19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 324/31


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel

(2008/C 324/13)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet kollha ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“BATATA DOCE DE ALJEZUR”

Nru tal-KE: PT-PGI-0005-0517-03.01.2005

DPO ( ) IĠP ( X )

Dan is-sommarju jagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Id-dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Gabinete de Planeamento e Políticas

Indirizz:

Rua Padre António Vieira n.o 1

P-1099-073 Lisboa

Tel.

(351) 213 819 300

Feks

(351) 213 876 635

Indirizz tal-posta elettronika:

gpp@gpp.pt

2.   Il-grupp:

Isem:

Associação de Produtores de Batata Doce de Aljezur

Indirizz:

Largo 1o de Maio n.o 3

Tel.

(351) 282 990 010

Feks

(351) 282 990 011

Indirizz tal-posta elettronika:

rogerio.rosa@cm-aliezur.pt

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

3.   It-tip ta' prodott:

Il-kategorija 1.6 — Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali tagħhom jew ipproċessati

4.   Speċifikazzjoni:

(Sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   L-isem

“Batata doce de Aljezur”

4.2.   Id-deskrizzjoni

Il-“Batata doce de Aljezur” (patata ħelwa ta' Aljezur) hija l-għerq sekondarju u speċjalizzat, imlaħħam u tuberuż tal-pjanta Ipomoea batatas (L.) (sin. Batatas edulis) tal-varjetà Lira, mill-familja tal-Convolvulaceae. Għandha forma ta' lanġasa tawwalija, bil-qoxra vjola jew kannella jagħti fl-aħmar, u b'laħam isfar. Id-daqs tagħha jvarja bejn 8,5 b'4,0 ċm u 16,5 b'7,1 ċm, u tiżen bejn 50 u 450 g. Għandha togħma ħelwa u konsistenza ftit li xejn fibruża. Meta tittiekel nejja, it-togħma tagħha tixbah lil dik tal-qastan.

4.3.   Iż-żona ġeografika

Fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi tat-tkabbir tal-“Batata doce de Aljezur”, tal-varjetà li tintuża tradizzjonalment, tal-kundizzjonijiet meħtieġa tal-ħamrija u tal-klima, u tal-għarfien espert speċifiku tal-popolazzjoni lokali, iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tal-ippakkjar hija limitata għall-muniċipalità ta' Aljezur fil-provinċja ta' Faro, u għal-lokalitajiet ta' São Teotóneo, São Salvador, Zambujeira do Mar, Longueira-Almograve, u Vila Nova de Milfontes tal-muniċipalità ta' Odemira, fil-provinċja ta' Beja.

4.4.   Il-prova tal-oriġini

Minbarra l-karatteristiċi speċifiċi li jorbtu l-prodott mar-reġjun tal-oriġini tiegħu, ġiet implimentata sistema ta' traċċabbiltà. L-azjendi agrikoli u l-impjanti ta' preparazzjoni u ppakkjar iridu jkunu fiż-żona ġeografika msemmija hawn fuq, u għandhom ikunu awtorizzati mill-għaqda tal-produtturi wara rakkomandazzjoni mill-korp ta' spezzjoni. Kull stadju tal-proċess ta' produzzjoni, mill-azjenda agrikola sal-punt tal-bejgħ tal-prodott, huwa suġġett għal verifiki biex tiġi żgurata l-konformità mal-prattiki meħtieġa tat-tkabbir, tal-preparazzjoni u tal-ippakkjar. L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) tista' tintuża biss għall-prodotti bil-karatteristiċi msemmija hawn fuq, u li l-proċeduri tal-produzzjoni tagħhom ikunu ġew ivverifikati. Il-marka ta' ċertifikazzjoni hija nnumerata, ħaġa li tiggarantixxi t-traċċabbiltà sħiħa tal-prodott. Il-prova tal-oriġini tista' tiġi vverifikata fi kwalunkwe stadju matul il-proċess ta' produzzjoni.

4.5.   Il-metodu ta' produzzjoni

Il-ħamrija tinħadem u tinħarat ħafif, u jintuża fertilizzant organiku. Il-mixtla titħejja fi Frar, bl-għeruq jitħawlu bejn 10 u 15-il ċm taħt l-art, kull wieħed f'roqgħa għalih ta' 50 b'60 ċm. It-trasferiment lejn iż-żona aħħarija tat-tkabbir isir f'April jew f'Mejju, bit-tħawwil ta' qtajja' miz-zokk ta' tul ta' 25 ċm, kull waħda f'roqgħa għaliha ta' 20 b'65 ċm, b'saqi ħafif. Il-kontroll tal-ħaxix ħażin isir bit-tnaqqija. Is-soltu, is-saqi ma jkunx meħtieġ. Il-pjanta tibqa' fl-art għal madwar erba' xhur. Il-ħsad isir l-aktar f'Ottubru, meta l-għeruq ikunu laħqu l-maturità u ma jkunx fadal wisq indewwa fil-ħamrija. Wara l-ħsad, il-patata ħelwa titħalla tinxef fuq l-art għal madwar tmint ijiem, b'mod li jiffavorixxi l-għeluq u l-fejqan ta' kwalunkwe ġrieħi li jista' jkun hemm. Wara dan, il-patata ħelwa tinħasel biex jitneħħewlha l-ħamrija żejda u impuritajiet oħrajn. Il-patata l-ħelwa tinħażen f'post frisk u arjuż, b'temperatura medja ta' bejn it-13 u 14 °C. L-għażla u l-ippakkjar isiru fir-reġjun tal-oriġini, mhux biss biex jinżammu baxxi l-ispejjeż tal-produzzjoni u biex tiġi żgurata l-effiċjenza u l-effettività tal-kontroll tal-kwalità u tat-traċċabbiltà tal-prodott, iżda wkoll u fuq kollox għax il-prodott huwa estremament sensittiv għall-manipulazzjoni u għat-trasport. Il-patata ħelwa faċilment trabbi n-nekrożi, li tolqot ħażin il-kwalità, id-dehra u ż-żamma tal-prodott.

4.6.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

Ir-raħal ta' Aljezur twaqqaf mill-Għarab fis-seklu X, u nħakem mill-Mori fl-1249. Skont il-leġġenda (minkejja li din ma taqbilx mal-istorja jew mad-data li fiha ddaħħlet il-patata ħelwa fl-Ewropa), il-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġakbu, immexxija minn Dun Paio Peres Correia, kienu jixorbu xarba magħmula mill-patata ħelwa qabel kull battalja importanti. Il-Mori baqgħu mgħaġġba bis-saħħa tal-invażjoni u bil-mod kif il-Kavallieri rebħu l-kastell, li kien tant malajr li l-Mori ma setgħux jirreaġixxu. Il-konkwista saret fl-1249, u skont il-leġġenda, ix-xarba li wasslet għal din ir-rebħa grandjuża ma kinitx għajr il-famuża “feijoada de batata doce de Aljezur” (l-istuffat tal-ful u tal-patata ħelwa ta' Aljezur). Hijiex vera jew le din l-istorja, l-oriġini tal-patata ħelwa f'Aljezur intesiet maż-żmien, fatt li juri t-tradizzjoni twila tal-patata ħelwa fir-reġjun u fid-drawwiet gastronomiċi tal-popolazzjoni lokali. Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-patata ħelwa jitnisslu mill-metodi ta' tkabbir tal-bdiewa (mill-għarfien espert tagħhom), kif ukoll mill-kundizzjonijiet naturali tar-reġjun: l-art bid-duni b'ħamrija b'minerali li jgħaddu mill-wiċċ għas-saff ta' taħt, b'saff ta' taħt tat-tafal miksi bir-ramel, u l-klima partikularment oċeanika li tiddomina l-medda dejqa tax-xatt, misqija wkoll mix-xmara Mira. Dawn il-kundizzjonijiet jinsabu biss fiż-żona ta' produzzjoni msemmija aktar 'il fuq; anke fl-artijiet tal-madwar, il-klima u t-tip tal-ħamrija huma differenti ħafna. F'dak li għandu x'jaqsam mal-patata ħelwa, Aljezur igawdi fama kbira, kif wieħed jintebah per eżempju mill-prezzijiet li l-prodott jilħaq fis-swieq, mit-tentattivi ta' abbuż tal-isem, mill-bosta referenzi għalih fil-letteratura u mill-ħafna attivitajiet li jsiru b'omaġġ għall-prodott. Ir-reputazzjoni tal-patata ħelwa ta' Aljezur mhijiex xejra riċenti li titnissel mid-domanda sporadika u ċirkustanzjali għall-prodott. Il-patata ħelwa hija perfettament adattata għall-kundizzjonijiet naturali taż-żona kkonċernata, u hija marbuta mill-qrib mat-tradizzjoni lokali, tant li l-oriġini tagħha maż-żmien intesiet. Ir-raġuni għala għadha popolari sal-lum qiegħda fil-karatteristiċi partikulari tal-prodott (ħelwa, ratba u ftit li xejn fibruża), karatteristiċi magħrufa sew mill-konsumaturi, li jippreferu l-patata ħelwa tal-varjetà Lira prodotta f'dan ir-reġjun pjuttost milli dawk impurtati minn naħat oħra tad-dinja.

4.7.   Il-korp ta' spezzjoni:

Isem:

AP AG AL — Associação para os Produtos Agro — Alimentares Tradicionais Certificados do Algarve

Indirizz:

Rua Mouzinho de Albuquerque, n.o 1A r/c

P-8000-397 Faro

Tel.

(351) 289 804 532

Feks

(351) 289 804 533

Indirizz tal-posta elettronika:

Dora.guerreiro@clix.pt

L-għaqda AP AG AL hija għaqda rrikonoxxuta, iċċertifikata skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard 45011:2001.

4.8.   It-tikkettar

It-tikketta għandu jkun fiha l-kliem “Batata doce de Aljezur — Indicação Geográfica Protegida”, il-logo korrispondenti Ewropew (wara r-reġistrazzjoni), kif ukoll il-logo tal-prodott li jidher hawn taħt:

Image

Minbarra dan il-kliem u irrispettivament mill-preżentazzjoni kummerċjali tal-prodott, għandha tidher dejjem il-marka taċ-ċertifikazzjoni tal-OPC (il-korp privat ta' kontroll u ta' ċertifikazzjoni).

L-isem, jew l-isem tal-kumpanija, u l-indirizz tal-produttur ma jistgħux jinbidlu b'isem xi organizzazzjoni oħra, anki jekk din tkun responsabbli għall-prodott jew għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu. L-isem użat għall-bejgħ (“Batata doce de Aljezur — IGP”) ma għandu jkun segwit mill-ebda indikazzjoni jew referenza oħra, lanqas mill-marki kummerċjali tad-distributuri jew ta' entitajiet oħrajn.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.