11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/107


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposti li ġejjin il-Proposta ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja

COM(2008) 803 finali – 2008/0233 (AVC)

il-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinovabbli fid-djar

COM(2008) 838 finali – 2008/0245 (COD)

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew biex jestendi t-tipi ta’ spejjeż eliġibbli għal kontribut mill-FSE

COM(2008) 813 finali – 2008/0232 (COD)

2009/C 218/21

Nhar id-9 u l-15 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja

il-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinovabbli fid-djar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew biex jestendi t-tipi ta’ spejjeż eliġibbli għal kontribut mill-FSE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur CEDRONE.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, 2 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE ħa nota ta’ dawn it-tliet proposti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali bil-għan li tiġi stimolata l-ekonomija reali f’dan il-perijodu ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika billi jiġu adattati u ssemplifikati ċerti dispożizzjonijiet tal-Fondi Strutturali.

1.2

Il-KESE japprova dawn il-proposti, però jagħmel l-osservazzjonijiet ta’ hawn taħt.

2.   Raġuni

2.1

Il-KESE ilu ħafna jitlob li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi ssemplifikata mil-lat amministrattiv u adattata għall-ħtiġijiet reali. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposti tal-Kummissjoni li jippermettu lill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea jirreaġixxu b’mod aktar xieraq għall-isfidi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali.

2.2

Il-KESE jfakkar li hemm problemi amministrattivi u finanzjarji oħra fil-livell tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal proposti biex issolvi dawn il-problemi relatati mal-kwistjoni tal-finanzjament bil-quddiem tal-proġetti; il-limiti ta’ żmien għall-ħlas twal wisq; is-sostenibbiltà tal-proġetti proposti; u r-regoli de minimis.

2.3

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li s-semplifikazzjoni amministrattiva mixtieqa twassal għal rilaxx minnufih tal-fondi disponibbli b’effet pożittiv u immedjat fuq l-irkupru tal-ekonomija reali.

2.4

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq li, fejn possibbli u b’mod prijoritarju, l-SMEs (pereżempju l-SMEs fil-qasam tal-kostruzzjoni fil-każ tal-proposta dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini) u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jibbenefikaw milll-fondi rilaxxati permezz ta’ dawn il-miżuri.

2.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiffinalizza minnufih ir-riflessjonijiet tagħha dwar is-semplifikazzjoni tal-Fondi Strutturali biex titħaffef it-tweġiba tal-politika ta’ koeżjoni għall-kriżi ekonomika attwali u lil hinn minn din il-kriżi.

Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI