22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

COM(2008) 165 finali

2009/C 228/06

Nhar it-2 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-White paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur ROBYNS de SCHNEIDAUER.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’54 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-aċċess għal protezzjoni legali effettiva huwa dritt fundamentali stipulat fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk il-KESE jinsisti li jiġi appoġġjat l-aċċess taċ-ċittadini għal din il-protezzjoni, b’mod partikolari meta din il-protezzjoni tintuża sabiex jingħata kumpens għall-ksur tar-regoli dwar l-antitrust, li huwa ta’ ħsara mhux biss għall-kompetituri li jirrispettaw ir-regoli iżda wkoll għall-konsumaturi, l-SMEs u l-impjegati tal-kumpaniji involuti, billi jhedded l-impjiegi u s-saħħa tax-xiri tagħhom. Il-KESE jilqa’ l-White Paper tal-Kummissjoni u jappoġġjaha f’dan ir-rigward. Jenfasizza l-bżonn ta’ miżuri aktar effettivi li bis-saħħa tagħhom il-vittmi tal-ksur tar-regoli dwar l-antitrust ikunu jistgħu jirċievu kumpens sħiħ għad-danni mġarrba, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Sistema bilanċjata li tqis l-interessi ta’ kulħadd hija essenzjali għas-soċjetà kollha kemm hi.

1.2

Il-prinċipju ewlieni tal-politika tal-kompetizzjoni għandu jibqa’ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri japplikaw b’mod rigoruż l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fl-isfera pubblika. Il-Kumitat huwa konxju tad-diversi diffikultajiet u ostakli li jxekklu l-infurzar privat tad-drittijiet individwali u kollettivi tal-vittmi li jitolbu kumpens sħiħ, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza dawn il-problemi. Dawn l-azzjonijiet għad-danni huma meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE li għandhom jikkompletaw, mingħajr ma jissostitwixxu jew jipperikolaw, l-infurzar pubbliku. Barra minn hekk, titjib tar-regoli dwar l-infurzar privat fil-ġejjieni ser ikollu effetti pożittivi sabiex jiskoraġġixxi l-ksur potenzjali.

1.3

Il-KESE jqis li hemm bżonn qafas legali sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni legali bil-għan li jiġi assigurat li l-persuni kkonċernati jużaw id-dritt tagħhom għall-kumpens għad-danni kollha mġarrba b’riżultat ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, hekk kif inhu stipulat fit-Trattat. Għaldaqstant, jeħtieġ li sew fil-livell Komunitarju sew f’dak tal-Istati Membri jiġu adottati l-miżuri neċessarji, kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti, sabiex jittejbu l-proċeduri legali fl-Unjoni Ewropea u jintlaħaq livell sodisfaċenti minimu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-vittmi. Is-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti tista’ biss tikkumplementa l-proċeduri tal-qorti. Dawn jistgħu jservu bħala alternattiva interessanti li toffri proċedura anqas formali u anqas għalja, bil-kundizzjoni li ż-żewġ partijiet ikunu verament lesti jikkooperaw u li l-kumpens ġudizzjarju jkun disponibbli b’mod effettiv.

1.4

Fir-rigward tal-azzjonijiet kollettivi, il-KESE jemmen li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti sabiex dawn l-azzjonijiet jittieħdu b’mod effettiv. Il-mekkaniżmi għandhom ikunu bbażati fuq mudell Ewropew u fuq miżuri msejsa fuq il-kultura u t-tradizzjonijiet legali Ewropej biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja tal-entitajiet akkreditati mil-liġi u tal-gruppi tal-vittmi. Il-miżuri ta’ segwitu għandhom joffru protezzjoni adatta kontra l-introduzzjoni ta’ fatturi li, kif ħareġ fid-dieher minn ġurisdizzjonijiet oħra, x’aktarx wieħed jabbuża minnhom. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina ma’ inizjattivi oħra sabiex jiġi faċilitat il-kumpens, b’mod partikolari l-inizjattiva li għaddejja bħalissa tad-DĠ SANCO.

1.5

Il-proposti tal-White Paper ikopru qafas legali kumpless li jaffettwa s-sistemi proċedurali nazzjonali u, fost affarijiet oħrajn, ir-regoli dwar il-locus standi, id-divulgazzjoni, il-ħtija u t-tqassim tal-ispejjeż.

1.6

L-aċċess għall-provi u d-divulgazzjoni inter partes għandhom ikunu bbażati fuq id-dimostrazzjoni tal-fatti u fuq kontroll ġuridiku strett tal-plawsibilità tat-talba u tal-proporzjonalità tat-talba għad-divulgazzjoni.

1.7

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni ssegwi l-White Paper u tipproponi l-miżuri adatti sabiex l-objettivi tal-White Paper ikunu jistgħu jintlaħqu filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda mingħajr ma tixxekkel il-ħidma biex jingħelbu l-ostakli tal-aċċess għall-mekkaniżmi effettivi min-naħa tal-vittmi, sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni kkawżati mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-KESE jenfasizza li l-individwi jew il-kumpaniji li jisfaw vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mill-parti li tkun ikkawżat id-dannu. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jinnota l-fatt li l-assiguraturi ma jipprovdux kopertura għall-konsegwenzi – l-aktar il-kumpens – ta’ ksur intenzjonat tar-regoli dwar l-antitrust. Jinsab konvint li dan iżid l-effett ta’ dissważjoni fuq il-kumpaniji billi l-kumpaniji li jiksru r-regoli dwar l-antitrust ikollhom iħallsu l-ispejjeż kollha marbuta mal-kumpens għad-dannu li jkunu kkawżaw u l-multi stabbiliti għal dan il-ksur tar-regoli.

2.2   Kif diġà osserva l-Kumitat (1), il-politika tal-kompetizzjoni hija marbuta mill-qrib ma’ politiki oħrajn, bħall-politika tas-suq intern u l-politika tal-konsumatur. Għaldaqstant, l-inizjattivi għandhom jiġu kkoordinati kemm jista’ jkun sabiex jiġi faċilitat il-kumpens.

2.3   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iggarantiet id-dritt tal-vittmi – ikunux individwi jew negozji – li jiġu kkumpensati meta jġarrbu xi danni b’riżultat ta’ ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust (2).

2.4   Fid-dawl tad-dibattitu pubbliku li qam wara l-pubblikazzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal-2005 dwar “Azzjonijiet għall-kumpens għal danni kkawżati mill-ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust” (3), il-KESE (4), bħall-Parlament Ewropew (5), appoġġja l-perspettiva tal-Kummissjoni u ħeġġiġha tieħu passi konkreti. B’mod konkret, il-KESE laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, enfasizza l-ostakli li qegħdin jiffaċċjaw il-vittmi bħalissa meta jitolbu kumpens, u fakkar fil-prinċipju tas-sussidjarjetà.

2.5   F’April 2008, il-Kummissjoni ressqet suġġerimenti speċifiċi fil-White Paper (6) tagħha. Il-White Paper tanalizza kwistjonijiet marbutin ma’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli dwar l-antitrust u tindika xi miżuri li jiffaċilitaw tali azzjonijiet. Il-miżuri proposti u l-għażliet ta’ politika huma relatati ma’ dawn id-disa’ suġġetti: il-locus standi; l-aċċess għall-provi; l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet tal-ANK (Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni); il-kriterju tal-ħtija; id-danni; it-trasferiment tal-ispejjeż żejda; il-perijodu ta’ preskrizzjoni; l-ispejjeż tal-azzjonijiet għad-danni; u l-interazzjoni bejn programmi ta’ klemenza u azzjonijiet għad-danni.

2.6   Għat-tfassil tal-White Paper, il-Kummissjoni ħejjiet konsultazzjonijiet wesgħin mar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imħallfin tal-qrati nazzjonali, rappreżentanti tan-negozji, għaqdiet tal-konsumaturi, professjonisti mill-qasam tal-liġi u bosta partijiet ikkonċernati oħra.

2.6.1   Il-kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet hija parti integrali mis-suq intern u hija importanti immens għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona. L-għan ewlieni tal-White Paper tal-Kummissjoni huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet legali sabiex il-vittmi jużaw id-dritt tagħhom, stipulat fit-Trattat, li jitolbu kumpens tad-danni kollha mġarrba b’riżultat ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE. Għaldaqstant il-kumpens sħiħ għandu jkun il-prinċipju ċentrali.

2.6.2   Il-White Paper tindirizza l-aspetti li ġejjin:

il-locus standi: xerrejja indiretti u kumpens kollettiv;

l-aċċess għall-provi: divulgazzjoni inter partes;

l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (ANK);

il-kriterju tal-ħtija;

id-danni;

it-trasferiment tal-ispejjeż żejda;

il-perijodi ta’ preskrizzjoni;

l-ispejjeż tal-azzjoni għad-danni;

l-interazzjoni bejn il-programmi ta’ klemenza u azzjonijiet għad-danni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE huwa favur sistema aktar effettiva li bis-saħħa tagħha l-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust ikunu jistgħu jirċievu kumpens ġust għad-dannu li jkunu sofrew. Bħalissa, il-vittmi ta’ ksur tar-regoli dwar l-antitrust jistgħu jitolbu kumpens permezz tal-liġi dwar id-danni ġenerali u tal-liġi proċedurali tal-Istat Membru tagħhom. Madankollu, bosta drabi dawn il-proċeduri ma jkunux biżżejjed biex jiggarantixxu l-kumpens effettiv, b’mod partikolari fil-każi meta ħafna vittmi jkunu sofrew dannu tal-istess tip.

3.2   Il-Kumitat jagħraf l-importanza tal-kwistjonijiet imqajma fil-White Paper. Il-kummenti li ġejjin jiffokaw fuq is-suġġetti li, fil-fehma tal-KESE, huma l-aktar sensittivi fid-dibattitu attwali. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tiżgura ruħha li f’kull Stat Membru tal-UE jeżisti kumpens effettiv għall-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-miżuri meħtieġa għas-segwitu tal-White Paper fil-livell tal-UE. Jagħmel enfasi fuq il-fatt li wieħed għandu jqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà meta jkunu qed jiġu kkunsidrati proposti speċifiċi fil-livell tal-UE, u jfakkar li dawn il-proposti għandhom ikunu adatti għas-sistemi legali u proċedurali tal-Istati Membri.

3.3   Il-KESE huwa tal-fehma li l-vittmi għandhom jirċievu kumpens sħiħ għall-valur reali tal-ħsara li ġarrbu, li jkopri mhux biss it-telf reali jew il-ħsara materjali u morali, iżda wkoll it-telf ta’ profitt u d-dritt li jaqilgħu l-imgħax.

3.3.1   Il-KESE jemmen li l-azzjoni Komunitarja min-naħa tal-Kummissjoni għandha tqis żewġ tipi ta’ strumenti kkombinati u kumplementari:

minn banda, għandha tikkodifika, fi strument leġiżlattiv Komunitarju, l-acquis communautaire dwar it-tip ta’ kumpens li l-vittmi tal-ksur tar-regoli dwar l-antitrust jistgħu jingħataw;

mill-banda l-oħra, għandu jitfassal qafas ta’ linji gwida mhux vinkolanti għall-kwantifikazzjoni tad-danni, li jista’ jinkludi metodi approssimattivi ta’ kalkolu jew regoli ssemplifikati għall-evalwazzjoni tat-telf.

3.4   Il-KESE jemmen li kull persuna li ġġarrab il-ħsara li tkun kapaċi turi li hemm rabta kawżali mal-ksur għandu jkollha aċċess għall-kumpens. Madankollu, jeħtieġ li jsiru xi sforzi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal akkumulazzjoni inġusta ta’ rikkezza, pereżempju f’każ ta’ xerrejja li ttrasferew spejjeż eċċessivi. Irrispettivament mil-livell (nazzjonali jew Komunitarju) li fih tiġi adottata l-miżura, il-KESE jħoss li f’ċirkustanzi bħal dawn, il-konvenuti għandhom ikunu jistgħu jitolbu difiża tal-“passing on” kontra l-azzjoni għall-kumpens tal-ispejjeż żejda. Fir-rigward tal-piż tal-provi, il-livell tal-provi għal din id-difiża m’għandux ikun iktar baxx mil-livell impost biex l-attur jagħti prova tal-ħsara mġarrba.

3.5   Fid-dawl tal-varjazzjonijiet attwali fil-mod kif il-perijodi ta’ preskrizzjoni qegħdin jiġu kkalkolati, huwa importanti li, għall-finijiet ta’ ċertezza legali, jiġu standardizzati l-kriterji f’dan ir-rigward. Għalhekk il-KESE jqis li:

il-perijodu ta’ preskrizzjoni m’għandux jibda, f’każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, qabel il-ġurnata li fiha jieqaf il-ksur jew qabel ma l-vittma tal-ksur ma tkun taf bil-ksur u bil-ħsara kkważata;

f’kull każ, perijodu ta’ preskrizzjoni ġdid ta’ mill-inqas sentejn għandu jibda ġaladarba d-deċiżjoni ta’ ksur li fuqha jkun ser jibbaża ruħu l-attur sussegwenti tkun saret finali.

3.6   L-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u l-azzjonijiet għad-danni

3.6.1

Ir-responsabbiltà ewlenija għar-regolazzjoni tas-swieq u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni dwar il-kompetizzjoni fl-UE, bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku, għandha tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li kwalunkwe azzjoni futura għandha tappoġġja l-infurzar pubbliku effettiv filwaqt li tiffaċilita l-proċess biex il-vittmi ta’ ksur tar-regoli dwar l-antitrust jingħataw kumpens għad-dannu li jkunu sofrew. L-infurzar pubbliku għandu rwol fundamentali fil-ġlieda kontra l-imġiba antikompetittiva, aktar u aktar minħabba l-fatt li l-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (ANK) għandhom setgħat uniċi fl-oqsma tal-investigazzjoni u tas-soluzzjoni tat-tilwim.

3.6.2

Filwaqt li l-infurzar pubbliku jiffoka fuq il-konformità u d-deterrenza, l-għan tal-azzjonijiet għad-danni huwa li jipprovdu kumpens sħiħ għad-danni li wieħed ikun sofra. Il-kumpens sħiħ għandu jinkludi t-telf effettiv, it-telf ta’ profitti u l-imgħaxijiet.

3.6.3

Fil-valutazzjoni tal-miżuri marbuta mal-kumpens sħiħ u effettiv, il-KESE jistenna li l-qafas ta’ gwida previst għall-kwantifikazzjoni tad-danni jinkludi linji gwida prammatiċi li jkunu jistgħu jintużaw fil-qrati tal-Istati Membri, kif jingħad fil-White Paper.

3.7   Is-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti

3.7.1

Filwaqt li jinħtieġ b’mod indispensabbli qafas aktar effettiv għall-kumpens ġudizzjarju għall-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-azzjoni tagħha biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu regoli ta’ proċedura li jseddqu l-ftehim. Bħala alternattiva għall-kumpens ġudizzjarju, is-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti tista’ taqdi rwol kumplementari importanti billi tipprovdi kumpens lill-vittmi mingħajr ma jitnaqqas l-aċċess għar-rikors fil-qorti. Barra mill-qorti jistgħu jintlaħqu soluzzjonijiet ġusti aktar malajr u b’inqas spejjeż, filwaqt li l-konfrontazzjoni bejn il-partijiet tkun anqas qawwija u fl-istess ħin jitnaqqas ix-xogħol żejjed tal-qrati. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-użu tas-sistemi barra mill-qorti fl-UE u ttejjeb il-kwalità tagħhom. Madankollu, il-KESE jinnota li l-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jistgħu jservu bħala alternattiva kredibbli biex jipprovdu kumpens lill-vittmi biss jekk ikun hemm mekkaniżmi għall-kumpens ġudizzjarju effettiv mill-qrati – anke permezz ta’ mekkaniżmi kollettivi. Fin-nuqqas ta’ strumenti effettivi għall-kumpens ġudizzjarju, ma jkunx hemm inċentivi biżżejjed għas-soluzzjoni ġusta u konvenjenti għall-partijiet kollha.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-White Paper

4.1   Bħala konsegwenza tal-volum ta’ tranżazzjonijiet legali, jeħtieġ li fis-sistemi legali jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu l-aggregazzjoni jew l-akkumulazzjoni ta’ azzjonijiet individwali tal-vittmi tal-ksur tar-regoli dwar l-antitrust.

4.1.1   Il-KESE jaqbel mas-suġġeriment tal-Kummissjoni li jiġu kkombinati ż-żewġ mekkaniżmi komplementari li ġejjin sabiex jiġi assigurat kumpens kollettiv għall-vittmi:

l-azzjonijiet rappreżentattivi, li jsiru minn entitajiet kwalifikati (bħall-għaqdiet tal-konsumaturi, ambjentali, ta’ min iħaddem jew tal-vittmi). Il-KESE diġà ressaq opinjoni (7) dwar il-leġittimità tal-biċċa l-kbira ta’ dawn l-azzjonijiet rappreżentattivi;

l-azzjonijiet kollettivi li fihom il-vittmi jiddeċiedu li jiġbru l-azzjonijiet individwali tagħhom għad-danni f’azzjoni waħda.

4.2   Kummenti dwar il-kumpens kollettiv:

4.2.1

Il-kumpens sodisfaċenti tal-vittmi ta’ ksur tar-regoli dwar l-antitrust – kompetituri li jirrispettaw ir-regoli, konsumaturi, SMEs u impjegati ta’ kumpaniji involuti, li huma vittmi indiretti ta’ prattiki li jipperikolaw l-impjieg u s-saħħa tax-xiri tagħhom – huwa tħassib ewlieni għall-KESE. Huwa esprima l-fehma tiegħu dwar “id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema tal-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum” f’opinjoni fuq inizjattiva proprja (8). B’konformità mal-opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jgħid li l-fatt li wieħed jammetti l-ħtieġa ta’ kumpens jimxi id f’id mal-proċeduri xierqa sabiex jiġu rikonoxxuti u appoġġjati dawn id-drittijiet. Il-ħolqien ta’ azzjoni kollettiva Ewropea huwa waħda mill-possibbiltajiet li qegħdin jiġu diskussi fid-dibattitu dwar kif tali kumpens jista’ jsir effettiv. Il-KESE jemmen li l-miżuri ta’ segwitu għandhom ikunu bilanċjati u jipprovdu garanziji effettivi sabiex jiġu evitati l-abbużi. Għandhom ikunu konformi ma’ proposti oħra dwar il-kumpens kollettiv, jiġifieri dawk li għaddejjin bħalissa fid-DĠ SANCO, u għandhom jiġu indirizzati b’mod koordinat u koerenti bil-għan li jiġi evitat l-irduppjar bla bżonn tal-istrumenti ġudizzjarji billi dan joħloq diffikultajiet kbar b’rabta mat-transpożizzjoni u l-applikazzjoni fl-Istati Membri.

4.2.2

Il-KESE jappoġġja l-kunsens ġenerali bejn il-politiċi u l-paritijiet interessati Ewropej li l-UE għandha tevita r-riskju tal-abbużi bħal dawk li saru fl-Istati Uniti. Il-miżuri ta’ segwitu għandhom jirriflettu t-tradizzjonijiet kulturali u legali Ewropej; l-uniku objettiv tagħhom għandu jkun il-kumpens u għandhom jistabbilixxu bilanċ ġust bejn il-partijiet, u b’hekk iwasslu għal sistema li tħares l-interessi tas-soċjetà kollha. Il-Kumitat jitlob li fl-UE jiġu evitati kemm il-ħlas ta’ kontinġenza (contingency fees) kif ukoll is-sistemi li jqajmu l-interess ekonomiku ta’ partijiet terzi.

4.3   Kummenti dwar il-provi;

4.3.1

Sabiex jassigura aċċess effettiv għall-provi, li huwa neċessarju biex ikun hemm protezzjoni legali effettiva, il-KESE jaqbel li madwar l-UE għandu jinżamm livell minimu ta’ divulgazzjoni inter partes għall-każi ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust. L-estensjoni tas-setgħa tal-imħallfin nazzjonali biex ikunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta’ kategoriji speċifiċi ta’ provi rilevanti tista’ tgħin biex jintlaħaq dan l-għan, sakemm id-divulgazzjoni ssir fil-limiti diġà stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-QĠE u tkun rilevanti għall-azzjoni, neċessarja u proporzjonata.

4.3.2

Il-KESE jagħraf l-ostakli attwali li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi biex jagħtu l-provi tal-każ tagħhom u jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-aċċess għall-provi. Jenfasizza l-fatt li d-differenzi bejn is-sistemi proċedurali tal-Istati Membri m’għandhomx jintesew. L-obbligi ta’ divulgazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji preċiżi u għandhom ikunu proporzjonati għall-kawża.

4.3.3

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tissuġġetta l-obbligi ta’ divulgazzjoni għal salvagwardji preċiżi billi l-problema hija li tinżamm sistema li żżomm bilanċ bejn l-aċċess effettiv għall-provi u d-drittijiet għad-difiża. Il-Kumitat jinnota li s-sorveljanza stretta minn imħallef tista’ tkun ta’ għajnuna f’dan ir-rigward.

4.3.4

Kull meta jiġi nnutat ksur tal-Artikolu 81 jew 82 tat-Trattat fil-livell Komunitarju, il-vittmi tal-ksur jistgħu, b’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 1/2003, jibbażaw ruħhom fuq din id-deċiżjoni bħala prova vinkolanti fil-proċedimenti ċivili. Fid-dawl tal-prinċipju tal-ekwivalenza tar-regoli proċedurali, il-KESE jemmen li għandu jkun hemm regola simili għad-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni li jistabbilixxu li l-Artikolu 81 jew 82 ma ġiex rispettat.

4.4   Kummenti dwar il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-vittmi:

4.4.1

Rigward l-azzjonijiet kollettivi “parteċipattivi (opt-in) u mhux parteċipattivi (opt-out)”, il-KESE jirreferi għall-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dawn il-mekkaniżmi kif imfissra fl-opinjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2008 (9). F’din l-opinjoni l-KESE enfasizza b’mod partikolari li, għalkemm jippreżentaw ċerti vantaġġi, l-azzjonijiet kollettivi “parteċipattivi” huma għaljin u diffiċli biex wieħed jamministrahom, barra minn hekk iwasslu għal dewmien proċedurali u mhumiex adatti għal għadd kbir ta’ konsumaturi għaliex dawn m’għandhomx l-informazzjoni xierqa dwar l-eżistenza ta’ dawn il-proċeduri. Il-KESE jinnota li xi Stati Membri introduċew mudelli differenti ta’ kumpens ġudizzjarju li jinkludu kemm sistemi parteċipattivi kif ukoll mhux parteċipattivi.

4.4.2

Dawn il-kummenti jgħoddu wkoll għall-“azzjonijiet rappreżentattivi”. Billi fil-White Paper mhux qed issir referenza għall-vittmi identifikati biss, iżda wkoll għall-vittmi li jistgħu jiġu identifikati, ma jidhirx li qegħdin jiġu esklużi azzjonijiet f’isem grupp ta’ persuni mhux identifikati. Filwaqt li l-identifikazzjoni tal-vittmi tista’ tikkontribwixxi sabiex jitressqu t-talbiet, jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom l-estensjoni tal-każ għall-vittmi possibbli kollha tkun xierqa, pereżempju meta jintlaqtu għadd kbir ħafna ta’ vittmi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiċċara din il-proposta.

4.4.3

Il-KESE jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar ir-rwol importanti tal-imħallfin fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu. L-imħallfin jistgħu jiġu megħjuna permezz ta’ taħriġ speċifiku sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw aħjar il-kriterji tal-ammissibbiltà u l-valutazzjoni tal-provi u l-aċċess għalihom, billi skont id-definizzjoni tagħhom l-azzjonijiet kollettivi huma bbażati fuq l-improbabbiltà li l-istess ilment jitressaq b’mod individwali. Għalhekk, l-imħallef għandu jkollu rwol attiv u importanti meta wieħed jiġi biex jidentifika u jaċċetta t-talbiet leġittimi fi stadju bikri.

4.4.4

L-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u tal-kummerċ kwalifikati huma l-kandidati naturali biex jirrappreżentaw lill-vittmi f’azzjonijiet rappreżentattivi. Il-White Paper tal-Kummissjoni tippermetti b’mod ċar li l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ awtorizzati jressqu azzjonijiet rappreżentattivi f’isem il-membri tagħhom. Billi organizzazzjonijiet rikonoxxuti oħrajn li jissodisfaw ċerti standards kapaċi jkollhom raġunijiet leġittimi biex jintroduċu azzjoni kollettiva wkoll, wieħed għandu janalizza bir-reqqa jekk dan jistax iwassal għal sitwazzjonijiet fejn jitressqu diversi talbiet għad-danni kkawżati mill-istess ksur tar-regoli. Għandu jiġi rakkomandat li l-vittmi jiġu rappreżentati flimkien minn entità rappreżentattiva waħda sabiex l-azzjoni tkun effettiva.

4.5   Kummenti dwar l-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet finali tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni:

4.5.1

Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet finali f’kawżi ta’ danni b’segwitu għandhom jiġu valutati bħala preżunzjoni li ma tistax tiġi miċħuda tal-ksur. Jemmen li l-qrati nazzjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw ir-rabta kawżali bejn il-ksur u d-dannu mitlub u għandhom jibqgħu intitolati li jagħmlu dan b’mod esklużiv.

4.5.2

Il-KESE jinnota wkoll li l-valur tad-deċiżjonijiet finali tal-ANK jimplika li għandha tingħata l-attenzjoni xierqa għal-livell ta’ armonizzazzjoni tal-kontrolli u l-bilanċi, u tal-garanziji proċedurali fl-Istati Membri kollha.

4.6   Kummenti dwar il-kriterju tal-ħtija:

4.6.1

F’xi Stati Membri, ir-relazzjoni kawżali bejn il-ħtija u d-dannu hija element kostitwenti tar-responsabbiltà għad-dannu, u l-attur huwa mitlub juri kemm id-dritt għall-kumpens tiegħu kif ukoll il-ħtija tal-konvenut. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tqis dawn id-differenzi billi dawn huma ġejjin mill-iżvilupp storiku tas-sistemi legali nazzjonali. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni taċċerta ruħha li kwalunkwe sistema futura tiggarantixxi proċediment ġust li jinkludi kumpens malajr u effiċjenti għad-danni appoġġjati b’evidenza adegwata.

4.7   Kummenti dwar il-programm ta’ klemenza:

4.7.1

Il-programmi ta’ klemenza għandhom impatt qawwi immens fuq in-numru ta’ kartelli skoperti, u għandhom ukoll effett ta’ dissważjoni sostanzjali. Għaldaqstant, it-tħaddim tajjeb tagħhom huwa l-ewwel u qabel kollox fl-interess tal-vittmi. Ir-riskju li l-informazzjoni kunfidenzjali ssir pubblika jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-identifikazzjoni tal-kartelli u, minħabba f’hekk, fuq il-possibbiltà li l-vittmi jitolbu kumpens għad-danni. Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ l-proposti li l-għan tagħhom huwa li jħarsu l-effiċjenza tal-programmi ta’ klemenza. Madankollu, l-applikazzjonijiet ta’ klemenza m’għandhomx jipproteġu, aktar milli huwa meħtieġ, lill-parteċipanti tal-kartelli mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili relatati mal-imġiba illegali tagħhom a spejjeż tal-vittmi.

4.8   Kummenti dwar l-ispejjeż tal-azzjonijiet għad-danni:

4.8.1

Il-White Paper tippreżenta approċċi differenti sabiex jitnaqqas ir-riskju finanzjarju tal-kawża għal dawk li jressqu azzjoni għad-danni. Il-KESE jaqbel mal-fehma li d-dritt għall-kumpens m’għandux jixxekkel minn spejjeż mhux raġonevoli tal-azzjonijiet legali. Il-KESE esprima l-fehma tiegħu dwar l-ispejjeż ta’ dawn l-azzjonijiet fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper (10).

4.8.2

Il-White Paper tistieden lill-Istati Membri jirrevedu r-regoli nazzjonali dwar it-tqassim tal-ispejjeż u jagħtu l-possibbiltà lill-qrati nazzjonali li – f’ċirkustanzi eċċezzjonali – jagħmlu deroga għall-“prinċipju ta’ jħallas min jitlef”, li bħalissa huwa applikat fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta ħafna kif tiggarantixxi kemm l-aċċess ġust għall-qrati kif ukoll il-validità tat-talbiet għal kumpens f’dan ir-rigward ukoll.

4.8.3

Il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jirriflettu dwar ir-regoli tagħhom dwar l-ispejjeż legali, u li l-Kummissjoni għandha teżamina r-regoli kollha dwar dan li jeżistu fl-Unjoni Ewropea. It-tendenza għandha tkun li jiġu awtorizzati t-talbiet meritevoli fil-każi li fihom, b’mod ieħor, l-ispejjeż ixekklu t-tressiq ta’ azzjoni. Dan għandu jsir mingħajr ħsara għar-regoli proċedurali li jippromovu t-tip ta’ qbil li bis-saħħa tiegħu jitnaqqsu l-ispejjeż.

4.8.4

Il-KESE jfakkar li mhuwiex rakkomandabbli li tiddaħħal sistema ta’ ħlas ta’ kontinġenza (contingency fee system) li tmur kontra t-tradizzjoni legali Ewropea. Kif diġà sostna l-KESE f’opinjoni preċedenti (11), is-sistema mhix permessa fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – la mil-liġi u lanqas mill-kodiċi ta’ kondotta tal-avukati.

4.8.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jaħseb li n-notifika u l-ġbir ta’ dawk li huma maħsuba konvenuti jista’ jsir b’mod effiċjenti u bi spiża raġonevoli permezz tar-reġistru elettroniku pubbliku Ewropew tal-azzjonijiet li jista’ jiġi kkonsultat mill-vittmi madwar l-Ewropa kollha kemm hi.

Brussels, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 162, 25.6.2008, Franco Chiriaco, “Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-rapport mill-Kummissjoni dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2006, COM(2007) 358 finali”, punt 7.1.1, Brussell, it-13 ta’ Frar 2008.

(2)  Ara s-sentenzi “Courage y Crehan” (Każ C-453/99) u “Manfredi” (Każ C-295/4).

(3)  COM(2005) 672 finali, “Green Paper – Azzjonijiet għall-kumpens għal danni kkawżati mill-ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust”, Brussell, 19 ta’ Diċembru 2005, p. 1-13 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 324, 30.12.2006, rapporteur: is-Sinjura Sánchez Miguel, opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper – Azzjonijiet għall-kumpens għal danni kkawżati mill-ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust”, Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2006, p. 1-10 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, 25 ta’ April 2007.

(6)  COM(2008) 165 finali, “White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust”, Brussell, it-2 ta’ April 2008.

(7)  ĠU C 162, 25.6.2008, Jorge Pegado Liz, opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema tal-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum”, Brussell, l-14 ta’ Frar 2008, p. 1-21.

(8)  Ara n-nota nru 7.

(9)  Ara n-nota nru 7.

(10)  ĠU C 324, 30.10.2006, punt 5.4.5., rapporteur: is-Sinjura Sanchez Miguel.

(11)  Ara n-nota nru 7.