|
22.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 228/81 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra
COM(2008) 779 finali – 2008/0221 (COD)
2009/C 228/15
Nhar is-17 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
“il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra”
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur RANOCCHIARI.
Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni Ewropea li, wara li pproponiet regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi, li għad irid jiġi approvat, diġà qed taħseb għal sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-parametri li ser jiġu stabbiliti fir-regolament. Dan jinkludi tliet parametri essenzjali: il-konsum tal-fjuwil, is-sikurezza u l-ħsejjes tad-tidwir. |
|
1.2 |
Il-KESE jifhem ukoll li ċ-ċertifikazzjoni hija maħsuba biex tagħti tagħrif dirett lill-konsumaturi sabiex jiġu megħjuna biex jixtru b’mod iktar infurmat meta jaslu biex ibiddlu t-tajers ladarba tiġi adottata din il-proposta. Dawn it-tajers jgħoddu għal 78 % tas-suq Ewropew. |
|
1.3 |
Madankollu, fir-rigward tat-tajers oriġinali, jiġifieri dawk armati mill-manifatturi tal-vetturi bil-magna, il-KESE huwa tal-fehma li l-inizjattiva hija żejda billi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ diġà tistipula li l-manifatturi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fl-approvazzjoni tat-tip u sussegwentement bil-fuljetti tekniċi u l-manwali. |
|
1.4 |
Dwar il-mezz propost mill-Kummissjoni biex il-konsumaturi jkunu infurmati, jiġifieri sticker li titwaħħal mat-tajer, il-KESE jipproponi li tinsab alternattiva għall-każijiet, li jinqalgħu spiss, fejn l-isticker tintilef jew issirilha ħsara. |
|
1.5 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jittama li, hekk kif sar fil-każ tas-sigurtà ġenerali tal-vetturi bil-magna, jintgħażel Regolament bħala l-forma xierqa ta’ leġiżlazzjoni minflok Direttiva, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm l-istess perijodi u sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri kollha. |
2. Daħla
|
2.1 |
Kif diġà nafu, il-pjan ta’ azzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija jipproponi ffrankar ta’ 20 % sas-sena 2020 b’sensiela ta’ miżuri li jnaqqsu l-intensità enerġetika u b’hekk jgħinu biex jitnaqqas il-konsum u b’hekk it-tniġġis tal-ambjent. |
|
2.2 |
F’dan il-kuntest, qed tingħata attenzjoni kostanti u partikolari lis-sistema tat-trasport bit-triq li tgħodd għal 20 % tal-emissjonijiet tas-CO2. |
|
2.3 |
Fost il-ħafna interventi li diġà qed jitħaddmu jew li għad iridu jiġu approvati fir-rigward tal-vetturi bil-magna, il-leġiżlazzjoni Ewropea qed tipprova tindirizza l-prestazzjoni tat-tajers li, billi huma l-element waħdieni ta’ rabta bejn il-vettura u t-triq, għandhom jikkontribwixxu għas-sikurezza tas-sewwieqa iżda wkoll biex jitrażżan il-konsum tal-fjuwil. |
|
2.4 |
Għal dan il-għan il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew (1), hija intiża, fost affarijiet oħra, sabiex tistabbilixxi parametri iktar stretti għall-approvazzjoni tat-tip tat-tajers, kemm f’termini ta’ konsum tal-fjuwil kif ukoll tas-sikurezza u l-ħsejjes. |
|
2.5 |
Fil-kuntest tal-iffrankar enerġetiku, m’għandux jintesa li t-tajers jistgħu jrażżnu sa 20 % tal-konsum tal-fjuwil tal-vettura minħabba r-reżistenza għat-tidwir (RR), jiġifieri t-telf enerġetiku mir-reżistenza għall-mutur, it-telf tal-enerġija minħabba li r-roti, huma u jduru, jisħnu u jitilfu l-forma. Ta’ min iżid ukoll li l-RR kif ukoll il-ħsejjes tat-tajers huma influwenzati b’mod determinanti mill-kundizzjoni tal-bażi tat-toroq, kundizzjonijiet li f’ċertu każijiet jistgħu jġibu fix-xejn l-avvanz teknoloġiku tat-tajers. |
3. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea
|
3.1 |
Din il-proposta għal direttiva tistabbilixxi l-qafas ta’ garanzija ta’ informazzjoni standardizzata għall-utenti speċjalment għall-konsum tal-fjuwil li joriġina minn reżistenza differenti mit-tidwir, iżda wkoll għall-qbid fuq l-art imxarrba u l-ħsejjes esterni tat-tidwir, li huma tlieta mill-parametri trattati fil-proposta għal regolament COM (2008) 316 imsemmija hawn fuq. |
|
3.2 |
Il-ħsieb tal-Kummissjoni huwa li l-konsumatur jista’ mhux biss jagħraf l-obbligi minimi li ser ikunu previsti fir-rigward tal-RR iżda l-ewwel u qabel kollox jagħżel tajers b’RR saħansitra inqas, biex b’hekk jitnaqqas il-konsum. Fil-fatt, għall-vetturi bil-magna, id-differenza fil-konsum bejn sett ta’ tajers b’RR differenti, bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda jista’ jonqos sa b’10 %. |
|
3.3 |
Dan huwa importanti l-iktar għas-suq tal-partijiet ta’ sostituzzjoni li jirrappreżenta 78 % tas-suq kollu. Fil-fatt, għat-tajers armati mill-manifatturi fuq il-vetturi l-ġodda (22 % tas-suq), l-informazzjoni dwar il-konsum huma ppubblikati mill-manifatturi tal-vetturi meta jinxtraw u jinsabu fil-manwali tal-vetturi. Għall-kuntrarju tas-suq tal-partijiet ta’ sostituzzjoni, il-konsumaturi ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni biex iqabblu d-differenza fil-prezz tat-tajers mal-impatt tagħhom fuq il-konsum tal-fjuwil. |
|
3.4 |
Billi l-prestazzjonijiet tat-tajers huma kemm marbutin kif ukoll f’kunflitt ma’ xulxin (l-RR meta mqabbel mal-qbid mal-art imxarrba u din tal-aħħar meta mqabbla mal-ħsejjes tad-tidwir), l-informazzjoni tista’ tispjega l-aħjar kompromess li jista’ jintlaħaq bejn it-tliet parametri prinċipali, biex b’hekk il-konsumatur ikun jista’ jagħmel għażla infurmata. |
|
3.5 |
Il-proposta tal-Kummissjoni b’hekk taħseb għal “sticker enerġetika” biex titwaħħal mat-tajers, bi skala ta’ klassifikazzjoni mill-A sal-G, għall-RR u l-qbid mal-art imxarrba, bħalma diġà sar għall-apparat elettroniku tad-dar, iżda li tkun turi wkoll il-ħsejjes f’decibels. |
|
3.6 |
Il-proposta tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jikkontrollaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar, kif ukoll biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet f’każ ta’ kontravenzjoni. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni, minn naħa intiża biex tiżgura mudell ta’ konsum iktar sostenibbli u min-naħa l-oħra biex il-konsumaturi jingħataw dettalji li jwasslu għal xiri infurmat meta jaslu biex jibdlu t-tajers, mhux biss fir-rigward tal-prodotti iżda wkoll ta’ parametri oħra bħall-qbid fuq l-art imxarrba u l-ħsejjes. Il-konsumatur b’hekk ikun jista’ jiddeċiedi jekk il-prezz ogħla ta’ tajer meta mqabbel ma’ ieħor jitpattiex bil-vantaġġi ta’ prestazzjoni aħjar. Konsumatur aktar infurmat iwassal għal iktar kompetizzjoni bejn il-manifatturi tal-partijiet biex jipperfezzjonaw il-prodotti tagħhom.
4.2 Fil-fatt, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea kienet li titlob biss informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil; iż-żewġ parametri l-oħra żdiedu wara l-konsultazzjoni pubblika li saret dwar is-suġġett. Minkejja li japprova l-għażla aħħarija, il-KESE xorta waħda jaħseb li din l-għażla ser tagħmel il-ġestjoni tal-informazzjoni u l-kontrolli relatati iktar diffiċli.
4.3 Għaldaqstant, il-KESE jesprimi tħassib dwar il-mezz propost biex jiġu infurmati l-konsumaturi. It-twaħħil ta’ sticker biss mhux bilfors iwassal għar-riżultat mistenni.
4.3.1 Is-soltu, ix-xerrej ma jarax it-tajers ta’ sostituzzjoni qabel ma jaslu fil-maħżen minn fejn jinxtraw u jiġu armati fuq il-vettura. Barra minn hekk, jista’ jiġri li fl-istess maħżen jew minn fejn jinxtraw, l-isticker tinqala’ u tintilef jew terġa’ titwaħħal bi żball fuq tajer ieħor. Hemm ukoll ċans akbar li l-istickers jitħassru matul it-trasport jew fil-ħżin, speċjalment fil-każ tat-tajers miksijin bis-silikon li jagħmilha iktar diffiċli biex l-istickers jeħlu. L-esperjenza turi li persentaġġ konsiderevoli tat-tikketti tal-manifatturi li diġà jitwaħħlu fuq tajers jintilef jew issirlu ħsara serja matul it-trasport u l-moviment tat-tajers li – ta’ min wieħed isemmi – ma jiġux ippakkjati individwalment, għal raġunijiet ovvji ta’ spejjeż (2).
4.3.2 Fil-fehma tal-KESE, għandha wkoll tinsab soluzzjoni alternattiva f’każ li l-isticker ma tkunx hemm. F’dan il-każ il-bejjiegħ għandu jkun jista’ jipprovdi, flimkien mal-fattura, tikketta/dokument li juri eżatt l-istess informazzjoni tal-isticker, informazzjoni li hekk jew b’hekk ikun irċieva mill-manifattur.
4.4 Fir-rigward tat-tajers armati fuq il-vetturi l-ġodda t-tikkettar jista’ jitqies bħala spiża żejda. Il-leġiżlazzjoni eżistenti diġà tistipula kif il-manifatturi tal-vetturi għandhom jinfurmaw lix-xerrej dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 wara l-approvazzjoni tat-tip tal-vettura. L-istess japplika għall-qbid fuq l-art imxarrba u l-ħsejjes, anki meta huma diġà regolati fl-approvazzjoni tat-tip tal-vettura bil-magna, kif tagħraf il-Kummissjoni stess fir-rapport mehmuż mal-proposta.
Barra minn hekk huwa fl-interess tal-manifattur li juża dejjem tajers tal-aħħar ġenerazzjoni teknoloġika, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-130 g/km previsti għall-120 g/km li jistgħu jintlaħqu b’teknoloġiji alternattivi mingħajr muturi, inklużi t-tajers.
4.4.1 F’dan il-każ il-kummerċjant, li ħafna drabi jkun ukoll il-bejjiegħ tat-tajers, jista’ jintalab jipprovdi l-klijent b’dokument ieħor li jiġbor il-parametri legali li magħhom jikkonformaw it-tajers tal-vettura li qed ibiegħ, u fejn huwa possibbli jipproponi wkoll għażla alternattiva. Inizjattiva ta’ dan it-tip isservi wkoll bħala appoġġ għall-kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni li l-Istati Membri ser jintalbu jorganizzaw dwar dan is-suġġett.
4.5 Il-KESE jaf bit-talba li tressqet mill-industriji tas-settur (3) li jixtiequ jbiddlu din il-Proposta għal Direttiva biex minflok issir Regolament. Il-Kumitat jaqbel mar-raġunijiet li ngħataw, jiġifieri li r-regolament jiżgura li l-perijodi ta’ applikazzjoni u l-istandards ta’ kontroll ikunu uniformi fl-Istati Membri kollha kif inhu diġà stipulat għall-imsemmija sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur li wasslet għal din il-proposta.
4.5.1 Il-KESE jittama li fid-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill ikun jista’ jintlaħaq ftehim, kif ġara f’okkażjonijiet oħra dwar kwistjonijiet sensittivi bħas-sigurtà u l-ambjent.
4.5.2 Fil-fatt, il-KESE huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jingħataw regoli ċari biex jiġi kkontrollat li t-tajers jikkonformaw mar-rekwiżiti meħtieġa, kontroll li huwa partikolarment importanti f’suq li fih parti sinifikattiva tal-prodotti tiġi minn barra l-Ewropa.
5. Kummenti partikolari
|
5.1 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni eżentat mill-proposta t-tajers rikostitwiti u dawk professjonali tat-tip “off-road”, li fl-opinjoni msemmija hawn fuq dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi l-KESE ta parir li jiġu esklużi mil-leġiżlazzjoni l-ġdida, filwaqt li kkonferma li r-rekwiżiti ta’ sikurezza ppjanati xorta jridu jiġu rispettati. |
|
5.2 |
Dejjem b’konformità mal-opinjoni dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi, fl-aħħar mill-aħħar il-KESE jirrakkomanda li:
|
Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) COM(2008) 316 fin li dwaru l-KESE diġà esprima l-opinjoni tiegħu matul is-sessjoni plenarja tal-14 ta’ Jannar 2009 (ara: opinjoni CESE 37/2009).
(2) L-assoċjazzjoni settorjali ETRMA (European Tyre and Rubber Manufacturer Association) tindika persentaġġ bejn l-10 u l-15 % ta’ stickers li jintilfu matul it-trasport u l-moviment tat-tajers.
(3) ETRMA: European Tyre and Rubber Manufacturer Association.