8.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ April 2009

fuq proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri

(CON/2009/37)

2009/C 106/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-17 ta’ April 2009, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (1) (ir-“regolament propost”) (2).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għaliex il-BĊE jamministra l-għajnuna mogħtija taħt din il-faċilità. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet generali

Il-BĊE jikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi finanzjarji preżenti, Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro iktar hemm il-possibbiltà li jagħmlu talbiet taħt il-faċilità ta’ għajnuna finanzjarja għal żmien medju milli kien previst qabel, u t-talbiet tagħhom għall-assistenza x’aktarx jinvolvu ammonti ikbar milli kien antiċipat fl-2002 meta r-Regolament (KE) Nru 333/2002 daħal fis-seħħ u f’Diċembru 2008 meta kien emendat. Għaldaqstant, il-BĊE huwa tal-opinjoni li, minħabba l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali, it-talba potenzjali għall-għajnuna tista’ taqbeż il-limitu attwali ta’ EUR 25 biljun, u jilqa’ ż-żieda proposta fil-limitu ta’ EUR 50 biljun biex il-Komunità tkun tista’ taċċetta talbiet potenzjali għall-għajnuna finanzjarja.

F’dan il-kuntest il-BĊE jinnota li l-proċedura prevista fir-regolament propost għandha tikkonforma għal kollox mal-projbizzjoni fuq l-iffinanzjar monetarju stabbilit fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603 tat-13 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b (1) tat-Trattat (3). B’mod partikolari, il-BĊE jifhem li ż-żieda fl-ammont ta’ għajnuna disponibbli għal EUR 50 biljun kif maħsub fir-regolament propost tkun iffinanzjata esklussivament mill-baġits tal-Istati Membri u dan ma jinkludix bridge financing jew rifinanzjament mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. F’dan ir-rigward, huwa mistenni li l-kont tal-Komunità fil-BĊE u l-kontijiet tal-Istati Membri fil-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ikunu ffinanzjati għal kollox fiż-żminijiet rilevanti.

2.   Osservazzjonijiet specifici

2.1   Artikolu 9a ġdid propost

Il-BĊE jifhem sew il-ħtieġa li jkun hemm ġestjoni soda tal-għajnuna finanzjarja tal-Komunità fi żmien medju. Madankollu, il-BĊE jinnota li l-Artikolu 9a ġdid propost jista’ jinqara fis-sens li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jkollha l-kompetenza li tagħmel verifiki finanzjarji fuq il-kontijiet tal-BĊE u tal-BĊNi. Għaldaqstant il-BĊE jissuġġerixxi li, b’għarfien tal-qafas legali eżistenti tal-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew li japplika għall-BĊE u l-BĊNi, l-Artikolu 9a ġdid propost għandu jillimita espressament l-ambitu tiegħu għall-Istati Membri li jirċievu l-għajnuna finanzjarja Komunitarja fi żmien medju.

2.2   Rekwiżit tal-konsultazzjoni mal-Kummissjoni

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 332/2002 jeħtieġ Stat Membru li ma adottax l-euro biex jikkonsulta lill-Kummissjoni jekk dak l-Istat Membru “jipproponi li jagħmel użu minn għejun ta’ iffinanzjar barra mill-Komunità li huma suġġetti għal kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika”. Qed jiġi ssuġġerit li l-frażi “kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika” għandha tiġi emendata biex ikun ċar li l-“kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika” jinkludu “kriterji ta’ eliġibbilta' ex ante” li għalhekk jinkludu mingħajr ambigwità t-tip ta’ kundizzjonalità li tintuża fl-arranġamenti l-ġodda tal-Fond Monetarju Internazzjonali (4).

2.3   Disponibbiltà tal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju fuq bażi kawtelatorja

Huwa nnutat li l-Artikoli 3(2) u 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 332/2002 li qed jiġi propost li jiġu emendati ma fihomx ir-referenzi għall-“programm ta’ appoġġ” li hemm fil-verżjonijiet kurrenti ta’ dawk l-Artikoli. Dawn l-ommissjonijiet jissuġġerixxu bidla fl-ambitu tal-applikabbiltà tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal żmien medju billi dik l-għajnuna tkun disponibbli biss għal problemi tal-bilanċ ta’ pagamenti attwali u mhux potenzjali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 119(1) tat-Trattat jirriferi espressament għall-għajnuna li tkun disponibbli jekk l-Istat Membru jkun “mhedded b’mod serju” b’diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ ta’ pagamenti tiegħu. L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 332/2002 jirriferi wkoll għall-għajnuna li tkun disponibbli jekk Stat Membru “ikun qed jiġi mhedded serjament” (u mhux attwalment qed “jgħaddi minn”) diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ ta’ pagamenti tiegħu. Ir-referenzi għal “programm ta’ appoġġ” li bħalissa qegħdin fl-Artikoli 3(2) u 5(1) tar-Regolament Nru 332/2002 essenzjalment jipprovdu għal qafas li fih l-għajnuna kawtelatorja tista’ tkun disponibbli. Ir-referenzi għal “programm ta’ appoġġ” jistgħu jerġgħu jiddaħħlu opportunament fl-Artikoli 3(2) u 5(1).

2.4   In-natura tal-“memorandum ta’ ftehim” ġdid propost

Huwa mixtieq li titjieb il-konsistenza fid-deskrizzjoni tal-“memorandum ta’ ftehim” li tkun meħtieġa mill-Artikolu 3a ġdid propost. Speċifikament, il-premessa 2 tirriferi għal dan il-memorandum bħala “negozjat” filwaqt li l-Artikolu 3a ġdid propost jissuġġerixxi li l-memorandum ser ikun iktar fin-natura ta’ dokument unilaterali li jispeċifika l-“kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill”. Billi l-kliem tal-Artikolu 3a essenzjalment jimxi ma’ dak tal-Artikolu 119(2) tat-Trattat, huwa ssuġġerit li l-premessa 2 għandha tikkonforma mal-kliem tal-Artikolu 3a ġdid propost.

3.   Proposti tal-abbozzar

Fejn il-pariri ta’ hawn fuq iwasslu għal tibdil fid-direttiva proposta, il-proposti tal-abbozzar jidhru fl-Anness.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 20 ta’ April 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean Claude-TRICHET


(1)  Regolament (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p.1).

(2)  KUMM(2009) 169 finali.

(3)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1.

(4)  Ara “IMF Overhauls Lending Framework”, Stqarrija għall-Istampa Nru 09/85, tal-24 ta’ Marzu 2009 fil-websajt tal-Fond Monetarju Internazzjonali f’ http://www.imf.org


ANNESS

Proposti tal-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE

Emenda 1

Premessa 2 tar-regolament propost

“Fid-dawl tal-esperjenza riċenti fit-tħaddim tal-assistenza finanzjarja fuq il-medda medja ta’ żmien, ix-xogħol u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri kkoncernati bl-implimentazzjoni tar-Regolament għandhom ikunu kkjarifikat. Barra minn dan, il-kundizzjonijiet għall-ghoti ta' assistenza finanzjarja għandhom ikunu stipulati f'memorandum ta' spjegazzjoni li jrid ikun innegozjat bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkoncernat.”

“Fid-dawl tal-esperjenza riċenti fit-tħaddim tal-assistenza finanzjarja fuq il-medda medja ta’ zmien, ix-xogħol u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati bl-implimentazzjoni tar-Regolament għandhom ikunu kkjarifikati. Barra minn dan, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja għandhom ikunu stipulati ppreżentati f’memorandum ta’ spjegazzjoni li jrid ikun innegozjat bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkoncernat.”

ĠustifikazzjoniAra l-paragrafu 2.4 tal-opinjoni

Emenda 2

Premessa 4 tar-regolament. propost

“L-amministrazzjoni soda tal-assistenza finanzjarja Komunitarja mogħtija hija ta’ importanza kbira ħafna. Għaldaqstant, il-possibbiltà li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Ufficcju Ewropew kontra l-Frodi jaghmlu kontrolli meta dawn iqisu necessarju hija stipulata fil-ftehim ezistenti tas-self u għandha tkun stipulata f'dan ir-Regolament.”

“L-amministrazzjoni soda tal-assistenza finanzjarja Komunitarja mogħtija hija ta’ importanza kbira ħafna.. Għaldaqstant, il-possibbiltà mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju Kontra l-Frodi Ewropew biex jagħmlu kontrolli fl-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja għal żmien medju meta dawn iqisu necessarju hija stipulata fil-ftehim ezistenti tas-self u għandha tkun stipulata f'dan ir-Regolament.”

ĠustifikazzjoniAra l-paragrafu 2.1 tal-opinjoni

Emenda 3

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 332/2002

“Fejn Stat Membru li ma jkunx adotta l-euro jipproponi li jagħmel użu minn egħjun ta’ iffinanzjar barra mill-Komunità li huma suġġetti għal kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika, għandu l-ewwel jikkonsulta mal-Kummissjoni”

“Fejn Stat Membru li ma jkunx adotta l-euro jipproponi li jagħmel użu minn egħjun ta’ iffinanzjar barra mill-Komunità li huma suġġetti għal kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika, inklużi kriterji ta’ kwalifikazzjoni stabbiliti minn qabel għandu l-ewwel jikkonsulta mal-Kummissjoni”

ĠustifikazzjoniAra l-paragrafu 2.2 tal-opinjoni

Emenda 4

L-Artikolu 1(2) tar-regolament propost

“L-Istat Membru kkoncernat għandu jiddiskuti l-valutazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu mal-Kummissjoni u jissottometti abbozz ta’ programm ta’ aġġustament.”

“L-Istat Membru kkoncernat għandu jiddiskuti l-valutazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu mal-Kummissjoni u jissottometti abbozz ta’ programm ta’ aġġustament jew ta’ appoġġ.”

ĠustifikazzjoniAra l-paragrafu 2.3 tal-opinjoni

Emenda 5

L-Artikolu 1(4) tar-regolament propost

“1.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-mizuri meħtieġa sabiex f'intervalli regolari tivverifika, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li l-politika ekonomika tal-Istat Membru li jkun se jirċievi self Komunitarju taqbel mal-programm ta’ aġġustament u ma’ kull kundizzjoni oħra stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 3. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jpoggi kull tagħrif meħtieġ għad-dispozizzjoni tal-Kummissjoni u jikkoopera bis-sħiħ magħha.”

“1.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-mizuri meħtieġa sabiex f'intervalli regolari tivverifika, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li l-politika ekonomika tal-Istat Membru li jkun se jirċievi self Komunitarju taqbel mal-programm ta’ aġġustament jew ta’ appoġġ u ma’ kull kundizzjoni oħra stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 3a. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jpoggi kull tagħrif meħtieġ għad-dispozizzjoni tal-Kummissjoni u jikkoopera bis-sħiħ magħha.”

ĠustifikazzjoniAra l-paragrafu 2.3 tal-opinjoni

Emenda 6

L-Artikolu 1(6) tar-regolament propost

“Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha d-dritt li tagħmel kull kontroll jew valutazzjoni finanzjarja li hija tqis neċessarja fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ din l-assistenza. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi, għandu jkollha d-dritt tibgħat l-uffiċjali tagħha jew rappreżentanti awtorizzati minnha biex jesegwixxu kontrolli tekniċi jew finanzjarji jew il-valutazzjonijiet li hija tqis neċessarji fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-assistenza finanzjarja Komunitarja fuq medda medja ta' zmien.”

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha d-dritt li tagħmel kull kontroll jew valutazzjoni finanzjarja fl-Istat Membru li jirċievi għajnuna finanzjarja Komunitarja fi żmien medju li hija tqis neċessarja fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ din l-assistenza finanzjarja Komunitarja fuq medda medja ta' zmien. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi, għandha għalhekk ikollha d-dritt tibgħat l-uffiċjali tagħha jew rappreżentanti awtorizzati minnha biex jesegwixxu kontrolli tekniċi jew finanzjarji jew il-valutazzjonijiet li hija tqis neċessarji fi Stati Membri li qed jirċievu fir-rigward tal-amministrazzjoni dik l-assistenza finanzjarja Komunitarja fuq medda medja.”

ĠustifikazzjoniAra l-paragrafu 2.1 tal-opinjoni