11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA)

COM(2008) 583 finali – 2008/0185 (COD)

2009/C 218/07

Nhar l-14 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 156 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Jannar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur PEZZINI.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni għat-tnedija tal-programm ISA għaliex huwa konvint li dan il-programm ser ikompli jiggarantixxi u jsaħħaħ l-interoperabbiltà effettiva u effikaċi fis-sistemi kumplessi u ġodda tas-suq uniku Ewropew.

1.2

Il-KESE jemmen li, biex tiġi garantita l-implimentazzjoni konkreta tal-libertajiet stabbiliti fit-Trattat, jeħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ interoperabbiltà jiġu implimentati bis-sħiħ, għall-benefiċċju mhux biss tal-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet, iżda wkoll tal-pubbliku, tal-intrapriżi u tas-soċjetà ċivili organizzata b’mod ġenerali.

1.3

Hemm bżonn ta’ strateġija speċifika dwar is-sigurtà tad-data personali u finanzjarja, kif saħaq kemm-il darba l-KESE fl-opinjonijiet tiegħu (1): il-kwistjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni b’ebda mod ma’ tista’ tiġi sseparata mill-ħtieġa li d-data personali tiġi mħarsa aktar u mill-ħtieġa li nħarsu l-libertajiet, li huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

1.4

Il-KESE jenfasizza li l-utenti għandhom bżonn sistemi interkonnessi li jiggarantixxu l-ħarsien ta’ data individwali, industrijali u amministrattiva. Għandha tiġi stabbilita minnufih sistema legali Ewropea li tħarrek u timponi pieni fuq min jabbuża min-netwerks u mid-data; għaldaqstant, jeħtieġ li l-proċeduri legali tal-UE jsiru interoperabbli wkoll.

1.5

Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-miżuri li ttieħdu biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u biex tingħata dimensjoni pan-Ewropea ġenwina lil netwerk ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi interkonnessi, interattivi u aċċessibli mhumiex biżżejjed.

1.6

Il-KESE jitlob li l-programm ISA jiġi akkumpanjat minn inizjattiva Komunitarja sostanzjali li timpenja lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni b’għodod vinkolanti li jagħtu ċertezza u ħajja ġdida lil Qafas Komuni u msaħħaħ għall-Interoperabbiltà.

1.7

Flimkien mal-qafas komuni, hemm bżonn li l-Istrateġija l-ġdida għall-Interoperabbiltà Ewropea tiddefinixxi prijoritajiet politiċi Komunitarji li jeħtieġu aktar impenn fil-qasam tal-għodod ta’ qafas u s-servizzi komuni, kif ukoll previżjonijiet ċari tal-baġit.

1.8

Il-KESE jemmen li jeħtieġ li tinkiseb konverġenza diġitali li tiżgura:

tagħmir, pjattaformi u servizzi interoperabbli;

regoli tas-sigurtà u l-affidabbiltà;

ġestjoni tal-identità u tad-drittijiet;

aċċessibbiltà u faċilità fl-użu;

użu ta’ sistemi tal-informatika u ta’ arkitetturi tekniċi lingwistikament newtrali; u

inizjattiva kbira għal għajnuna u taħriġ kontinwu għall-utenti, b’mod partikolari l-gruppi l-aktar dgħajfa (2),

biex tiġi evitata l-“esklużjoni diġitali” u jiġu żgurati livelli għoljin ta’ affidabbiltà u fiduċja bejn l-utent u l-fornituri tas-servizz.

1.9

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni mal-programmi Komunitarji l-oħra li qed jagħtu kontribut għall-iżvilupp ta’ ideat u soluzzjonijiet ġodda fil-qasam tal-interoperabbiltà pan-Ewropea.

1.10

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza, b’mod partikolari fil-qasam tal-egovernment, tas-software miftuħ, biex jiġu ggarantiti s-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-software, il-privatezza tal-informazzjoni jew tal-pagamenti u d-disponibbiltà tal-kodiċi tas-sors. Il-KESE jemmen li l-użu ta’ software open-source għandu jiġi mħeġġeġ peress li jippermetti li soluzzjonijiet ta’ software ta’ siwi kbir għall-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu studjati, mibdula, imqassma u użati mill-ġdid.

1.11

Il-KESE jemmen li l-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Interoperabbiltà għandu jissaħħaħ permezz ta’ approċċ multidimensjonali li jkopri aspetti politiċi (viżjoni komuni dwar il-prijoritajiet kondiviżi), aspetti legali (is-sinkronizzazzjoni leġiżlattiva), kif ukoll aspetti tekniċi, lingwistiċi u organizzattivi.

1.12

Il-KESE jemmen li għandu jitnieda metodu Ewropew, stabbilit mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, li jikkalkula l-valur għall-flus li jinkiseb mis-servizzi interoperabbli.

1.13

Il-KESE jqis li kampanja ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ f’dan ir-rigward hija prerekwiżit biex l-inizjattiva tirnexxi. Djalogu soċjali u ċivili fil-livell Ewropew u konferenzi regolari pan-Ewropej dwar is-servizzi online huma wkoll meħtieġa biex tixxerred, tiġi appoġjata u tingħata direzzjoni lill-ħidma tal-amministrazzjonijiet fil-pajjiżi varji li jagħmlu parti minn qafas komuni għall-iżvilupp.

2.   Daħla

2.1   L-iżvilupp b’rata mgħaġġla fis-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni sa mill-bidu tas-snin 90 biddel ferm il-qafas interattiv li fih joperaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi, id-dinja tal-kummerċ u tax-xogħol u l-pubbliku. Il-livelli ta’ integrazzjoni li nkisbu fis-suq intern Ewropew taw impetu bħal qatt qabel lill-aspetti transkonfinali tas-servizzi tal-egovernment.

2.2   Il-KESE reċentament saħaq fuq kif l-awtoritajiet pubbliċi li jaqilbu għal servizzi diġitali ser ikollhom jimmodernizzaw ruħhom, billi jtejbu l-kwalità, il-flessibbiltà u l-għoti tas-servizzi liċ-ċittadin filwaqt li jaħdmu favur l-użu effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi, it-tnaqqis tal-ispejjeż, is-sodisfazzjon tal-utenti, il-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u anqas burokrazija (3).

2.3   It-temi tal-konverġenza u tal-interoperabbiltà huma wħud mill-aspetti ewlenin ta’ strateġija Ewropea ta’ egovernment, kif ġie enfasizzat fid-Dikjarazzjoni ta’ Manchester tal-2005 (4).

2.4   Il-KESE tkellem dwar dawn it-temi bosta drabi (5), kif ukoll dwar għadd ta’ inizjattivi leġiżlattivi li jeħtieġu strutturi ta’ interoperabbiltà bħad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE), id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku (2004/18/KE), id-Direttiva INSPIRE (Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea) (2007/2/KE) u d-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku (2003/98/KE).

2.5   F’diversi okkażjonijiet oħra (6), il-KESE appoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li nedew il-programmi marbuta mal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-amministrazzjonijiet: IDA I (1995-1999), IDA II (1999-2004) u IDABC (2005-2009), li kienu l-prekursuri tal-proposta attwali għal deċiżjoni dwar il-programm il-ġdid: ISA – Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (2010-2015).

2.6   Il-KESE tenna li l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni, il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni u l-ġbir flimkien tal-proċessi amministrattivi huma essenzjali għall-għoti ta’ servizzi interattivi ta’ egovernment, ta’ kwalità għolja u kostanti, li jiffokaw fuq l-utent (7), u enfasizza b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

l-importanza li jissaħħu l-inizjattivi Ewropej għall-benefiċċju mhux biss tal-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet iżda anki tal-pubbliku, tal-intrapriżi u, b’mod ġenerali, tas-soċjetà ċivili organizzata;

il-ħtieġa li jkun hemm awtorità ta’ ċertifikazzjoni effettiva Ewropea biex jiġu garantiti livelli adegwati ta’ sigurtà għall-aċċess u l-iskambju tal-informazzjoni;

l-importanza li tiġi żgurata l-akbar viżibbiltà, aċċessibbiltà u interoperabbiltà possibbli għall-utenti aħħarin tan-netwerks;

il-ħtieġa li jiġu promossi inizjattivi fuq diversi livelli biex jiġi żgurat it-taħriġ kontinwu tal-utenti u li din l-infrastruttura tan-netwerks tkun tista’ tintuża għal skopijiet ta’ taħriġ kontinwu;

il-ħtieġa li jiġu garantiti livelli ta’ sigurtà tan-netwerks permezz ta’ għodod adattati għall-protezzjoni u, fejn ikun hemm bżonn, permezz ta’ protokolli ta’ trażmissjoni siguri, kemm fuq il-livell ċentrali kif ukoll fuq dak periferali u dan minħabba n-natura sensittiva tad-data inkwistjoni.

2.7   Barra minn hekk, id-dokumenti ta’ ħidma mehmuża mal-Komunikazzjoni dwar Suq Uniku għall-Ewropa tas-seklu 21 tal-20 ta’ Novembru 2007 – li dwarha tkellem il-KESE (8) – jinkludu bosta referenzi għall-għodod ta’ interoperabbiltà fil-kuntest tal-iskambju elettroniku tad-data: in-netwerk online SOLVIT; is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (l-IMI); is-sistema ta’ twissija rapida dwar prodotti perikolużi RAPEX; u TRACES, is-sistema dwar it-traċċabbiltà ta’ annimali ħajjin u r-reazzjoni ta’ twissija rapida f’każ ta’ mard fl-annimali.

2.8   Madankollu, diversi studji (9) żvelaw għadd ta’ ostakli għall-ksib ta’ interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali sħiħa għall-amministrazzjonijiet pubbliċi: in-nuqqas ta’ koordinazzjoni, in-nuqqas ta’ flessibbiltà fl-organizzazzjoni, differenzi fir-responsabbiltajiet istituzzjonali, oqfsa ġuridiċi differenti, approċċi kulturali u politiċi differenti, djalogu insuffiċjenti mal-industrija, il-fatt li r-riżultati miksuba mhumiex sfruttati bis-sħiħ, ostakli minħabba l-multilingwiżmu.

2.8.1   Ma’ dawn l-ostakli għandhom jiżdiedu wkoll il-problemi relatati mas-sigurtà u r-rispett tal-privatezza kif ukoll l-integrazzjoni insuffiċjenti bejn il-proċeduri amministrattivi tal-Istati Membri. In-netwerk tas-sistema tad-dwana għandha tittejjeb, kif talbu bosta drabi l-KESE u oħrajn.

2.9   Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-isforzi ta’ koordinazzjoni għandhom jissaħħu aktar sabiex jiġu promossi l-interkonnettività, l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà bil-għan li jinkiseb benefiċċju sħiħ miż-Żona Ekonomika Ewropea mingħajr fruntieri, b’għadd minimu ta’ speċifikazzjonijiet u soluzzjonijiet komuni u bl-użu effettiv ta’ standards miftuħa.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li – permezz tat-tnedija ta’ programm dwar is-Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA) – tiffaċilita l-interazzjoni elettronika transkonfinali u transsettorjali, effiċjenti u effettiva, bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, b’mod li jkunu jistgħu jitwasslu servizzi pubbliċi elettroniċi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet Komunitarji, b’attenzjoni partikolari għas-suq uniku, waqt li jiġu evitati ostakli elettroniċi li jvarjaw skont l-Istati Membri.

3.2

Il-programm ISA għandu l-għan li jippromovi u jappoġġja:

it-twaqqif u t-titjib ta’ oqfsa komuni li jappoġġjaw l-interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali;

il-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-ICT ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja proposta jew adottata, kif ukoll l-ippjanar tal-implimentazzjoni ta’ sistemi tal-ICT li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni;

l-operat u t-titjib ta’ servizzi komuni eżistenti kif ukoll it-twaqqif, l-industrijalizzazzjoni, l-operat u t-titjib ta’ servizzi komuni ġodda;

it-titjib ta’ għodod ġeneriċi eżistenti li jistgħu jerġgħu jintużaw, kif ukoll it-twaqqif, il-provvista u t-titjib ta’ għodod ġeneriċi ġodda li jistgħu jerġgħu jintużaw.

3.3

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ISA għall-perijodu 2010-2015 huwa stabbilit għal EUR 164,1 miljun, li minnhom EUR 103,5 miljun huma għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2013 kif previst fil-programm finanzjarju għall-2007-2013, u EUR 60,6 miljun għall-perijodu 2014-2015.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi li għandhom l-għan li jiżguraw l-operat sħiħ u effettiv tas-suq uniku Ewropew imkabbar. Il-KESE jemmen li, biex tiġi garantita l-implimentazzjoni konkreta tal-libertajiet stabbiliti fit-Trattat, jeħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ interoperabbiltà jiġu implimentati bis-sħiħ, għall-benefiċċju mhux biss tal-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet, iżda wkoll tal-pubbliku, tal-intrapriżi u tas-soċjetà ċivili organizzata b’mod ġenerali.

4.2

Il-KESE jemmen li, minkejja li ġew implimentati tliet programmi multiannwali suċċessivi, jiġifieri l-IDA I, l-IDA II u l-IDABC, il-miżuri li ttieħdu għadhom mhumiex biżżejjed biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u biex tingħata dimensjoni pan-Ewropea ġenwina lill-amministrazzjonijiet pubbliċi interkonnessi li tippermettihom jagħtu servizz mingħajr tfixkil u mingħajr diskriminazzjoni bil-għan li tinżamm l-unità tas-suq u li jiġu implimentati d-drittijiet tal-pubbliku u tal-intrapriżi Komunitarji b’mod sħiħ madwar l-UE.

4.3

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni għat-tnedija tal-programm ISA, sakemm dan il-programm ma jkunx estensjoni u mezz ta’ finanzjament mill-ġdid għall-programmi suċċessivi li ġew implimentati mill-1993 sal-lum il-ġurnata, u sakemm dan il-programm jiżgura Strateġija ġenwina u effettiva Ewropea għall-Interoperabbiltà u Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (10), li huma essenzjali għal suq uniku integrat, u għal ekonomija Ewropea kompetittiva u sostenibbli skont l-aġenda mġedda ta’ Liżbona.

4.4

Il-KESE jitlob li l-programm ISA jiġi akkumpanjat minn inizjattiva Komunitarja sostanzjali li timpenja lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ għodod vinkolanti li jagħtu ċertezza u ħajja ġdida lil Strateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà u lil Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà li jiggarantixxu proċeduri komuni ċerti u trasparenti għall-operaturi pubbliċi u privati u għall-utenti nazzjonali u transnazzjonali.

4.5

Il-KESE jemmen li l-Istrateġija Ewropea l-ġdida għall-Interoperabbiltà, flimkien mal-qafas komuni, għandha tiddefinixxi l-prijoritajiet politiċi Komunitarji biex il-proposti għal direttivi u regolamenti li qed jitħejjew jiġu implimentati b’mod effettiv.

4.6

Il-KESE huwa tal-fehma li l-isforzi ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni mal-programmi Komunitarji l-oħra li qed jagħtu kontribut biex jiġu żviluppati ideat u soluzzjonijiet ġodda relatati mal-interoperabbiltà pan-Ewropea, u b’mod partikolari mal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (il-programm PSP tal-ICT) u mas-Seba’ Programm Qafas Komunitarju għar-Riċerka u l-Iżvilupp għadhom mhumiex suffiċjenti. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit kumitat għall-interoperabbiltà bejn il-programmi, li flimkien mal-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi kollha kkonċernati jikkoordinaw it-tħejjija tas-sejħiet għall-offerti.

4.7

Il-KESE jemmen li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jivverifikaw il-kompatibbiltà sħiħa tal-oqfsa operattivi l-ġodda mal-prinċipji tal-interoperabbiltà pan-Ewropea sa minn meta jitfasslu permezz ta’ mekkaniżmi ta’ notifika minn qabel, bħal dawk li ġew adottati għat-tfassil ta’ standards tekniċi ġodda (11). L-ostakolu prinċipali huwa ta’ natura kulturali: hemm amministrazzjonijiet li għadhom mhux lesti u konvinti mill-ħtieġa li jaċċettaw soluzzjonijiet teknoloġiċi u innovativi miftuħa fi ħdan qafas Ewropew għall-interoperabbiltà.

4.8

Il-KESE jemmen li kampanja ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ f’dan ir-rigward hija prerekwiżit biex l-inizjattiva tirnexxi, flimkien ma’ konferenzi pan-Ewropej regolari dwar is-servizzi online biex jiġu żgurati monitoraġġ u riorjentazzjonijiet kontinwi tal-programm ta’ ħidma, pereżempju permezz ta’ benchmarking tal-amministrazzjonijiet fuq diversi livelli.

4.9

Il-konverġenza diġitali teżiġi: tagħmir, pjattaformi u servizzi interoperabbli, regoli tas-sigurtà u l-affidabbiltà, ġestjoni tal-identità u tad-drittijiet (12), aċċessibbiltà u faċilità fl-użu, użu ta’ sistemi tal-informatika u ta’ arkitetturi tekniċi lingwistikament newtrali kif ukoll inizjattiva kbira għal għajnuna u taħriġ kontinwu għall-utenti, b’mod partikolari l-gruppi l-aktar dgħajfa biex tiġi evitata l-esklużjoni diġitali soċjali.

4.10

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza, speċjalment fil-qasam tal-egovernment, ta’ software miftuħ, biex jiġu garantiti s-sigurtà u l-permanenza tiegħu, is-segretezza tal-informazzjoni u tal-pagamenti u d-disponibbiltà tal-kodiċi tas-sors, għal skopijiet ta’ manutenzjoni, stabbiltà u sigurtà, anki f’każ li l-kummerċ tal-editur ifalli (13).

4.11

Il-KESE jemmen li għandu jitnieda metodu Ewropew, stabbilit mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, li jikkalkula l-valur għall-flus miksub mill-interoperabbiltà tas-servizzi pan-Ewropej tal-egovernment (PEGS) (14). Dan il-metodu m’għandux iqis biss il-gwadann mill-investiment u mill-proprjetà, il-flessibbiltà u t-tnaqqis tal-burokrazija amministrattiva, iżda għandu jqis ukoll, b’mod partikolari, is-siwi globali ta’ suq uniku affidabbli u mingħajr ostakli għaċ-ċittadini u l-intrapriżi.

4.12

Il-KESE jemmen li l-qafas ta’ referenza Ewropew għall-interoperabbiltà għandu jissaħħaħ permezz ta’ approċċ multidimensjonali li jkopri aspetti politiċi (viżjoni komuni dwar il-prijoritajiet kondiviżi), aspetti legali (is-sinkronizzazzjoni leġiżlattiva), kif ukoll aspetti tekniċi, lingwistiċi u organizzattivi.

4.13

Il-KESE jemmen li tkun prattika tajba jekk l-amministrazzjonijiet nazzjonali jniedu djalogu soċjali fil-livell Ewropew li jagħmel parti mid-djalogu informali tal-EUPAN/TUNED (15) b’rappreżentanti tal-persunal li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet ikkonċernati, bil-għan li tingħata l-informazzjoni meħtieġa lin-nies.

4.14

Fir-rigward tal-għodod ġeneriċi li diġà jeżistu u dawk ġodda fil-kuntest tal-mudell konċettwali GPSCM (16), definit mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, jeħtieġ li:

ir-rwoli, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-proprjetarji tad-data, tal-fornituri u tal-utenti jiġu ddefiniti b’mod ċar f’dimensjoni transkonfinali komuni permezz ta’ approċċ komuni, standardizzat u uniformi;

l-amministrazzjonijiet pubbliċi jadottaw dan il-mudell bħala parti integrali mill-isforzi tagħhom biex fis-sistemi tagħhom ta’ interoperabbiltà jinkludu sistemi komuni ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni li jistgħu jiġu applikati għall-flussi transkonfinali;

jitwaqqfu u jissaħħu l-infrastrutturi nazzjonali ta’ identifikazzjoni, awtentifikazzjoni u ċertifikazzjoni biex jiġu żgurati livelli għolja ta’ affidabbiltà u fiduċja bejn l-utenti u l-fornituri tas-servizzi.

4.15

Il-KESE jemmen li għandu jiġi definit qafas komuni għall-istandards tekniċi miftuħa f’dan il-qasam, imfassla mis-CEN, is-Cenelec u l-ETSI li jippermettu li jiġu implimentati mill-partijiet ikkonċernati kollha.

4.16

Il-KESE jemmen li għandu jitħeġġeġ l-użu ta’ software open-source peress li dan jippermetti l-istudju, il-bdil, id-distribuzzjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet tas-software li huma ta’ siwi kbir għall-amministrazzjonijiet pubbliċi f’termini ta’ kosteffettività, verifika tal-applikazzjoni tal-istandards, kopertura operattiva lil hinn mil-limiti imposti mil-liċenzji u mid-drittijiet tal-awtur, sostenibbiltà fuq il-perijodu fit-tul tas-soluzzjonijiet adottati u tal-adattament għall-ħtiġijiet lokali.

Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-Opinjoni CESE dwar Soċjetà tal-Informazzjoni sigura, rapporteur: is-Sur Pezzini, ĠU C 97, 18.4.2007, p. 21.

(2)  Il-gruppi l-aktar dgħajfa huma ż-żgħażagħ u l-anzjani, li m’għandhomx taħriġ biżżejjed dwar l-użu tal-internet, u dawk li m’għandhomx il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex jaċċessaw l-internet.

(3)  Ara l-Opinjoni CESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal eGovernment i2010, rapporteur: is-Sur Hernández Bataller, ĠU C 325, 30.12.2006, p. 78.

(4)  Ara http://archive.Cabinetoffice.gov.uk/egov2005conference/documents/proceedings/pdf/051124declaration.pdf

(5)  Ara l-Opinjoni CESE dwar MODINIS, rapporteur: is-Sur Retureau, ĠU C 61, 14.3.2003, p. 184; l-Opinjoni CESE dwar the l-estensjoni tal-programm tal-ICT – MODINIS, rapporteur: is-Sur Retureau, ĠU C 28, 3.2.2006, p. 89; l-Opinjoni CESE dwar ir-Rapport finali dwar eEurope 2002, rapporteur: is-Sur Koryfidis, ĠU C 220, 16.9.2003, p. 36; l-Opinjoni CESE dwar l-Aġenzija tan-Netwerk Ewropew u tas-Sigurtà tal-Informazzjoni, rapporteur: is-Sur Lagerholm, ĠU C 220, 16.9.2003, p. 33; l-Opinjoni CESE dwar l-i2010 – Soċjetà tal-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjieg, rapporteur: is-Sur Lagerholm, ĠU C 110, 9.5.2006, p. 83; l-Opinjoni CESE dwar l-Aċċessibbiltà elettronika, rapporteur: is-Sur Cabra de Luna, ĠU C 110, 9.5.2006, p. 26; l-Opinjoni CESE dwar il-Kummerċ elettroniku/Naqilbu għad-diġitali, rapporteur: is-Sur McDonogh, ĠU C 108, 30.4.2004, p. 23; l-Opinjoni CESE dwar il-Qafas Regolatorju tal-UE dwar in-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, rapporteur: is-Sur McDonogh, ĠU C 97, 28.4.2007, p. 27.

(6)  Ara l-Opinjoni CESE dwar l-Iskambju elettroniku ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet (IDA), rapporteur: is-Sur Bento Gonçalves, ĠU C 214, 10.7.1998, p. 33; l-Opinjoni CESE dwar l-Emendi għall-IDA, rapporteur: is-Sur Bernabei, ĠU C 80, 3.4.2002, p. 21; l-Opinjoni CESE dwar is-Servizzi tal-egovernment, rapporteur: is-Sur Pezzini, ĠU C 80, 30.3.2004, p. 83.

(7)  Ara l-Opinjoni CESE dwar is-Servizzi tal-egovernment, rapporteur: is-Sur Pezzini, ĠU C 80, 30.3.2004, p. 83.

(8)  Ara l-Opinjoni CESE dwar Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21, rapporteur: is-Sur Cassidy, korapporteurs: is-Sur Hencks u s-Sur Cappellini, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  Ara www.egovbarriers.org

(10)  Ara Artikolu 8 tal-proposta, COM(2008) 583 finali.

(11)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7.5.1985 dwar approċċ ġdid għall-armonizzazzjoni teknika u standards (ĠU C 136, 4.6.1985, p. 1): il-qbil ma’ konsultazzjoni Komunitarja minn kmieni f’livell adegwat, b’konformità mal-objettivi tad-Direttiva 83/189/KEE.

(12)  Ara l-Opinjoni CESE dwar Soċjetà tal-Informazzjoni u Netwerks, rapporteur: is-Sur Retureau, ĠU C 48, 21.2.2002.7, p. 33.

(13)  Ara l-Opinjoni CESE dwar il-brevettibbiltà ta’ invenzjonijiet implimentati bil-kompjuter, rapporteur: is-Sur Retureau., ĠU C 61, 14.3.2003, p. 154.

(14)  PEGS = Servizzi pan-Ewropej tal-egovernment.

(15)  EUPAN: Netwerk tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea – l-isem attwali tan-netwerk informali tad-diretturi ġenerali responsabbli għall-amministrazzjoni pubblika fl-UE; TUNED: Delegazzjoni tat-Trejdunjins Nazzjonali u l-Amministrazzjoni Ewropea.

(16)  GPSCM – Mudell Konċettwali tas-Servizzi Pubbliċi Ġeneriċi.