ħsieb li tfassal aġenda politika għall-2030 u viżjoni u Pjan ta’ Azzjoni ġdid għall-2050.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari minħabba l-enfasi tant meħtieġa li għamlet fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u minħabba l-isforz tagħha favur approċċ komprensiv lejn l-isfidi attwali tal-politika tal-enerġija. L-UE għandha strumenti li jistgħu jtaffu r-riskji tas-sigurtà tal-provvista. Dawn ġew identifikati mill-Kummissjoni, u issa għandhom jibdew jintużaw b’mod effikaċi.

4.2

Madanakollu l-azzjoni li tieħu l-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija m’għandhiex tfisser aktar proposti leġiżlattivi. Wara li jiġi adottat il-pakketti attwali, għandha ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni. Il-qafas legali għandu jkun stabbli sabiex ikollna qafas kemm jista’ jkun prevedibbli għall-azzjonijiet meħtieġa.

4.3

Reġa’ qam il-bżonn ta’ approċċ komuni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-enerġija. Saru sejħiet ripetuti għal vuċi waħda, anke mill-KESE. Iżda, sakemm xi Stati Membri, partikolarment Stati Membri kbar, jibqgħu jfittxu l-interessi tagħhom biss, il-qagħda Ewropea fil-qasam tal-enerġija ser tibqa’ aktar dgħajfa, vulnerabbli u ineffiċjenti minn kemm tista’ tkun.

4.4

Il-KESE jaqbel mal-ħames punti tal-pjan ta’ azzjoni, iżda jqiegħed l-effiċjenza fl-enerġija, jew l-iffrankar tal-enerġija, fl-ewwel post, minħabba li l-għan għandu jkun it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija, fejn l-għodda ċentrali hija effiċjenza aħjar fl-użu tal-enerġija. L-aħjar riżultati f’dan il-qasam ma jistgħux jieħdu post il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti fl-oqsma l-oħra. Iżda hemm potenzjal kbir għal azzjonijiet kost-effettivi favur effiċjenza aħjar fl-użu tal-enerġija, li għandu jiġi sfruttat biex b’hekk jiġu evitati miżuri oħra li jiswew aktar flus. L-aktar eżempju importanti huwa l-potenzjal kbir tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini.

4.5

Il-KESE stenna li l-Kummissjoni ser tagħti aktar attenzjoni lill-problemi taż-żejt u tat-trasport. 36 % tal-enerġija li tuża l-UE ġejja miż-żejt, l-aktar għat-trasport, u minħabba li t-trasport bit-triq qiegħed jiżdied, anke l-emissjonijiet tad-dijossidu karbonju qed jiżdiedu. Barra minn hekk, mistennija prezzijiet taż-żejt instabbli u t-tendenza miexja lejn prezzijiet ħafna iktar għoljin. F’Jannar il-KESE ppreżenta opinjoni “Niffaċċjaw l-Isfidi taż-Żejt” fuq talba tal-Parlament Ewropew (1).

4.6

Id-dokument tal-Kummissjoni ħalla barra wkoll l-aspetti soċjali tal-politika tal-enerġija, li jvarjaw mit-telf tal-impjiegi, il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda f’ekonomija favur l-ambjent, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll “il-faqar fl-enerġija”. Madanakollu, huwa jagħraf li l-enerġija ma tistax titqies prodott bħall-oħrajn u li d-distribuzzjoni tagħha, li hija servizz ta’ interess ġenerali, għandha tikkonforma mal-prinċipji tal-aċċess universali u prezz aċċessibbli.

4.7

Il-KESE jinnota nuqqas ta’ sens reali ta’ urġenza min-naħa tal-Kummissjoni, li fid-dawl tal-problemi li kellna niffaċċjaw fl-imgħoddi u l-problemi reċenti fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista, hija meħtieġa. Il-Komunikazzjoni tippreżenta għadd (aktar minn 45) ta’ azzjonijiet li beħsiebha tieħu – l-aktar komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni. Jeħtieġ li jintgħażlu l-azzjonijiet prijoritarji minn din il-lista sabiex ma jintilifx ir-ritmu.

4.8

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta aġenda politika għall-2030 u viżjoni għall-2050, li tkun appoġġjata minn Pjan ta’ Azzjoni ġdid. Il-Kumitat, fl-2006, kien irrefera għal viżjoni bħal din fl-opinjoni tiegħu dwar l-aħjar taħlita ta’ enerġija (2). Tibdiliet kbar fit-teknoloġija jieħdu ż-żmien, bħalma jieħdu ż-żmien tibdiliet reali fis-sistemi tal-enerġija, minħabba li investiment infrastrutturali jkopri perjodi twal ta’ żmien. Għalhekk neħtieġu viżjoni għall-ġejjieni, li tmur lil hinn mill-potenzjal limitat ta’ llum ta’ aġġustamenti fit-teknoloġija u l-infrastruttura.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-promozzjoni ta’ infrastruttura essenzjali għall-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE

5.1.1

Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tkun attiva f’dan il-qasam, partikolarment minħabba t-tħassib li jeżisti fir-rigward tad-dipendenza kontinwa fuq riżorsi esterni tal-enerġija. Dwar dan, il-KESE jixtieq jagħmel il-kummenti li ġejjin.

5.1.2

Is-sitt prijoritajiet li ppreżentat il-Kummissjoni jidhru li huma rilevanti ħafna. Huwa biss billi nagħżlu l-prijoritajiet li nistgħu niżguraw implimentazzjoni effiċjenti. Minn dak iż-żmien ’l hawn, lejn l-aħħar ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proġetti speċifiċi, fil-kuntest ta’ dawn il-prijoritajiet, biex tirċievi fondi bħala parti mill-pjan ta’ rkupru tal-UE. Huwa diffiċli li tittieħed pożizzjoni dwar dawn il-proġetti ta’ prijorità mingħajr tagħrif trasparenti dwarhom u dwar il-proġetti li għandhom potenzjal, inkluż tagħrif dwar finanzjament ipproġettat minn sorsi privati u pubbliċi.

5.1.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li ma tteħditx azzjoni qabel dwar is-sitwazzjoni tas-swieq tal-enerġija iżolati tal-Istati Baltiċi. Din l-azzjoni jeħtieġ li tittieħed bl-akbar urġenza. Fl-istess waqt, il-ħtiġijiet tal-enerġija ta’ Stati Membri żgħar u iżolati għandhom jingħataw attenzjoni, permezz ta’ proġetti ta’ interkonnessjoni mal-kontinent Ewropew.

5.1.4

Dwar il-kurituri tal-gass, il-KESE stqarr fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija, li jidher li hemm il-ħtieġa ta’ diversi proġetti relatati mal-ħtiġijiet tat-trasport tal-gass fil-ġejjieni. F’sens politiku il-proġetti m’għandhomx jitqiesu bħala għażliet f’kompetizzjoni bejniethom. Huwa importanti li tittieħed azzjoni urġenti li tiżgura l-provvista tal-gass, u dan jitlob azzjoni min-naħa tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

5.1.5

L-idea ta’ mekkaniżmu tax-xiri bil-blokka għandha tiġi spjegata aħjar kif għandha tiġi spjegata wkoll l-enfasi fuq ir-reġjun Kaspjan.

5.1.6

L-isfidi tas-sigurtà tal-provvista ma jissolvewx biss permezz tal-infrastruttura għat-trasport tal-enerġija. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija jeħtieġ tiġi ssostitwita b’investiment ta’ kważi EUR 1 000 biljun. Il-Kummissjoni indirizzat dan l-aspett fil-punt li jittratta s-sorsi indiġeni ta’ enerġija, iżda jeħtieġ li jiġu indirizzati wkoll l-investiment u l-finanzjament meħtieġa f’dan il-rigward.

5.1.7

Ir-rwol tal-atturi differenti hija kwistjoni ċentrali relatata mal-investiment. Dawn l-atturi huma l-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, l-Istati Membri u l-kumpaniji. Il-kumpaniji jinvestu iżda jinvestu meta jkollhom il-kundizzjonijiet adattati. Anki jekk isiru żbalji f’suq tal-enerġija li għaddej minn taqlib, il-kumpaniji qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw is-suq u jieħdu r-riskji. Is-settur pubbliku u l-politiċi jistgħu jaġixxu biex joħolqu kundizzjonijiet qafas tajbin u b’ċertu limitu joħolqu l-inċentivi u jagħtu appoġġ politiku. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkollabora aktar mill-qrib u b’mod aktar effettiv mas-settur privat u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

5.2   Enfasi fuq l-enerġija fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE

5.2.1

F’Jannar 2009, il-KESE ppreżenta l-opinjoni tiegħu dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija. Il-kummenti, il-konklużjoniet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-opinjoni għadhom rilevanti, u konformi mal-proposti tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. Il-Kumitat jisħaq b’mod partikolari fuq żewġ punti: il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex il-pajjiżi fornituri japplikaw l-istess kundizzjonijiet tal-UE, bħall-aċċess għall-infrastruttura, il-protezzjoni tal-investiment, eċċ, fis-suq tal-enerġija; u b’mod partikolari li l-prerekwiżit tal-Istati Membri, huma u jappoġġjaw in-negozjati dwar il-kuntratti kummerċjali, ikun li jeżisti qafas ta’ kundizzjonijiet komuni li jkun sar qbil dwaru.

5.2.2

Il-KESE ppreżenta wkoll approċċ imsejjes fuq żewġ pilastri għar-relazzjonijiet esterni dwar l-enerġija. Wieħed minnhom huwa s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa, u l-ieħor approċċ responsabbli u sostenibbli għall-enerġija globali. L-aspetti relatati mar-responsabbiltà globali tal-Ewropa, issemmew fil-qosor mill-Kummissjoni. Din ir-responsabbiltà timmerita attenzjoni serja, u ma tistax tistrieħ fuq is-saħħa tal-pożizzjoni tal-UE bħala mexxejja fin-negozjati internazzjonali biss.

5.3   Ħażniet imtejba taż-żejt u tal-gass u mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet

5.3.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma attwali tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Is-soluzzjoni għall-ħtieġa ta’ miżuri ta’ emerġenza għandha u tista’ tinstab f’mezzi oħra minflok fil-ħażniet obbligatorji tal-gass, li jiswew ħafna flus. Il-miżuri alternattivi huma d-diversifikazzjoni tas-sorsi u l-linji tal-provvista, il-gass naturali likwifikat (LNG), il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien, kuntratti mhux interrotti u l-bdil tal-fjuwil.

5.4   Spinta ġdida għall-effiċjenza fl-enerġija

5.4.1

Il-KESE ħareġ diversi opinjonijiet dwar l-effiċjenza fl-enerġija, inkluża diskussjoni dettaljata ta’ miżuri prattiċi. Il-Kumitat jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni, iżda jixtieq iżid xi osservazzjonijiet.

5.4.2

Teżisti għażla vasta u mingħajr limitu ta’ miżuri għall-użu u l-produzzjoni ta’ enerġija aktar effiċjenti. Il-Kummissjoni ippreżentat lista ta’ miżuri legali, bħall-miżuri għall-bini, l-ittikkettjar tal-enerġija, l-ekodisinn, eċċ. Fil-futur mistennija jittieħdu aktar miżuri f’dan ir-rigward. Il-KESE jitlob li tingħata attenzjoni partikolari sabiex niżguraw li dawn il-miżuri ma joħolqux regolamentazzjoni żejda iżda li jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal għall-innovazzjoni bl-aħjar mod possibbli. Hemm bżonn ta’ miżuri ta’ politika partikolari għal kull qasam fil-forma ta’ regolamentazzjoni, appoġġ pubbliku, eċċ. li jżidu l-iffrankar tal-enerġija, iżda li jitfasslu b’attenzjoni biex ikunu l-aktar miżuri kost-effettivi u l-inqas li jostakolaw is-suq. Il-miżuri tal-UE għandhom jindirizzaw il-prodotti u s-servizzi li jagħmlu parti mid-dimensjoni interna tas-suq biss. Il-KESE jixtieq li ssir aktar enfasi fuq il-possibbiltajiet ta’ azzjoni volontarja, l-awtoregolamentazzjoni, il-koregolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni.

5.4.3

L-Ewropa taqdi rwol mexxej fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija. Jeħtieġ li tkun ukoll minn ta’ quddiem fit-teknoloġiji tal-enerġija effiċjenti. L-UE għandha l-possibbiltà li tisfrutta l-pożizzjoni mexxejja li tinsab fiha u tagħmel profitt minnha. Dan jista’ jsir permezz ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp, appoġġ għall-innovazzjoni, fondi ta’ riskju, standardizzazzjoni xierqa, swieq miftuħin fl-Ewropa u fid-dinja, ftehim internazzjonali effettiv dwar il-klima u kooperazzjoni internazzjoanli dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

5.4.4

Filwaqt li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-mira ta’ 20 % ta’ effiċjenza ikbar tal-enerġija huwa għandu d-dubji tiegħu dwar mira vinkolanti. L-effiċjenza tal-enerġija tkopri l-oqsma tal-attivitajiet umani u ekonomiċi kollha u ma jeżisti kważi l-ebda limitu fuq il-miżuri li jistgħu ikomplu jsaħħuha. Pereżempju kif jista’ jiġi ddiżinjat il-qism tal-isforzi ġusti f’ċirkustanzi bħal dawn? Il-Kumitat jipproponi minflok li l-Kummissjoni teżamina jekk il-miri individwali fid-diversi oqsma tal-użu tal-enerġija humiex prattikabbli sabiex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b’mod partikolari tas-servizzi u l-prodotti li għandhom dimensjoni tas-suq interna.

5.5   Isir l-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE

5.5.1

Il-KESE jaqbel b’mod ġenerali mal-messaġġ tal-Kummissjoni dwar l-użu tar-riżorsi tal-ernerġija tal-UE stess. Huwa importanti li jkun hemm stampa realistika dwar l-iżvilupp tad-domanda għall-enerġija, kif ukoll dwar il-potenzjal, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-użu ta’ sorsi differenti ta’ enerġija.

5.5.2

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari il-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE”, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi malajr f’dan ir-rigward. Il-kwistjoni importanti ta’ żieda fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli, li fil-futur ser issir l-aktar sors ta’ enerġija li tintuża fid-djar, importanti u ekoloġika, kellha tiġi analizzata ħafna qabel u meqjusa bħala parti mis-sistema tal-enerġija kollha. Il-kwistjonijiet ċentrali f’dan ir-rigward, hekk kif tisħaq il-Kummissjoni, huma l-limitazzjonijiet fis-sistema ta’ distribuzzjoni u l-kwistjoni ta’ riżerva ta’ enerġija. Huwa u jitfassal l-istudju għandha tiġi kkunsidrata l-kwistjoni tal-ħolqien ta’ “riżervi tal-enerġija” u jekk jistax iwassal biex l-isforzi li qed isiru favur l-użu ta’ enerġija rinnovabbli biex innaqqsu l-emissjonijiet u niżguraw is-sigurtà tal-provvista, jisfaw fix-xejn. Kwistjoni oħra hija l-problemi ta’ pjanar u awtorizzazzjoni.

5.5.3

Il-Kumitat jaqbel mal-pożizzjoni li l-istandards obbligatorji ta’ emissjonijiet tas-CO2 għall-impjanti tal-enerġija, għandhom jitqiesu biss wara li jkunu ġew evalwati r-riżultati ta’ demostrazzjonijiet industrijali tas-CCS (il-qabda tal-karbonju, it-trasport u l-ħażna).

5.5.4

Fir-rigward tal-enerġija nukleari, il-KESE ilu żmien twil jesprimi l-fehma tiegħu li għandhom ikunu disponibbli l-għażliet kollha li jeżistu għall-ġenerazzjoni tal-enerġija biex b’hekk jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija. Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ investimenti kbar għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-ġejjieni qarib, l-Istati Membri li għażlu jew ser jagħżlu li jużaw l-enerġija nukleari għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-ġejjieni tal-enerġija nukleari malajr. Skont il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni, il-kapaċità tal-ġenerazzjoni nukleari fl-UE għandha tinżel bi kwart sal-2020 u, jekk din ma tiġix sostitwita bl-enerġija nukleari, parti minnha tkun sostitwita b’impjanti li jaħdmu bil-gass jew bil-faħam. Dan ser iżid l-emissjonijiet u jhedded is-sigurtà tal-provvista. Is-sikurezza nukleari teħtieġ attenzjoni kontinwa kif ukoll l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi u għandhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-iskart nukleari. Il-KESE ser jippreżenta opinjoni separata li tittratta l-proposta riveduta għal Direttiva li tistabbilixxi Qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari.

5.5.5

Il-KESE huwa favur l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta dokumenti dwar il-ħtiġijiet tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija jiġifieri dwar ir-raffinar ta’ żejt jew l-elettriku. Iżda bl-ebda mod m’għandu jintesa li l-UE mhix f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar investiment fil-kapaċità tal-enerġija jew li tfassal ir-rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, għax ma tistax iġġorr ir-responsabbiltà tar-riskji potenzjali. Il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni rilevanti, inkluż l-użu tal-mudelli jistgħu jkunu utli ħafna u nħeġġu l-kooperazzjoni mal-IEA dwar dan.

5.6   Lejn viżjoni għall-2050

5.6.1

Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Politika ġdida tal-Enerġija għall-Ewropa fl-2010, b’aġenda politika sal-2030 u b’viżjoni għall-2050. Huwa jaqbel ukoll mal-idea li din tissejjes fuq konsultazzjoni wiesgħa dwar l-għanijiet possibbli fuq perijodu fit-tul.

5.6.2

Il-KESE preliminarjament iqis li l-għanijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, jiġifieri li telimina l-karbonju mill-provvista tal-elettriku tal-UE, li ttemm id-dipendenza tat-trasport, il-bini u l-elettriku fuq iż-żejt, effiċjenza għolja u sistema globali li taħdem b’livell baxx ta’ karbonju, huma l-isfidi ċentrali li għandna niffaċċjaw fuq perijodu fit-tul. Biex niffaċċjaw dawn l-isfidi għandna nqisu t-teknoloġiji possibbli kollha, inklużi l-fużjoni u l-idroġenu.

5.6.3

Is-sitwazzjoni u l-iżviluppi globali għandhom jagħmlu parti mill-viżjoni u fuqhom għandha tinbena l-bażi tal-kundizzjonijiet qafas tal-ambizzjonijiet tal-UE stess. Id-domanda dejjem tikber għall-enerġija f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, klima li qed tinbidel u wieħed jittama azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u adattament fuq livell internazzjonali u riżorsi disponibbli tal-fossili, eċċ. jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tagħna u l-għażliet li nagħmlu. Bħala eżempju nistgħu nieħdu s-sitwazzjoni taż-żejt li filli ħolqot problema ta’ prezzijiet għoljin li qatt ma rajna qabel u filli inbidlet f’biża’ ta’ produzzjoni insuffiċjenti minħabba prezzijiet baxxi.

5.7   Aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv

5.7.1

Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-Kummissjoni laqgħet il-kummenti li preżenta fl-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-Programm Nukleari Illustrattiv fl-2007 (3) u fl-opinjoni esploratorja li ħejja dwar investimenti fl-enerġija nukleari (4). Il-punt ta’ tluq huwa r-rwol importanti tal-UE li tkompli tiżviluppa l-aktar qafas avvanzat tal-enerġija nukleari b’konformità mal-ogħla standards ta’ sikurezza, sigurtà u nonproliferazzjoni. Il-kwistjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart radjoattiv, il-fondi garantiti fit-tul għall-iżmuntaġġ tal-impjanti, it-theddida tat-terroriżmu u l-ħtieġa ta’ skema ta’ responsabbiltà armonizzata ġew indirizzati b’konformità mal-fehmiet tal-KESE. Il-KESE jenfassizza li l-ispejjeż kollha f’dan ir-rigward għandhom jitħallsu mill-operaturi tal-impjanti nukleari.

5.7.2.

Il-KESE għal darb’oħra jtenni li huwa jaqbel mar-rwol sinifikanti li taqdi l-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija tal-Ewropa għall-ġejjieni sabiex intaffu l-bidla fil-klima u niżguraw il-provvista tal-elettriku. Huwa jaqbel ukoll mal-bżonn nagħtu widen lit-tħassib tal-pubbliku u l-proposti li saru f’dan ir-rigward. Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet dwar livelli komuni ta’ sikurezza tar-reatturi u li jiġu kkunsidrati biss kostruzzjonijiet ġodda li jissodisfaw il-livelli ta’ sikurezza u sigurtà tat-tielet ġenerazzjoni. Xi miżuri biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament ta’ kostruzzjoni ġdida huma ġġustifikati, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi attwali, iżda sussidji mill-Istat jew riżorsi mill-baġit tal-UE m’għandhomx jintużaw għal dan l-iskop. Anki fil-każijiet fejn l-Istati Membru indikaw li jaqblu mal-ftuħ ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda, il-bini, il-fondi, it-tħaddim u l-ġestjoni tal-iskart tal-impjanti huma kompitu tal-operaturi privati. Il-gvernijiet huma responsabbli biss mill-qafas sabiex dan ikun jista’ jseħħ. L-informazzjoni dwar l-impjanti nukleari li huma ppjanati u l-ispejjeż involuti għandhom jiġi ppreżentati b’mod miftuħ u komprensiv kmieni kemm jista’ jkun għall-fini ta’ diskussjoni u parteċipazzjoni pubbliċi.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE 46/2009 14.1.2009 intitolata Niffaċċjaw l-isfidi taż-żejt, rapporteur: is-Sur Osborn.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-taħlita tal-enerġija, rapporteur: Is-Sinjura Sirkeinen, ĠU C 318 tat-23.12.2006, paġna 185. Mhix disponibbli bil-Malti.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Programm Indikattiv Nukleari, rapporteur: is-Sinjura Sirkeinen, ĠU C 256 tat-23.12.2006, paġna 51.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE 1912/2008 4.12.2008 dwar l-Investimenti futuri fl-industrija nukleari u r-rwol tagħhom fil-politika tal-enerġija tal-UE, rapporteur: is-Sur Iozia.