4.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 309/27


Avviż mill-Gvern tar-Renju Unit dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi (idrokarbonji)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 309/08)

It-tħabbir ta' offerta mhux komuni ta' mal-kosta tar-Renju Unit (lejn l-art) dwar iż-żona lejn l-art li tinsab 'il fuq mill-marka tal-livell baxx tal-ilma fil-blokka tal-Istħarriġ tal-Ordinanza SU60 tar-Renju Unit

Id-Dipartiment għan-Negozju, l-Intrapriża u r-Riforma Regolatorja

Il-“Petroleum Act tal-1998” (L-Att dwar iż-Żejt mhux raffinat)

Opportunità ta' Liċenzji għal mal-kosta

1.

Is-Segretarju tal-Istat għan-Negozju, l-Intrapriża u r-Riforma Regolatorja (il-BERR) jistieden lill-persuni interessati biex japplikaw għal Liċenzji għall-Esplorazzjoni u l-Iżvilupp taż-Żejt mhux raffinat fir-rigward taż-żona lejn l-art li tinsab 'il fuq mill-marka tal-livell baxx tal-ilma fil-blokka tal-istħarriġ tal-ordinanza SU60 tar-Renju Unit.

2.

Mappa taż-żona li qed tiġi offruta ġiet iddepożitata għand il-BERR, 1 Victoria Street, London, SW1H 0ET. Il-mappa tista' tiġi spezzjonata billi jsir appuntament minn qabel (in-nru tat-tel. (44-207) 215 50 32, in-nru tal-feks (44-207) 215 50 70) bejn id-9.15 a.m. u l-4.45 p.m. mit-Tnejn sal-Ġimgħa matul il-perjodu ta' dan l-avviż. Il-mappa hija disponibbli wkoll fuq is-sit tal-internet taż-żejt u tal-gass tal-BERR (ara hawn taħt).

3.

Id-dettalji sħaħ tal-offerta, inklużi mappa tal-art li qed tiġi offruta u tagħrif dwar il-liċenzji, it-termini li se jinkludu dawk il-liċenzji, u kif wieħed għandu japplika, huma disponibbli fis-sit tal-internet tal-“Energy Development Unit” (l-Unità dwar l-Iżvilupp tal-Enerġija) (l-EDU):

http://www.og.berr.gov.uk

4.

L-applikazzjonijiet kollha se jiġu ġġudikati skont il-“Petroleum (Production)(Landward Areas) Regulations” 1995 (S.I. 1995 Nru 1436) u l-“Hydrocarbons Licensing Directive Regulations” 1995 (S.I. 1995 Nru 1434), u fl-isfond tal-ħtieġa kontinwa għal esplorazzjoni bla telf ta' żmien, komprensiv, effiċjenti u sikur biex jiġu identifikati r-riżorsi taż-żejt u tal-gass fi ħdan il-gżira ewlenija tar-Renju Unit.

5.

L-applikazzjonijiet se jiġu ġġudikati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-vijabilità finanzjarja tal-applikant u l-kapaċità finanzjarja tiegħu li jwettaq l-attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenzja waqt il-perjodu inizjali, inkluż il-programm ta' ħidma mressaq għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona fi ħdan il-blokka li saret l-applikazzjoni għalih;

(b)

il-kapaċità teknika tal-applikant li jwettaq attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenzja waqt il-perjodu inizjali, inkluż l-identifikazzjoni ta' prospetti ta' idrokarbonji fi ħdan il-blokka li saret l-applikazzjoni għalih. Il-kapaċità teknika se tiġi vvalutata parzjalment fuq il-kwalità tal-analiżi relatata mal-blokka li saret l-applikazzjoni għalih.

(c)

il-mod li bih l-applikant jipproponi li jwettaq l-attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenzja, inkluż il-kwalità tal-programm ta' ħidma imressaq għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona li saret l-applikazzjoni għaliha;

(d)

fejn l-applikant ikollu jew kellu liċenzja mogħtija taħt jew ittrattata daqslikieku ngħatat taħt il-“Petroleum Act” tal-1998, kwalunkwe nuqqas ta' effiċjenza u ta' responsabbiltà murija mill-applikant f'operazzjonijiet skont dik il-liċenzja.

6.

Is-Segretarju tal-Istat mhuwiex se jagħti liċenzja jekk fl-istess ħin ma jkunx lest japprova lill-operatur li jkun għażel l-applikant. Qabel ma japprova operatur, is-Segretarju tal-Istat għandu jkun sodisfatt li dak li ġie nnominat ikun kompetenti fl-ippjanar u fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' tħaffir, f'termini tal-għadd, tal-esperjenza u tat-taħriġ tal-persunal tiegħu, fil-proċeduri u l-metodoloġiji proposti, fit-tfassil tal-istruttura tal-kmand tiegħu, fir-relazzjonijiet mal-kuntratturi u fl-istrateġija kumplessiva tal-kumpanija. Meta jkun qed jikkunsidra operatur propost, is-Segretarju tal-Istat se jqis kemm informazzjoni ġdida ppreżentata fl-applikazzjoni kif ukoll ir-rekord ta' dak li ġie nnominat bħala operatur, kemm fi ħdan ir-Renju Unit kif ukoll 'il barra minnu.

7.

Wieħed jista' jara l-gwida komprensiva dwar din l-offerta fis-sit tal-internet tal-“Energy Development Unit” (l-Unità dwar l-Iżvilupp tal-Enerġija) (l-EDU):

http://www.og.berr.gov.uk/

Il-liċenzji

8.

L-applikanti għandhom iqisu li s-Segretarju tal-Istat jista' joffri kwalunkwe liċenzja skont termini emendati biex tirrifletti ċirkustanzi partikolari.

9.

F'każ fejn is-Segretarju tal-Istat joffri liċenzja skont din l-istedina, l-offerta se ssir fi żmien tnax-il xahar mid-data ta' dan l-Avviż.

10.

Is-Segretarju tal-Istat ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà għal kwalunkwe spejjeż imġarrba mill-applikant meta dan iqis l-applikazzjoni tiegħu jew meta japplika.

Valutazzjoni Strateġika Ambjentali

11.

Il-BERR wettaq Valutazzjoni Strateġika Ambjentali li, fost żoni oħra, tkopri ż-żona li se tiġi offruta għall-istandard rikjest fid-Direttiva 2001/42/KE dwar il-Valutazzjoni tal-Effetti ta' Ċerti Pjanijiet u Programmi fuq l-Ambjent. Wieħed jista' jsib il-valutazzjoni fis-sit tal-internet tal-“Energy Development Unit” (l-Unità dwar l-Iżvilupp tal-Enerġija) (l-EDU):

http://www.og.berr.gov.uk/