22.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 184/42


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel

(2008/C 184/11)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“OVOS MOLES DE AVEIRO”

Nru tal-KE: PT-PGI-005-0518-03.01.2006

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   DIPARTIMENT RESPONSABBLI FL-ISTAT MEMBRU:

Isem:

Gabinete de Planeamento e Políticas

Indirizz:

Rua Padre António Vieira, n.o 1-8°

P-11099-073 Lisboa

Tel.

(351) 213 81 93 00

Feks

(351) 213 87 66 35

Posta elettronika:

gpp@gpp.pt

2.   APPLIKANT:

Isem:

Associação dos produtores de ovos moles de Aveiro

Indirizz:

Mercado Municipal Santiago

R. Ovar n.o 106 — 1o AA,AB

P-3800 Aveiro

Tel.

(351) 234 42 88 29

Feks

(351) 234 42 30 76

Posta elettronika:

apoma@sapo.pt

Kompożizzjoni:

produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   TIP TA' PRODOTT:

Klassi 2.4. — Prodotti tal-ħobż, prodotti tad-dulċiera, ħelu, galletti u gallettini.

4.   SPEĊIFIKAZZJONI:

(Sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Ovos Moles de Aveiro”

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott: L-“Ovos Moles de Aveiro” huma prodott miksub mit-taħlit ta' l-isfar tal-bajd nej mal-ġulepp taz-zokkor. Jistgħu jiġu ppreżentati kif inhuma, imgeżwra f'karta ta' l-ostji, jew ġewwa reċipjenti ta' l-injam jew tal-porċellana. Għandhom lewn uniformi li jvarja mill-isfar għall-oranġjo, ileqq u mhux karg wisq, b'aroma kumplessa ta' l-isfar tal-bajd li ssir riħa karatteristika, bi ħjiliet ta' aromi varji, fosthom tal-karamella, tal-kannella u tal-ġewż, li jitnisslu mir-reazzjonijiet kimiċi li jsiru waqt it-tisjir tat-taħlita bejn iz-zokkor u l-elementi ta' l-isfar tal-bajd. It-togħma tal-prodott hija ħelwa, bit-togħmiet ta' l-isfar tal-bajd u taz-zokkor jiddgħajfu mill-proċess tat-tisjir, u l-prodott huwa kremuż iżda uniformi. Il-konsistenza hija uniformi, mingħajr frak ta' l-isfar tal-bajd jew taz-zokkor (anki jekk dawn il-frak huma tollerabbli ftit jiem wara l-produzzjoni, għax huma r-riżultat tal-kristalizzazzjoni tal-prodott). Il-karta ta' l-ostji li tintuża għall-preżentazzjoni kummerċjali għandha kulur omoġenju, bi sfumaturi varji bejn l-abjad u l-krema, opak u mdellel, u bla aroma ta' xejn, għajr aktarx xi ħjiel tad-dqiq. Il-karta ta' l-ostji għandha togħma sui generis, b'konsistenza plastika li titfarrak faċilment u tinħass niexfa, lixxa u uniformi.

4.3.   Żona ġeografika: Fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi meħtieġa għall-isfar tal-bajd, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-lewn u l-grad ta' friskizza, iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-bajd hija limitata għall-muniċipji li jmissu ma' Ria de Aveiro u l-inħawi tal-laguni fil-madwar, kif ukoll il-muniċipji tal-Médio Vouga. Mil-lat amministrattiv, din iż-żona tinkludi l-muniċipji ta' Águeda, Albergaria-a-Velha, Aveiro, Estarreja, Ílhavo, Mira, Murtosa, Oliveira de Frades, Ovar, S. Pedro do Sul, Sever do Vouga, Tondela, Vagos u Vouzela.

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet u l-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima meħtieġa għall-produzzjoni tal-karta ta' l-ostji u tal-“ovos moles” (bajd artab), speċjalment f'dak li jirrigwarda l-umdità, it-temperatura atmosferika u l-għarfien espert meħtieġ, iż-żona ġeografika tal-produzzjoni u ta' l-ippakkjar tal-karta ta' l-ostji hija limitata għall-muniċipji li jmissu ma' Ria de Aveiro u ż-żoni ta' laguni fil-madwar. Mil-lat amministrattiv, din iż-żona tinkludi l-muniċipji ta' Águeda, Albergaria-a-Velha, Aveiro, Estarreja, Ílhavo, Mira, Murtosa, Ovar, Sever do Vouga u Vagos.

4.4.   Prova ta' l-oriġini: Il-karatteristiċi tal-prodott innifsu, partikularment dawk fiżiċi u sensorjali; il-materja prima ta' kwalità speċjali li toriġina mir-reġjun imsemmi; l-għarfien espert tal-produtturi li ilhom is-sekli jiżvolġu din l-attività skond tradizzjoni storika li tintiret minn ġidd għal ġidd; il-forom varji ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, f'reċipjenti ta' l-injam jew tal-porċellana, miżbugħa bi stampi li jalludu għar-reġjun ta' Aveiro, jew imġeżwra f'karti ta' l-ostji f'forom marbutin mal-laguna (ħut, granċijiet, kozzi, bebbux, bronji, btieti ta' l-injam, bagi tal-baħar, bwieq ta' bastimenti, bramel u arzelli) jew f'forma ta' ġewża (ġellewż u qastan) — kollha kemm huma juru r-rabta tal-prodott mar-reġjun ta' l-oriġini. Bl-istess mod, l-eżistenza ta' sistema ta' kontroll li tkopri l-katina kollha tal-produzzjoni, inklużi l-azjendi li jipproduċu l-bajd, il-produtturi tal-karti ta' l-ostji u l-prodotturi tal-bajd artab, tiggarantixxi li l-IĠP tintuża biss fuq il-prodotti aħħarija ta' dawk il-produtturi li huma konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards deskritti. Il-marka taċ-ċertifikazzjoni mqiegħda fuq kull pakkett jew indikata fid-dokumenti ta' bejgħ tal-produtturi u tal-bejjiegħa tiġi numerata, b'mod li tippermetti traċċabbiltà totali sal-prodotturi tal-bajd. Il-prova ta' l-oriġini hija evidenti f'kull ħin, u tul il-katina produttiva kollha kemm hi.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni: Skond il-metodi ta' produzzjoni lokali, li baqgħu leali għat-tradizzjoni mal-milja taż-żmien, l-isfar tal-bajd jinfired mill-abjad bil-galbu, bl-idejn jew bl-għajnuna ta' strument xieraq. Fl-istess ħin u apparti, isir ġulepp taz-zokkor, billi jissaħħan iz-zokkor sakemm jilħaq punt bejn pasta viskuża u konsistenza rqiqa li tixbah ix-xagħar. Wara t-tberrid, l-isfar tal-bajd jiżdied mal-ġulepp taz-zokkor. Din it-taħlita tissajjar f'temperatura ta' 110 °C, u t-teknika li biha ssir din l-operazzjoni hija determinanti. Wara dan, l-għaġina titħalla tiksaħ u toqgħod għal 24 siegħa, ġewwa fuklari jew post ieħor xieraq tal-“laboratorji” tad-dulċiera. Dan għaliex matul dan l-istadju, l-għaġina ta' l-Ovos Moles de Aveiro hija sensibbli ħafna għall-bidliet f'daqqa fit-temperatura u tassorbi faċilment l-irwejjaħ barranija.

Minn dan l-istadju, u skond il-preżentazzjoni aħħarija magħżula, l-għaġina mkessħa tista' tintuża:

biex timla l-btieti, li mbagħad jingħalqu b'għatu u b'tertuqa li tista' titneħħa (bħal cling film), bil-għan li l-prodott ikun iżolat u protett,

biex timla l-ostji, li mbagħad jitwaħħlu u jiġu ċċattjati fi pressa manwali, mingħajr ma jintuża għat-twaħħil l-abjad tal-bajd mhux pasterizzat. Wara dan, isiru l-forom tal-karti ta' l-ostji billi jitqattgħu kemm kemm bi mqass b'mod perpendikulari, skond id-disinji varji. Il-figuri jitqiegħdu fuq tilari u jitħallew jinxfu f'fuklar (jekk meħtieġ), u jistgħu jinksew bil-ġulepp bħala protezzjoni addizzjonali kontra kull modifikazzjoni,

biex titqiegħed ġo kikkri għall-bejgħ bl-ingrossa.

Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-prodott, biex tiġi evitata kwalunkwe kontaminazzjoni jew modifikazzjoni ta' l-għaġina jew tal-karti ta' l-ostja, għall-bejgħ kummerċjali, l-“Ovos Moles de Aveiro” jiġu ppakkjata fil-post ta' l-oriġini, fi btieti bil-forom, il-materjal u d-disinji awtorizzati, jew f'kartun jew f'atmosfera kkontrollata, bil-mudelli approvati mill-grupp applikanti. Il-preżentazzjoni kummerċjali ta' l-“Ovos Moles de Aveiro” bl-ingrossa, bil-karta ta' l-ostji jew mingħajrha, hija awtorizzata biss fl-istabbilimenti tad-dulċiera, u tiġi akkumpanjata dejjem bid-dokumentazzjoni li tiċċertifika l-oriġini, il-lott u d-data tal-produzzjoni.

L-“Ovos Moles de Aveiro” għandhom ikunu trasportati, konservati u ppreżentati f'temperatura ta' bejn 8 °C u 25 °C, normalment għal perjodu ta' ħmistax-il jum.

4.6.   Rabta:

Rabta storika:

Il-produzzjoni ta' l-“Ovos Moles em Aveiro” hija sekulari, iżda t-tradizzjoni ġejja mill-kunventi. Din it-tradizzjoni nżammet permezz tan-nisa li kienu trabbew fil-kunventi u għaddew is-sigriet tal-produzzjoni minn għall-ġenerazzjonijiet ta' warajhom. Hemm dokumenti li juru li fl-1502, ir-re Manuel I iddeċieda li jagħti kull sena 10 arrobas taz-zokkor mill-gżira ta' Madeira lill-kunventi ta' Jesus f'Aveiro, għall-produzzjoni tal-ħelu tal-kunvent, li kien jintuża f'dak iż-żmien bħala rimedju għall-morda li kienu qegħdin jirpiljaw. L-“Ovos Moles de Aveiro” jissemmew bħala deżerta fl-ikliet irjali fl-1908; isemmihom espressament il-kittieb Portugiż Eça de Queiroz fix-xogħlijiet Os Maias u A Capital, ta' l-1888; u jsemmihom ukoll il-kittieb Brażiljan Erico Veríssimo, fil-ktieb Solo de Clarineta-Memórias ta' l-1973. Il-btieti tipiċi ta' l-“Ovos Moles de Aveiro”, il-forom tal-karti ta' l-ostji bid-disinji kważi dejjem marbutin mal-baħar, kif ukoll in-nisa li jbigħuhom, jidhru ta' sikwit bħala motiv fuq madum, f'litografiji, f'poeżiji populari, f'kummiedji jew drammi tat-teatru, biex ma nsemmux l-għana tradizzjonali tar-reġjun. Fl-1856 diġà kienu jeżistu produtturi reġistrati u magħrufa sew.

Rabta naturali:

F'dak li jirrigwarda l-veġetazzjoni u l-klima, ir-reġjun huwa ddominat mill-baċin idrografiku tal-Vouga, li tiżbokka f'fenomenu ġeografiku importanti ieħor, ir-Ria de Aveiro. Din il-pożizzjoni ġeografika twassal għal kundizzjonijiet speċifiċi għall-biedja, partikularment it-tkabbir tal-qamħirrum u t-trobbija tat-tjur, li żviluppaw u saru ta' importanza kbira ma' xtut l-estwarju.

Ir-reġjun tal-laguni tal-Baixo Vouga u l-Médio Vouga minn dejjem kien wieħed għammiel, li jagħti qamħirrum ta' l-aqwa kwalità u fl-akbar kwantitajiet. Tul is-sekli, din l-attività agrikola kienet waħda ta' sussistenza, iżda lejn tmiem is-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20 kisbet dimensjoni kummerċjali, billi bdew ifiġġu fil-muniċipji msoqqija mill-Vouga impriżi b'kapaċità kbira ta' produzzjoni u kwalità konsiderevoli.

M'hemmx xi ngħidu, il-qamħirrum eċċellenti tradizzjonali użat għall-għalf tat-tiġieġ ikkontribwixxa għall-kwalità għolja u speċjali tal-prodott.

Bl-istess mod, it-temperatura u l-umdità ta' l-estwarju huma favorevoli għall-produzzjoni ta' l-“Ovos Moles de Aveiro” u tal-karti ta' l-ostji, billi jagħtuhom irtubija idonea u dejjiema, u li ma tistax tiġi riprodotta barra mir-reġjun.

Rabta kulturali:

Kemm l-użu tal-btieti ta' l-injam jew tal-porċellana kif ukoll il-forom użati għall-produzzjoni tal-karti ta' l-ostji jixhdu rabta inekwivoka mar-Ria de Aveiro u ma' l-elementi tipiċi tagħha marbutin mal-laguni, partikularment bl-użu tal-fanal ta' l-estwarju jew tad-dgħajsa tradizzjonali msemmija moliceiro bħala ex libris, jew bil-karta ta' l-ostji f'forma ta' ħuta, ta' għakrux tal-baħar, ta' bettija jew ta' baga minn dawk użati biex jindikaw ix-xbieki tas-sajjieda, attività oħra tipika tar-reġjun. Barra minn dan, ta' min wieħed isemmi wkoll li l-btieti ta' l-injam tal-luq u tal- porċellana jitnisslu mill-materjali u l-industriji tipiċi u tradizzjonali tar-reġjun.

4.7.   Organu ta' spezzjoni:

Isem:

SAGILAB, Laboratório Análises Técnicas, Lda

Indirizz:

R. Aníbal Cunha, n.o 84 Loja 5

P-4050-046 Porto

Tel.

(351) 223 39 01 62

Feks

(351) 272 339 01 64

Posta elettronika:

info@sagilab.com

SAGILAB, Laboratório Análises Técnicas Lda. huwa konformi mar-rekwiżiti ta' l-Istandard 45011:2001.

4.8.   Tikkettar: Fit-tikketta għandhom jidhru obbligatorjament it-tismija “Ovos Moles de Aveiro — Indicação Geográfica Protegida”, il-marka taċ-ċertifikazzjoni, il-logo Komunitarju (wara r-reġistazzjoni) u l-logo ta' l-“Ovos Moles de Aveiro”, li jidher hawn taħt:

Fil-marka taċ-ċertifikazzjoni (b'ologramma stampata) għandhom jidhru isem il-prodott, isem l-organu privat ta' spezzjoni, u n-numru tas-serje għat-traċċabbiltà tal-prodott.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.