4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati

COM(2008) 464 finali — 2008/0157 (COD)

(2009/C 182/07)

Rapporteur: is-Sur GKOFAS

Nhar l-4 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati

COM(2008) 464 finali — 2008/0157 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur GKOFAS.

Matul l-450 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Jannar 2009 (seduta tal-14 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’115-il vot favur, 3 voti kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jitlob li tinħoloq sistema unika li tarmonizza r-regoli tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq kompożizzjonijiet mużikali miktuba minn bosta awturi, sabiex jiġu evitati l-problemi waqt id-distribuzzjoni transkonfinali tad-drittijiet finanzjarji (royalties).

1.2   Il-KESE jitlob li l-kompożizzjonijiet mużikali li jinkludu l-lirika jitqiesu bħala xogħlijiet uniċi b’perijodu ta’ protezzjoni ta’ 70 sena wara l-mewt tal-aħħar awtur.

1.3   Ħafna drabi l-Istati Membri jagħtu r-responsabbiltà tad-drittijiet tal-awtur lil ħafna soċjetajiet differenti tal-ġestjoni kollettiva bir-riżultat li l-utenti jiġu soġġetti għar-regoli ta’ aktar minn soċjetà waħda saħansitra meta jkunu kisbu xogħol uniku, sħiħ, mhux editjat u prodott f’forma waħda. Għandu jkun hemm dispożizzjoni f’dan ir-rigward u għandu jiġi ċċarat il-fatt li dawn ix-xogħlijiet huma u għandhom jitqiesu bħala prodotti uniċi, sħaħ u mhux diviżibbli.

1.4   Għandu jitwaqqaf korp uniku tal-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur li jiġbor id-drittijiet finanzjajri u li jħares lid-detenturi tad-drittijiet. Dan il-korp għandu jkun l-uniku korp responsabbli mill-ġbir tad-drittijiet finanzjarji u mid-distribuzzjoni ta’ kull somma lill-korpi li jeżistu jew korpi ġodda li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet sabiex l-utenti jinnegozjaw u jidħlu f’kuntratti ma’ organizzazzjoni waħda u mhux ma’ ħafna.

1.5   Il-KESE jipproponi li t-terminu ta’ protezzjoni għall-iffissar tal-prestazzjonijiet jiġi estiż minn 50 għal 85 sena. Bil-għan li jiżdiedu l-isforzi favur il-ħarsien tal-artisti anonimi li jċedu d-drittijiet tagħhom fuq il-fonogramma għal “rimunerazzjoni ġusta” jew għal somma globali, għandu jkun hemm regolament li jgħid li l-produtturi tad-diski għandhom iwarrbu 20 % tal-qligħ li jagħmlu mill-bejgħ tal-fonogrammi, li jistgħu jiddeċiedu li jużaw matul il-perijodu estiż tal-protezzjoni.

1.6   Fid-dawl tal-fatt li l-artisti l-kbar dejjem jirnexxielhom jaslu għal ftehim mal-produtturi dwar il-perċentwali tal-bejgħ tal-fonogrammi, il-KESE jissuġġerixxi li jitwaqqaf fond għall-artisti u b’mod partikolari għall-artisti anqas magħrufa.

1.7   Il-KESE jemmen li għandu jitfassal kuntratt bejn l-artisti u l-membri tas-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva sabiex il-ġestjoni u l-ġbir tad-drittijiet finanzjarji jsiru b’mod legali. B’hekk is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva ma jkollhom l-ebda dritt li jiġbru somom f’isem detentur individwali tad-drittijiet li miegħu ma jkunu ffirmaw l-ebda kuntratt.

1.8   Dawn għandhom ikunu kumpaniji mingħajr skop ta’ qligħ u b’dokumentazzjoni trasparenti tal-introjti u l-ħlasijiet tad-drittijiet finanzjarji sabiex jiżguraw li r-riżorsi jitqassmu sew.

1.9   Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-introjti li ġejjin minn sorsi sekondarji ta’ qligħ huma piż kbir fuq min hu responsabbli mill-ħlas. Fil-livell Komunitarju, hemm bżonn li jiġi ċċarat xi tfisser prestazzjoni pubblika fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni, u li din id-definizzjoni tiġi introdotta fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri sabiex kemm il-prestazzjoni raġonevoli, kif ukoll ix-xandir mill-ġdid ikunu jfissru x-xandir (mill-ġdid) privat ta’ prestazzjonijiet pubbliċi li diġà tħallsu.

1.10   Il-KESE jemmen li r-rimunerazzjoni għandha tkun ġusta kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll għal dawk li huma soġġetti għall-ħlas. Jeħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tar-rimunerazzjoni ġusta tat-trasferiment tad-dritt tal-kiri tal-artisti. Mhuwiex aċċettabbli l-fatt li għad m’hemmx regola Komunitarja waħda dwar dan, u li r-responsabbiltà titħalla f’idejn il-legiżlaturi fl-Istati Membri, li mbagħad jerġgħu jitfgħu r-responsabbiltà fuq is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva li jistabbilixxu ħlasijiet inġusti li ma huma soġġetti għall-ebda kontroll.

1.11   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġi speċifikat il-fatt li l-użu pubbliku jfisser l-użu ta’ xogħol għall-qligħ u fil-kuntest ta’ attività kummerċjali li titlob jew tiġġustifika dak l-użu (ta’ xogħol li jinvolvi l-ħsejjes (sound), kontenut viżiv jew ħsejjes u kontenut viżiv).

1.12   Jeħtieġ li jiġi speċifikat ukoll jekk prestazzjoni hix imxandra permezz tal-apparat jew permezz ta’ komunikazzjoni diretta (diski ottiċi, raġġi manjetiċi (receivers)). F’dawn il-każijiet, ir-responsabbiltà tax-xandir pubbliku (u l-għażla) hija f’idejn min qed ixandar u mhux tal-utent aħħari. L-utent tax-xogħol mhuwiex l-utent aħħari għalhekk il-kunċett tal-prestazzjoni pubblika ma japplikax f’dan ir-rigward.

1.13   L-użu ta’ xogħlijiet imxandra minn pereżempju ristoranti, kafetteriji, karozzi tal-linja u taxis ma jistax jitqies bħala prestazzjoni pubblika primarja għalhekk dawn m’għandhomx iħallsu d-drittijiet finanzjarji tal-artist. Id-drittijiet finanzjarji tal-fonogrammi jkunu diġà tħallsu minn dawk li kisbu l-fonogrammi u li għandhom dritt li jdoqquhom permezz ta’ apparat bil-fili jew mingħajr fili. Li l-pubbliku jisma’ l-fonogrammi fuq ir-radju mid-dar, mix-xogħol, fuq tal-linja jew fir-restaurant, għandha titqies bħala attività privata. Membru tal-pubbliku ma jistax ikun f’żewġ postijiet fl-istess waqt għalhekk id-drittijiet finanzjarji għandhom jitħallsu mill-istazzjonijiet li huma l-utenti proprji.

1.14   Is-setturi professjonali fejn il-mużika u/jew il-kontenut viżiv ma jaqdu l-ebda rwol fil-proċess tal-produzzjoni lanqas m’għandhom iħallsu. Dawk is-setturi li fihom ix-xandir tal-mużika jew tal-kontenut viżiv jaqdi rwol sekondarju fl-attivitajiet kummerċjali għandhom iħallsu anqas u skont rata fissa li tkun ġiet stabbilita wara negozjati bejn ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet kollettivi tal-utenti u l-korp uniku tal-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur.

1.15   Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm fond addizzjonali li jservi ta’ garanzija għas-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva u li jiżgura li huma jħallsu s-somom dovuti lill-artisti anki f’każijiet ta’ diffikultà. Il-klawżola “use it or lose it” għandha tidħol fil-kuntratti li jsiru bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogrammi u fil-kuntratti għandu jidħol ukoll il-prinċipju “clean slate” għall-kuntratti li jkopru l-perijodu ta’ estensjoni wara l-ewwel 50 sena.

1.16   Il-KESE jinsab imħasseb b’mod partikolari dwar il-fatt li l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità huwa li tħares id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u drittijiet relatati oħra mingħjar ma tqis id-drittijiet tal-utenti u tal-konsumaturi aħħarin. Filwaqt li d-Direttiva tirreferi għall-fatt li l-attivitajiet kreattivi, artistiċi u kummerċjali jitwettqu minn persuni li jaħdmu għal rashom u għalhekk għandhom jiġu ffaċilitati u mħarsa, l-approċċ mhuwiex l-istess fir-rigward tal-utenti. Għalhekk hemm bżonn li jiġu eliminati l-inkonsistenzi li jeżistu bejn ir-regoli nazzjonali tal-Istati Membri, u li, fejn jeżistu, il-multi amministrattivi għandhom jieħdu post il-penali imposti meta ma jitħallsux id-drittijiet finanzjarji.

1.17   Il-KESE jaqbel mal-emenda li saret fuq Artikolu3(1) iżda bl-inklużjoni ta’ perjodu ta’ protezzjoni ta’ 85 sena. Il-KESE jixtieq ukoll li t-tieni u t-tielet sentenzi ta’ Artikolu 3(2) jirreferu għal perijodu ta’ 85 sena. Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni ta’ Artikolu 10(5) dwar in-natura retroattiva tad-Direttiva.

1.18   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tqis il-kummenti u l-proposti li għandhom l-għan li jtejbu l-ġurisprudenza attwali u jitlob lill-Istati Membri sabiex jobdu d-direttivi u jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex dawn id-direttivi jsiru liġi nazzjonali.

2.   Daħla

2.1   Il-bażi tal-iskema attwali, li tipprovdi perijodu ta’ protezzjoni ta’ 50 sena, tinsab fid-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati tal-artisti.

2.2   Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-memorandum ta’ spjegazzjoni, din il-proposta tolqot lill-artisti magħrufa iżda l-iktar li tolqot huma lil dawk li ċedew id-drittijiet esklużivi tagħhom lill-produttur tal-fonogramma għal somma globali. Eventwalment dan il-ħlas għal xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni tal-fonogrammi tagħhom isir darba u wara jieqaf.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-iskop tal-opinjoni huwa li temenda xi artikoli tad-Direttiva 2006/116 dwar il-perijodu ta’ protezzjoni relatat mal-prestazzjonijiet u l-fonogrammi u li tiġbed attenzjoni partikolari lejn miżuri addizzjonali u lejn ċerti kwistjonijiet sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-opinjoni, jiġifieri t-tnaqqis tad-differenzi soċjali bejn il-produtturi, l-artisti magħrufa u l-mużiċisti tal-istudjo b’mod aktar effettiv.

3.2   Il-KESE jinsab tassew imħasseb dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-artisti u d-drittijiet relatati b’mod partikolari fejn jidħlu l-fonogrammi u jitlob li l-eżiġenzi tagħhom jingħataw widen u li jingħatalhom kontribut minimu għal matul il-perijodu estiż ta’ protezzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-idea prinċipali tal-Kummissjoni hija li testendi t-terminu tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

4.2   Il-KESE jemmen li din l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri hija meħtieġa biex jiġu evitati d-diffikultajiet waqt id-distribuzzjoni transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur bejn Stat Membru u ieħor.

4.3   Il-KESE jemmen ukoll li l-kompożizzjonijiet mużikali li jinkludu l-lirika, għandhom jitqiesu bħala xogħol uniku b’perijodu ta’ protezzjoni ta’ 70 sena wara l-mewt tal-aħħar awtur għax aħjar tiżdied il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur milli jitnaqqas il-perijodu ta’ protezzjoni li jista’ joħloq ħafna problemi.

4.4   Il-KESE jipproponi li t-terminu ta’ protezzjoni għall-iffissar tal-prestazzjonijiet jitwal minn 50 għal 85 sena.

4.5   Sabiex jiżdiedu l-isforzi favur il-ħarsien tal-artisti anonimi li jċedu d-drittijiet tagħhom fuq il-fonogramma għal “rimunerazzjoni ġusta” jew għal somma globali, għandu jkun hemm regolament li jgħid li l-produtturi tad-diski għandhom iwarrbu 20 % tal-qligħ li jagħmlu mill-bejgħ tal-fonogrammi li huma jistgħu jiddeċiedu li jużaw matul il-perijodu estiż tal-protezzjoni.

4.6   B’konformità ma’ dawn l-għanijiet, il-KESE jemmen li għandu jiġi stabbilit fond għall-artisti b’mod partikolari għal dawk li huma inqas famużi.

4.7   L-amministrazzjoni u l-ħlas tas-somom għandu jsir mis-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva li għandhom jamministraw ukoll ir-rimunerazzjoni sekondarja. Madanakollu hemm bżonn li jiġu stabbiliti miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tat-tħaddim u l-kompożizzjoni ta’ dawn il-korpi.

4.8   Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm kuntratt bil-miktub bejn l-artisti u l-membri tas-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva sabiex il-ġestjoni u l-ġbir tad-drittijiet finanzjarji jsiru b’mod legali.

4.9   Dawn għandhom ikunu kumpaniji mingħajr skop ta’ qligħ b’dokumentazzjoni trasparenti tal-introjti u l-ħlasijiet tad-drittijiet finanzjajri sabiex jiżguraw li r-riżorsi jitqassmu sew. Il-KESE jemmen li dawn is-soċjetajiet għandhom jitwaqqfu b’konformità mal-istandards u r-regoli ta’ kull Stat u għandhom jinqasmu f’żewġ kategoriji skont jekk jirrappreżentawx lill-awturi jew lill-artisti li jippreżentaw ix-xogħol. Il-KESE jemmen li l-eżistenza ta’ aktar soċjetajiet bħal dawn li jirrappreżentaw lil gruppi differenti tista’ twassal għall-konfużjoni, u t-trasparenza u l-kontrolli jsiru aktar diffiċli.

4.10   Madankollu, l-artisti jirċievu wkoll dħul minn sorsi oħra. Is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva twaqqfu sabiex jamministraw l-hekk imsejħa rimunerazzjoni sekondarja li tinqasam fi tliet tipi (a) rimunerazzjoni ġusta għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, (b) tariffi għal kopja privata u (c) rimunerazzjoni ġusta għat-trasferiment tad-dritt tal-kiri tal-artisti. Jekk il-perijodu ta’ protezzjoni jitwal minn 50 għal 85 sena, dan id-dħul ser jiżdied ukoll.

4.11   Madanakollu, il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tal-fatt li l-introjti li ġejjin minn sorsi sekondarji ta’ qligħ huma piż kbir fuq min hu responsabbli mill-ħlas. Din hija kwistjoni separata mill-estensjoni tal-perijodu ta’ protezzjoni. Hemm bżonn li fil-livell Komunitarju jiġi ċċarat xi tfisser prestazzjoni pubblika fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni u li din id-definizzjoni tiġi introdotta fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri sabiex il-prestazzjoni raġonevoli u x-xandir mill-ġdid ikunu jfissru x-xandir (mill-ġdid) privat ta’ prestazzjonijiet pubbliċi li diġà tħallsu.

4.12   Il-KESE jemmen li l-ħlas ta’ rimunerazzjoni ġusta sabiex tkun tista’ terġa’ tixxandar prestazzjoni, b’mod partikolari jekk ser terġa’ tixxandar mingħajr finijiet ta’ profitt, huwa ħlas eċċessiv u jikkontribwixxi għal ksur tad-drittijiet tal-awtur (frodi) fil-qasam tal-mużika.

4.13   Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-fondi li ġejjin miż-żewġ sorsi oħra ta’ dħul tal-artisti. Din hija kwistjoni ċentrali li tolqot lil kull minn hu soġġett għad-drittijiet finanzjarji. Mingħajr kuntratt bejn il-persuna li lejha huwa dovut dan id-dħul addizzjonali u l-persuna li qed tirrappreżentaha fis-soċjetà tal-ġestjoni kollettiva u li hija responsabbli mill-ħlas, il-persuna li lejha huwa dovut id-dħul kif tista’ tkun ċerta li min ser iħallas ser iħallas il-pagament addizzjonali kif xieraq?

4.14   Jeħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tar-rimunerazzjoni ġusta tat-trasferiment tad-dritt tal-kiri tal-artisti. Il-KESE jemmen li r-rimunerazzjoni għandha tkun ġusta kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll għal dawk li huma soġġetti għall-ħlas. Barra minn hekk dan il-ħlas għandu jiġi stabbilit b’mod proporzjonat kull ħames snin u wara negozjati kollettivi bilaterali.

4.15   Il-KESE jemmen li b’hekk, filwaqt li jkun qed jirregola l-pagamenti għall-kopji li jsiru għall-użu privat, b’mod speċjali għall-professjonisti fl-industrija tad-divertiment li jużaw il-kopji għal attivitajiet li mhumiex strettament privati, ikun jista’ jiġi żgurat fluss stabbli tad-dħul mis-sorsi sekondarji matul il-perijodu estiż ta’ protezzjoni, filwaqt li tiġi miġġielda l-piraterija u jiżdied il-bejgħ legali tal-fonogrammi fuq l-internet.

4.16   Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm fond addizzjonali li jservi ta’ garanzija għas-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva u li jiżgura li huma jħallsu s-somom dovuti lill-artisti anki f’każijiet ta’ diffikultà.

4.17   Il-KESE jemmen ukoll li sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-objettivi ta’ din l-opinjoni, id-Direttiva għandha teżamina ċerti miżuri ta’ akkumpanjament. B’mod aktar speċifiku, il-klawżola “use it or lose it” għandha tidħol fil-kuntratti li jsiru bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogrammi u fil-kuntratti għandu jidħol ukoll il-prinċipju “clean slate” għall-kuntratti li jkopri l-perijodu ta’ estensjoni wara l-ewwel 50 sena. Jekk tgħaddi sena minn wara l-estensjoni tal-perjodu ta’ protezzjoni, id-drittijiet fuq il-fonogramma u l-iffissar tal-prestazzjoni jiskadu.

4.18   Il-KESE jemmen li għandha tingħata prijorità lil dawk l-artisti li jindunaw li xogħolhom jinsab maqbud f’fonogrammi li l-produttur ma ħax azzjoni fuqhom u m’għamilhomx disponibbli għall-pubbliku. Huwa jemmen li jenħtieġu miżuri addizzjonali li jiżguraw li l-produtturi ma jiskartawx ix-xogħol tal-artisti. Dawn jistgħu jkunu miżuri amministrattivi jew multi u penali.

4.19   Il-KESE jemmen ukoll li fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għandhom tradizzjoni kbira ta’ kanzunetti tradizzjonali, għandu jkun hemm regolamenti speċjali għal dawn it-tip ta’ diski u oħrajn ta’ natura simili li jistgħu jitqiesu bħala “xogħlijiet orfni” sabiex dawn ikunu disponibbli għall-pubbliku.

4.20   Il-KESE jaqbel mar-referenza li saret f’Artikolu 10 għan-natura retroattiva tal-liġi dwar il-kuntratti attwali kollha.

4.21   Il-KESE jaqbel ukoll ma’ paragrafu 3 u paragrafu 6 ta’ Artikolu 10.

4.22   Il-KESE jaqbel mad-dritt għal pagament addizzjonali annwali għal matul il-perijodu estiż ta’ protezzjoni tal-kuntratti li jikkonċernaw it-trasferiment tad-drittijiet tal-artisti.

4.23   Il-KESE jaqbel li 20 % tal-introjti li jirċievi l-produttur matul is-sena ta’ qabel il-pagament hija ċifra ta’ pagament addizzjonali xierqa.

4.24   Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta li l-Istati Membri għandhom jirregolaw il-pagament tal-ammont addizzjonali annwali li jiġbru s-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva.

4.25   Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm kuntratt bil-miktub bejn kull artist u r-rappreżentanti tas-soċjetà tal-ġestjoni kollettiva. Il-kuntratt għandu jsir qabel ma r-rappreżentanti jibdew jiġbru d-drittijiet finanzjarji f’isem l-artist. Is-soċjetajiet għandhom jissottomettu l-kontijiet annwali tagħhom lil korp ieħor ta’ artisti u produtturi u jindikaw l-amministrazzjoni tal-introjti li jkunu saru minn pagamenti addizzjonali matul il-perijodu estiż ta’ protezzjoni.

4.26   Il-KESE jaqbel mal-miżura ta’ tranżizzjoni ta’ Artikolu 10 u mal-miżura dwar l-isfruttament tal-fonogramma min-naħa tal-artist.

4.27   Għalhekk il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ regolament wieħed, li skontu ċerti produtturi, pereżempju dawk li ma jaqilgħux aktar minn EUR 2 miljun fis-sena, m’għandhomx jiġu soġġetti għar-regola li tgħid li għandhom iwarrbu 20 % tal-qligħ mill-bejgħ tal-fonogrammi. Għalhekk ikun hemm bżonn ta’ valutazzjoni annwali tal-produtturi sabiex ikun jista’ jiġi determinat liema huma dawk li jaqgħu f’din il-kategorija.

4.28   Il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-mezzi ta’ pagamenti, kontrolli fuq il-pagamenti, provi tal-pagamenti, falliment tal-kumpaniji, il-każijiet fejn id-detenturi tad-drittijiet imutu jew iċedu d-drittijiet tagħhom, ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u s-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva, kontrolli fuq is-soċjetajiet u diversi kwistjonijiet legali oħra. L-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-fażi tal-implimentazzjoni tagħha u fil-qasam tal-ġestjoni u l-pagament ta’ 20 % tad-dħul addizzjonali, ser toħloq aktar problemi mingħajr ma toħloq kundizzjonijiet ugwali bejn l-artisti magħrufa u dawk anqas magħrufa.

4.29   Is-soluzzjoni għal din il-problema mhix li jittawwal il-perjodu ta’ protezzjoni biss iżda li jitfasslu kuntratti li jinkludu l-klawżola “use it or lose it”. Il-KESE huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jiżguraw li x-xogħlijiet ma jiġux ibblukkati għal 50 sena għandhom jiġi adottati meta tiġi adottata l-emenda fuq id-Direttiva. Hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali b’mod partikolari fir-rigward tal-mezzi ta’ pagament tad-drittijiet finanzjarji lid-detenturi tad-drittijiet qabel ma tiġi adottata liġi interna fl-Istati Membri.

4.30   Il-KESE jemmen li sabiex nevitaw ġeneralizzazzjonijiet u interpretazzjonijiet differenti f’dan il-qasam, il-kunċett “tal-publikazzjoni tal-fonogramma” għandu jiġi ċċarat sew. Teżisti wkoll il-kwistjoni ta’ pubblikazzjoni simultanja tal-istess fonogramma minn żewġ artisti differenti b’mod partikolari minn mużiċisti tal-istudjo li ma jkunux ċedew id-drittijiet lill-produttur ikkonċernat (xogħlijiet li jintużaw mill-mezzi tax-xandir, rehearsals tad-diski għall-kompetizzjonijiet, jew ix-xandir tad-diski fuq l-internet).

Brussell, l-14 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI