11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla

COM (2008) 553 finali – 2008/0180 CNS

2009/C 218/14

Nhar id-19 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Jannar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur ALLEN.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’161 vot favur, 5 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ din il-proposta mill-Kummissjoni. Din hija pass sinifikanti fid-direzzjoni t-tajba u għandha l-potenzjal li ttejjeb il-benesseri tal-annimali waqt il-proċedura tat-tbiċċir.

1.2

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta li l-operatur tal-biċċerija jingħata r-responsabbiltà sħiħa għall-benesseri tal-annimali waqt il-proċess tat-tbiċċir bir-rekwiżit li jimplimenta proċeduri operattivi standard, l-introduzzjoni ta’ ċertifikati ta’ kompetenza u l-ħtieġa li jinħatar uffiċjal għall-benesseri tal-annimali.

1.3

Il-Kumitat jenfasizza li l-Veterinarju Uffiċjali jrid ikollu r-rwol superviżorju ewlieni sabiex jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-proċeduri korretti għall-benesseri tal-annimali waqt il-proċess tat-tbiċċir. Il-Veterinarju Uffiċjali għandu jkun notifikat minnufih bi kwalunkwe bidla fil-proċeduri operattivi standard.

1.4

B’mod partikolari, il-Veterinarju Uffiċjali għandu jkun responsabbli mill-kontrolli regolari sabiex ikun żgurat li l-proċeduri ta’ monitoraġġ waqt it-tbiċċir ikunu qegħdin jiġu implimentati b’mod xieraq.

1.5

Il-proposta biex tkun permessa deroga fil-każ tat-tbiċċir ritwali tal-annimali hija għalkollox inkonsistenti mal-għanijiet għall-benesseri tal-annimali waqt il-proċess tat-tbiċċir inklużi f’din il-Proposta għal-Regolament.

1.6

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-proċeduri l-ġodda għad-depopulazzjoni u l-qtil minħabba emerġenza. B’mod partikolari, l-iktar rekwiżit importanti huwa li jkun stabbilit pjan ta’ azzjoni sabiex tkun żgurata konformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament qabel ma jingħata bidu għall-operazzjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ rapport ta’ valutazzjoni fi żmien sena mit-tmiem tad-depopulazzjoni hija proposta li ntlaqgħet ferm tajjeb.

2.   Daħla

2.1

Fl-UE, qiegħda tingħata iktar importanza lill-konsiderazzjonijiet għall-benesseri tal-annimali u dan huwa fattur sinifikanti f’soċjetà li ssostni li hija waħda avvanzata u ċivilizzata.

2.2

Fl-2004 u fl-2006, żewġ opinjonijiet xjentifiċi mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) issuġġerew li tiġi riveduta d-Direttiva eżistenti 93/119/KE.

2.3

Kienu identifikati problemi speċifiċi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, bħan-nuqqas ta’ metodoloġija konsistenti għal metodi ġodda ta’ sturdament, u wkoll in-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-operaturi u tal-maniġers tal-biċċeriji. Hemm ukoll ħtieġa għal taħriġ xieraq tal-personal involut fit-tbiċċir tal-annimali.

2.4

Jeħtieġ li jkun hemm ċarezza rigward il-kondizzjonijiet tal-benesseri li japplikaw għat-tbiċċir tal-annimali għal skopijiet ta’ kontroll tal-mard. Meta l-annimali jkunu jridu jinqatlu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, għandhom japplikaw kemm jista’ jkun ir-regoli tal-benesseri, sabiex ikunu evitati d-dewmien u t-tbatija bla bżonn tal-annimal.

2.5

Jeħtieġ li l-benesseri tal-annimali jinftiehem u jiġi integrat aħjar fil-preparazzjoni u fl-immaniġġjar tal-annimali qabel it-tbiċċir.

2.6

Id-Direttiva 93/119/KE ser tkun revokata u se tiġi sostitwita bir-Regolament propost imma l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni se jibqa’ l-istess.

2.7

B’bidla minn Direttiva għal Regolament, il-proposta tipprovdi għal applikazzjoni uniformi u simultanja fl-UE kollha li tkun konsistenti mas-suq uniku.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli għall-qtil tal-annimali miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel, tas-suf, tal-ġilda, tal-fer jew ta’ prodotti oħrajn u għal operazzjonijiet relatati.

3.2

Se tkun permessa deroga f’każ ta’ qtil minħabba emerġenza sabiex jiġi evitat l-uġigħ u t-tbatija bla bżonn lill-annimal jew fejn konformità sħiħa tirriżulta f’riskju immedjat għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem.

3.3

Dan ir-Regolament mhux se japplika meta l-annimali jinqatlu:

a)

waqt sperimenti xjentifiċi approvati,

b)

waqt attivitajiet tal-kaċċa,

c)

waqt attivitajiet kulturali jew sportivi,

d)

minn veterinarju waqt xogħlu,

e)

għal tjur u liebri u fniek li jinqatlu minn sidhom biex jiġu kkonsmati minnu.

3.4

L-annimali għandhom ikunu meħlusin minn kwalunkwe uġigħ, dwejjaq jew tbatija li jistgħu jkunu evitati waqt it-tbiċċir u operazzjonijiet relatati. L-operaturi jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikunu żguri li hemm min qiegħed jieħu ħsieb l-annimali kif suppost u li dawn qegħdin jiġu mmaniġġjati bl-inqas ammont ta’ stress qabel it-tbiċċir.

3.5

Skont l-Artikolu 4(1), l-annimali għandhom jinqatlu biss permezz ta’ metodu li jassigura mewta istantanja jew wara li jiġu storduti.

3.6

Tista’ tapplika deroga fejn l-annimali jistgħu jinqatlu mingħajr ma jiġu storduti minn qabel, fejn tali metodi jkunu preskritti minn riti reliġjużi, sakemm qtil bħal dan isir f’biċċerija. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-deroga.

3.7

Fl-Anness 1 ġiet inkluża lista tal-metodi ta’ sturdament u deskrizzjoni dettaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-isturdament irid isir skont dawn il-metodi. Iridu jitwettqu kontrolli tal-effiċjenza tal-proċess ta’ sturdament fuq kampjun biżżejjed rappreżentattiv ta’ annimali sabiex ikun żgurat li l-proċess jaħdem b’mod xieraq u konsistenti.

3.8

Il-kodiċijiet Komunitarji ta’ prattiki tajbin li jikkonċernaw il-metodi ta’ sturdament stipulati fl-Anness 1 jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2). Din il-proċedura kienet stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1999 li tistipula l-proċedura biex il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat konferiti lilha sabiex timplimenta l-leġiżlazzjoni permezz ta’ kumitat regolatorju. Kull Stat Membru se jkollu rappreżentant fil-kumitat u dan se jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

3.9

L-operaturi għandhom ifasslu u jimplimentaw proċeduri operattivi standard (SOP) sabiex ikunu żguri li l-qtil u l-operazzjonijiet relatati jitwettqu skont l-Artikolu 3(1). Dawn l-SOP għandhom ikunu disponibbli għall-Awtorità Kompetenti meta jintalbu minnha. Rigward l-isturdament, l-SOP għandhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet u l-istruzzjonijiet tal-manifattur għall-użu tat-tagħmir. Barra minn hekk, trid tkun disponibbli faċilità immedjata ta’ appoġġ (backup) f’każ li tinqala’ xi problema bit-tagħmir tal-isturdament.

3.10

Għal dawk involuti fil-qtil u fl-operazzjonijiet relatati fil-biċċerija, se jkun meħtieġ ċertifikat ta’ kompetenza:

a)

l-immaniġġjar u l-kura tal-annimali qabel dawn jitrażżnu,

b)

it-trażżin tal-annimali għall-għanijiet tal-isturdament jew il-qtil,

c)

l-isturdament tal-annimali,

d)

il-valutazzjoni ta’ sturdament effettiv,

e)

l-irbit jew l-irfigħ ta’ annimali ħajjin,

f)

l-iżvinar ta’ annimali ħajjin,

g)

il-qtil ta’ annimali bil-fer.

3.11

L-istruzzjonijiet li jinvolvu l-użu u l-manutenzjoni jridu jakkumpanjaw il-prodotti kkummerċjalizzati bħala tagħmir ta’ trażżin jew ta’ sturdament, b’tali mod li jiżgura l-ogħla livell ta’ benesseri tal-annimal, b’referenza partikolari għall-kategoriji jew għall-piżijiet tal-annimali u wkoll għal metodu adattat sabiex tkun immonitorjata l-effikaċja tat-tagħmir.

3.12

L-Anness II jistipula b’mod ċar ir-rekwiżiti għall-bini, għat-tqassim u għat-tagħmir tal-biċċeriji. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru (li ġiet definita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004) għandha tapprova kull biċċerija li tissodisfa l-kriterji rilevanti.

3.13

L-operaturi għandhom ikunu żguri li jkun hemm konformità mar-regoli operattivi għall-biċċeriji stipulati fl-Anness 3. Minkejja l-Artikolu 3(1), għandhom jiġu pprojbiti l-metodi ta’ trażżin li ġejjin:

a)

is-sospensjoni jew l-irfigħ tal-annimali minn saqajhom jew minn riġlejhom,

b)

it-trażżin mekkaniku tar-riġlejn jew tas-saqajn tal-annimali,

c)

il-ksur tas-saqajn, il-qtugħ tal-għeruq tas-saqajn jew li wieħed jagħmihom,

d)

korriment tas-sinsla, bħal bl-użu ta’ puntilla jew ta’ sejf,

e)

l-użu ta’ kurrenti tal-elettriku li ma jistordux jew li ma joqtlux lill-annimali taħt ċirkostanzi kkontrollati, b’mod partikolari kwalunkwe applikazzjoni ta’ kurrent elettriku li ma taffettwax lill-moħħ.

Madankollu, il-punti (a) u (b) m’għandhomx japplikaw għat-trażżin tat-tjur.

3.14

L-operaturi għandhom jimplimentaw proċedura ta’ monitoraġġ waqt it-tbiċċir sabiex jivverifikaw u jikkonfermaw li l-annimali għat-tbiċċir jiġu storduti b’mod effettiv fil-perjodu bejn l-isturdament u l-konferma tal-mewt u din trid tinkludi l-isem tal-persuna responsabbli. Trid tiġi stabbilita proċedura separata ta’ monitoraġġ għal kull linja għat-tbiċċir fejn jintuża tagħmir differenti għall-isturdament.

3.15

L-operaturi għandhom jaħtru Uffiċjal għall-Benesseri tal-Annimali għal kull biċċerija li se jkun responsabbli milli jiżgura li r-regoli inklużi f’dan ir-Regolament jiġu implimentati b’mod xieraq. Għandha tapplika deroga għall-biċċeriji li jbiċċru inqas minn 1 000 unità ta’ annimali ħajjin jew 150 000 unità ta’ tajr fis-sena.

3.16

Il-proposta għandha l-għan li torbot iktar lill-awtorità kompetenti, li twettaq qtil għal skopijiet ta’ kontroll tal-mard (bħall-influwenza tat-tjur jew il-marda tal-ilsien u d-dwiefer), li tagħti kont lill-pubbliku rigward il-benesseri tal-annimali ssagrifikati. B’mod partikolari, il-proposta se tesiġi ppjanar, superviżjoni u rappurtaġġ aħjar.

3.17

Fil-każ ta’ qtil minħabba emerġenza, il-persuna inkarigata mill-annimali kkonċernati għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex toqtol lill-annimal mill-aktar fis possibbli.

3.18

Kull Stat Membru għandu jaħtar ċentru nazzjonali ta’ referenza li jinkludi l-għoti ta’ appoġġ permanenti u kompetenti lill-kontrolluri uffiċjali u li jipprovdi kompetenza teknika u xjentifika.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Id-deroga għall-biċċeriji ż-żgħar inkluża fl-Artikolu 14 hija adegwata u meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-biċċeriji ż-żgħar ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu u jaqdu lis-swieq lokali.

4.2

Ir-rwol tal-veterinarji uffiċjali għandu jkun estiż sabiex jaqdu rwol superviżorju b’rabta partikolari mar-regoli għall-protezzjoni tal-annimali inklużi f’dan ir-Regolament, b’referenza partikolari għas-superviżjoni tar-rwol tal-uffiċjal għall-benesseri tal-annimali. Kwalunkwe bidla li ssir fl-SOP għandha tkun notifikata minnufih lill-Veterinarju Uffiċjali.

4.3

Għandu jkun stabbilit grupp xjentifiku ta’ esperti sabiex jeżamina u jfassal kodiċijiet ta’ prattika tajba għall-metodi ta’ sturdament inklużi fl-Anness 1.

4.4

Il-proposta fl-Artikolu 4(2) biex tkun permessa deroga rigward it-tbiċċir ritwali mhijiex konsistenti mal-għan globali tar-Regolament li huwa li jtejjeb il-protezzjoni tal-annimali waqt it-tbiċċir. Teknoloġija innovattiva bħall-iStun Assurance Monitor (Apparat għall-Monitoraġġ tal-Assigurazzjoni tal-Isturdament) jippermetti lil dawk li jixtiequ jbiċċru bi sturdament elettriku preċedenti b’konformità mar-regoli tal-Halal li jimmonitorjaw bir-reqqa l-ammont ta’ qawwa elettrika li jingħata lil annimal. Dan jiżgura li l-annimal ikun tabilħaqq stordut imma jkun għadu ħaj qabel it-tbiċċir. L-apparat għall-monitoraġġ jirreġistra kull sturdament li jitwettaq u l-vultaġġ li jingħata lill-annimal. Dan għandu kontribut reali x’jagħti lill-benesseri tal-annimali. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tikkettar li tindika l-metodu ta’ tbiċċir kieku tinkoraġġixxi l-użu tal-iStun Assurance Monitor. Huwa importanti li l-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv ir-riċerka ta’ sistemi li jikkonvinċu lil gruppi reliġjużi rigward l-isturdament biex b’hekk ikun protett il-benesseri tal-annimali waqt it-tbiċċir.

4.5

Huwa importanti li l-kodiċijiet ta’ prattika tajba jitfasslu bi qbil mal-partijiet interessati varji u jkunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

4.6

Dan l-aħħar, biċċeriji żgħar kellhom spejjeż kbar sabiex jaġġornaw u jikkonformaw mal-“pakkett dwar l-iġenje”. Sabiex jiġi evitat li tiġi mhedda l-vijabilità tagħhom, għandhom ikunu disponibbli fondi li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tagħhom minħabba konformità ma’ dan ir-regolament.

4.7

L-istabbiliment ta’ ċentri ta’ referenza għandu jkun kompatibbli u marbut ma’ faċilitajiet xjentifiċi u ta’ riċerka eżistenti fl-Istat Membru. Huwa importanti li ma jsirx xogħol ripetut u li jkunu pprovduti riżorsi finanzjarji adegwati sabiex ikun żgurat li s-sistema taħdem b’mod effettiv. Il-programmi ta’ taħriġ għandhom ikunu armonizzati fil-livell tal-UE.

4.8

Meta jitfasslu kodiċijiet ta’ prattika dwar l-immaniġġjar u l-kura tal-annimali, trid tingħata attenzjoni xierqa lill-opinjonijiet tal-persuni li għandhom esperjenza prattika kontinwa mill-anqas ta’ ħames snin fl-immaniġġjar u fil-kura tal-annimali, u dawn l-opinjonijiet għandhom jingħaqdu flimkien mal-perspettiva akkademika dwar kif l-annimali għandhom jiġu mmaniġġjati u kkurati. Il-korsijiet għaċ-ċertifikati ta’ kompetenza f’dan il-qasam għandhom ukoll iqisu din il-perspettiva.

4.9

Sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri għandhom joħorġu ċertifikati ta’ kompetenza mingħajr eżami formali lil persuni li juru li għandhom esperjenza kontinwa ta’ ħames snin wara stima pożittiva min-naħa tal-Veterinarju Uffiċjali.

4.10

B’mod partikolari, il-Kumitat jilqa’ l-Artikolu 4(1) bħala l-iktar Artikolu importanti. Dan l-Artikolu jispeċifika li l-annimali għandhom jinqatlu biss permezz ta’ metodu li jassigura mewta instantanja jew wara li jiġu storduti.

4.11

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta fl-Artikolu 8 li t-tagħmir ta’ sturdament m’għandux jitqiegħed fis-suq mingħajr istruzzjonijiet xierqa rigward l-użu u l-manutenzjoni tiegħu b’tali mod li jkunu żgurati l-aħjar kondizzjonijiet għall-benesseri tal-annimali. Għandha titwettaq riċerka sabiex ikun żgurat li tkun disponibbli sistema awtomatika ta’ monitoraġġ. Ir-Regolament ma jispeċifikax liema mod ta’ liċenzjar għandu japplika sabiex ikun żgurat li t-tagħmir ta’ sturdament li jitqiegħed fis-suq ikun ivverifikat b’mod indipendenti sabiex jitqies jekk jiġġustifikax dak li jkunu qegħdin isostnu l-manifatturi dwaru.

4.12

Il-Kumitat huwa tal-opinjoni li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw standards ekwivalenti sabiex ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni. Din il-kwistjoni tissemma fl-Artikolu 10 imma jeħtieġ li tkun enfasizzata u ċċarata aktar. Barra minn hekk, irid ikun hemm dikjarazzjoni li turi li hemm ħsieb li tiġi implimentata tali politika.

4.13

Il-Kumitat jilqa’ l-prinċipji ewlenin inklużi fir-Regolament propost.

Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI