22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

COM(2008) 814 finali. – 2008/0230 (COD)

2009/C 228/12

Nhar il-21 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 169 u 172 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

Nhar it-13 ta’ Jannar 2009 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009) li jaħtar lis-Sur PEZZINI bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat iqis li l-objettivi tal-proposta huma ta’ importanza fundamentali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni li ssegwi sistema ta’ kejl komuni li tmur lil hinn mir-riċerka u s-suċċessi nazzjonali biex tikseb valur miżjud Ewropew, ħaġa li kulħadd jaqbel magħha.

1.2

Fl-opinjoni tal-KESE irridu naslu fil-punt fejn nilħqu pożizzjoni waħda fil-livell dinji, u fi ħdanha, il-leħen tal-UE ma jkunx sekondarju iżda wieħed li jippromovi livelli li huma mmirati lejn il-materjali, il-prodotti u l-proċessi żviluppati fl-Ewropa u li jikkorrispondu għall-interessi industrijali u kummerċjali tal-UE.

1.3

Fil-fehma tal-Kumitat, f’kuntest ekonomiku u soċjali li issa sar globalizzat, struttura ta’ metroloġija Ewropea li tilħaq livell ta’ eċċellenza jista’ jkollha biss effetti pożittivi fuq l-ekonomija tal-UE.

1.4

Il-KESE jqis li l-komunità tar-riċerkaturi Ewropej trid tieħu sehem dejjem aktar fl-iżvilupp ta’ sistemi moderni, biex il-metroloġija tkun tista’ tiġi applikata fl-oqsma l-ġodda tal-fiżika, il-kimika, il-bijoloġija, l-istudju tal-ambjent, l-impatt fuq l-ekoloġija, in-nanoteknoloġija, l-ikel, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fil-postijiet tax-xogħol.

1.5

Skont il-Kumitat, biex jintlaħqu s-suċċessi mixtieqa jidher li hemm bżonn li b’mod determinat infittxu li jkun hemm integrazzjoni ikbar tal-industrija, il-kummerċ u s-settur pubbliku, fl-iżvilupp tar-riċerka tal-metroloġija fl-Ewropa skont kif jindikaw l-istandards il-ġodda tal-fora internazzjonali.

1.6

Fil-fehma tal-KESE huwa importanti ferm li d-dinja tar-riċerka dwar il-metroloġija ma tidhirx bħala dinja maqtugħa għaliha jew li tħares biss ‘il ġewwa.

1.7

Ir-regolamenti u l-livelli jiġu kkomunikati permezz ta’ sistemi ta’ kejl li huma bbażati fuq il-metroloġija applikata, li dwarha hemm qbil fil-livell internazzjonali. Għaldaqstant il-KESE jissuġġerixxi li mill-bidu nett il-korpi dwar l-Istandards Ewropej (CEN, CENELEC, ETSI), il-korpi nazzjonali, u l-korpi ta’ akkreditazzjoni jipparteċipaw fit-tfassil tal-iskemi l-ġodda.

1.8

Il-KESE jqis li hemm bżonn li jsir dak kollu li huwa possibbli biex naslu għal integrazzjoni mill-qrib fir-riċerka dwar il-metroloġija Ewropea bejn:

id-dinja tar-riċerka,

l-industrija,

l-universitajiet, l-istituti xjentifiċi u tal-edukazzjoni ogħla,

ir-riżultati tal-pjattaformi teknoloġiċi,

is-soċjetà ċivili organizzata,

dan għaliex, skont il-Kumitat, huwa biss b’dan il-mod, li jeskludi kull forma ta’ għeluq, li nistgħu niksbu riżultati fil-livell Ewropew li jistgħu jiġu aċċettati fil-livell internazzjonali.

1.9

Il-Kumitat jagħraf il-mertu tal-proposti tal-Kummissjoni li huma maħsuba biex jappoġġjaw l-inizjattiva tal-EMRP (1) (Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija), permezz ta’ livell għoli ta’ “komunitarizzazzjoni” f’termini ta’:

programmar konġunt, u l-aċċettazzjoni tar-regoli komunitarji għall-parteċipazzjoni, stabbiliti fis-7 Programm Qafas;

livell ta’ allokazzjoni stmata tar-riżorsi, lil hinn mil-loġika pura tal-miżuri nazzjonali.

1.10

Skont il-Kumitat, is-sistema ta’ gvernanza trid tiġi definita aħjar. Jidher ċar li sistema inċerta ta’ gvernanza tista’ tinfluwenza l-iżvilupp tar-riċerka u r-riżultati mixtieqa.

1.11

Il-KESE jfakkar, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-atturi interessati li huma milquta direttament għandhom jipparteċipaw fir-riżultati metroloġiċi tar-riċerka, kemm fil-prijoritajiet, kif ukoll fit-tfassil u l-valutazzjoni tas-sejħiet – li għandhom jiġu ppublikati fuq CORDIS u l-Ġurnal Uffiċjali – għal proposti li jintegraw il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi, l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka u tal-formazzjoni, kemm fil-monitoraġġ kif ukoll fil-kontroll tal-programmi u l-proġetti ffinanzjati.

1.12

Fil-fehma tal-KESE, tkun ħaġa xierqa li l-Kunsill Xjentifiku tar-Riċerka tal-EMRP jkollu l-opportunità li jikkontrolla, permezz ta’ opinjonijiet vinkolanti indirizzati lill-Kumitat tal-EMRP, it-tip ta’ riċerka li għandha tiġi ffinanzjata, il-programm annwali tax-xogħol, u l-għażla tal-grupp indipendenti għall-valutazzjoni tal-proposti, u li osservatur tal-Kummissjoni jsegwi l-panels ta’ valutazzjoni, kif jiġri fl-FP7.

1.13

Fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi previst programm Komunitarju ġenwin u dejjiemi, ikkoordinat u mmexxi mill-Kummissjoni fil-proposti tat-tħejjija tal-Programm Qafas li jmiss għall-Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RTŻ) 2014–2020. Dan għandu jkun ibbażat fuq proċess kontinwu ta’ parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u jqis fuq kollox il-ħtiġijiet tad-dinja tal-industrija, l-universitajiet, ir-riċerka, l-istandardizzazzjoni, barra mill-aspetti internazzjonali tar-riċerka metroloġika, speċjalment fir-rapporti mal-korpi internazzjonali fosthom l-ISO, l-OECD u korpi oħra ta’ riferiment bħall-IUAP (2).

2.   Daħla

2.1   Il-globalizzazzjoni dejjem tikber tal-produzzjoni industrijali, il-provvista tas-servizzi u l-kummerċ jitolbu li x-xkiel tekniku għall-kummerċ jitnaqqas kemm jista’ jkun. Wara dan il-proċess hemm sistema ta’ kejl affidabbli u li hemm qbil dwarha.

2.2   Numru dejjem jiżdied ta’ regolamenti, l-iktar f’oqsma bħal:

is-sigurtà,

it-tikketti tal-ikel,

is-sistemi tas-saħħa,

l-ambjent,

il-bijoteknoloġija,

in-nanoteknoloġija u l-materjali avvanzati,

l-enerġija,

it-trasport u t-telekomunikazzjoni kif ukoll is-sistemi ta’ sigurtà

jeħtieġu li jkunu rintraċċabbli u paragunabbli, b’mod li jingħaraf fil-livell internazzjonali.

2.3   Ir-riċerka metroloġika għandha natura qawwija ta’ “ġid pubbliku”, u hija waħda mill-attivitajiet ewlenin ta’ appoġġ għar-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni.

2.3.1   L-infrastrutturi Ewropej tal-kejl huma appoġġjati minn organizzazzjonijiet Ewropej bħall-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), in-netwerk Ewropew tal-metroloġija EROMET (il-Kollaborazzjoni Ewropea fl-Istandards tal-Kejl) (3) issa mdaħħal fil-EURAMET (L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija), u l-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza (IRMM) f’Geel, flimkien mal-Bureau Internazzjonali tal-Piżijiet u Kejl (BIMP).

2.4   Skont il-BIPM, “L-iżvilupp ta’ kampijiet interdixxiplinari bħan-nanoteknoloġija, il-materjali avvanzati u l-proprjetà tal-materjali dalwaqt ser jeħtieġ numru ta’ regolamenti, għall-miżuri ġodda ta’ riferiment, fis-settur tal-fiżika u tal-kimika.” (4)

2.5   Fl-Ewropa, il-kompetittività u l-innovazzjoni sostenibbli jeħtieġu, fl-oqsma kollha, miżuri u provi preċiżi, b’riżultati li jistgħu jiġu rintraċċati, biex jiġu stabbiliti regoli dejjiema dwar il-kejl ta’ riferiment, kif inhuma definiti mis-Sistema internazzjonali tal-unitajiet: SI.

2.6   Ir-riċerka Ewropea dwar il-metroloġija hija sostnuta mill-programmi nazzjonali ta’ riċerka metroloġika u mill-proġetti fil-qafas tal-ERA-NET, stipulati fis-Sitt programm ta’ qafas; u tal-ERA-NET-Plus li hemm fis-Seba’ Programm Qafas. F’dawn il-programmi ta’ qafas żviluppaw ukoll il-proġetti IMERA (Implementing Metrology in the European Research Area  (5)) iMERA Plus (6), li kien l-ewwel fażi tal-EMRP; l-attivitajiet taċ-Ċentru komuni tar-riċerka ĊKR (Ċentru Konġunt tar-Riċerka) (7) u l-proposta attwali tal-EMRP “għal ġeometrija varjabbli”.

2.7   Fl-Istati Uniti, għas-sena fiskali 2009 ġiet approprjata iċ-ċifra ta’ 634 miljun dollaru Amerikan għall-fondi federali għall-programmi ta’ riċerka mill-Istitut nazzjonali tal-istandards u t-teknoloġija (NIST, National Institute of Standards and Technology).

2.8   F’dan ix-xenarju, il-Kumitat iqis li huwa importanti li jiżdiedu r-riżorsi disponibbli għar-riċerka metroloġika Ewropea, billi jingħaqdu l-kapaċitajiet ta’ riċerka li hemm fl-Istati Membri u dawk taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, biex tinħoloq massa kritika rilevanti fil-livell internazzjonali, filwaqt li jiġi evitat xogħol doppju u ħela ta’ riżorsi, b’riżultati li jkunu bil-wisq aktar superjuri għal dawk li jistgħu jintlaħqu bil-koordinament tal-ERA-NET-Plus, tas-FP 7 2007–2013.

2.9   Il-Kumitat isostni li, minħabba fir-rilevanza tar-riċerka metroloġika fil-futur qarib, kif jidher minn diversi studji (8), ikun xieraq li dawn ir-riċerki jidħlu fost il-prijoritajiet tematiċi tal-Programm Qafas li jmiss għall-2014–2020, u b’hekk jingħataw status u struttura ta’ riċerka Komunitarja permanenti u tingħata garanzija ta’ integrazzjoni koordinata u kontinwa tal-isforzi nazzjonali.

3.   Il-programm propostskont Artikolu 169

3.1

Il-proposta bbażata fuq Artikolu 169 għandha l-ħsieb li twaqqaf programm Ewropew tar-riċerka metroloġika (EMRP) li jinvolvi u jiġbor flimkien 22 programm nazzjonali, bil-għan li titjieb l-effiċjenza u l-effettività tar-riċerka metroloġika pubblika.

3.2

Fost l-objettivi indikattivi hemm dak li jagħti kontribut lill-istabbiliment ta’ żona Ewropea tar-riċerka permezz ta’ koordinament akbar tal-programmi nazzjonali, biex xi wħud mill-isfidi komuni Ewropej jiġu ffaċċjati aħjar, bl-eliminazzjoni tal-ostakli bejn il-programmi nazzjonali.

3.3

Skont il-Kummissjoni, l-EMRP għandha l-għan li tintegra il-programmi nazzjonali ta’ 22 Stat billi tgħaqqadhom fi programm wieħed li:

jappoġġja l-objettivi tas-sistemi ta’ kejl Ewropej, b’mod partikolari,

iħaffef l-iżvilupp, il-verifika u l-użu ta’ tekniċi ġodda tal-kejl,

jappoġġja l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ direttivi u regolamenti.

3.4

Il-mudell ta’ gvernanza propost huwa bbażat fuq l-esperjenza li nkisbet, bl-ewwel inizjattiva fl-ambitu tal-artikolu 169 tat-Trattat, li tnediet fis-sitt programm ta’ qafas, jiġifieri l-inizjattiva EDCTP (9).

3.5

L-inizjattiva EMRP tipprevedi fond ta’ 400 miljun Euro, li 200 miljun minnhom huma l-kontribut tal-pajjiżi parteċipanti għall-perjodu 2009–2016, u 200 miljun oħra huma previsti bħala kontribut Komunitarju.

3.6

Il-koordinament tal-inizjattiva jinsab f’idejn l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija (EURAMET), imwaqqfa fl-2007 skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża u magħrufa bħala assoċjazzjoni mingħajr profitt, is-segretarjat qiegħed f’Braunschweig, fis-Sassonja t’isfel u taħdem bħala organizzazzjoni metroloġika regjonali Ewropea u Agenzija Eżekuttiva tal-EMRP.

4.   Kummenti tal-Kumitat

4.1   Il-Kumitat japprova l-objettivi ewlenin tal-proposta, jappoġġja l-metodi li fiha u jfakkar li huwa importanti li l-objettivi jintlaħqu:

fl-eċċellenza tal-istruttura metroloġika,

fi proġetti ta’ riċerka, komuni, kompetittivi u miftuħa,

b’aktar parteċipazzjoni mill-komunità tar-riċerkaturi, permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet,

f’kooperazzjoni tassew internazzjonali, li tagħti valur lis-sistema Ewropea,

b’leħen wieħed fuq livell dinji,

fuq kollox f’involviment ikbar tal-industrija (assoċjazzjonijiet tal-intraprendituri u tal-ħaddiema) tal-kummerċ u tas-settur pubbliku, fl-iżvilupp tar-riċerka metroloġika Ewropea.

4.2   Fil-fehma tal-KESE, hija ħaġa fundamentalment importanti li d-dinja tar-riċerka metroloġika ma tidhirx bħala maqtugħa għal rasha, iżda li tkun kapaċi li tiġbed il-parteċipazzjoni tal-utenti fid-deċiżjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-programm, is-sistema tal-valutazzjoni u l-għażla tal-proġetti, fil-parteċipazzjoni għall-proposti u l-monitoraġġ tar-riżultati tal-proġetti, u dan b’kooperazzjoni mill-qrib tal-organiżmi ta’ standardizzazzjoni u ta’ akkreditament. Il-KESE huwa kontra kull forma ta’ għeluq (“closed shop”).

4.2.1   B’mod partikolari, il-KESE jemmen li ir-regolamenti ta’ parteċipazzjoni tal-EMRP jridu jirrispettaw kompletament, fl-aspetti kollha tiegħu, ir-regolament (KE) Nru 1906/2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni għas-Seba’ Programm Qafas u r-Regolament finanzjarju tal-implimentazzjoni tiegħu.

4.2.2   Ir-regoli ta’ parteċipazzjoni għall-EMRP jridu joffru qafas koerenti u trasparenti, biex jiggarantixxu l-iktar implimentazzjoni effettiva possibbli, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-aċċess irid ikun faċli għall-parteċipanti kollha permezz ta’ proċedura ssemplifikata. Dawn ir-regoli jridu jiffaċilitaw l-użu tal-proprjetà intellettwali żviluppata minn kull parteċipant, filwaqt li fl-istess ħin iħarsu l-interessi leġittimi tal-parteċipanti l-oħra u tal-Komunità.

4.2.3   Il-KESE jenfasizza li t-tnedija ta’ sistema integrata ta’ riċerka metroloġika Ewropea, fi programm konġunt tal-korpi nazzjonali parteċipanti, ma tagħtix riżultati sodisfaċenti jekk ma tipprevedix integrazzjoni stretta bejn id-dinja tar-riċerka, l-industrija, l-universitàjiet u l-korpi ta’ standardizzazzjoni u ta’ akkreditament, barra minn djalogu strutturat mal-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej (10) u mas-soċjetà ċivili organizzata.

4.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li Artikolu 169 tat-Trattat tal-KE jagħti l-possibbiltà lill-Komunità li tipparteċipa fi programmi ta’ riċerka, li jinbdew b’mod konġunt minn iktar minn Stat Membru wieħed, bil-kundizzjoni li l-objettivi jkunu ċari u rilevanti għall-Komunità u l-Programm Qafas, ikollhom valur miżjud Ewropew u massa kritika rilevanti, u li l-programm tal-attivitajiet u l-istruttura ta’ gvernanza u tal-implimentazzjoni jkunu ċari.

4.4   Fil-fehma tal-KESE, l-objettivi jridu jkunu definiti aħjar, mhux biss f’termini ta’ appoġġ għas-sistemi nazzjonali tal-kejl, tisħiħ tan-netwerks tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija u l-Istituti Denominati, u tal-integrazzjoni tal-attività nazzjonali li tkun għaddejja.

4.5   Fl-opinjoni tal-KESE, jonqos indikazzjoni ċara tal-prijoritajiet tal-azzjoni u tar-riżultati mistennija, li jagħtu prova sħiħa ta’:

il-valur miżjud Ewropew tal-proposta,

definizzjoni ċara u kompluta tal-programm konġunt tal-attivitajiet integrati,

struttura ta’ gvernanza.

4.6   Bl-istess mod il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-definizjoni ta’ boroż ta’ eċċellenza, maħsuba għal riċerkaturi jew organizzazzjonijiet, Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija jew Istituti Denominati.

4.7   F’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ gvernanza proposta, din trid tiġi definita aħjar. Barra milli jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li apparti mill-EURAMET, fil-livell Ewropew hemm ukoll assoċjazzjonijiet oħra bħal pereżempju l-EURACHEM (11), il-Kumitat jenfasizza li l-EURAMET ġiet indikata bħala struttura speċifika għall-implimentazzjoni tal-EMRP, il-parti l-kbira tal-istess programm għandha titmexxa mill-National Physical Laboratory, b’hekk b’kap tal-programm Ingliż, “bħala soluzzjoni temporanja”.

4.8   Fl-aħħar il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li la fil-liġi proposta u lanqas fl-annessi ma hemm prevista l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet direttament interessati mir-riżultati tar-riċerka metroloġika: l-industrija b’mod kumplessiv, il-kummerċ, il-korpi tal-istandardizzazzjoni u l-akkreditament kif ukoll is-settur pubbliku.

4.9   Bħala konklużjoni, il-KESE jqis li jkun aħjar jekk nersqu lejn proġett pilota ta’ riċerka metroloġika Ewropea li jdum sal-2013, fuq il-mudell tal-iMera Plus, kif ukoll li, fil-proposti għat-tħejjija għat-Tmien Programm Qafas tal-RTŻ 2014-2020, tiġi studjata l-possibbiltà li jinħoloq programm tassew Komunitarju u dejjiemi, b’mekkaniżmi aktar ċari u ppruvati. Dan il-programm, immexxi mill-Kummissjoni għall-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati, għandu jipprevedi kumitat ta’ ġestjoni u kumitat konsultattiv, u jippermetti proċess b’saħħtu ta’ konsultazzjoni, direzzjoni u monitoraġġ min-naħa tal-partijiet interessati, l-ewwel nett, għall-ħtiġijiet tad-dinja tal-industrija.

5.   Kummenti partikolari

5.1

Il-Kumitat jagħraf il-mertu tal-proposta tal-Kummissjoni li tappoġġja l-inizjattiva EMRP (12) b’mod li jkun hemm livell għoli ta’ “komunitarizzazzjoni” fl-ipprogrammar konġunt, l-allokazzjoni skont stima tar-riżorsi, il-loġika ta’ tagħlim reċiproku u r-regoli ta’ parteċipazzjoni tal-intrapriżi, l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka, kif ukoll fil-valutazzjoni tal-proposti li fihom għandu jipparteċipa osservatur tal-Kummissjoni kif jiġri fl-FP7.

5.2

Dwar il-gvernanza proposta għall-EMRP, fost l-oħrajn, il-KESE jinnota li:

a)

Il-Kumitat tal-EMRP, magħmul biss mir-rappreżentanti tal-Korpi nazzjonali tal-metroloġija u bl-Istitut IRMM (13) bħala osservatur biss, huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Programm u b’mod partikolari ta’:

deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp u l-aġġornament tal-EMRP;

il-ħolqien u l-interruzzjoni tal-kumitati meħtieġa għas-sottoprogrammi;

il-preparazzjoni u d-deċiżjoni tal-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-EMRP, fosthom il-kriterji tal-għażla tal-assessuri;

l-approvazzjoni tal-kompożizzjoni tal-pool tal-assessuri;

id-deċiżjoni dwar l-iffinanzjar tal-programmi u l-proġetti tar-riċerka, fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet tal-iffinanzjar, sakemm il-EURAMET ikun awtorizzat mill-Kummissjoni Ewropea;

l-approvazzjoni tal-parti tal-baġit tal-EMRP, għas-sena finanzjarja li jmiss;

it-tħejjija u x-xandir tas-sejħa għat-turija tal-interess u għall-proposti dwar l-EMRP;

is-superviżjoni ta’ kontabbiltà xierqa u ordnata tal-ħidma tas-segretarjat tal-EMRP;

il-monitoraġġ u l-kontroll tal-progress tal-programmi u tal-proġetti finanzjati u tad-deċiżjonijiet dwar il-miżuri korrettivi (14).

b)

Il-Kunsill tar-Riċerka tal-EMRP huwa magħmul minn 16-il membru fosthom:

1 għall-BIPM,

1 għall-Kummissjoni Ewropea,

1 għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka,

1 għall-Parlament Ewropew,

1 għall-EUROLAB,

1 għall-Korpi ta’ Standardizzazzjoni Ewropej,

1 għall-organizzazzjoni Ewropea tal-kooperazzjoni fil-metroloġija legali WELMEC (15),

9 għall-industrija, ir-riċerka u l-akkademja,

huwa purament konsultattiv dwar l-aspetti strateġiċi tal-EMRP u dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-Programmi ffinalizzati  (16).

5.3

Il-KESE jfakkar, f’dan ir-rigward, fil-ħtieġa tal-parteċipazzjoni, b’opinjoni li torbot, tal-Kunsill tar-Riċerka EMRP, li jkun responsabbli li jikkollabora mal-Kumitat tal-EMRP mhux b’mod sekondarju, speċjalment f’dak li jirrigwarda: l-iżvilupp u l-aġġornament tal-EMRP, il-kumitati tas-sottoprogrammi u l-proġetti tar-riċerka, it-tħejjija u x-xandir tas-sejħiet għat-turija ta’ interess u għall-proposti li għandhom jiġu ppublikati fuq CORDIS u l-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-progress tal-programmi u tal-proġetti ffinanzjati.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara per eżempju l-Artikolu 169 tat-Trattat.

(2)  International Union of Pure and Applied Physic. (Unjoni Internazzjonali tal-Fiżika Pura u Applikata).

(3)  Magħmula mill-Istituti ta’ metroloġija ta’ 32 pajjiż u mill-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza (IRMM) f’Geel, taċ-Ċentru Komuni tar-Riċerka tal-KE.

(4)  BIPM. Évolution des besoins dans le domaine de la métrologie pour le commerce, l’industrie et la société et le rôle du BIPM (“L-evoluzjoni tal-bżonnijiet fis-settur tal-metrologija f’dak li jirrigwarda l-Kummerċ, l-industrija u s-socjetà, kif ukoll ir-rwol tal-BIPM”), rapport 2007. Pariġi, 2008.

(5)  Il-proġett IMERA jgħaqqad 20 imsieħeb f’14-il pajjiż, barra mill-proġett IRMM tas-ĊKR-KE.

(6)  Il-proġett IMERA Plus jgħaqqad 45 imsieħeb f’20 pajjiż, barra mill-KE.

(7)  Din hi l-attività ta’ metroloġija tal-ĊKR: “L-appoġġ tal-kompetittività, it-trasparenza tas-suq intern u l-iskambji jseħħu permezz tal-produzzjoni u d-diffużjoni ta’ riferimenti magħrufa fil-livell internazzjonali u l-promozzjoni ta’ sistema ta’ kejl komuni Ewropew”.

(8)  Ara. U.S. National Science and Technology Council. Instrumentation and metrology in nanotechnology. 2006; u BIPM. Rapport tal-2007.

(9)  Din hija l-European-Developing Countries Clinical Trials Program (“Programm ta’ esperimenti kliniċi tal-Ewropa u l-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp”).

(10)  Wieħed jista’ jaħseb fil-microarrays jew l-ispettrometrija tal-massa avvanzata.

(11)  Eurachem hija netwerk ta’ organizzazzjonijiet Ewropej li bħala għan għandhom id-definizzjoni ta’ sistema ta’ rintraċċabbiltà internazzjonali għall-kejl fis-settur kimiku u l-promozzjoni ta’ prattiki ta’ kwalità tajba. Eurachem Europa tiġbor 35 Stat Membru.

(12)  Ara pereżempju Artikolu 169 tat-Trattat.

(13)  IRMM – Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza – ĊKR – Kummissjoni Ewropea.

(14)  Ara.EURAMET E.V. Byelaws 11.01.2007, Artikolu 14 (5).

(15)  WELMEC: Western European Legal Metrology Cooperation.

(16)  Ara EURAMET E.V. Byelaws 11.01.2007, Rules and procedures parti B punt III.