24.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 18/25


Notifikazzjonijiet taħt Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 talParlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera “Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen”

L-obbligu li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jirreġistraw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta' kwalunkwe Stat Membru skond l-Artikolu 21 (d)

(2008/C 18/04)

IL-BELĠJU

Dan l-obbligu huwa stabbilit fid-dettall fil-miżuri li ġejjin:

It-Taqsima 5 ta' l-Att tal-15 ta' Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u d-deportazzjoni ta' ċittadini barranin:

“Il-persuni li mhumiex ċittadini u li ma jirrisjedux fi stabbiliment li skond il-liġi għandu jirreġistrahom bħala vjaġġaturi, għandhom jirreġistraw għand l-amministrazzjoni tal-komun fejn jirrisjedu fi żmien tlett ijiem ta' xogħol wara l-wasla tagħhom fir-renju, sakemm ma jkunux jagħmlu parti minn waħda mill-kategoriji ta' ċittadini barranin li għalihom tkun tapplika eżenzjoni tar-re.

Ir-re għandu jiddeċiedi l-metodu tar-reġistrazzjoni u l-formola tad-dokument li jinħareġ meta ssir ir-reġistrazzjoni li jevidenza li r-reġistrazzjoni tkun tabilħaqq saret.”

It-Taqsima 18 tad-Digriet Irjali tat-8 ta' Ottubru 1981 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u d-deportazzjoni ta' ċittadini barranin:

“L-obbligu tar-reġistrazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali ma tapplikax għal:

1.

Ċittadini barranin li jingħataw permess għad-dħul għal trattament fi sptar jew fi stabbiliment simili matul iż-żjara tagħhom fil-Belġju;

2.

Ċittadin barrani li ma jitħalliex jitlaq u jinżamm f'faċilità korrettiva jew fi stabbiliment tas-sigurtà soċjali.”

It-Taqsima 27 tad-Digriet Irjali tat-8 ta' Ottubru 1981 dwar id-dħul fit-territorju, ir residenza, l-istabbiliment u d-deportazzjoni ta' ċittadini barranin:

“Missier jew omm ulied ta' anqas minn 15-il sena b'ċittadinanza barranija, jew kwalunkwe persuna jew istituzzjoni responsabbli minnhom, għandhom jirreġistraw lil dawn it-tfal ma' l-awtoritajiet lokali.”

It-Taqsima 28 tad-Digriet Irjali tat-8 ta' Ottubru 1981 dwar id-dħul fit-territorju, irresidenza, l-istabbiliment u d-deportazzjoni ta' ċittadini barranin:

“Ċittadini barranin li jgħixu f'karovani, karozzi jew dgħajjes għandhom jirreġistraw, fiż-żmien stipulat, fuq il-lista taċ-ċittadini barrarnin fil-komun fejn jixtiequ jirċievu l-komunikazzjonijiet uffiċjali. L-awtoritajiet lokali tal-komun huma responsabbli mill-ħruġ ta' ċertifikat li jirrikonoxxi l-preżenza tagħhom fuq il-lista ta' ċittadini barranin irreġistrati mal-komun in kwistjoni.”

IL-BULGARIJA

L-obbligu ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirreġistraw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta' kwalunkwe Stat Membru skond l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Schengen huwa kkontrollat mil-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin tar-Repubblika tal-Bulgarija:

L-Artikolu 18(1): “Meta jidħlu fir-Repubblika tal-Bulgarija, iċ-ċittadini barranin għandhom jimlew karta ta' indirizz skond il-mudell approvat mill-Ministru ta' l-Intern fejn jiddikjaraw lgħan taż-żjara u jindikaw bil-miktub l-indirizz tar-residenza tagħhom.”

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

L-obbligu taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirreġistraw il-preżenza tagħhom fit-territorju tar-Repubblika Ċeka skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Schengen huwa stipulat fl-Att Nru 326/1999 Coll., dwar iż-Żjara ta' Barranin fit-Territorju tar-Repubblika Ċeka (Kapitolu VII, § § 93 – 102 fir-rigward tar-reġistrazzjoni taż-żjara fit-territorju).

Skond dan il-Att il-barrani huwa obbligat jirreġistra l-preżenza tiegħu/tagħha fit-territorju tar-Repubblika Ċeka mal-Pulizija fi żmien 3 ijiem mill-wasla tiegħu/tagħha.

ID-DANIMARKA

Id-Danimarka għażlet li ma timplimentax l-Artikolu 22 tal-Ftehim ta' Shengen.

L-Att dwar il-Barranin u l-Ordni dwar il-Barranin ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni dwar l-obbligu taċ-ċittadini barranin li javżaw dwar il-preżenza tagħhom fil-pajjiż meta jidħlu minn pajjiż ieħor ta' Schengen.

IL-ĠERMANJA

Ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom l-obbligu li jiddikjaraw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru, skond l-Artikolu 22 tal-Ftehim ta' Applikazzjoni ta' Schengen. Obbligu ta' dikjarazzjoni bħal dan huwa regulat fil-Ġermanja bid-dispożizzjonijiet fil-para. 11, 14 u 16 tal-liġi ta' qafas dwar l-obbligi ta' reġistrazzjoni kif ukoll regolamenti rispettivi dwar l-obbligu ta' dikjarazzjoni fil-Länder.

Skond il-liġi ta' qafas dwar l-obbligi ta' reġistrazzjoni kif ukoll ir-regoli fil-Länder li għandhom l-istess effett, jeżisti obbligu ġenerali ta' reġistrazzjoni meta wieħed jidħol joqgħod f'post fil-pajjiż (Obbligu ta' reġistrazzjoni), kif ukoll obbligu meta wieħed jitlaq minn post biex imur jgħix barra l-pajjiż (Obbligu ta' tneħħija ta' reġistrazzjoni) L-obbligi ta' reġistrazzjoni għandhom jitwettqu fi żmien ġimgħa/ġimgħatejn wara d-dħul jew il-ħruġ minn post fil-pajjiż. Ir-responsabbiltà hija f'idejn l-awtoritajiet lokali.

L-obbligu ġenerali ta' reġistrazzjoni jgħodd sew għall-Ġermaniżi kif ukoll għal ċittadini barranin. Ma hemm l-ebda differenza bejn ċittadini barranin ta' l-UE, u dawk ta' pajjiżi terzi.

L-obbligu ta' reġistrazzjoni speċjali f'postijiet ta' akkomodazzjoni u fi sptarijiet jew homes mhux affettwat mill-obbligu ġenerali ta' reġistrazzjoni.

L-ESTONJA

Skond l-Artikolu 9 ta' l-Att dwar il-Fruntieri Statali (ippubblikat fir-Riigi Teataja (Gazzetta Statali) I 1994, 54, 902; 2006, 26, 191), il-fruntieri ta' l-Istat jistgħu jinqasmu minn punti ta' kontroll fuq il-fruntiera. Għal din ir-raġuni mhi meħtieġa l-ebda notifika fir-rigward talpreżenza tagħhom.

IL-GREĊJA

L-Artikolu 87(1) tal-Liġi 3386/2005 jipprevedi li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom, minnufih mad-dħul tagħhom fil-Greċja, jirreġistraw il-wasla tagħhom mal-persuni li jipprovdulhom akkomodazzjoni billi jippreżentaw il-passport tagħhom, jew kwalunkwe dokument ta' l-ivvjaġġar rikonoxxut skond konvenzjonijiet internazzjonali, viża tad-dħul jew permess tar-residenza. Imbagħad, il-presuni li jipprovdu akkomodazzjoni jew residenza temporanja għandhom minnufih javżaw lid-Dipartiment tal-Pulizija u l-Uffiċċju kompetenti dwar il-Barranin u l-Immigrazzjoni dwar il-wasla u t-tluq tal-barranin li qegħdin iżommu. Tiġi imposta multa li tvarja bejn € 1 500 to € 3 000 fuq il-barranin u persuni oħrajn li jiksru d-dispożizzjonijiet rilevanti.

SPANJA

Taħt il-liġi Spanjola, f'ċerti każi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi huma mitluba jiddikjaraw id-dħul tagħhom fil-pajjiż.

L-Artikolu 12 tad-Digriet Irjali 2393/2004 tat-30 ta' Diċembru 2004 li jadotta r-Regolamenti ta' implimentazzjoni dwar il-Liġi Organika 4/2000 tal-11 ta' Jannar 2000 fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini barranin fi Spanja u l-integrazzjoni soċjali tagħhom, jaqra kif ġej:

1.

“Ċittadini barranin li jaslu fit-territorju Spanjol minn pajjiż li miegħu Spanja ffirmat ftehim dwar it-tneħħija ta' kontrolli tal-fruntiera huma obbligati jiddikjaraw personalment id-dħul tagħhom lill-awtoritajiet tal-pulizija Spanjoli.”

2.

“Jekk mad-dħul ma ssirx din ix-xorta ta' dikjarazzjoni, għandha ssir fi żmien tlett ijiem ta' xogħol mid-data tad-dħul fi kwalunkwe għassa tal-Pulizija Nazzjonali jew f'Uffiċċju għall-Barranin.”

FRANZA

Il-leġiżlazzjoni Franċiżja tipprovdi dan l-obbligu, taħt l-Artikoli L. 531-2, R. 211-32, R.211-33, R.212-5 u R.212-6 tas-CESEDA (Code de l'entrée et du séjour des étrangers et du droit d'asile), li jiddikkjaraw li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jirreġistraw dikjarazzjoni mad-dħul tagħhom fit-territorju metropolitan.

L-ITALJA

L-informazzjoni ser tiġi ppubblikata aktar tard.

ĊIPRU

Ir-Regolamenti 242/72, kif emendati, maħruġa taħt il-Liġi dwar il-Barranin u l-Immigrazzjoni, Kap. 105, kif emendat, paragrafi 35 u 36, jipprovdu li l-barrani li jasal fir-Repubblika ta' Ċipru għandu, fi żmien sebat ijiem mill-wasla tiegħu, imur personalment fl-uffiċċji ta' l-uffiċjal tar-reġistrazzjoni tad-distrett tar-reġistrazzjoni fejn ikun fi ħsiebu jirrisjedi jew fir-residenza fejn ikun fi ħsiebu jirrisjedi u jinħariġlu, taħt din id-dispożizzjoni, ċertifikat ta' reġistrazzjoni.

IL-LATVJA

Meta ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi japplikaw għal permessi ta' residenza permanenti jew temporanji fir-Repubblika tal-Latvja, huma jridu jiddikkjaraw il-post tar-residenza tagħhom.

IL-LITWANJA

M'hemm l-ebda obbligu fuq iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jirreġistraw il-preżenza tagħhom fil-Litwanja, b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Schengen.

IL-LUSSEMBURGU

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jirreġistraw il-preżenza tagħhom fil-pajjiż mal-komun jew fil-lukanda fejn ikunu qegħdin joqogħdu fi żmien 3 ijiem.

L-UNGERIJA

L-Artikolu 88 ta' l-Att XXXIX ta' l-20001 dwar id-dħul u ż-żjara ta' Barranin jistipula li l-barranin għandhom l-obbligu li jirreġistraw il-post ta' l-akkomodazzjoni tagħhom ma' l-awtoritajiet tal-pulizija dwar il-Barranin.

MALTA

Bħalissa, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi huma marbuta biss biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-dħul kif stipulat fl-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217) u fil-leġiżlazzjoni sussidjarja. Il-leġiżlazzjoni kif stipulata fl-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Schengen għandha tkun ippromulgata qabel l-adeżjoni ta' Malta fiż-żona ta' Schengen

L-OLANDA

L-Artikolu 4.4 tad-Digriet dwar il-Barranin jispeċifika li ċittadin barrani li jidħol jew joħroġ mill-Olanda minn fuq xi fruntiera esterna għandu jirreġistra f'punt ta' qsim ta' fruntiera fuq il-fruntiera esterna matul il-ħinijiet tal-ftuħ u jirreġistra ma' uffiċjal responsabbli mill-kontroll tal-fruntiera. F'ċerti ċirkostanzi l-Ministru tagħna jista' joħroġ eżenzjoni fir-rigward ta' dan ir-rekwiżit. Dan ta' hawn fuq ma japplikax għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Benelux.

L-aċċess kondizzjonali jista' jkun marbut bil-ħtieġa tar-reġistrazzjoni. Fir-rigward tal-ħtieġa tar-reġistrazzjoni, fil-prinċipju din tkun tinvolvi: reġistrazzjoni fi żmien tlett ijiem mad-diviżjoni tal-Pulizija għall-Barranin tal-korp reġjonali tal-pulzija responsabbli mill-muniċipalità fejn iċ-ċittadin barrani jkun ser jirrisjedi. Jekk, minħabba li jkun is-Sibt, il-Ħadd jew xi jum ta' festa pubblika, iċ-ċittadin barrani ma jkunx jista' jissodisfa r-rekwiżit tar-reġistrazzjoni fi żmien tlett ijiem, issir l-emenda li ġejja fuq id-dokument ta' qsim tal-fruntiera: “irreġistra sa mhux aktar tard minn .... (data)”.

L-Artikoli 4.39 tad-Digriet dwar il-Barranin, jipprevedi wkoll li ċittadin barrani mingħajr residenza legali għandu minnufih jirreġistra personalment għand il-Kummissarju tal-Pulizija tal-korp tal-pulizija reġjonali responsabbli mill-muniċipalità fejn ikun jirrisjedi.

L-Artikolu 4.47 tad-Digriet dwar il-Barranin jispeċifika kif ġej:

1.

“Ċittadin barrani li jirrisjedi legalment, kif imfisser fit-Taqsima 8.i ta' l-Att, u li wasal fl-Olanda għal żjara ta' aktar minn tliet xhur, għandu jirreġistra fi żmien tlett ijiem wara l-wasla tiegħu fl-Olanda lill-Kummissarju tal-Pulizija tal-korp tal-pulizija reġjonali responsabbli mill-muniċipalità fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tiegħu.

2.

Fl-ikkalkular tal-perjodu ta' tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 1 ser titqies ir-residenza preċedenti fl-Olanda fi żmien perjodu ta' sitt xhur immedjatament qabel il-wasla.

3.

Fil-każ li ċ-ċittadin barrani jkollu anqas minn 12-il sena, ir-reġistrazzjoni ssir mill-persuna li magħha jkun qed jgħix.”

L-Artikolu 4.48 tad-Digriet dwar il-Barranin jispeċifika kif ġej:

1.

“Ċittadin barrani li jirrisjedi legalment, kif imfisser fit-taqsima 8.i ta' l-Att, u li wasal fl-Olanda għal żjara sa massimu ta' tliet xhur, għandu jirreġistra fi żmien tlett ijiem mill-wasla tiegħu fl-Olanda mal-Kummissarju tal-Pulizija tal-korp tal-pulizija reġjonali responsabbli mill-muniċipalità fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tiegħu.

2.

Kwalunkwe rekwiżit ta' reġistrazzjoni taħt il-paragrafu ta' hawn fuq, fir-rigward ta' ċittadin barrani li jkollu anqas minn 12-il sena, ser ikun responsabbli minnu l-individwu li miegħu ċ-ċittadin barrani jkun jgħix jew jirresjedi.

3.

Il-Paragrafu 1 ma japplikax għaċ-ċittadini barranin li jirrisjedu f'lukanda jew f'istituzzjoni fejn is-sid, l-okkupant jew il-maniġer ikunu obbligati minn regolamenti muniċipali sabiex jagħtu ħjiel dwar l-għoti ta' akkomodazzjoni matul il-lejl lill-awtoritajiet responsabbli.”

L-Artikolu 4.49 tad-Digriet dwar il-Barranin jispeċifika kif ġej:

1.

“Ċittadin barrani li jkollu fil-pussess tiegħu viża jew dokument għall-qsim tal-fruntieri li jkun fihom notifika mill-awtorità kompetenti xierqa biex jirreġistra mal-Pulizija għall-Barranin fl-Olanda, għandu jirreġistra personalment mal-Kummissarju tal-Pulizija talkorp tal-pulizija reġjonali responsabbli mill-muniċipalità speċifikata fl-emenda fi żmien tlett ijiem mill-wasla tiegħu fl-Olanda.

2.

Il-paragrafu 1 mhux applikabbli għaċ-ċittadini ta' Stat li jkun parti fit-Trattat dwar l-inkorporazzjoni tal-Komunità Ewropea, il-Ftehim relatat maż-Żona Ekonomika Ewropea jew għaċ-ċittadini ta' l-Iżvizzera.”

L-Artikolu 4.50 tad-Digriet dwar il-Barranin jispeċifika kif ġej:

1.

“Iċ-ċittadin barrani li jkun wasal l-Olanda biex ifittex impjieg bħala baħri abbord bastiment għandu, fi żmien tlett ijiem mill-wasla tiegħu fl-Olanda, jirreġistra personalment mal-Kummissarju tal-Pulizija tal-korp tal-pulizija reġjonali responsabbli mill-muniċipalità fejn ikun qed ifittex impjieg.

2.

Il-paragrafu 1 mhux applikabbli għaċ-ċittadini ta' Stat li jkun parti fit-Trattat dwar l-inkorporazzjoni tal-Komunità Ewropea, il-Ftehim relatat maż-Żona Ekonomika Ewropea jew għaċ-ċittadini ta' l-Iżvizzera.”

L-AWSTRIJA

§ 5 ta' l-Att Federali ta' l-Awstrija li jikkontrolla l-obbligu tar-reġistrazzjoni mal-pulizija (L-Att dwar ir-Reġistrazzjoni 1991 – MeldeG), Gazzetta tal-Liġi Federali ta' l-Awstrija 1992/9 fil-verżjoni tal-Gazzetta tal-Liġi Federali ta' l-Awstrija I 2006/45

Akkomodazzjoni f'lukandi

“(1)   Kull min jieħu akkomodazzjoni bħala klijent f'lukanda, irrispettivament mill-perjodu li hu/hi jagħmel/tagħmel użu minn tali akkomodazzjoni, għandu/ha jkun/tkun irreġistrat/a permezz ta' annotazzjoni fil-ktieb tal-viżitaturi mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa mill-wasla.

(2)   L-annotazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' kull min jitlaq minn akkomodazzjoni f'lukanda għandha titħassar mill-kiteb tal-viżitaturi f'perjodu ta' żmien minn 24 siegħa qabel it-tluq sa immedjatament wara t-tluq.

(3)   Il-membri ta' żjarat fi gruppi (tour parties) li jinkludu mill-anqas tmien persuni għandhom jiġu esklużi, bl-eċċezzjoni tal-mexxej tal-grupp, mill-obbligu tar-reġistrazzjoni skond (1) u (2), jekk, mal-wasla fl-akkomodazzjoni, il-mexxej tal-grupp jissottometti lista kollettiva li turi l-ismijiet u ċ-ċittadinanza u – fil-każ ta' klijenti barranin – ix-xorta, in-numru u l-awtorità tal-ħruġ tad-dokument ta' l-ivvjaġġar ta' dan il-grupp ta' persuni, lil min jilqgħu jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu/tagħha. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika jekk il-grupp taż-żjara ma jkunx akkomodatat flimkien fl-istess lukanda għal aktar minn ġimgħa.

(4)   Fejn il-perjodu ta' l-akkomodazzjoni fil-lukanda jkun ta' aktar minn xahrejn, il-klijent għandu jiġi rreġistrat ukoll ma' l-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard mit-tielet jum wara li jkunu skadew ix-xahrejn; inkella, id-dispożizzjonijiet ta' § § 3 and 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

§ 6 ta' l-Att Federali ta' l-Awstrija li jikkontrolla l-obbligu tar-reġistrazzjoni mal-pulizija (l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni 1991 – MeldeG), Gazzetta tal-Liġi Federali ta' l-Awstrija 1992/9 fil-verżjoni tal-Gazzetta tal-Liġi Federali ta' l-Awstrija I 2006/45

“Il-barranin li huma obbligati jirreġistraw u li jwettqu impjieg bi qligħ fit-territorju tar-Repubblika Federali ta' l-Awstrija li jeħtieġu permess uffiċjali għandhom, minkejja kwalunkwe obbligu ta' reġistrazzjoni skond il-§ 5, jkunu rreġistrati wkoll, u jħassru r-reġistrazzjoni tagħhom ma' l-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' § § 3 u 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

§ 3 Att dwar ir-Reġistrazzjoni (MeldeG) – akkomodazzjoni f'appartamenti; reġistrazzjoni

“(1)   Kull min jieħu akkomodazzjoni f'appartament għandu jiġi rreġistrat ma' l-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni fi żmien tlett ijiem wara li jagħmel dan.

(2)   Il-formola ta' reġistrazzjoni għandha timtela kollha kif xieraq minn kull persuna li ser tiġi rreġistrata. Jekk l-appartament ikun jinsab f'bini b'għadd ta' indirizzi, għandha tintuża d-denominazzjoni ta' l-appartament skond il-§ 14 (2) ta' l-Uffiċċju Postali ta' l-Awstrija.

(3)   Il-formola ta' reġistrazzjoni, mimlija kif suppost, u att notarili pubbliku li juri d-data dwar l-identità (§ 1 (5a)) – ħlief in-numru fuq ir-Reġistru Residenzjali – tal-persuna li tieħu l-akkkomodazzjoni, huma meħtieġa għar-reġistrazzjoni; din il-persuna hija obbligata tikkollabora biex tiġi stabbilita l-identità tiegħu/tagħha. Jekk din il-persuna tirreġistra l-akkomodazzjoni bħala l-post ewlieni ta' residenza tiegħu/tagħha u jekk il-persuna li ser tiġi rreġistrata diġà jkollha post ewlieni ta' residneza fit-territorju tar-Repubblika Federali ta' l-Awstrija, kwalunkwe taħsira jew bidla fir-reġistrazzjoni ((§ 11 (2)) fir-rigward ta' din l-akkomodazzjoni għandha ssir fl-uffiċċju ta' reġistrazzjoni kompetenti tal-post ewlieni ta' residenza fl-istess żmien.

(4)   L-uffiċċju ta' reġistrazzjoni għandu jikkonferma r-reġistrazzjoni u fejn xieraq kwalunkwe bidla jew taħsira fir-reġistrazzjoni bil-miktub. Dan isir billi tiġi applikata n-nota ta' reġistrazzjoni ma' kopja waħda, li turi r-reġistrazzjonijiet minn database aggregata li jkunu nżammu jew – fuq talba mill-parti obbligata sabiex tirreġistra – ma' kopja waħda tad-data ta' reġistrazzjoni li tkun emendata l-aħħar. Jekk, waqt li tkun qed issir reġistrazzjoni, issir bidla fir-reġistrazzjoni f'uffiċċju ta' reġistrazzjoni kompetenti skond (3), dan l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni għandu jkun responsabbli mill-emenda tar-Reġistru Residenzjali Ċentrali; l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni effettwat (1) għandu jingħata l-opportunità ta' aċċess għar-Reġistru Residenzjali Ċentrali għall-finijiet ta' informazzjoni.”

§ 4 MeldeG – Akkomodazzjoni f'appartamenti; taħsira ta' reġistrazzjoni

“(1)   Kwalunkwe persuna li tkun ser titlaq minn appartament għandha tħassar ir-reġistrazzjoni tiegħu/tagħha fl-uffiċċju ta' reġistrazzjoni fi żmien tlett ijiem qabel huwa/hija tagħmel dan.

(2)   Sakemm tingħata evidenza dokumentata ta' l-identità tal-persuna bl-obbligu ta' reġistrazzjoni, ir-reġistrazzjoni tista' tiġi mħassra wkoll fl-uffiċċju ta' reġistrazzjoni responsabbli mir-reġistrazzjonijiet meta ssir reġistrazzjoni.

(3)   Għandha timtela formola ta' reġistrazzjoni b'mod sħiħ kif xieraq għal kull persuna li tkun se tħassar ir-reġistrazzjoni.

(4)   L-uffiċċju ta' reġistrazzjoni għandu jikkonferma t-taħsira bil-miktub fuq il-kopja taddatabase aggregata (§ 16) għall-persuna effettwata, jew fuq talba mingħand din ta' laħħar, fuq kopja tad-data ta' reġistrazzjoni li tkun emendata l-aħħar, permezz ta' l-applikazzjoni tan-nota ta' reġistrazzjoni li ser tingħata lill-persuna li tkun obbligata tirreġistra bħala evidenza dokumentata li r-reġistrazzjoni tħassret. Jekk it-taħsira tarreġistrazzjoni ssir f'uffiċċju ta' reġistrazzjoni kompetenti skond (2) jew § 3 (3), dan l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni għandu jkun responsabbli mill-emenda tar-Reġistru Residenzjali Ċentrali; l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni effettwat (1) għandu jingħata aċċess għar-Reġistru Residenzjali Ċentrali għall-finijiet ta' informazzjoni.”

§ 1 MeldeG – Tifsira tat-termini

“(5a)   Id-data ta' identifikazzjoni hija l-isem, is-sess, id-data tat-twelid (belt, data, provinċja, jekk tkun tinsab fl-Awstrija u l-Istat, jekk tkun tinsab f'pajjiż ieħor (numru tar-reġistru residnezjali ċentrali) u ċ-ċittadinanza; fil-każ ta barranin, ix-xorta, in-numru, l-uffiċċju u d-data tal-ħruġ u u kif ukoll l-istat fejn ikun inħareġ id-dokument ta' vvjaġġar.”

§ 11 MeldeG – Emenda tad-data rreġistrata

“(2)   Bidla fir-reġistrazzjoni għandha ssir fi żmien xahar jekk dawk l-emendi elenkati f'(1) u (1a) ikunu saru f'pajjiż ieħor jew jekk il-post ewlieni ta' residenza jiġi rilokat għal akkomodazzjoni jew rilokat 'il bogħod mill-akkomodazzjoni mingħajr ebda rabta ma' proċedura ta' lment. (§ 17). Fil-bidla tar-reġistrazzjoni tal-post il-ġdid ta' residenza, il-persuna obbligata li tirreġistra ruħha għandha tipprovdi evidenza dokumentata li turi li tkun saret bidla fir-reġistrazzjoni fir-rigward tal-post ewlieni ta' residenza preċedenti.”

IL-POLONJA

Skond l-Artikoli 23 sa 26 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Popolazzjoni u l-Karti ta' l-Identità ta' l-10 ta' April 1974 (Ġurnal tal-Liġijiet ta' 06.139.993 b'emendi sussegwenti), il-barranin li jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja huma obbligati jirreġistraw il-preżenza tagħhom skond ir-regoli stabbiliti fil-Liġi msemmija hawn fuq.

Il-barranin li ma jkunux jirrisjedu f'lukanda, iżda f'postijiet oħra bħal akkomodazzjoni pprovduta b'rabta ma' xogħol, edukazzjoni, trattament mediku jew vaganza huma obbligati jirreġistraw il-preżenza temporanja tagħhom sa mhux aktar tard minn erbat ijiem wara li jaqsmu l-funtiera tar-Repubblika tal-Polonja.

Jekk ir-raba' jum tal-preżenza tagħhom tkun vaganza, l-aħħar jum ta' reġistrazzjoni jkun il-jum ta' xogħol li jmiss.

Iż-żjara temporanja ta' grupp ta' turisti tiġi rreġistrata mill-mexxej tal-grupp li huwa obbligat jagħti l-lista tal-membri tal-grupp ta' turisti u d-dokumenti ta' vvjaġġar li jawtorizzaw iż-żjara tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja lill-maniġer tal-lukanda jew lil membru awtorizzat mill-persunal tal-lukanda.

1.

Meta jirreġistra l-preżenza permanenti tiegħu, il-barrani għandu jagħti d-data meħtieġa kollha kif ukoll il-karta ta' residenza tiegħu jew tagħha bħala riżultat ta' l-għoti jew il-permess ta' stabilizzazzjoni tiegħu jew tagħha, il-permess ta' residenza twila tal-KE, l istatus ta' refuġjat jew il-permess ta' żjara tollerata, jew il-permess ta' stabilizzazzjoni, il-permess ta' residenza twila tal-KE, id-deċiżjoni fir-rigward ta' l-għoti ta' l-istatus ta' refuġjat fir-Repubblika tal-Polonja jew id-deċiżjoni fir-rigward ta' l-għoti ta' permess għal żjara tollerata.

2.

Barrani li jirreġistra żjara temporanja li ma ttulx aktar minn 3 xhur għandu jipprovdi d-data meħtieġa u jippreżenta l-viża tiegħu jew tagħha meta huwa jew hija jkunu qasmu l-fruntiera skond ftehim li jneħħi jew jillimita r-rekwiżit ta' viża – dokument ta' vjaġġar, karta ta' l-identità temporanja tal-barrani, karta ta' residenza jew permess ta' residenza għal perjodu fiss, permess ta' stabilizzazzjoni jew il-permess ta' residenza twila tal-KE jew deċiżjoni li tintitolah/a għal status ta' refuġjat fir-Repubblika tal-Polonja jew deċiżjoni li tagħti permess għal żjara tollerata.

IL-PORTUGALL

L-Artikolu 26(1) tad-Digriet-Liġi 244/98 tat-8 ta' Awwissu 1998, kif emendat bid-Digriet-Liġi 34/2003 tal-25 ta' Frar 2003, tobbliga li d-dħul fil-pajjiż jiġi rreġistrat. “Il-barranin li jidħlu fil-pajjiż minn Stat Membru ieħor minn fuq fruntiera li mhix soġġetta għal kontroll ta' fuq il-fruntiera għandhom jintalbu jirreġistraw dan il-fatt fi żmien tlett ijiem ta' xogħol f'dan irrigward”.

IR-RUMANIJA

L-Art. 102 ta' l-Att dwar Persuni Barranin Nru 194/2002 jistipula li:

“(1)   Il-barrani li jidħol fit-territorju Rumen legalment għandu l-obbligu li javża b'dan lill-awtorità territorjali kompetenti, 3 ijiem wara d-data tad-dħul. Iċ-ċittadini ta' Stati Membri ta' lUE u taż-ŻEE huma eżentati minn dan l-obbligu.

(2)   Meta jmur joqgħod f'lukanda jew faċilità turistika oħra, il-barrani għandu jissodisfa l-formalitajiet ta' reġistrazzjoni permezz ta' l-uffiċċju ta' l-amministrazzjoni; dan ta' l-aħħar jikkomunika l-informazzjoni neċessarja lill-awtorità tal-pulizija territorjali kompetenti.”

IS-SLOVENJA

Il-metodi u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni u t-tneħħija mir-reġistru ta' residenza permanenti jew temporanja u r-reġistrazzjoni u t-tneħħija mir-reġistru ta' mistednin huma rregolati mill-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tar-Residenza (ZPPreb-UPB1, Ur. l. RS Nru 59/2006) li jistabilixxi l-obbligu tal-barranin biex jirreġistraw lihom infushom b'diversi modi skond ix-xorta ta' residenza li jkollhom.

1.   L-akkomodazzjoni fi stabbiliment turistiku jew lukanda:

L-istabbilimenti turistiċi jew il-lukandi huma faċilitajiet intiżi għall-ilqugħ ta' persuni għall-finijiet ta' akkomodazzjoni matul il-lejl jew għall-mistrieħ (lukandi, motels, stabbilimenti mediċi, boarding houses, guest houses, irziezet turistiċi, villaġġi ta' vaganza, siti ta' kampeġġ, djar alpini jew bini użat għall-akkomodazzjoni jew għall-finijiet ta' mistrieħ).

Il-barranin li jirrisjedu fi stabbiliment turistiku jew lukanda għandhom jiġu rreġistrati fl għassa tal-pulizija rilevanti minn min jipprovdilu akkomdazzjoni fi żmien 12-il siegħa minn meta jintlaqgħu u jitneħħew mir-reġistru fi żmien 12-il siegħa mit-tluq tagħhom (Artikolu 10(1) ZPPreb).

Min jagħti l-akkomodazzjoni għandu jkun persuna legali, imprenditur indipendenti jew persuna naturali li tirċievi klijenti bi ħlas għall-finijiet ta' akkomodazzjoni matul il-lejl jew ta' mistrieħ, jew li toffri akkomodazzjoni temporanja lil individwali bħala parti mill-attivitajiet tagħha.

2.   Residenza fi stabbilimenti ta' akkomodazzjoni

L-istabbilimenti ta' akkomodazzjoni jinkludu akkomodazzjoni għal persuna waħda, swali ta' l-istudenti ta' djar residenzjali jew ta' l-istudenti, djar għall-anzjani, djar ta' kura u faċilitajiet oħra bl-iskop ta' akkomodazzjoni komunali jew li jwettqu attivitajiet li jinvolvu r-residenza għal 24 siegħa.

Il-barranin mingħajr permess ta' residenza li jirrisjedu fi stabbiliment ta' akkomodazzjoni għandhom jiġu rreġistrati fl-għassa tal-pulizija rilevanti minn min jipprovdilhom akkomodazzjoni fi żmien tlett ijiem mill-wasla u jitneħħew mir-reġistru fi żmien tlett ijiem mit-tluq tagħhom (Artikolu 10(2) ZPPreb). Il-barranin li jkollhom permess ta' residenza li jirrisjedu fi stabbiliment ta' akkomodazzjoni għandhom jiġu rreġistrati fl-uffiċċji lokali tal-gvern minn min jipprovdilhom akkomodazzjoni fi żmien tlett ijiem mill-wasla u jitneħħew mir-reġistru fi żmien tlett ijiem mit-tluq tagħhom (Artikolu 11(2) ZPPreb).

3.   Residenza li ma ssirx fi stabbilimenti turistiċi, lukandi u fi stabbilimenti ta' akkomodazzjoni

Il-barranin mingħajr permess ta' residenza li ma jkunux jirrisjedu fi stabbiliment turistiku jew lukanda għandhom jirreġistraw f'għassa tal-pulizija rilevanti fi żmien tlett ijiem minn meta jaqsmu l-fruntiera nazzjonali jew minn meta jibdlu l-akkomodazzjoni, u jitneħħew mirreġistru qabel it-tluq (l-Artikolu 10(3) ZPPreb).

Il-barranin li jkollhom permess ta' residenza validu li ma jkunux irreġistraw il-post permanenti jew temporanju ta' residenza fir-Repubblika tas-Slovenja f'uffiċċju lokali tal-gvern għandhom jirreġistraw ir-residenza temporanja tagħhom f'uffiċċju lokali tal-gvern fi żmien tlett ijiem minn meta jittrasferixxu rwieħhom (l-Artikolu 12(3) ZPPreb). Il-barranin mingħajr permess ta' residneza għandhom jirreġistraw il-post ta' residenza temporanju f'uffiċċju lokali tal-gvern fi żmien tlett ijiem minn meta jittrasferixxu rwieħhom jekk ikollhom akkomodazzjoni temporanja jew jekk jirrisjedu 'l barra mill-post ta' residenza permanenti jew temporanja f'faċilitajiet bħal djar tal-vaganzi, appartamenti jew faċilitajiet oħra tali (ħlief f'akkomodazzjoni turistika, lodging jew lukanda) u bi ħsiebhom jirrisjedu hemmhekk għal aktar minn 60 jum u jkunu diġà rreġistraw post ta' residenza permanenti jew temporanju f'uffiċċju lokali tal-gvern (l-Artikolu 12(1) ZPPreb).

4.   Akkomodazzjoni fi stabbiliment tas-saħħa

L-istituzzjonijiet ta' kura tas-saħħa li jilqgħu barranin għat-trattament għandhom jinnotifikaw lill-entità kompetenti fi żmien 24 siegħa minn meta jilqgħuhom (l-Artikolu 84 Ztuj).

IS-SLOVAKKJA

L-informazzjoni ser tiġi ppubblikata aktar tard.

IL-FINLANDJA

L-Att dwar il-Barranin (301/2004) Taqsima 130 paragrafu 3

“Ċittadini ta' pajjiż barra mill-UE jew barrani kumparabbli għandu jirreġistra ma' l-awtoritajiet fi żmien tlett ijiem mid-dħul tiegħu jew tagħha fil-pajjiż. Il-Ministeru ta' l-Intern jista' jagħti dispożizzjonijiet ulterjuri dwar ir-reġistrazzjoni.”

L-IŻVEZJA

M'hemm l-ebda dispożizzjonijiet taħt l-Artikolu 21(d) ħlief il-Kapitolu 6, § 13 ta' l-Att dwar il-Barranin, li jinkludi dan li ġej:

“Kwalunkwe persuna li topera f'lukanda, boarding house f'negozju kummerċjali ta' l-akkomodazzjoni matul il-lejl, għandha tiżgura li tipprovdi dettalji dwarha nnifisha billi timla u tiffirma karta ta' reġistrazzjoni personalment. Il-Bord Nazzjonali tal-Pulizija jista' jistabbilixxi dispożizzjonijiet fir-rigward tad-dettalji li għandhom jingħataw.

Il-barrani għandu jagħti evidenza billi juri dokument ta' l-identità validu.”

L-IŻLANDA

Skond l-Artikolu 17, il-Paragrafu 1 ta' l-Att dwar il-Barranin Nru 96/2002, ċittadin ta' pajjiż terz, li jkun ingħata permess ta' residenza fl-Iżlanda, għandu jirreġistra l-preżenza tiegħu ma' l-awtoritajiet fi żmien ġimgħa. L-istess regola tapplika għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz li bi ħsiebu japplika għal permess ta' residenza jew li jkun mitlub ikun fil-pussess ta' tali permess.

IN-NORVEĠJA

Din il-kwistjoni hija rregolata permess ta' l-Att dwar l-Immigrazjoni Taqsima 23 l-ewwel paragrafu, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' preżenza wara l-qsim tal-fruntieri esterni, fejn jingħad li;

“Kwalunkwe persuna li tidħol fir-renju għandha tirreġistra minnufih ma' min jikkontrolla l-passport jew fl-eqreb awtorità tal-pulizija.”

Sussegwentement, it-Taqsima 14 l-ewwel paragrafu ta' l-Att dwar l-Immigrazzjoni li jirrigwarda r-reġistrazzjoni ma' l-awtoritajiet, tittratta l-obbligu taċ-ċittadini barranin li jirreġistraw il-preżenza tagħhom fit-territorju. Hawnhekk jiġi ddikjarat li:

“Kwalunkwe ċittadin barrani li jkun ingħata permess ta' residenza jew ta' xogħol qabel id-dħul għandu jirreġistra mal-pulizija lokali sa mhux aktar tard minn ġimgħa. L-istess japplika għal kwalunkwe ċittadin barrani li bi ħsiebu japplika għal tali permess, jew inkella jekk ikun jeħtieġu.”