20.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/72


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-ħarsien ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u ta' l-oġġetti ta' l-ikel

(2008/C 74/21)

Din il-pubblikazzjoni tippermetti li jsiru oġġezzjonijiet għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“KAINUUN RÖNTTÖNEN”

Nru. KE: FI/IĠP/005/0099/23.06.1999

DPO( ) IĠP ( X )

Din it-taqsira turi l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi.

1.   Dipartiment responsabbli fl-istat membru

Isem:

Maa- ja metsätalousministeriö

Indirizz:

PL 30, FI-00023 Valtioneuvosto

Telefown:

(358-9) 1605 42 78

Feks:

(358-9) 1605 34 00

Posta elettronika:

maija.heinonen@mmm.fi

2.   Grupp li ressaq l-applikazzjoni

Isem:

Kainuun Leipomoliikkeen harjoittajat ry

Indirizz:

Kainuuntie 126

FI-88900 Kuhmo

Telefown:

(358-020) 833 53 35

Feks:

(358-8) 655 12 74

Posta elettronika:

kaesa@kaesankotileipomo.fi

Kompożizzjoni:

produttur/proċessatur ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 2.4. Ħobż, ikel ta' l-għaġina, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnar

4.   Speċifikazzjoni

(Taqsira tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Kainuun rönttönen”

4.2.   Deskrizzjoni: Il-Kainuun rönttönen hija torta miftuħa żgħira u tonda bil-qoxra magħmula minn dqiq tas-segala, mimlija bil-patata maxx, id-dqiq ismar u l-lingonberries imsajrin. Il-mili, li huwa magħmul minn taħlita ta' patata maxx u lingonberries, għandu togħma ħelwa u lewn aħmar fil-kannella li t-tleqqija tiegħu tiġi mill-butir imdewweb. Il-Kainuun rönttönen issir fi tliet fażijiet: l-ewwel tagħmel il-mili; imbagħad tipprepara l-qoxra; u fl-aħħar, timla l-qoxra bil-mili.

4.3.   Żona ġeografika: Ir-Reġjun ta' Kainuu, li jinsab fil-Provinċja ta' Oulu, fit-tramuntana tal-Finlandja, huwa magħmul minn 8 muniċipalitajiet u żewġ ibliet. Kainuu għandu popolazzjoni ta' 86,600, u d-densità tal-popolazzjoni tiegħu hija ta' 4 persuni għal kull kilometru kwadru. L-erja totali tas-superfiċje ta' Kainuu hija 24,415 m2; li minnha, 12 % hija koperta bl-ilma. Il-foresti jkopru aktar minn żewġ miljun ettaru, u l-pajsaġġ hu ġeneralment ikkaratterizzat minn għoljiet, foresti u żoni ta' ilma u moxa mgħaddra u mtajjna.

4.4.   Prova ta' l-oriġini: Il-prodotti jsiru skond leġiżlazzjoni valida u s-sistema ta' awtokontroll HACCP tiġi segwita tul il-proċess tal-manifattura. Il-verifika tal-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni hija kkontrollata mill-Awtorità Finlandiża għas-Sikurezza ta' l-Ikel.

Id-dejta ta' tkomplija dwar il-prodott tiġi żgurata billi jitniżżel l-isem tal-produttur fuq il-pakkett jew fuq l-istiker tal-prodott li għandha titqiegħed fuq il-pakkett. Il-produzzjoni għandha ssir fiż-żona ġeografika definita għall-produzzjoni tal-Kainuun rönttönen.

4.5.   Il-metodu ta' produzzjoni: It-torta tal-Kainuun rönttönen issir fi tliet fażijiet: l-ewwel tagħmel il-mili; imbagħad tipprepara l-qoxra u fl-aħħar, timla l-qoxra bil-mili. Il-Kainuun rönttönen issir għal kollox bl-idejn, u tibda bl-użin ta' l-ingredjenti. Il-makkinarju jintuża biss biex jgħin fl-impastazzjoni u fil-ftuħ ta' l-għaġina u fit-tqaxxir tal-patata.

Ingredjenti:

Mili:

2,000 kg patata

0,300 kg dqiq tas-segala

0,400 kg lingonberries immaxxjati

0,100 kg zokkor

0,007 kg melħ

Qoxra:

0,500 kg ilma kiesaħ

0,007 kg melħ

0,300 kg dqiq tal-qamħ komuni

0,800 kg dqiq tas-segala

0,050 kg żejt turnip rape

Preparazzjoni tal-mili:

Qaxxar il-patata u għalliha fl-ilma sa ma tirtab. Neħħi l-ilma u mmaxxja l-patata.

Ħalli l-patata maxx tibred għal ftit ħin, u mbagħad żid id-dqiq tas-segala u ħallathom.

Ħalli t-taħlita toqgħod għal sagħtejn jew tlieta f'temperatura ambjentali sabiex issir ħelwa. Kull tant ħin ħawwad it-taħlita.

Meta t-taħlita tibred u ssir ħelwa, ħallat magħha l-maxx tal-lingonberry biz-zokkor u l-melħ.

Preparazzjoni tal-mili:

Ħoll ftit melħ f'ilma kiesaħ. Ħawwad id-dqiq tas-segala, ftit dqiq mill-qamħ u ftit ħmira morra. Impasta f'għaġina. Fl-aħħar, żid ftit żejt turnip rape.

Iftaħ l-għaġina sa ma tkun ħoxna 2 mm. Aqta' biċċiet ta' għaġina tondi (dijametru 50-130 mm) b'sikkina. Imla l-qxur b'saff oħxon tal-mili u ifrex il-mili sa 1 cm mit-tarf. Il-proporzjon tajba ta' mili għal qoxra hija ta' 1:1.

L-għeluq, it-tmewwiġ u l-ħami tat-torti Kainuun rönttönen:

Itni t-trufijiet tal-qoxra għal fuq il-mili, filwaqt li tħalli n-nofs tat-torta mikxuf, u mewweġ it-trufijiet billi toqroshom b'mod uniformi bis-swaba' sabiex tifforma xfar tondi. Qiegħed it-torti fuq tilar tal-ħami.

Aħmi t-torti f'forn jaħraq sakemm ikunu jqarmċu u x-xfar ikunu ta' lewn kannella dehbi. Oħroġ it-torti minn ġol-forn u għaddi t-trufijiet tagħhom b'pinzell bil-butir imdewweb.

Il-ħżin tat-torti Kainuun rönttönen:

It-torti jqarmċu Kainuun rönttönen huma l-itjeb meta jisservew daqsxejn imberrdin.

Jistgħu jinħażnu f'temperatura ambjentali għal ġurnata jew tnejn, meta mgħottija b'sarvetta jew f'borża tal-karti. Jistgħu jinżammu fi friġġ għal ġimgħa. It-torti kemm jerġgħu jissaħħnu biss.

It-torti jistgħu jiġu ffriżati jew qabel jinħmew, inkella moħmija biex tiżdidilhom id-data ta' l-iskadenza. It-torti li jiġu ffriżati nejjin jistgħu jinħmew fil-kwantitajiet meħtieġa meta jkun hemm bżonn.

4.6.   Konnessjoni maż-żona ġeografika: Il-ħobż u l-ikel ta' l-għaġina għandhom rwol ewlieni fl-ikel tar-reġjun tal-Kainuu. Götha u Reima Rannikko, l-awturi tal-ktieb Kainuun leipä (Ħobż fil-Kainuu), taw ħarsa lejn it-tradizzjonijiet tal-ħobż fil-Kainuu: “Filwaqt li l-istess tipi bażiċi ta' ħobż jinħmew fil-Kainuu kollu, f'inħawi differenti tar-reġjun joriġinaw diversi speċjalitajiet lokali. B'riżultat tal-ħames snin ta' ħidma tagħna, urejna li f'Kainuu hemm bejn wieħed u ieħor mitt tip differenti ta' ħobż, ikel ta' l-għaġina u prodotti tal-forn. Jekk jitqiesu l-varjazzjonijiet u l-kuluri kollha, dan l-għadd ikompli jikber. Id-diversità tal-kultura tal-ħobż u ta' l-ikel ta' l-għaġina tirriżulta, talanqas parzjalment, minħabba l-lok ġeografiku ta' Kainuu li jinsab f'salib it-toroq ta' l-influwenzi kulturali mit-Tramuntana ta' l-Ostrobothnia, tas-Savo u tal-Karelia tar-Russja.”

Jingħad li, ilu ħafna, meta fi tmiem ix-xitwa kien jifdal ftit ikel u waqt li l-irġiel kienu jaħdmu fit-tqattigħ u t-trasport tas-siġar, in-nisa kienu jlaqqtu l-qiegħ tal-bittija tal-lingonberry mill-aħħar lingonberries li jkun baqa' u l-aħħar patatiet mill-qiegħ tal-landa tal-patata, iħalltuhom u jaħmu l-maxx tagħhom fuq qoxra magħmula minn dqiq tas-segala. Ir-riżultat kien rönttönen, torta kbira u rikka. Illum il-ġurnata jagħmlu wkoll rönttönen iżgħar, ta'daqs koktejl.

It-torta rönttönen hija speċjalment u unikament magħrufa bħala prodott li joriġina mill-Kainuu. Hija speċjalità tradizzjonali lokali fil-Kuhmo. Fil-letteratura edukattiva u kulinarja, it-torti rönttönen huma dejjem awtomatikament assoċjati mal-Kainuu. Pereżempju, ir-riċetta għar-rönttönen ippubblikata fi ktieb bl-isem ta' Bakers á la carte (minn Manne Stenroos) ingħatat minn wieħed mill-produtturi bbażati fil-Kainu li wkoll jipparteċipa f'din l-applikazzjoni.

Bosta tipi ta' torti qed ikunu prodotti fiż-żona tal-Kainuu, iżda t-torta partikolari miftuħa u moħmija skond din ir-riċetta tissejjaħ rönttönen. Il-konnessjoni mar-reġjun tal-Kainuu tista' tinsab, pereżempju, fi ktieb tar-riċetti. “Suomalaisia leipäerikoisuuksia” (“Speċjalitajiet tal-ħobż Finlandiż”) (Leipätoimikunta 1988). L-istorja komuni tar-reġjun u tal-prodott hija wkoll deskritta fi ktieb miktub minn Götha u Reima Rannikko bl-isem ta' “Kainuun leipä” (“Il-ħobż tal-Kainuu”) (Otava 1978). Kainuun rönttönen huwa eżempju tal-ħobż tar-reġjun tal-Kainuu fi ktieb ta' Jaakko Kolmonen: “Suomen maakuntaleivät” (“Ħobż tar-Reġjuni tal-Finlandja”), fejn tista' ssib madwar 80 riċetta differenti tal-ħobż Finlandiż.

F'xogħlijiet letterarji li jitkellmu dwar il-ħajja fiż-żona tal-Kainuu, bħal f'“Muina miehinä” ta' Veikko Houvinen, il-Kainuun rönttönen huwa deskritt b'mod partikolari bħala l-prodott taż-żona tal-Kainuu. Il-Kainuun rönttönen huwa parti essenzjali mill-avvenimenti kulturali fil-Kainuu, bħall-Kuhmo Chamber Music Festival, festival annwali u tradizzjonali fejn jiltaqgħu nies minn madwar id-dinja bix-xewqa li jippruvaw l-ikel delizzjuż speċjali tal-lokal. Kainuun rönttönen ġie ppreżentat, pereżempju, fil-Festa tal-Kultura ta' l-Ikel Finlandiż f'Ħelsinki fl-1998, fis-Suq Rurali ta' Ħelsinki fl-1994 u fil-Fiera tad-Dulċiera u l-Furnara fi Stuttgart fl-1996. Kien ukoll element importanti fil-preżentazzjoni tal-Kainuu fil-Fiera tat-Turiżmu annwali f'Ħelsinki.

Il-Kainuun rönttönen kien jisserva mas-soppa, u din it-tradizzjoni għadha ħajja. Huwa ikla ħafifa delizzjuża u sustanzjuża kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar, u kull ma għandu bżonn fuqu huwa ftit butir għal togħma tajba. Imur tajjeb mal-kafè u huwa ikla ħafifa għal barra li m'hawnx bħala.

4.7.   Korp ta' spezzjoni:

Isem:

Elintarviketurvallisuusvirasto Evira

Indirizz:

PL 28, FI-00581 Helsinki

Telefown:

(358-020) 772 003

Feks:

(358-020) 772 43 50

Posta elettronika:

kirjaamo@evira.fi

4.8.   Tikkettar: —


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.