31.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 27/6


Regoli ta' Proċedura tal-Konferenza tal-Kumitati dwar l-affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti ta' l-Unjoni Ewropea

(2008/C 27/02)

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma maħsuba biex iħaffu u jtejbu x-xogħol tal-Konferenza tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti ta' l-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem riferita bħala COSAC, stabbilita f'Pariġi, 16-17 ta' Novembru 1989.

Huma jistgħu jkunu applikati għal-laqgħat ta' Kumitati parlamentari oħrajn imsejħa mill-Parlament li jkollu l-Presidenza ta' l-UE.

Skond is-XXVII COSAC f'Kopenħagen mis-16-18 ta' Ottubru 2002, laqgħa straordinarja tal-COSAC fi Brussell fis-27 ta' Jannar 2003 li tkun imsaħħa l-koperazzjoni bejn il-Parlamenti Nazzjonali fl-UE, li jkunu estiżi r-regoli ta' proċedura b'regoli ġodda għal votazzjoni u li jkunu adottati linji gwida għal skrutinju parlamentari effettiv ta' gvernijiet dwar kwistjonijiet Komunitarji (Linji Gwida Parlamentari ta' Kopenħagen).

Il-membri tal-COSAC għandhom l-intenzjoni li jaħdmu għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Parlamentari ta' Kopenħagen skond il-prattika parlamentari tagħhom (1). Dawn il-linji gwida huma mniżżla f'dikjarazzjoni separata.

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura, li kienu adottati mid-XIX COSAC ta' Ateni fil-5-6 ta' Mejju 2003, jissostitwixxu r-regoli ta' proċedura li kienu adottati f'Ħelsinki fil-11-12 ta' Ottubru 1999.

1.   XOGĦOL U KOMPETENZI GĦALL- COSAC

Il-COSAC tagħmilha possibli li jkun hemm bdil regolari ta' fehmiet, mingħajr ma jkunu preġudikati l-kompetenzi ta' l-organi parlamentari ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat ta' Amsterdam li emenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati, jagħti poter lill-COSAC li tressaq kull kontribut li hija tħoss li huwa xieraq għall-attenzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u li tgħarbel l-attivitajiet, proposti u inizjattivi leġislattivi.

Il-kontributi tal-COSAC m'għandhom bl-ebda mod jorbtu lill-Parlamenti Nazzjonali jew jippreġudikaw il-pożizzjoni tagħhom.

2.   FREKWENZA U DATI TAL-LAQGĦAT

2.1.   Laqgħat ordinarji

Laqgħa ordinarja waħda tal-COSAC għandha ssir matul kull Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea wara li jkunu kunsidrati l-prattiċi parlamentari differenti ta' l-Istati Membri, ta' perjodi ta' elezzjoni u d-dati tal-btajjel pubbliċi fl-Istati Membri. Id-data tal-laqgħa li tmiss għandha tkun iffissata u mħabbra ta' l-inqas sad-data tal-laqgħa preċedenti.

2.2.   Laqgħat straordinarji

Laqgħat straordinarji tal-COSAC għandhom isiru, jekk meqjusa meħtieġa, minn maġġoranza assoluta taċ-Chairpersons tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti Nazzjonali u ta' l-organu kompetenti tal-Parlament Ewropew.

2.3.   Laqgħat taċ-Chairpersons

Laqgħa preparatorja taċ-Chairpersons tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej issir qabel il-laqgħat tal-COSAC, bi ftehim mat-Troika presidenzjali. Kull delegazzjoni hija komposta minn żewġ membri tal-Parlament rispettiv.

2.4.   Laqgħat straordinarji taċ-Chairpersons

Laqgħat straordinarji taċ-Chairpersons tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej u ta' l-organu kompetenti tal-Parlament Ewropew għandhom isiru, jekk proposti, mill-Presidenza, wara li tikkonsulta lit-Troika Presidenzjali, jew, jekk meqjusa meħtieġa, minn maġġoranza assoluta taċ-Chairpersons tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti Nazzjonali u ta' l-organu kompetenti tal-Parlament Ewropew.

2.5.   It-Troika Presidenzjali tal-COSAC

It-Troika Presidenzjali tal-COSAC hija magħmula mill-Presidenza, il-Presidenza preċedenti, il-Presidenza li tmiss u l-Parlament Ewropew. Kull delegazzjoni hija magħmula minn żewġ membri tal-Parlament rispettiv.

L-aġendi għal-laqgħat tat-Troika għandhom jiġu ċirkulati lill-Parlamenti Nazzjonali u lill-Parlament Ewropew mhux inqas minn ġimagħtejn qabel il-laqgħat, u l-minuti tal-laqgħat tat-Troika għandhom jiġu ċirkulati lill-Parlamenti Nazzjonali kollha u lill-Parlament Ewropew mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara laqgħat bħal dawn.

2.6.   Gruppi ta' xogħol

Il-COSAC tista' tiddeċiedi li toħloq grupp ta' xogħol biex jistudja kwistjoni partikulari li għandha x'taqsam ma' l-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea. Grupp ta' xogħol bħal dan għandu jitwaqqaf ukoll, jekk meqjus meħtieġ minn maġġoranza assoluta taċ-Chairpersons tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti Nazzjonali u ta' l-organu kompetenti tal-Parlament Ewropew. Iċ-Chairperson tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlament ta' l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza għandu jaġixxi bħala ċ-Chairperson tal-grupp ta' xogħol. Is-Segretarjat tal-Parlament ta' l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza għandu jipprovdi s-segretarjat għall-grupp ta' xogħol.

2.7.   Ippjanar tal-laqgħat

Il-COSAC għandha tistabbilixxi kalendarju perjodiku għal terminu fit-tul tal-laqgħat tagħha.

3.   POST TAL-LAQGĦAT

Il-laqgħat għandhom isiru fl-Istat Membru li jkollu l-Presidenza. Laqgħat straordinarji, laqgħat taċ-Chairpersons, laqgħat tat-Troika u laqgħat tal-gruppi tax-xogħol jistgħu jsiru banda oħra.

4.   KOMPOŻIZZJONI

4.1.   Laqgħat ordinarji u straordinarji

Kull Parlament Nazzjonali għandu jkun rappreżentat minn massimu ta' sitt membri tal-Kumitat(i) dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej. Il-Parlament Ewropew ikun rappreżentat minn sitt membri. Kull Parlament għandu jiddeċiedi l-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tiegħu.

4.2.   Osservaturi mill-Parlamenti tal-pajjiżi applikanti

Tliet osservaturi mill-parlamenti ta' kull pajjiż applikant ikunu mistiedna għal-laqgħat ordinarji u straordinarji.

4.3.   Osservaturi oħrajn, esperti u mistiedna speċjali

Il-Presidenza tistieden ukoll osservaturi mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, u tista' tistieden osservaturi mill-ambaxxati ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, u, wara konsultazzjoni mat-Troika Presidenzjali, speċjalisti u mistiedna speċjali.

4.4.   Aċċess pubbliku għal-laqgħat

Il-laqgħat tal-COSAC ikunu pubbliċi, jekk ma jkunx deċiż mod ieħor.

5.   KONVOKAZZJONI

Il-laqgħat ordinarji u l-laqgħat taċ-Chairpersons u tal-gruppi tax-xogħol jiġu msejħa mis-Segretarjat tal-Parlament ta' l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza.

Il-laqgħat staordinarji jissejħu mis-Segretarjat tal-Parlament ta' l-Istat Membru fejn issir il-laqgħa.

6.   TITLU TAL-LAQGĦAT

It-titlu tal-laqgħat ordinarji u straordinarji jkunu “Konferenza tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej (tal-Parlamenti Nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew) — COSAC”, bl-isem preċedut bin-numru tal-laqgħat skond is-sekwenza, segwit bid-data u l-post tal-laqgħa.

7.   AĠENDA

7.1.

Qabel l-aħħar laqgħa ordinarja ta' kull sena d-delegazzjonijiet jindikaw is-suġġetti li huma jipproponu li jkunu diskussi s-sena ta' wara. Dan is-suġġett ikun diskuss fit-tmiem tal-laqgħa. It-Troika Presidenzjali wara li tqis il-provvedimenti tal-Parti II tal-Protokoll għat-Trattat ta' Amsterdam dwar ir-Rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, tipproponi, fil-bidu ta' kull Presidenza, suġġett jew aktar magħżula mill-programm ta' xogħol tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, u l-Kummissjoni Ewropea, jew mill-proposti magħmula matul il-laqgħa riferita aktar qabel.

7.1.A.

Ix-xogħol prinċipali fuq kull abbozz ta' aġenda għandu jkollu relazzjoni mar-rwol tal-COSAC bħala organu għal bdil ta' informazzjoni, partikularment dwar l-aspetti prattiċi ta' l-iskrutinju parlamentari.

7.2.

Abbozz ta' aġenda għandu jitfassal miċ-Chairperson tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlament li jkun qed jospita l-laqgħa, wara konsultazzjoni maċ-Chairpersons tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew. Delegazzjonijiet nazzjonali jistgħu jipproponu lill-Presidenza li suġġett speċifiku jitpoġġa fuq l-aġenda.

7.3.

Il-laqgħa nnifisha tiddeċiedi fuq l-aġenda finali tagħha.

8.   TĦEJJIJA GĦAL-LAQGĦAT

8.1.

Id-delegazzjonijiet nazzjonali jistgħu jibagħtu dokumenti li għandhom x'jaqsmu mas-suġġetti ta' l-aġenda lis-segretarjat li jospita l-laqgħa.

8.2.

Id-delegazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza jista' jifformula dokumenti għad-diskussjoni mill-konferenza.

9.   LINGWI

9.1.

Kull delegazzjoni hija responsabbli għat-traduzzjoni għall-Ingliż jew għall-Franċiż ta' kull dokument li tissottometti.

9.2.

Il-parlamenti parteċipanti jirċievu d-dokumenti tal-konferenza bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Kull Parlament huwa responsabbli għat-traduzzjoni għal-lingwa nazzjonali tiegħu.

9.3.

Interpretazzjoni simultanja fil-lingwi uffiċjali ta' l-UE hija provduta matul il-laqgħat.

9.4.

Il-kontributi tal-COSAC jinkitbu f'oriġinal wieħed bl-Ingliż u bil-Franċiż; kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

10.   KONTRIBUZZJONIJIET MILL-COSAC

10.1.

Il-COSAC tista' tindirizza kontributi lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea skond il-Protokoll dwar ir-Rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta' Amsterdam.

10.2.

Kull delegazzjoni nazzjonali tista' tipproponi li Kontribut ikun adottat mill-COSAC. Abbozz ta' kontribut isir jekk ikun propost mill-Presidenza, wara konsultazzjoni mat-Troika Presidenzjali, jew jekk meqjus meħtieġ minn maġġoranza assoluta taċ-Chairpersons tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti Nazzjonali u ta' l-organu kompetenti tal-Parlament Ewropew, jew jekk deċiż f'laqgħa tal-COSAC.

10.3.

L-abbozz tal-kontribut ikun komunikat lid-delegazzjonijiet fi żmien biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-COSAC biex jagħtihom perjodu raġonevoli għal skrutinju u rimarki.

10.4.

L-abbozz finali ta' kontribut ikun imħejji fil-laqgħa taċ-Chairpersons li tippreċedi l-laqgħa rilevanti tal-COSAC. Huwa għandu jinkludi l-osservazzjonijiet u r-rimarki mid-delegazzjonijiet kollha, inklużi dikjarazzjonijiet possibli dwar il-vot.

10.5.

B'mod ġenerali, il-COSAC tfittex li tadotta kontribut b'kunsens wiesa'. Jekk dan ma jkunx possibli, il-kontribut jiġi adottat b'maġġoranza kwalifikata ta' mill-inqas

Formula

tal-voti mitfugħa. Il-maġġoranza ta'

Formula

tal-voti mitfugħa għandha fl-istess ħin tikkostitwixxi mill-inqas nofs il-voti.

10.6.

Kull delegazzjoni għandha żewġ voti.

10.7.

Wara l-adozzjoni, il-kontribut ikun publikat fil-Ġurnal Uffiċjal ta' l-Unjoni Ewropea.

11.   L-IRWOL TAL-PRESIDENT

11.1.

Il-Kumitat għall-Komunità u l-Affarijiet Ewropej ta' l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollu wkoll il-Presidenza tal-COSAC għat-tul tal-Presidenza.

11.2.

Is-Segretarjat tal-Parlament li jkun qed jorganizza l-laqgħat għandu jipprepara d-dokumenti għal-laqgħat. Is-segratarjat tal-COSAC għandu jkun ta' għajnuna.

11.3.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Komunità u l-Affarijiet Ewropej tal-Parlament li jkun qed jorganizza l-laqgħa għandu jiftaħ id-dibattitu.

11.4.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Komunità u l-Affarijiet Ewropej tal-Parlament li jkun qed jorganizza l-laqgħa għandu jipproponi skeda għal-laqgħa u t-tul tad-diskorsi, li għandu jkun ta' erba' minuti sakemm ma' jiġix deċiż mod ieħor waqt il-laqgħa.

11.5.

Is-Segretarjat tal-Parlament li qed jorganizza l-laqgħa għandu jieħu l-minuti fil-qosor tal-laqgħa. L-abozz jiġi pprovdut mis-Segretarjat tal-COSAC.

11.6.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Komunità u l-Affarijiet Ewropej tal-Parlament li jkun qed jorganizza l-laqgħa għandu jippreżenta l-konklużjonijiet tad-dibattitu, kif miġbura mit-Troika Presidenzjali.

11.7.

Is-Segretarjat tal-Parlament li jkollu l-Presidenza għandu jipprovdi s-segretarjat għall-attivitajiet tal-COSAC kemm idum fil-kariga. Is-Segretarjati tal-Parlamenti Nazzjonali u tal-Parlament Ewropew għandhom jipprovdu għajnuna.

11.A   IS-SEGRETARJAT TAL-COSAC

Is-Segretarjat tal-COSAC għandu jkun magħmul minn uffiċjali tal-Parlamenti tat-Troika Presidenzjali, u minn membru permanenti li jgħin lis-Segretarjat fl-attivitajiet tiegħu.

L-uffiċjali mill-Parlamenti tat-Troika Presidenzjali għandhom jinħatru minn kull wieħed mill-parlamenti rilevanti għal perjodu ta' tmintax-il xahar, li ma jiġġeddidx.

Il-membru permanenti għandu jinħatar miċ-Chairpersons tal-COSAC fuq proposta tat-Troika Presidenzjali. Huwa jew hija għandhom ikunu uffiċjali ta' Parlament Nazzjonali u għandhom jibqgħu fil-kariga għal sentejn bil-possibilità li l-kariga tiġġedded darba oħra.

Is-Segretarjat tal-COSAC għandu jgħin lill-Presidenza u lis-Segretarjat tal-Parlament li qed jorganizza fix-xogħol kollu tiegħu. Il-membri tas-Segretarjat tal-COSAC għandhom iwettqu dmirijiethom taħt ir-responsabilità politika tal-Presidenza tal-COSAC u tat-Troika Presidenzjali jew skond id-deċiżjonijiet li jittieħdu waqt il-laqgħat tal-COSAC. Il-membru permanenti għandu jikkordina l-attivitajiet tas-Segretarjat tal-COSAC taħt id-direzzjoni tal-parlament li jkollu l-Presidenza.

L-ispejjeż ta' l-issekondar tal-membru permanenti tas-Segratarjat fi Brussell u spejjeż tekniċi oħra meħtieġa mis-Segretarjat huma koperti b'mod konġunt minn parlamenti li jixtiequ jikkontribwixxu. L-ammont u l-kundizzjonijiet tal-ħlas għall-ispiża kofinanzjata huma definiti fi ftehima bejn il-parlamenti li qed jipparteċipaw.

12.   KONKLUŻJONIJIET TAD-DIBATTITU

Jekk laqgħa tiddeċiedi li toħroġ komunikat, abbozz, li miegħu jkollu annessi xi kontributi adottati, jinkiteb mit-Troika Presidenzjali.

13.   LIL MIN JINTBAGĦTU L-KOMUNIKATI

Il-komunikati jintbagħtu mis-Segretarjat tal-Parlament li jkun qed jospita lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, u lill-Kummissjoni Ewropea.

14.   REVIŻJONI TAR-REGOLI TA' PROĊEDURA

14.1.

Il-proposti għal reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura għandhom jintbagħtu, bil-kitba, minn waħda jew aktar mid-delegazzjonijiet lill-Parlamenti Nazzjonali kollha ta' l-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew mill-inqas xahar qabel il-laqgħa tal-COSAC.

14.2.

Il-proposti għal reviżjoni tar-regoli għandhom jitpoġġew fuq l-aġenda ta' l-ewwel laqgħa tal-COSAC wara l-preżentazzjoni tal-proposta.

14.3.

L-adozzjoni tal-proposti teħtieġ unanimità bejn id-delegazzjonijiet preżenti għal-laqgħa. Astensjonijiet minn delegazzjonijiet ma jimpedixxux l-adozzjoni tal-proposta.

14.4.

Il-kworum huwa mill-anqas 2/3 tad-delegazzjonijiet.

14.5.

Kull delegazzjoni għandha vot wieħed.

15.   DĦUL FIS-SEĦĦ

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jidħlu fis-seħħ hekk kif ikunu publikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma jinkitbu f'oriġinal wieħed bl-Ingliż u bil-Franċiż, kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

It-test ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura iridu, għall-awtentikazzjoni ta' dawn, jinkitbu bl-Ispanjol, Ċek, Daniż, Ġermaniż, Eston, Grieg, Ingliż, Franċiż, Taljan, Latvjan, Litwan, Ungeriż, Malti, Olandiz, Pollakk, Portugiż, Slovakk, Sloven, Finlandiż u Svediz. It-traduzzjonijiet ikunu maqbula bejn il-Parlamenti Nazzjonali li jużaw dawk il-lingwi u l-Parlament Ewropew. F'kull kwistjoni relatata ma' l-interpretazzjoni ta' dawn ir-Regoli l-verżjonijiet Ingliżi u Franċiżi biss jkollhom status uffiċjali.


(1)  Kif jintqal fil-protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali, huwa għal kull wieħed mill-Parlamenti nazzjonali li jiddeċiedi safejn għandu jimplimenta l-linji gwida publikata bħala “Linji Gwida Parlamentari ta' Kopenħagen” fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropej C 154 tat-2 ta' Lulju 2003.


ANNESS

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar Regola 10.5 tar-Regoli ta' Proċedura

Il-Parlament Ewropew jista' jastjeni f'kull vot fuq kontribuzzjoni li hija indirizzata lilhu.