25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 161/7


Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta' Jannar 2008

li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-iffunzjonar tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M.4781 — Norddeutsche Affinerie/Cumerio)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 161/08)

Fit-23 ta' Jannar 2008 l-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' amalgamazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi  (1) , u partikolarment l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   SOMMARJU

1.

Fit-30 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha l-impriża Norddeutsche Affinerie AG (“NA”, il-Ġermanja) takkwista fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament KE dwar l-Amalgamazzjonijiet il-kontroll sħiħ ta' l-impriża Cumerio S.A. (“Cumerio”, il-Belġju) permezz ta' offerta pubblika mħabbra fis-27 ta' Ġunju 2007.

2.

NA hija kumanija pubblika limitata b'faċilitajiet ta' produzzjoni f'Hamburg, Emmerich u Lünen (il-Ġermanja). NA tipproduċi katodi tar-ram (f'Hamburg u Lünen). Fl-istadju ta' wara, dawn il-katodi tar-ram jiġu proċessati f'vireg tar-ram (Hamburg u Emmerich) u forom tar-ram (kemm cakes kif ukoll billetti f'Hamburg). Fil-produzzjoni sussegwenti (downstream) tal-produzzjoni tal-forom, mis-sussidjarja Prymetall GmbH & Co. KG (“Prymetall”) fi Stolberg (il-Ġermanja), NA hija attiva wkoll fil-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti (semi-finished). Fil-produzzjoni sussegwenti (downstream) tal-vireg tar-ram, Prymetall tipproduċi wajers iffurmati (shaped wires). Barra minn hekk, NA għandha (indirettament, permezz ta' Prymetall) 50 % fi Schwermetall Halbzeugwerk GmbH & Co. KG (“Schwermetall”, il-Ġermanja), li tipproduċi forom tar-ram u strippi rrumblati minn qabel (pre-rolled strips). Is-sieħeb l-ieħor f'JV Schwermetall huwa Wieland Werke AG (“Wieland”, il-Ġermanja), li huwa wkoll jipproduċi forom tar-ram (għall-ipproċessar intern tiegħu biss), kif ukoll huwa produttur ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti u prodotti kompluti tar-ram. Kemm Wieland kif ukoll Prymetall jakkwistaw forom tar-ram u strippi rrumblati minn qabel mingħand Schwermetall. Finalment, NA għandha sehem ta' 60 % f'Deutsche Giessdraht GmbH (“Deutsche Giessdraht”, il-Ġermanja), produttur ta' vireg tar-ram ikkontrollat flimkien ma' Corporacion Nacional del Cobre de Chile (“Codelco”, Ċili), li għandha l-bqija ta' l-40 % ta' l-ishma.

3.

Cumerio hija kumpanija pubblika limitata Belġjana b'faċilitajiet ta' produzzjoni f'Olen (il-Belġju), Pirdop (il-Bulgarija), Avellino (l-Italja) u, permezz tas-sussidjarja Żvizzera tagħha Advanced Materials AG, f'Yverdons-les-Bains (l-Iżvizzera). Cumerio hija attiva fil-produzzjoni ta' katodi tar-ram (Olen, Pirdop), vireg tar-ram (Olen, Avellino) u forom tar-ram (cakes) u billetti f'Olen), u produzzjoni sussegwenti (downstream) ulterjuri tal-vireg tar-ram, fi produzzjoni mhux daqstant għolja, ta' wajers tar-ram (Avellino) u profili (Yverdons-les-Bains). Bil-kontra ta' NA, il-produzzjoni sussegwenti ulterjuri (downstream) ta' forom ta' strippi mhux irrumblati, Cumerio mhix attiva fil-produzzjoni ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti.

4.

Il-kumpanija Awtrijaka A-TEC Industries AG (“A-TEC”), grupp industrijali internazzjonali b'ħidma fuq sistemi tal-mutur (drive systems), impjanti ta' inġinerija, għodod bil-magna (machine tools) u metallurġija, għandha sehem ta' 13,75 % f'NA u sehem ta' 25 % u 1 f'Cumerio. A-TEC għandha l-100 % ta' l-ishma ta' Montanwerke Brixlegg AG (“Brixlegg”) li hija l-kumpetitur ewlieni ta' NA u Cumerio fis-suq tal-forom tar-ram.

5.

It-tranżazzjoni proposta tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll assolut ta' Cumerio minn NA permezz ta' offerta pubblika għall-pussess ta' l-ishma, l-opzjonijiet u l-warrants pendenti kollha.

6.

Biex il-Kummissjoni tkun tista' twarrab kull dubju serju fil-Fażi I, fit-28 ta' Awwissu 2007 l-partijiet ressqu proposta ta' rimedju li toffri l-bejgħ tal-linja tan-negozju tal-forom tar-ram ta' Cumerio.

7.

It-test tas-suq tal-proposta ta' rimedju kien pjuttost negattiv. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bil-kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni disponibbli fil-Fażi I, li d-dubji fir-rigward ta' l-effetti unilaterali potenzjali fis-suq (swieq) tal-forom tar-ram ma setgħux jitwarrbu. Għalhekk fit-18 ta' Settembru 2007 l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni tal-Fażi II.

8.

L-investigazzjoni tas-suq fil-Fażi II uriet li l-pożizzjoni ta' l-entità l-ġdida fis-suq tan-negozjanti taż-ŻEE għall-forom tar-ram se tibqa' taħt pressjoni kompetittiva kemm tal-produtturi interni tal-forom tar-ram u x-xerrejja tal-forom tar-ram li jistgħu jintegraw fi produzzjoni eqreb lejn is-sors (upstream). Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-karatteristiċi tas-suq tal-forom tar-ram, l-istruttura tiegħu, ir-restrizzjonijiet eżerċitati mill-kapaċità żejda u l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mis-swieq tal-produzzjoni sussegwenti ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti, ġie konkluż li t-tranżazzjoni ma toħloq l-ebda riskju fir-rigward tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-forom tar-ram fiż-ŻEE. Fid-dawl ta' dan kollu, l-entità l-ġdida mhix se tkun tista' timpenja ruħha b'xi strateġija ta' esklużjoni mis-swieq tal-produzzjoni sussegwenti ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti.

9.

Għalhekk, qed issir il-proposta għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' approvazzjoni skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

II.   MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

A.   IL-PRODOTTI TAS-SWIEQ RILEVANTI

10.

Is-settur ta' attività milqut mit-tranżazzjoni proposta huwa dak ta' l-industrija tar-ram.

1.   Industrija tar-ram

11.

Ir-ram huwa prodott naturali li jinkiseb mill-minerali tar-ram. Wara l-estrazzjoni mill-minjiera tar-ram, il-minerali tar-ram jiġi arrikkit f'faċilitajiet ta' l-ipproċessar f'konċentrat tar-ram. Kemm il-konċentrat tar-ram kif ukoll skart tar-ram jintużaw fil-produzzjoni tal-katodi tar-ram. Sabiex ikun hemm konformità ma' l-istandard ta' l-Iskambju tal-Metall ta' Londra ta' katodi tar-ram tal- “grad A”, l-aktar standard li jintuża fin-negozju kummerċjali, il-katodi għandu jkollhom kontenut ta' ram ta' mhux anqas minn 99,9935 % u livell massimu definit ta' l-impuritajiet varji bħall-fidda, iċ-ċomb, il-fosfru u oħrajn li jagħmlu parti mill-0,0065 %, jew anqas, li jifdal. Katodi ċerifikati bħala non-LME jissejħu off-grade. L-LME huwa l-aktar suq kummerċjali tar-ram importanti fid-dinja. Għalhekk il-“prezz LME” huwa kkunsidrat bħala “l-prezz dinji tar-ram”.

12.

Il-katodi tar-ram huma l-aktar prodotti li jintużaw fil-produzzjoni kemm tal-vireg tar-ram kif ukoll tal-forom tar-ram.

13.

Il-virga tar-ram hija biċċa ram irqiqa, twila u tonda, li fil-biċċa l-kbira tal-każi jkollha dijamteru ta' 8mm. Il-virga tar-ram hija l-materja prima ewlenija għall-kejbils ta' l-elettriku, kejbils ta' l-istallazzjoni u kejbils u wajers ta' komunikazzjoni. Barra minn hekk il-vireg tar-ram jistgħu jiġu pproċessati ulterjorment pereżampju wajers miġbudin u ffurmati, profili u biċċiet.

14.

Jeżistu żewġ tipi differenti ta' forom tar-ram: billetti u cakes. Billetti huma forom tar-ram b'parti ċirkolari, b'dijametru ta' 100-800 mm u tul ta' madwar 600 mm. Cakes huma forom tar-ram b'parti rettangolari u li jiżnu madwar 25 tunnellata kull waħda. Il-billetti tar-ram jinħadmu f'tubi, vireg u profili, filwaqt li l-cakes tar-ram huma l-materja prima għal strippi rrumblati minn qabel u materjal ieħor tar-ram li jkun irrumblat.

15.

L-attivitajiet tal-partijiet jikkoinċidu fil-produzzjoni ta' l-iskart tar-ram, katodi tar-ram, prodotti sekondarji mit-tidwib u l-elettroliżi tar-ram, vireg tar-ram u forom tar-ram. Għalkemm Cumerio mhix attiva bħala produttur fi produzzjoni sussgwenti (downstream) tar-ram li ssir mill-forom tar-ram, dawn is-swieq se jiġu analizzati fir-rigward ta' effetti unilaterali u vertikali fuq is-suq tal-forom tar-ram.

2.   Skart tar-Ram

Tifsira tas-suq tal-prodott

16.

F'deċiżjonijiet preċedenti l-Kummissjoni indikat li jeżisti suq tal-prodott distint għall-iskart tar-ram. Dan il-fatt ġie kkonfermat mill-investigazzjoni tas-suq.

17.

Wieħed minn fost dawk li taw ir-reazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tas-suq saħaq li l-irfinar ta' l-iskart tar-ram taħt hekk imsejjaħ arranġament ta' ħlas ta' nollijiet jista' jikkostitwixxi suq tal-prodott li jkun distint mis-suq ta' l-iskart tar-ram.

18.

L-investigazzjoni tas-suq uriet li mhux il-produtturi ta' forom tar-ram biss, iżda dawk kollha li jaħdmu fl-irfinar tar-ram, kemm fiż-ŻEE kif ukoll lilhinn minnha, jużaw l-iskart tar-ram bħala materja prima. Jeżisti nogozju sinjifikanti ta' l-iskart tar-ram. L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-ħlas ta' nollijiet fuq l-iskart huwa wieħed mid-diversi modi kif wieħed jista' jeħles mill-iskart tar-ram b'mod li jħalli profitt. Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li min-naħa tad-domanda, il-perspettiva ta' nollijiet fuq l-iskart tista' tinbidel mal-bejgħ ta' l-iskart lil dawk li jirfinaw il-materjal u possibbilment anke lil negozjanti ta' l-iskart.

Tifsira tas-suq ġeografiku

19.

L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-fornituri u l-kummerċjanti ta' l-iskart tar-ram joffru l-iskart tagħhom fuq bażi dinjija, u li bosta xerrejja ta' l-iskart ibbażati fiż-ŻEE jixtru wkoll minn sorsi 'l barra miż-ŻEE.

3.   Katodi tar-ram

Tifsira tas-suq tal-prodott

20.

Billi t-tranżazzjoni kurrenti ma toħloq l-ebda tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq is-suq tal-prodott tal-katodi, il-kwistjoni dwar jekk katodi ta' grad LME u off-grade jikkostitwixxux suq tal-prodott uniku jew inkella għandhomx ikunu distinti, tista', f'konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, titħalla miftuħa.

Tifsira tas-suq ġeografiku

21.

Fir-rigward tat-tifsira tas-suq ġeografiku, dawk li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni dwar it-tranżazzjoni kurrenti kkonfermaw, f'konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, li l-negozju tal-katodi tar-ram huwa wieħed dinji.

4.   Vireg tar-ram

Tifsira tas-suq tal-prodott

22.

Il-produzzjoni tal-vireg tar-ram tista' ssir b'żewġ proċessi differenti: (i) permezz ta' tidwib u rrumblar kontinwu, jew (ii) permezz ta' tidwib dirett. Filwaqt li l-vireg tar-ram isiru f'diversi dijametri li jvarjaw bejn it-8 u l-25 mm, 95 % tal-produzzjoni globali Ewropea tal-vireg tar-ram issir b'dijametru wieħed, jiġifieri 8mm, li hija l-forma standard tal-prodott.

23.

Il-parti li tinnotifika tqis li s-suq għall-produzzjoni u l-forniment tal-vireg tar-ram jikkostitwixxi suq tal-prodott uniku relevanti u li mhu meħtieġ li ssir l-ebda distinzjoni bejn iż-żewġ proċessi ta' produzzjoni jew bejn id-diversi dijametri. Dan huwa konformi mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

24.

L-investigazzjoni tas-suq turi li s-sostitwibbiltà bejn l-vireg tar-ram (i) permezz ta' tidwib u rrumblar kontinwu jew (ii) b'tidwib dirett minn perspettiva tan-naħa tad-domanda (demand-side perspective) fil-biċċa l-kbira tagħha hija minn naħa waħda.

25.

Fir-rigward ta' suddiviżjoni ulterjuri potenzjali skond id-dijametri differenti tal-vireg tar-ram li jvarjaw bejn 8 u 25 mm, l-investigazzjoni tas-suq uriet li d-dijametri differenti qegħdin jintużaw għal applikazzjonijiet differenti u l-maġġor parti tal-konumsaturi jakkwistaw vireg tar-ram ta' diversi dijametri differenti. L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat l-ogħla livell ta' sostitwibbiltà min-naħa tal-fornimenti (supply–side substitutability).

Tifsira tas-suq ġeografiku

26.

Skond id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u fid-dawl tal-firxa tal-fornituri tal-vireg tar-ram fl-Ewropa, l-investigazzjoni tas-suq uriet li jeżistu ċrieki ġeografiċi komuni fir-rigward tas-siti ta' produzzjoni li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni kompetittiva ta' xulxin. Għalhekk, is-suq geografiku għandu jitfisser bħala suq fl-ambitu taż-ŻEE.

5.   Forom tar-ram

Tifsira tas-suq tal-prodott

27.

Il-forom tar-ram huma prodotti tar-ram imdewba fi proċess semikontinwu jew kontinwu f'billetti jew cakes. Skond il-kontenut tar-ram u l-kontenut ta' impuritajiet, il-parti li tinnotifika tiddistingwi bejn forom tar-ram ta' kwalitajiet differenti bħal pereżempju mingħajr ossiġnu (oxygen-free) (OF-Cu), elettrolitiċi (electrolytic) (E-Cu) u phosphorus-bearing (Ph-bearing Cu).

28.

Fir-rigward tas-sostitwibbiltà tan-naħa tad-domanda bejn il-billetti u l-cakes, l-investigazzjoni tas-suq indikat li l-billetti u l-cakes mhux interskambjabbli, u fil-fehma tagħhom jikkostitwixxu suq tal-prodott distint.

29.

Fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tal-forniment tal-forom tar-ram, il-parti li tinnotifika ressqet il-fehma li l-fornituri tal-forom faċilment jistgħu jaqilbu mill-produzzjoni ta' billetti għall-produzzjoni ta' cakes u viċi-versa fi żmien qasir u mingħajr ebda investiment sinjifikanti. L-istess intqal dwar il-possibbiltà dwar il-qalba fil-produzzjoni bejn id-diversi kwalitajiet ta' ram tal-forom.

30.

Għalkemm jista' ma jkunx possibbli li kull produttur/proċessur tar-ram jaqleb faċilment bejn il-produzzjoni ta' cakes u billetti fuq l-istess linja ta' produzzjoni, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li mill-perspettiva tas-sostitwibbiltà tan-naħa tal-forniment, il-billetti u l-cakes huma interskambjabbli.

31.

Fir-rigward tad-diversi kwalitajiet tar-ram, l-investigazzjoni tas-suq uriet li ġeneralment dawn jistgħu jsiru fuq l-istess linji ta' produzzjoni, bl-ebda spiża addizzjonali jew inkella bi spejjeż addizzjonali minuri. Ġie kkonfermat li mill-perspettiva tas-sostitwibbiltà tan-naħa tal-forniment, il-forom ta' kwalitajiet differenti ta' ram ma jikkostitwixxux swieq tal-prodotti distinti, għajr il-każ tal-forom OF-Cu.

32.

Madankollu, billi Cumerio ma tipproduċix forom OF-Cu, mhux imporanti li tittieħed deċiżjoni jekk il-forom OF-Cu jikkostitwixxux suq tal-prodott distint relevanti, billi dan ma jolqotx il-valutazzjoni kompetittiva tat-tranżazzjoni.

Tifsira tas-suq ġeografiku

33.

Il-parti li tinnotifika hija tal-fehma li l-suq ġeografiku relevanti għall-forom ta' l-anqas huwa mifrux maż-ŻEE. L-investigazzjoni tas-suq tikkonferma li l-ispejjeż tat-trasport huma relattivament baxxi meta mqabbla mal-valur tal-forom tar-ram. Aktar importanti minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-fornituri bbażati fiż-ŻEE tas-suq tan-negozjanti tal-forom tar-ram ibighu madwar iż-ŻEE kollha u sa ċertu punt anke 'l barra miż-ŻEE, fl-Asja u l-Amerika ta' Fuq.

6.   Swieq tal-produzzjoni sussegwenti (downstream) tal-forom tar-ram

Tifsira tas-suq tal-prodott u s-suq ġeografiku

34.

Il-forom tar-ram huma pproċessati ulterjorment fi prodotti tar-ram parzjalment kompluti. L-investigazzjoni tas-suq tikkonferma li jeżistu applikazzjonijiet differenti tal-produzzjoni sussegwenti (downstream) tal-prodotti tal-forom tar-ram, bl-aktar wieħed importanti tkun l-industrija ta' l-inġinerija elettrika u l-industrija elettronika; l-industrija tal-kostruzzjoni; it-telekomunikazzjonijiet; l-industrija tal-karozzi; il-kostruzzjoni ta' makkinarju.

35.

Fid-dawl tal-fatt li l-Cumerio mhix attiva fil-produzzjoni sussegwenti (downstream) ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti, mhemmx il-ħtieġa ta' valutazzjoni biex jiġu definiti b'mod preċiż il-konfini bejn is-swieq differenti għal diversi prodotti tar-ram parzjalment kompluti, u biex tiġi deċiża l-estensjoni ġeografika eżatta, kemm fiż-ŻEE kif ukoll madwar id-dinja.

B.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

1.   Effetti unilaterali

Effetti mhux koordinati fuq is-suq għall-iskart tar-ram

36.

Matul l-investigazzjoni tas-suq, għadd ta' konsumaturi esprimew it-tħassib tagħhom li t-tranżazzjoni tista' twassal għall-ħolqien ta' saħħa tax-xerrej (buyer power), fejn l-entità tkun tista' tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-għadd imnaqqas ta' xerrejja ta' l-iskart tar-ram biex tnaqqas il-prezz tiegħu.

37.

Kif stipulat fil-Linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' l-amalgamazzjonijiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (“Il-Linji gwida dwar l-Amalgamazzjoni Orizzontali”), jekk is-saħħa tax-xerrej tiżdied, fiha nfisha din ma tkunx biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-kompetizzjoni tkun qed tiġi ostakolata b'mod sinjifikanti.

38.

Ma tantx jidher probabbli li din it-tranżazzjoni toħloq saħħa tax-xerrej sinjifikanti. Is-sehem aggregat tad-domanda għall-iskart tar-ram ta' l-entità l-ġdida tkun ta' madwar (10-15) %. L-entità l-ġdida se tħabbat wiċċha ma' pressjoni kompetittiva minn bosta rivali, u mhux se tkun f'pożizzjoni li taġixxi b'mod antikompetittiv fuq dan is-suq.

39.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jista' jiġi konkluż li t-tranżazzjoni proposta mhix se twassal għal effetti unilaterali li b'riżultat tagħhom il-kompetizzjoni effettiva se tiġi ostakolata b'mod sinjifikanti fis-suq dinji ta' l-iskart tar-ram.

Effetti mhux koordinati fuq is-suq għall-vireg tar-ram

40.

Wara t-tranżazzjoni l-entità l-ġdida ssir l-aktar fornitur ta' vireg tar-ram fiż-ŻEE. Filwaqt li (80-90) % tal-produzzjoni tinbiegħ lil partijiet terzi, il-bqija ta' dan il-volum intużat internament minn fornituri ta' vireg tar-ram għall-produzzjoni ta' wajers, kejbils u profili. Fuq is-suq tan-negozjanti tal-vireg tar-ram, l-entità l-ġdida jkollha sehem totali mis-suq ta' madwar (30-40) %. Fir-rigward tal-produzzjoni totali tal-vireg tar-ram, inkluża l-produzzjoni li tintuża internament, is-sehem totali mis-suq ta' l-entità l-ġdida jkun ta' madwar (20-30) %.

41.

Għalkemm xi wħud minn dawk li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq li jakkwistaw vireg tar-ram ilmentaw li ż-żieda fis-sehem mis-suq ta' l-entità kollha tista' twassal għal prezzijiet ogħla u anqas għażla, dan it-tħassib jista' jitneħħa. L-ewwelnett, l-entità l-ġdida se tħabbat wiċċha ma' kompetituri ewlenin attivi madwar iż-ŻEE kollha. It-tieninett, ħafna mill-konsumaturi jakkwistaw il-vireg tar-ram mingħand żewġ jew tliet fornituri differenti u jikkunsidraw fornituri oħrajn bħala għażla alternattiva. It-tieletnett, bosta fornituri ta' vireg tar-ram għandhom kapaċità batuta u jistgħu jtejbu l-bejgħ fuq is-suq tan-negozjanti jew iżidu l-produzzjoni globali fil-każ ta' żieda fil-prezz tal-vireg tar-ram.

42.

Il-fatt li hemm kompetituri b'saħħithom flimkien mas-sitwazzjoni ta' kapaċità żejda fil-qasam tal-vireg tar-ram fiż-ŻEE kif ukoll it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni attwali mill-kompetituri se jiżgura li l-kompetizzjoni ma tinħonoqx u jillimita l-kapaċità u l-inċentiv ta' l-entità l-ġdida li żżid il-prezzijiet wara t-tranżazzjoni.

Effetti mhux koordinati fuq is-suq għall-forom tar-ram

43.

Il-karatteristika ewlenija tal-konsum tal-forom tar-ram fiż-ŻEE hija l-proporzjon għoli ta' konsum intern: il-konsum intern tal-forom tar-ram huwa kważi ħames darbiet ogħla mill-bejgħ tan-negozjanti.

44.

Fuq is-suq tan-negozjanti, il-partijiet huma l-fornitur ewlieni tal-forom tar-ram fiż-ŻEE. Is-sehem totali mis-suq tal-partijiet fis-suq tan-negozjanti tal-forom tar-ram fiż-ŻEE huwa ta' madwar (50-60) %. F'suq ta' forom tar-ram li jeskludu l-kwalitajiet OF-Cu, is-sehem totali mis-suq tal-partijiet fiż-ŻEE jkun ta' madwar (50-60) %. Montanwerke Brixlegg, li hija proprjetà ta' A-TEC, hija l-kompetitur ewlieni b'sehem mis-suq ta' madwar (20-30) %.

45.

B'mod ġenerali, l-investigazzjoni tas-suq uriet li l-produzzjoni u l-użu tal-forom tar-ram fiż-ŻEE, kemm intern jew fis-suq tan-negozjanti, titmexxa minn dinamiċi li jinsabu kemm fi produzzjoni eqreb lejn is-sors (upstream) kif ukoll mill-produzzjoni sussegwenti (downstream) tal-forom tar-ram.

46.

L-ewwelnett, il-prezz tar-ram jaffettwa l-katina kollha ta' l-industrija tar-ram billi din tirrapreżenta madwar 95 % tal-valur (konsum intern) jew il-prezz tal-bejgħ (ix-xiri fuq is-suq tan-negozjanti) tal-forom tar-ram. Anqas minn 5 % biss tal-valur jew tal-prezz tal-bejgħ tal-forom tar-ram jikkostitwixxi l-valur miżjud mill-produtturi tal-forom tar-ram (il-“ħlas ta' trasformazzjoni”).

47.

It-tieninett, id-dinamiċi kompetittivi huma influwenzati ħafna mill-gradi differenti ta' integrazzjoni vertikali tad-diversi atturi u/jew fejn dawn jinsabu fil-katina tal-valur. Billi l-akbar konsumaturi tal-parti li tinnotifika dwar is-suq tan-negozjanti tal-forom tar-ram fl-istess ħin għandhom produzzjoni interna imporanti tagħhom stess huma jillimitaw id-dipendenza tagħhom fuq il-parti li tinnotifika. Produtturi interni oħrajn tal-forom tar-ram jużaw il-produzzjoni tal-forom tar-ram kollha biex jipproduċu prodotti tar-ram parzjalment kompluti.

48.

Il-Kummissjoni investigat safejn żieda fil-prezzijiet fis-suq tan-negozjanti taż-ŻEE għall-forom tar-ram tkun waħda sostenibbli. L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li d-disponibbiltà ta' ammont konsiderevoli ta' kapaċità żejda għall-produzzjoni tal-forom se żżomm element ta' kompetizzjoni għall-entità l-ġdida u ma tippermettilhiex iżżid il-prezzijiet tal-forom tar-ram.

49.

Barra minn hekk, jekk il-prezzijiet fis-suq tan-negozjanti għall-forom tar-ram jiżdied, hemm il-possibbiltà li utenti mhux integrati tal-forom tar-ram jintegraw il-produzzjoni eqreb lejn is-sors (upstream) u b'hekk isiru attivi bħala produtturi ta' forom tar-ram.

50.

Mhux hekk biss, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li s-swieq tal-produzzjoni sussegwenti (dowstream) tal-prodotti tar-ram parzjalment kompluti titfa' pressjoni kompetittiva fuq is-suq tal-produzzjoni eqreb lejn is-sors (upstream) tal-forom tar-ram. Dan jiġri l-ewwelnett għax ikun hemm aktar bejjiegħa (parteċipanti fis-suq tan-negozjanti) fis-swieq tal-produzzjoni sussegwenti (dowstream) għall-prodotti tar-ram parzjalment kompluti milli fuq is-suq eqreb lejn is-sors (upstream) għall-forom; it-tieninett għax il-bejjiegħa integrati għandhom kapaċità żejda milli jkollha l-entità l-ġdida; it-tieletnett minħabba li l-bejjiegħa fuq is-swieq tal-produzzjoni sussegwenti (dowstream) għall-prodotti parzjalment kompluti jħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni minn prodotti li mhumiex magħmulin mir-ram; u r-raba' raġuni hija li huma jiffaċċjaw kompetizzjoni qawwija minn rivali lil hinn mill-Ewropa ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti li jintużaw għal applikazzjonijiet elettriċi u elettroniċi.

51.

Fuq il-bażi tal-karatteristiċi tas-suq tal-forom tar-ram, l-istruttura tiegħu, ir-restrizzjonijiet eżerċitati mill-kapaċità żejda u l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mis-swieq tal-produzzjoni sussegwenti ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti, ġie konkluż li t-tranżazzjoni ma toħloq l-ebda riskju fir-rigward tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-forom tar-ram fiż-ŻEE.

2.   Effetti vertikali

52.

Tressaq kumment lill-Kummissjoni li l-entità l-ġdida tkun tista', u jkollha l-inċentiv, li twettaq strateġija ta' eskużjoni fis-swieq tal-prodotti tar-ram parzjalment kompluti li l-produzzjoni tagħhom issir fuq il-bażi tal-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-forom tar-ram. Dan it-tħassib ġibed l-attenzjoni lejn possibbiltà ta' diskriminazzjoni favur is-sussidjarji ta' l-entità l-ġdida (jiġifieri Schwermetall u Prymetall) li huma preżenti fis-swieq tal-produzzjoni sussegwenti (dowstream) tal-prodotti tar-ram parzjalment kompluti.

53.

Kif stipulat fil-Linji Gwida dwar l-Amalgamazzjonijiet mhux Orizzontali, l-amalgamazzjonijiet mhux orizzontali “m'huma ta' l-ebda riskju għall-kompetizzjoni effettiva sakemm l-entità amalgamata għandha grad sinjifikanti ta' setgħa fis-suq (li mhux neċessarjament tagħmilha dominanti) f'mill-anqas wieħed mis-swieq ikkonċernati.”

54.

Kif ġie muri aktar 'il fuq, il-pożizzjoni ta' l-entità l-ġdida fis-suq tan-negozjanti taż-ŻEE għall-forom tar-ram se tibqa' taħt pressjoni kompetittiva kemm tal-produtturi interni tal-forom tar-ram u x-xerrejja tal-forom tar-ram li jistgħu jintegraw fi produzzjoni eqreb lejn is-sors (upstream). Fid-dawl ta' dan kollu, l-entità l-ġdida mhix se tkun tista' timpenja ruħha b'xi strateġija ta' esklużjoni fis-swieq tal-produzzjoni sussegwenti ta' prodotti tar-ram parzjalment kompluti.

55.

Barra minn hekk, anke jekk l-entità l-ġdida tiddeċiedi li timplimenta strateġija bħal din, u minħabba f'hekk xi xerrejja tal-forom tar-ram jiffaċċjaw diffikultajiet tranżitorji biex jiksbu l-forom tar-ram li jkollhom bżonn bħala materjal, is-swieq tal-prodotti tar-ram parzjalment kompluti huma, kif muri aktar 'il fuq, kompetittivi u ta' l-anqas mifruxin madwar iż-ŻEE. Konsegwentement, jista' jitneħħa kwalunkwe tħassib dwar tnaqqis fil-benesseri tal-konsumatur.

56.

Għalhekk, it-tranżazzjoni mhix ta' riskju li timpedixxi b'mod sinjifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti tar-ram parzjalment kompluti.

3.   Effetti kkoordinati

57.

Il-Kummissjoni investigat ulterjorment jekk il-fatt li l-A-TEC, il-kompetitur ewlieni tal-partijiet fis-suq taż-ŻEE tal-forom tar-ram, li hija wkoll azzjonista minoritarja importanti kemm f'NA u kif ukoll f'Cumerio, jistax iwassal għal effetti koordinati fuq dan is-suq. L-entità l-ġdida u s-sussidjarja ta' l-A-TEC, Brixlegg, flimkien ikollhom sehem ta' madwar (70-80) % fis-suq tan-negozjanti tal-forom tar-ram madwar iż-ŻEE. Bl-esklużjoni tal-forom OF-Cu, l-entità l-ġdida u Brixlegg flimkien ikollhom sehem mis-suq ta' madwar (70-80) %.

58.

F'dan l-istadju l-Kummissjoni m'għandha l-ebda indikazzjoni li l-A-TEC u l-entità l-ġdida għandhom l-intenzjoni li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fis-suq tal-forom tar-ram.

59.

Sabiex il-koordinazzjoni tkun waħda sostenibbli, it-tliet kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza Airtours u inkorporata fil-Linji gwida dwar l-Amalgamazzjonijiet Orizzontali jkollhom jiġu ssodisfati.

60.

L-ewwel, ir-riskju kredibbli ta' ritaljazzjoni f'waqtha u suffiċjenti biss iżomm lill-kumpaniji milli jiddevjaw mit-termini ta' koordinazzjoni. B'mod ġenerali dan jirrekjedi li s-swieq ikunu trasparenti biżżejjed biex jippermettu li l-kumpaniji ta' koordinazzjoni jwettqu ċertu grad ta' monitoraġġ jekk il-kumpaniji jiddevjawx jew le. Ir-riżultat ta' l-investigazzjoni tas-suq fir-rigward tat-trasparenza tal-kundizzjonijiet tal-prezzijiet f'dan is-suq huwa wieħed imħallat. Jekk l-entità l-ġdida u l-A-TEC jippruvaw jikkoordinaw l-azzjoni kompetittiva tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li l-pożizzjoni ta' l-A-TEC bħala azzjonista minoritarja tista' tagħti lill-A-TEC aċċess għal informazzjoni dwar NA li ma kienx ikollha li kieku dan it-tip ta' relazzjoni ta' azzjonista ma kienx jeżisti.

61.

It-tieninett, il-koordinazzjoni ma tkunx sostenibbli sakemm il-konsegwenzi tad-devjazzjoni jkunu severi biżżejjed biex jikkonvinċu lil kumpaniji ta' koordinazzjoni li huwa fl-aħjar interess tagħhom li jaderixxu mat-termini ta' koordinazzjoni. Fil-każ li jinkixfu xi devjazjonijiet ta' koordinazzjoni potenzjali mill-entità l-ġdida jew l-A-TEC, il-kapaċità u l-mezzi ta' ritaljazzjoni jkunu pjuttost differenti fid-dawl tal-kapaċità differenti tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Il-fatt li l-entità l-ġdida se jkollha aktar kapaċità żejda u sehem mis-suq kważi tliet darbiet aktar mill-A-TEC x'aktarx tagħti kapaċità akbar ta' ritaljazzjoni lill-entità l-ġdida milli jkollha l-A-TEC. Fl-istess ħin, il-fatt li l-A-TEC hija azzjonista minoritarja jista' jagħtiha l-possibbiltà li tieħu vantaġġ minn dan biex tirritalja jew billi tuża informazzjoni li ma kienx ikollha bħala sempliċi kompetitur jew billi topponi l-politika kummerċjali ta' l-entità l-ġdida bħala azzjonista ewlenija. Fid-dawl ta' dan ma jistax jiġi eskluż li l-A-TEC u l-entità l-ġdida jistgħu jikkunsidraw lil xulxin bħala kapaċi li jirreaġixxu għal devjazzjonijiet ta' ftehim potenzjali.

62.

It-tieletnett, biex il-koordinazzjoni tirnexxi, l-azzjonijiet tal-kumpaniji li m'humiex ta' koordinazzjoni u tal-kompetituri potenzali, kif ukoll tal-klijenti, m'għandhomx ikunu kapaċi li jipperikolaw ir-riżultat mistenni mill-koordinazzjoni. Jekk il-koordinazzjoni timmira li tnaqqas il-kapaċità komplessiva tal-forom tar-ram fis-suq, din tagħmel ħsara biss lill-konsumaturi jekk il-kumpaniji li mhumiex ta' koordinazzjoni ma jkunux kapaċi jew ma jkollhomx inċentiv li jirrispondu għal dan it-tnaqqis billi jżidu l-kapaċità tagħhom, biżżejjed biex ma jkunx hemm tnaqqis nett fil-kapaċità, jew li ta' l-anqas jirriduċu t-tnaqqis tal-kapaċità kkoordinata għal wieħed mingħajr qligħ.

63.

Anke jekk l-entità l-ġdida flimkien ma' l-A-TEC jirnexxilha timplimenta strateġija ta' koordinazzjoni li ma tkunx mhedda mill-kompetituri, il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq tal-produzzjoni sussegwenti (downstream) tal-prodotti tar-ram jostakolaw dawn it-tentattivi milli jkollhom effetti antikompetittivi fis-swieq tal-produzzjoni sussegwenti (downstream) billi jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti tar-ram għall-konsumaturi.

64.

B'konsegwenza ta' dan, jista' jiġi konkluż li t-tranżazzjoni proposta mhix se twassal għal effetti koordinati li b'riżultat tagħhom il-kompetizzjoni effettiva tiġi ostakolata b'mod sinjifikanti fis-suq ta' l-iskart tar-ram madwar iż-ŻEE.

III.   KONKLUŻJONI

65.

Għar-raġunijiet imsemmija aktar 'il fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhux se tfixkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Komuni jew f'parti sostanzjali tiegħu.

66.

Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-Suq Komuni u ma' l-iffunzjonar tal-Ftehim taż-ŻEE, skond l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.