5.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 310/23


Avviż ippubblikat skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ COMP/B-1/39.402 — Esklużjoni mis-suq tal-Gass minn RWE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 310/09)

1.   DAĦLA

1.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi — f'każijiet fejn ikun biħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm u l-partijiet ikkonċernati joffru rabtiet biex jindirizzaw it-tħassib espress mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha — li tagħmel dawk ir-rabtiet vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li m'għadx hemm aktar raġuni għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tar-rabtiet. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   SOMMARJU TAL-KAŻ

2.

Fil-15 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat stima preliminari skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar ksur allegat minn RWE AG, Essen u s-sussidjarji tagħha fis-swieq Ġermaniżi tal-gass (“RWE”).

3.

Skont l-istima preliminari RWE għandha pożizzjoni dominanti fis-suq(swieq) tat-trasport tal-gass fiż-żona tan-netwerk tagħha. L-istima preliminari esprimiet it-tħassib li RWE setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha skont l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE, b'mod partikolari permezz tar-rifjut tagħha li tforni servizzi tat-trażmizzjoni tal-gass lil partijiet terzi u permezz ta' mġiba li kellha l-għan li tnaqqas il-marġni tal-kompetituri tagħha li huma iktar 'l isfel fil-katina tal-forniment tal-gass (“pressjoni fuq il-marġni”).

3.   IL-KONTENUT PRINĊIPALI TAR-RABTIET OFFRUTI

4.

RWE ma taqbilx mal-istima preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu offriet rabtiet skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-elementi ewlenin tar-rabtiet jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej:

5.

RWE se ċċedi n-negozju attwali tagħha fis-sistema Ġermaniża tat-trażmizzjoni tal-gass lil xerrej xieraq li m'għandux iqajjem tħassib prima facie dwar il-kompetizzjoni. RWE hija, b'mod partikolari, impenjata li ċċedi:

in-netwerk Ġermaniż tagħha ta' trażmissjoni ta' gass bi pressjoni għolja, b'tul totali ta' madwar 4 000 km. Dan jikkorrispondi għan-netwerk Ġermaniż kollu ta' gass bi pressjoni għolja li hu attwalment ta' RWE, bl-eċċezzjoni ta' xi partijiet min-netwerk fiż-żona ta' Bergheim (tul: madwar 100 km) (2) Fil-każ ta' partijiet tan-netwerk li bħalissa mhumiex il-proprjetà esklussiva ta' RWE iżda li huma f'koproprjetà ma' partijiet oħrajn, RWE timpenja ruħha li ċċedi s-sehem kollu tagħha;

tagħmir awżiljarju neċessarju għall-operazzjoni tan-netwerk ta' trażmissjoni (bħal faċilitajiet għall-kondizzjonament tal-gass fi Broichweiden u Hamborn, dispatching centre [Prozessleitsystem] eċċ.);

assi intanġibbli neċessarji għall-operazzjoni tan-netwerk ta' trażmizzjoni (bħal softwer għad-dispatching centre, kuntratti u liċenzji);

6.

RWE timpenja wkoll ruħha li tforni lix-xerrej, għal perjodu limitat ta' mhux aktar minn ħames snin tal-gass wara li tingħalaq iċ-ċessjoni, servizzi awżiljari neċessarji għall-operazzjoni tan-netwerk ta' trażmissjoni, bħall-forniment ta' servizzi ta' flessibbiltà tal-gass.

7.

In-negozju jkun mgħammar b'persunal u bil-persunal ewlieni meħtieġ għall-operazzjoni tan-netwerk ta' trażmissjoni.

8.

It-test sħiħ tar-rabtiet huwa ppubblikat bil-Ġermaniż fuq il-websajt tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fuq:

http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

4.   STEDINA BIEX JITRESSQU KUMMENTI

9.

Il-Kummissjoni biħsiebha, soġġett għall-ittestjar tas-suq, tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) 1/2003 li tiddikkjara r-rabtiet li jinsabu fis-sommarju hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, bħala vinkolanti.

10.

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rabtiet proposti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tistaqsi lill-partijiet interessati biex jikkummentaw fuq il-kwistjoni dwar jekk l-assi u d-drittijiet li RWE qed toffri li tittrasferixxi lix-xerrej (arahom fid-dettal fl-Iskeda 1-6) humiex biżżejjed biex jiggarantixxu l-vijabbiltà tan-negozju u, jekk xi elementi huma meqjusa li huma nieqsa, biex jiddeskrivu dawn l-elementi fid-dettall. Dawn l-osservazzjonijiet għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati huma wkoll mitluba li jissottomettu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, fejn għandhom jitħassru s-sigrieti kummerċjali u siltiet kunfidenzjali oħrajn u jiġu ssostitwiti kif meħtieġ b'sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem 'sigrieti kummerċjali' jew 'kunfidenzjali'. Talbiet leġittimi ser ikunu rispettati.

11.

L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni taħt in-numru ta' referenza COMP/B-1/39.402 — RWE esklużjoni mis-suq, bl-e-mail (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), bil-faks ((32-2) 295 01 28) jew bil-posta f'dan l-indirizz:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Antitrust

B-1049 Bruxelles/Brussell


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1-25).

(2)  Dawn il-100 km ta' netwerk ta' trażmissjoni jistgħu, skont RWE, ma jiġux ċeduti ekonomikament lil xerrej terz billi m'hemmx biżżejjed faċilitajiet ta' kejl għall-flussi tal-gass lil partijiet 'il isfel tal-grid f'din iż-żona, ara l-Iskeda 4 tat-test dwar ir-rabtiet.