11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi

COM(2008) 324 finali – 2008/0112(CNS)

2009/C 218/09

Nhar is-16 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikultura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fit-28 ta’ Jannar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur SARRÓ IPARRAGUIRRE.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (sessjoni tal-25 ta’ Frar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’170 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jemmen li s-semplifikazzjoni ssuġġerita fil-Proposta għal Regolament hija meħtieġa. Madankollu, jinnota li mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ proċess ta’ semplifikazzjoni, iżda li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll xi tibdil fil-miżuri tekniċi stabbiliti bil-għan ta’ armonizzazzjoni.

1.2

Il-KESE jqis li l-proċess ta’ armonizzazzjoni ppjanat jinvolvi l-modifika ta’ ċerti miżuri tekniċi u għalhekk għandu jkun ippreċedut minn evalwazzjonijiet xjentifiċi, kemm bijoloġiċi kif ukoll soċjoekonomiċi.

1.3

Minħabba n-natura ferm teknika tal-miżuri eżaminati fil-Proposta għal Regolament, il-KESE jqis li m’għandux jagħmel stqarrija dwar il-proposti għal modifika qabel ma jkunu saru l-evalwazzjonijiet imsemmija. Jemmen ukoll li l-effikaċja tal-miżuri tekniċi l-ġodda għandha tiġi evalwata minn qabel minn sajjieda professjonali fuq il-bastimenti u fiż-żoni tas-sajd.

1.4

Il-Kumitat jemmen li l-miżuri tekniċi kollha għandhom jiġu inklużi f’dan ir-Regolament tal-Kunsill sabiex jiġi evitat li wħud minnhom jiġu inklużi f’Regolamenti sussegwenti tal-Kummissjoni.

1.5

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni għal evalwazzjoni regolari tal-effikaċja tal-miżuri tekniċi.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-għan tal-Proposta huwa li tissemplifika u tirreġjonalizza l-qafas regolatorju fis-seħħ għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi.

2.2   Sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ semplifikazzjoni, jeħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 850/98 u 2549/2000 tal-Kunsill jiġu ssostitwiti bil-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li qiegħda tiġi ppreżentata.

2.2.1   Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 1998 jiġbor fih ir-regoli għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar.

2.2.2   Ir-Regolament (KE) Nru 2549/2000 tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2000 jistabbilixxi l-miżuri tekniċi addizzjonali mmirati lejn l-irkupru tal-popolazzjoni tal-bakkaljaw fil-Baħar tal-Irlanda.

2.2.3   Barra minn hekk, il-Proposta ser taffettwa ħames Regolamenti oħra: ir-Regolamenti Nru 2056/2001, 254/2002, 494/2002, 2015/2006 u 40/2008, u hija mistennija tolqot ukoll lill-Anness III tar-Regolament annwali dwar il-Qabdiet Totali Permissibbli (TAC) u l-kwoti.

2.3   Il-Proposta l-ġdida għal Regolament tal-Kunsill li qiegħda tressaq il-Kummissjoni tinkludi:

2.3.1

it-talba mressqa mill-Kunsill lill-Kummissjoni f’Ġunju 2004 dwar ir-reviżjoni tal-miżuri tekniċi applikabbli għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-Atlantiku u fil-Baħar tat-Tramuntana, sabiex dawn jiġu ssemplifikati u jikkunsidraw il-karatteristiċi reġjonali speċifiċi;

2.3.2

il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, adottat mill-Kunsill f’April 2006, dwar is-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, li jistipula li l-miżuri tekniċi kollha mifruxa f’diversi Regolamenti, inkluż fir-Regolament annwali dwar il-possibbiltajiet ta’ sajd u l-pjanijiet ta’ rkupru ta’ diversi popolazzjonijiet ta’ ħut, għandhom jinġabru f’Regolament wieħed.

2.4   B’dan il-mod il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill imressqa mill-Kummissjoni tistabbilixxi l-miżuri tekniċi applikabbli fiż-żoni tal-Grigal u tal-Lvant ċentrali tal-Atlantiku u fl-ibħra ‘l barra mix-xtut tad-dipartimenti Franċiżi tal-Gujana, Martinique, il-Gwadelup u Réunion, li jinsabu taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni esklużiva ta’ Franza. Il-miżuri tekniċi applikabbli għall-Baħar Baltiku u l-Mediterran huma esklużi minn dan ir-Regolament billi huma indirizzati fir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 għall-Baħar Baltiku u r-Regolament (KE) Nru 1967/2006 għall-Mediterran.

2.5   Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill ser tindirizza s-sajd kummerċjali u ta’ rikreazzjoni, il-konservazzjoni tal-qabdiet fuq il-bastiment, it-trasbord u il-ħatt tar-riżorsi tas-sajd meta dawn l-attivitajiet isiru fl-ibħra Komunitarji jew fl-ibħra internazzjonali tad-diversi żoni ta’ sajd stabbiliti fl-Oċean Atlantiku, minn bastimenti Komunitarji u ċittadini tal-Istati Membri, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà aħħarija tal-Istat tal-bandiera.

2.6   L-ambitu ta’ applikazzjoni huwa kkompletat mill-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-ħżin, il-wiri jew il-bejgħ tal-prodotti tas-sajd maqbuda f’dawn iż-żoni ta’ sajd, kif ukoll dwar l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd maqbuda fi kwalunkwe żona oħra minn bastimenti ta’ pajjiżi terzi li ma jirrispettawx id-daqs minimu tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin stabbilit mill-Proposta għal Regolament tal-Kunsill.

2.7   Minbarra l-miżuri tekniċi applikabbli għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd stipulati fir-Regolament (KE) Nru 850/98, il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill tiġbor fiha l-pjanijiet kollha ta’ rkupru u ġestjoni u l-pjanijiet fuq perijodu fit-tul marbutin mar-riżorsi tas-sajd li huma ta’ interess għall-Komunità, jiġifieri l-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet ta’ merluzz fl-ibħra Komunitarji, żewġ popolazzjonijiet ta’ marlozz, żewġ popolazzjonijiet ta’ nephrops, żewġ popolazzjonijiet ta’ lingwata kif ukoll il-popolazzjonijiet tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana, u minħabba f’hekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 850/98 ġew immodifikati u/jew imsaħħa.

3.   Kundizzjonijiet ġenerali

3.1

Il-KESE jqis li din hija Proposta għal Regolament tassew teknika. Il-proċess ta’ semplifikazzjoni huwa meħtieġ, b’konformità mal-miżuri approvati mill-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni għas-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Madankollu, mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ semplifikazzjoni. Il-Kummissjoni qiegħda tressaq modifiki għal-leġiżlazzjoni attwali bil-għan li tarmonizzaha u tikkunsidra d-differenzi reġjonali billi tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għal kull “żona KKR” (Kunsilli Konsultattivi Reġjonali). Din ir-reġjonalizzazzjoni ser timplika wkoll xi tibdil fil-leġiżlazzjoni attwali.

3.2

L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li din il-Proposta għal Regolament tiddefinixxi l-prinċipji ewlenin komuni fiż-żoni kollha tas-sajd u li regolamenti suċċessivi tal-Kummissjoni jirregolaw l-aspetti purament tekniċi ta’ natura reġjonali skont il-proċedura tal-“komitoloġija”.

3.3

Il-Kumitat iqis li anke jekk hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni dwar il-miżuri tekniċi li tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tad-diversi reġjuni tal-UE, l-enfasi li qiegħda ssir mhijiex adattata. Il-Kumitat jemmen li jkun aħjar li l-miżuri kollha jiġu kkunsidrati f’dan ir-Regolament tal-Kunsill minflok ma jiġu inklużi f’regolamenti suċċessivi tal-Kummissjoni.

3.4

Il-KESE jemmen li b’dan il-mod il-miżuri tekniċi jkunu iktar adattati għall-kuntest tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida adottata fl-2002, b’mod speċjali fir-rigward tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (KKR) approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2004 u tal-integrazzjoni ta’ kriterji ambjentali bħall-protezzjoni tal-ħabitat tal-baħar u t-tnaqqis tal-ħut skartat (discards), miżuri li huma kollha applikabbli b’mod speċifiku għal kull reġjun skont iż-żoni tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (KKR).

3.5

Il-Kumitat jemmen li qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu u sabiex jiġu evitati żbalji bħal dawk tal-imgħoddi, l-effikaċja tal-miżuri tekniċi l-ġodda proposti għandha tiġi evalwata minn sajjieda professjonali fuq il-bastimenti u fiż-żoni tas-sajd.

3.6

Minħabba l-kumplessità tat-test u tal-miżuri tekniċi proposti, il-KESE jemmen li l-Proposta għal Regolament għandha tinkludi anness b’figuri sabiex it-test jinfiehem aħjar.

4.   Kummenti partikolari

4.1

Il-miżuri tekniċi stipulati fil-Proposta għal Regolament jinkludu miżuri tekniċi li jkopru firxa wiesgħa ta’ objettivi. Fosthom tispikka l-protezzjoni taż-żgħar, prinċipalment permezz ta’ limitazzjoni tal-qbid bis-saħħa ta’ metodi tas-sajd iktar selettivi jew tal-istabbiliment ta’ ċerti staġuni/żoni magħluqa għas-sajd. Miżuri oħra għandhom l-għan li jħarsu ċerti speċijiet u ekosistemi permezz ta’ tnaqqis fl-attivitajiet tas-sajd, pereżempju permezz tal-għeluq ta’ ċerti żoni. Għadd sostanzjali ta’ miżuri jikkonċernaw it-tnaqqis tal-ħut skartat.

4.2

Il-Proposta għal Regolament, minbarra li tistipula l-ambitu ta’ applikazzjoni, tiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet kollha dwar id-daqs minimu għall-ħatt ta’ kull ħliqa akkwatika. Fir-rigward tal-ambitu ta’ applikazzjoni u tal-inklużjoni tal-importazzjonijiet, il-KESE jixtieq li jiġi ċċarat x’ser jiġri meta d-daqs minimu legali tal-prodotti importati jkun iżgħar minn dak stabbilit fl-UE. Għall-Kumitat, l-iktar soluzzjoni raġonevoli tkun li l-prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi li jkunu iżgħar mid-daqs Komunitarju ma jkunux jistgħu jinbiegħu fl-UE.

4.3

Il-lista ta’ tagħmir tas-sajd hija twila u għal kull għodda ġew stabbiliti qisien minimi għax-xibka u l-manka, il-fond massimu fejn jistgħu jiġu kalati kif ukoll l-użu ta’ manek li m’għandhomx id-daqs u l-forma speċifikati, jiġifieri meta l-għadd ta’ malji ndaqs madwar iċ-ċirkonferenza tal-manka jiżdied mit-tarf ta’ quddiem sat-tarf ta’ wara, jew meta ma jkunux magħmula minn materjali awtorizzati jew ikollhom wisa’ mhux permessa.

4.4

Il-Kumitat iqis li l-proċess ta’ semplifikazzjoni mħejji mill-Kummissjoni Ewropea huwa adattat u meħtieġ. Però l-KESE jemmen li qabel l-armonizzazzjoni, li tinvolvi l-modifika ta’ ċerti miżuri tekniċi, għandhom isiru evalwazzjonijiet xjentifiċi, kemm bijoloġiċi kif ukoll soċjoekonomiċi.

4.5

Minħabba n-natura ferm teknika tal-miżuri eżaminati fil-proposta għal Regolament, il-KESE jqis li m’għandux jagħmel stqarrija dwar il-proposti għal modifika qabel ma jkunu saru l-evalwazzjonijiet imsemmija.

4.6

Ir-riżorsi akkwatiċi ħajjin li jinqabdu minkejja l-fatt li jkunu iżgħar mid-daqs stipulat ma jistgħux jinżammu abbord u lanqas jiġu trasbordati, maħtuta, ittrasportati, maħżuna, mibjugħa, esposti jew proposti għall-bejgħ, iżda għandhom jerġgħu jitpoġġew mill-ewwel fil-baħar. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-effett li jista’ jkollha din id-dispożizzjoni fuq il-ħut skartat. Jidher li hemm kontradizzjoni bejn l-intenzjoni li l-iskartar tal-ħut jiġi pprojbit minn banda filwaqt li mill-banda l-oħra ċerti qabdiet ma jitħallewx jinżammu abbord.

4.7

Fir-rigward tar-regola ta’ xibka waħda, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-effetti potenzjali ta’ dan. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li fil-każ tas-sajd għal speċijiet differenti, fejn jeħtieġ li jiġu użati iktar minn xibka waħda, is-sajjieda ser ikollhom imorru lura fil-port iktar ta’ spiss sabiex ibiddlu t-tagħmir tas-sajd tagħhom, u dan jimplika spejjeż addizzjonali li ser jaffettwaw ir-rendiment diġà fjakk tal-flotot.

4.8

Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill tistabbilixxi li meta l-kwantità ta’ ħut żgħir wisq taqbeż l-10 % tal-kwantità totali f’kull qabda, il-bastiment għandu jitbiegħed b’distanza ta’ iktar minn ħames jew għaxar mili nawtiċi miż-żona tas-sajd inizjali, skont id-daqs tal-malja ammissibbli għal kull speċi, u matul ir-refgħa li jmiss għandu jżomm distanza minima ta’ ħames jew għaxar mili nawtiċi mill-pożizzjoni tar-refgħa preċendenti.

4.9

Il-Kumitat jesprimi l-inkwiet tiegħu fir-rigward ta’ din il-miżura billi l-Kummissjoni, hija u tiġġeneralizza, ma tqisx l-ispeċifiċitajiet tad-diversi żoni u reġjuni tas-sajd, u dan jista’ jwassal għal każijiet ta’ nuqqas ta’ sigurtà ġuridika, b’mod speċjali meta ma jkunx ċar jekk hijiex qiegħda tirreferi għal qabdiet immirati jew inċidentali. Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni ta’ miżuri oħra, bħall-istaġuni jew iż-żoni magħluqa għas-sajd, jista’ jkollu effetti iktar pożittivi mill-proposta.

4.10

Bl-għan ewlieni tal-ħarsien tal-ambjent, il-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord, il-ħżin, l-iżbark, il-ħatt, il-wiri jew it-tqegħid fis-suq tal-ħlejjaq tal-baħar maqbuda b’metodi li jinvolvu l-użu ta’ splużivi, sustanzi velenużi jew sustanzi ta’ sturdament, l-elettriku jew kull tip ta’ projettili, huwa pprojbit. Bl-istess mod huwa pprojbit li jsir kwalunkwe tip ta’ pproċessar fiżiku jew kimiku tal-ħut abbord il-bastiment, għall-produzzjoni ta’ trab jew żejt tal-ħut. It-trasbord tal-ħut bejn il-bastimenti għal dawn il-finijiet huwa pprojbit ukoll.

4.11

Il-KESE jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri għall-ħarsien tal-ambjent, li huma r-riżultat tal-applikazzjoni tal-politika tas-sajd komuni l-ġdida tal-2002, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika l-miżuri kollha bir-reqqa għall-flotta Komunitarja kollha kemm hi.

4.12

Il-Kumitat jilqa’ l-proċeduri proposti mill-Kummissjoni għall-approvazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni urġenti adottati mill-Istati Membri, li jaffettwaw lill-bastimenti tas-sajd Komunitarji kollha, jew ta’ miżuri applikabbli unikament għall-bastimenti tas-sajd bil-bandiera tagħhom. Madankollu, bil-għan li jiġi evitat kull abbuż min-naħa ta’ ċerti Stati Membri, l-entitajiet u l-korpi indipendenti għandhom jingħataw il-possibbiltà li jivverifikaw kemm dawn il-miżuri huma adattati u neċessarji.

4.13

Bl-istess mod il-KESE jemmen li l-Istati Membri u/jew il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali għandhom ikunu jistgħu jressqu proposti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet marbutin mat-tfassil ta’ pjanijiet għat-tnaqqis jew il-waqfien tal-iskartar tal-ħut fil-baħar jew għal tagħmir tas-sajd iktar selettiv.

4.14

Il-Kumitat japprova wkoll il-fatt li l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill teskludi mill-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha l-attivitajiet tas-sajd imwettqa unikament għal skopijiet xjentifiċi, dejjem sakemm dawn isiru bl-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera. Madankollu, ma jemminx li l-preżenza abbord ta’ osservatur mill-Istat Membru kkonċernat hija meħtieġa waqt l-attivitajiet tas-sajd għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika fl-ibħra tiegħu.

4.15

Fl-aħħar, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni ta’ miżura ta’ evalwazzjoni ġdida dwar l-effikaċja tal-miżuri tekniċi. Din l-evalwazzjoni ser issir kull ħames snin, u fuq il-bażi tat-tagħrif inkluż fid-dokument imsemmi, il-Kummissjoni ser tressaq il-modifiki neċessarji kollha lill-Kunsill.

Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI