52008SC0193

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (dichloromethane) (emenda tad-direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE) - Taqsira ta’ l-istima ta’ l-impatt {KUMM(2008) 80 finali} {SEG(2008) 192} /* SEK/2008/0193 finali */


[pic] | Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 14.2.2008

SEG(2008) 193

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

li jakkumpanja

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (dichloromethane)

(emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE)

Taqsira ta’ l-Istima ta’ l-Impatt {KUMM(2008) 80 finali} {SEG(2008) 192}

Id-DĠ Kap: Intrapriża u Industrija

Dipartimenti oħra involuti: AGRI, ENV, SANCO, JRC, EMPL, ECFIN, TRADE, JLS, MARKT, RTD, SJ, TREN, SG

L-ipprogrammar ta’ l-aġenda jew ir-referenza tal-Programm ta’ Ħidma (PĦ): 2007/ENTR/016

L-ISFOND

Din it-taqsira tar-rapport ta' l-istima ta' l-impatt[1] takkumpanja l-Proposta għal Deċiżjoni ta' emenda għad-Direttiva 76/769/KEE marbuta mar-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tad-dichloromethane (DCM) fil-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa.

Id-DCM mhux inkluż fil-listi ta' prijorità skond ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi attwali. Iżda bosta rapporti dwar ir-riskji mid-DCM fil-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa[2] waslu għall-konklużjoni li jinħtieġu miżuri ta' tnaqqis tar-riskju ma' l-UE kollha.

L-istima ta' l-impatt tanalizza u tivvaluta l-miżuri differenti għal dawk li huma effikaċja, prattiċità, impatt u monitoraġġ ekonomiku, biex jonqsu r-riskji waqt l-użu industrijali, professjonali u mill-konsumatur tal-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM.

KWISTJONIJIET TA’ PROċEDURA U KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

Ġew diskussi restrizzjonijiet possibbli dwar l-użu tad-DCM fil-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa waqt bosta laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 76/769/KEE li fihom kienu preżenti rappreżentanti mill-Kummissjoni, l-Istati Membri (SM) u l-Kunsill għall-Industrija Kimika Ewropea (CEFIC). L-Organizzazzjoni tal-Konsumaturi Ewropej (BEUC), il-Federazzjoni tal-Ħaddiema tal-Minjieri, Kimika u Enerġija Ewropej (EMCEF) u l-Konfederazzjoni tad-Trejdjunjins Ewropej (ETUC) ġew ikkonsultati.

Matul dawn il-laqgħat, ħareġ li l-Istati Membri kienu maqsuma f'żewġ kampi differenti b'opinjonijiet totalment maqsuma: min naħa, UK, IE, IT, EL, PL - filwaqt li qablu li jeħtieġu kontrolli addizzjonali fuq il-post tax-xogħol - raw li ma kien hemm ebda raġuni li jiġu adottati projbizzjonijiet kemm għall-użu professjonali kif ukoll għall-konsumatur. Dawn l-Istati Membri jemmnu li restrizzjonijiet estensivi jkunu bla proporzjon għar-riskji li nstabu u li miżuri oħra jkunu biżżejjed biex jonqsu r-riskji.

Min-naħa l-oħra, DE, FR, SE, DK merew dan ir-raġjunament u jemmnu li l-effetti narkotiċi tad-DCM huma perikolużi b'mod partikolari u li l-inċidenti u l-fatalitajiet osservati juru li l-miżuri applikati bħalissa (bħar-ritardanti tal-fwar) mhumiex biżżejjed. Għalhekk huma favur l-adozzjoni ta' miżuri stretti għall-użu industrijali u projbizzjoni totali għall-użu professjonali u mill-konsumatur.

Leġiżlazzjonijiet oħra bħad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-Ħaddiem ġew eżaminati biex jiġu evitati duplikazzjonijiet jew konflitti legali.

DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA U GħANIJIET TA’ L-INIZJATTIVA POLITIKA

Skond l-Anness I tad-Direttiva 67/548/KEE, id-DCM huwa kklasifikat bħala karċinoġeniku fil-kategorija 3.

Il-potenzjal ta' periklu tad-DCM qiegħed primarjament fl-effett narkotiku tiegħu u d-depressjoni sussegwenti tas-sistema nervuża ċentrali (SNC) f'konċentrazzjonijiet għolja. Minkejja li l-effetti tossiċi akuti fuq l-SNC huma riversibbli ġew irrappurtati fatalitajiet f'għadd ta' okkażżjonijiet[3]. Bejn l-1989 u l-2007, 18-il fatalità (9 mill-użu industrijali; 8 mill-użu professjonali; 1 mill-użu tal-konsumatur) u 56 inċident mhux fatali (6 mill-użu industrijali; 26 mill-użu professjonali; 10 kemm mill-użu industrijali kif ukoll minn dak professjonali; 14 mill-użu tal-konsumatur) ġew reġistrati fl-UE.

Il-fatturi ewlenin li kkontribwew għal fatalitajiet f'inċidenti li jinvolvu prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM huma dawn li ġejjin:

- Ventilazzjoni inadegwata

- Tagħmir ta' protezzjoni personali inadegwat

- Użu ta' tankijiet inadegwati

- Użu tas-sustanza f'sitwazzjonijiet fejn ma kellhiex tintuża

- Inċidenti marbuta mas-sħana

- Abbuż (possibbli) mill-alkoħol

- Espożizzjoni għal tul ta' żmien

- Raġunijiet mhux magħrufa

Fuq il-bażi ta' dawn il-fatturi l-istima ta' l-impatt analiżżat il-miżuri differenti possibbli ta' kontroll biex jonqos l-għadd ta' inċidenti u r-riskju ta' fatalitajiet.

L-objettiv tal-Proposta huwa li jonqsu jew jiġu eliminati r-riskji identifikati biex jinkiseb livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa għall-utenti kollha tal-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bid-DCM (industrijali, professjonali u konsumatur) u biex jitwaqqfu regoli armonizzati ma' l-UE kollha biex jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju fil-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bid-DCM.

JEDD TAL-KUMMISSJONI LI TAġIXXI

Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tfittex li tistabbilixxi regoli armonizzati biex tikseb livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mal-Komunità u biex tiġi evitata leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti li tista’ tikkawża ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju.

Fid-dawl tal-fehmiet diverġenti fost l-Istati Membri dwar il-ħtieġa ta' azzjoni u l-azzjonijiet diverġenti meħuda minn xi uħud (AT, DK, SE) iżda mhux mill-Istati Membri kollha, il-kontroll ta' dawn ir-riskji ma jistax jinkiseb billi titħalla r-resposnabbilità f'idejn l-Istat Membru biss. Azzjoni fuq livell tal-Komunità huwa l-aktar mod effiċjenti u proporzjonat biex jiġu eliminati jew jitnaqqsu r-riskji identifikati filwaqt li jitħares is-Suq Intern. L-Artikolu 95 tat-Trattat huwa l-bażi legali xierqa għall-Proposta.

TQABBIL TA’ L-GħAżLIET POLITIċI VARJI BIEX JINKISBU L-GħANIJIET

L-għażliet possibbli biex jinkisbu l-objettivi maħsuba li jonqsu r-riskji matul l-applikazzjoni tal-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM ġew żviluppati fuq il-bażi tat-tagħrif u l-konklużjonijiet pprovduti mir-rapporti mwettqa mill-Kummissjoni. Aktar tagħrif mill-Istati Membri, l-industrija, u partijiet oħra interessati ġew inklużi. It-tabella li ġejja hija taqsira ta' dak li nstab.

GħAżLA POSSIBBLI | EFFIKAċJA | EFFIċJENZA |

Ebda azzjoni | Baxxa ħafna: Din l-għażla mhix se twaqqaf l-inċidenti (fatali jew le) li jissoktaw għall-utenti kollha. L-Istati Membri jistgħu jkomplu jilleġiżlaw nazzjonalment, billi japplikaw miżuri ta' restrizzjoni differenti bl-ostakoli li jirriżultaw għas-Suq Intern. | Baxxa: Ebda spejjeż żejda għall-industrija iżda l-objettivi ta' tnaqqis tar-riskju għat-tliet użi differenti ma jintlaħqux. |

Azzjoni volontarja mill-industrija | Baxxa ħafna: Diffikultajiet biex jinħoloq ftehim b'kopertura wiesgħa industrijali billi l-opinjonijiet fi ħdan l-industrija huma maqsuma sew. Diffikultajiet għall-Istat Membru biex jivverifika l-konformità ta' l-industrija ma' l-azzjoni volontarja. Is-saħħa tal-konsumatur mhijiex se tiġi garantita. | Baxxa ħafna: Spejjeż amministrattivi sinifikanti għall-industrija biex jintlaħaq ftehim dwar impenn volontarju, jitwaqqaf, jiġi infurzat u ssorveljat u li jkollu jkopri ħafna IŻM. |

Kontrolli ta' inġinerija: ventilazzjoni u tankijiet | Minn għolja sa medja għall-użu industrijali: Ir-riskji matul l-użu industrijali jonqsu, iżda jkun meħtieġ tagħmir protettiv personali addizzjonali għall-ħarsien tal-ħaddiema. Medja sa baxxa għall-użu professjonali: Diffikultajiet prattiċi għall-utenti professjonali li joperaw barra mill-istallazzjonijiet industrijali biex jikkontrollaw il-livelli ta' espożizzjoni għad-DCM u jżommu biżżejjed ventilazzjoni. Miżuri li jirrigwardaw tankijiet huma applikabbli biss għal ċerti użi professjonali u mhux għal oħrajn. Baxxa ħafna għall-użu mill-konsumatur: Diffikultajiet biex tiġi żgurata "ventilazzjoni tajba" meta l-konsumaturi jkunu jridu jużaw prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa fuq ġewwa jew f'każ ta' kundizzjonijiet ħżiena ta' temp. Miżuri li jirrigwardaw tankijiet mhumiex applikabbli. | Minn għolja sa medja għall-użu industrijali: L-istallazzjoni ta' ventilazzjoni mekkanika tista' teħtieġ bidliet fit-tagħmir preżenti bi spejjeż speċjalment għal IŻM. L-effiċjenza tal-modifikazzjonijiet fit-tankijiet tista' tkun għolja għal oġġetti żgħar, iżda ssir dejjem inqas effiċjenti għal oġġetti akbar minħabba investiment ogħla ta' kapital. Medja sa baxxa għall-użu professjonali: L-ispejjeż għat-tagħmir meħtieġ ikunu għolja u jiddependu fuq l-applikazzjoni professjonali speċifika. Tagħmir żejjed li jiswa ħafna flus jista' jkun meħtieġ għal xi każi speċifiċi u jista' jeħtieġ għarfien espert biex jiġi applikat b'mod korrett. Baxxa ħafna għall-użu mill-konsumatur: It-tagħmir meħtieġ biex tiġi żgurata 'ventilazzjoni tajba' jkun jiswa wisq flus. |

Miżuri dwar l-użu: 1. Tagħmir Protettiv Personali (TPP) 2. Limiti dwar id-daqs tal-kontenitur u rekwiżiti ta' disinn 3. Rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni tal-prodott | Għolja għall-użu industrijali: Ħarsien kontra l-espożizzjoni dermali jkun iggarantit permezz ta' l-użu ta' ingwanti ta' materjal xieraq. Ħarsien kontra riskji ta' inalazzjoni jkun iggarantit permezz ta' maskri jew respiraturi xierqa. Medja għall-użu professjonali: Diffikultajiet ta' valutazzjoni ta' l-użu ta' materjal xieraq għall-ingwanti (li jiddependi fuq parametri bħal livelli ta' espożizzjoni, intensità ta' xogħol mekkaniku u tul ta' żmien) għall-kundizzjonijiet kollha ta' xogħol speċifiċi, speċjalment għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u attivitajiet imwettqa barra minn stallazzjonijiet industrijali. X'aktarx li r-respiraturi ma jitlibsux meta jkun meħtieġ. Baxxa għall-użu mill-konsumatur: ebda garanzija li l-konsumaturi se jużaw sewwa t-TPP jew li jbiddlu t-TPP skond kif xieraq. Il-ħarsien tas-saħħa tal-konsumatur ma jkunx iggarantit. | Medja għall-użu industrijali: Spejjeż addizzjonali għall-kumpaniji biex jipprovdu TPP effettiv, li jkun irid jiġi magħżul fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet speċifiċi ta' xogħol u kontrolli preżenti ta' inġinerija dwar ventilazzjoni u tankijiet. Medja sa baxxa għall-użu professjonali: Spejjeż addizzjonali għall-kumpaniji biex jagħżlu u jixtru tagħmir xieraq li jiżgura protezzjoni xierqa taħt kundizzjonijiet ta' xogħol li jinbidlu ta' sikwit. Baxxa għall-użu mill-konsumatur: Spejjeż għal TTP meħtieġ huma bla proporzjon, speċjalment għal xogħlijiet żgħar tad-dilettanti. |

Baxxa għall-użu industrijali, professjonali u mill-konsumatur: tnaqqis fid-daqs tal-kontenitur u rekwiżit għal għenuq dojoq ikunu miżuri effettivi biex tonqos l-espożizzjoni minħabba tixrid aċċidentali, iżda ma jibdilx il-mod kif jintuża l-prodott u ma jnaqqasx ir-riskji marbuta ma' dan. Kontenituri b'għonq dejjaq ma jippermettux lill-utenti li jgħaddsu pinzel fil-prodott u minħabba f'hekk iferrgħu f'kontenituri usa' b'riskju għoli ta' espożizzjoni għall-fwar tad-DCM. | Baxxa għall-użu industrijali, professjonali u mill-konsumatur: Kwantitajiet konsiderevoli ta' prodott għat-tqaxxir taż-żebgħa huma meħtieġa meta jiġi applikat permezz ta' tagħdis f'tankijiet għal użu industrijali u professjonali. L-ispejjeż addizzjonali minħabba l-ħin meħtieġ biex jintużaw kontenituri multipli u l-ammont ta' skart ta' ippakkjar li jiġi ġenerat jagħmlu din l-għażla anqas effiċjenti. |

Baxxa għall-użu industrijali, professjonali u mill-konsumatur: Tnaqqis ta' kontenut DCM jeħtieġ aktar użu ta' ingredjenti oħra li jistgħu joħolqu potenzjalment riskji oħra (eż. komponenti li jieħu n-nar). Żieda ta' sustanza li jkun fiha riħa tista' tinkoraġixxi lill-utenti li jilbsu maskri "sempliċi" mingħajr ma tinkiseb il-protezzjoni meħtieġa kontra d-DCM. Ir-ritardanti tal-fwar diġa ntużaw għal ħafna snin u ma jiżgurawx kontroll xieraq ta' l-espożizzjoni għad-DCM matul l-użu. | Baxxa għall-użu industrijali, professjonali u mill-konsumatur: tnaqqis tal-konċentrazzjoni tad-DCM jista' jaffettwa l-effikaċja tal-prodotti rilevanti mingħajr ma jinkiseb l-istess effett fit-tqaxxir taż-żebgħa. Dan ikun jeħtieġ ħinijiet itwal ta' trattament bi spejjeż ogħla. |

Taħriġ obbligatorju u liċenzjar ta' l-utent | Medja sa baxxa għall-użu industrijali: il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiem diġa teħtieġ minn min iħaddem li jipprovdi ħarsien xieraq fit-treġija tar-riskji minn applikazzjonijiet li fihom d-DCM. Stat Membru jista' joqgħod lura jew ma jkollux il-mezzi biex ikun involut fi skemi ta' taħriġ u liċenzjar. Għolja għall-użu professjonali: It-taħriġ u l-liċenzjar iwassal għal aktar għarfien tar-riskji u ta' miżuri meħtieġa ta' ħarsien, b'mod partikolari għal IŻM u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni għall-Ħarsien tal-Ħaddiema. Dan ikun partikolarment effettiv għal attivitajiet barra mill-istallazzjonijiet industrijali. Stat Membru jista' joqgħod lura jew ma jkollux il-mezzi biex ikun involut fi skemi ta' taħriġ u liċenzjar. Mhux applikabbli għall-użu mill-konsumatur. | Medja għall-użu industrijali: Spejjeż addizzjonali għal dawk il-kumpaniji li jagħżlu li jipprovdu jew jużaw prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM għall-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ, tixrid ta' tagħrif, ittestjar u liċenzjar ta' dawk li jkunu biħsiebhom li jsibu xogħol f'negozju ta' tqaxxir ta' żebgħa bid-DCM. Aktar responsabbilità u piż amministrattiv għal Stat Membru biex jikkontrolla sistema ta' taħriġ u liċenzjar. Medja għall-użu professjonali: Spejjeż addizzjonali għal dawk il-kumpaniji li jagħżlu li jipprovdu jew jużaw prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM għall-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ, tixrid ta' tagħrif, ittestjar u liċenzjar ta' dawk li jkunu biħsiebhom li jsibu xogħol f'negozju ta' tqaxxir ta' żebgħa bid-DCM. Aktar responsabbilità u piż amministrattiv għal Stat Membru biex jikkontrolla sistema ta' taħriġ u liċenzjar Mhux applikabbli għall-użu mill-konsumatur. |

Projbizzjoni totali | Baxxa għall-użu industrijali: Projbizzjoni totali tal-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM telimina r-riskju mid-DCM iżda t-tnaqqis inkrementali fir-riskju permezz ta' projbizzjoni totali jkun baxx, billi miżuri oħra ta' tnaqqis tar-riskju jistgħu jkunu ugwalment effettivi fit-tnaqqis tar-riskji. Medja għall-użu professjonali: din l-għażla tkun effettiva ħafna fit-tħaris ta' l-utenti professjonali meta jitqies l-għadd ta' fatalitajiet irreġistrati. Iżda din l-għażla tkun anqas effettiva jekk il-professjonisti jirċievu taħriġ adegwat u TPP xieraq matul l-attività tagħhom. Għolja għall-użu mill-konsumatur: Billi l-konsumaturi ma għandhomx aċċess għall-istess tagħmir (speċjalment kontrolli ta' inġinerija u TPP) bħall-professjonisti jew l-utenti industrijali, u lanqas għal taħriġ, u f'xi każijiet il-kundizzjonijiet ta' xogħol fid-dar jistgħu jkunu ħafna agħar milli f'kundizzjonijiet professjonali, din il-miżura tiżgura bl-aħjar mod il-ħarsien tagħhom kontra l-espożizzjoni tad-DCM. Projbizzjoni totali tiffaċilita infurzar mill-Awtoritajiet Kompetenti billi ma setgħux jinfurzaw miżuri oħra fuq il-konsumaturi. | Medja għall-utenti industrijali u professjonali: Telf sinifikanti għall-produtturi tad-DCM iżda qliegħ għall-produtturi ta' prodotti alternattivi. Relativament newtrali għall-produtturi ta' prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li ħafna minnhom diġà jipproduċu formulazzjonijiet alternattivi. Projbizzjoni jkollha impatt fuq il-kumpaniji b'mod partikolari f'dak li huwa: (a) l-ispiża miżjuda ta' l-alternattivi; (b) l-ispejjeż kapitali ta' adattament ta' l-istallazzjonijiet preżenti għall-użu mal-prodotti alternattivi u (c) it-telf fil-produttività billi l-prodotti alternattivi jeħtieġu trattament aktar fit-tul u applikazzjoni ripetuta. Spejjeż sinifikanti għal IŻM li jaħdmu b'marġini baxxa ta' profitt. Medja sa għolja għall-użu mill-konsumatur: Telf moderat għall-produtturi tad-DCM, iżda qliegħ għall-produtturi ta' prodotti alternattivi. Newtrali għall-produtturi ta' prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa billi l-kumpaniji li jipproduċu l-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa ta' sikwit diġa jipprovdu prodotti b'bażi ta' DCM u oħrjan mingħajr DCM. Għalhekk l-effett ġenerali jkun x'aktarx newtrali. Spejjeż ġenerali mnaqqsa għall-konsumaturi meta titqies l-ispiża tal-prodott għat-tqaxxir taż-żebgħa u t-TPP meħtieġ biex jintużaw prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM. |

KONKLUŻJONIJIET

Il-taħlita li ġejja ta' għażliet toħroġ bħala l-aktar ibbilanċjata u pproporzjonata:

- Prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM għall-użu industrijali:

Ir-rekwiżiti obbligatorji li ġejjin għandhom jiġu applikati matul l-attivitajiet industrijali:

- Użu ta' ingwanti ta' protezzjoni xierqa

- Użu ta' ventilazzjoni lokali effettiva jew tagħmir ta' ħarsien indipendenti li jipprovdi arja għan-nifs

- Kontrolli xierqa ta' inġinerija għal tankijiet li jintużaw għat-tqaxxir

Projbizzjoni totali għall-użu kollu industrijali tkun bla proporzjon meta jitqiesu l-ispejjeż għolja għall-industrija u t-tagħrif mhux komplut dwar prodotti alternattivi. L-għażliet l-oħra bħal limitazzjonijiet fid-daqs tal-kontenitur u rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni tal-prodott mhumiex effettivi biex jipprevjenu l-espożizzjoni għad-DCM u jnaqqsu r-riskji.

- Prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM għall-użu professjonali:

L-użu minn professjonisti barra minn istallazzjonijiet industrijali għandu jiġi pprojbit b'mod ġenerali, iżda Stat Membru jista' jagħżel li jippermetti l-użu fuq it-territorju tiegħu minn professjonisti mħarrġa b'mod speċifiku u bil-liċenzja. Tkun responsabbiltà tal-kumpaniji interessati fl-Istat Membru kkonċernat li joħolqu s-sistemi meħtieġa għat-taħriġ u liċenzjar u tkun responsabbiltà ta' l-Istat Membru li jissorvelja s-sistemi.

Din il-miżura tagħti lill-Istat Membru u l-kumpaniji interessati r-responsabbilità sħiħa u l-piż amministrattiv biex iwaqqaf u jikkontrolla sistema ta' taħriġ u liċenzjar u miżuri xierqa ta' kontroll.

L-għażliet l-oħra bħal kontrolli ta' inġinerija, limitazzjonijiet fid-daqs tal-kontenitur u rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni tal-prodott mhumiex effettivi biex jipprevjenu l-espożizzjoni għad-DCM u jnaqqsu r-riskji tul ħafna sitwazzjonijiet ta' użu professjonali.

- Prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa b'bażi ta' DCM għall-użu mill-konsumatur:

Projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq ta' prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom d-DCM għall-użu mill-konsumatur hija l-unika miżura effettiva biex jiġu eliminati r-riskji għall-konsumaturi billi jkun impossibbli li jiġu ssorveljati b'mod komprensiv l-azzjonijiet u l-aġir tal-konsumatur tul applikazzjonijiet dilettantistiċi, jew li jiġi żgurat taħriġ xieraq u użu ta' tagħmir ta' ħarsien meħtieġ.

Meqjusa l-ispejjeż u l-benefiċċji ġenerali, din il-miżura hija proporzjonata.

Ebda waħda mill-miżuri ma jkollha impatt fuq il-baġit ta' l-UE.

SORVELJANZA U VALUTAZZJONI

L-Istati Membri għandhom mekkaniżmi li ilhom stabbiliti u ħatru awtoritajiet biex jissorveljaw il-konformità mar-restrizzjonijiet tad-Direttiva 76/769/KEE. Dawn l-istess strutturi jistgħu jintużaw taħt ir-Regolament (KE) 1907/2006. Barra minn hekk, Forum dwar Skambju ta' Tagħrif dwar l-Infurzar se jitmexxa mill-Aġenzija għas-Sustanzi Kimiċi Ewropea u se jikkoordina netwerk ta' awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament.

[1] Il-verżjoni sħiħa EN tinsab fuq il-websajt: http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm

[2] Rapport TNO-STB, Novembru 1999; Rapport grupp esperti ETVAREAD, April 2004; Rapport RPA, April 2007. Dawn ir-rapporti jinsabu fuq il-websajt http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm

[3] Kumitat Xjentifiku opinjoni adottata f'Marzu 2005. http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scher/scher_opinions_en.htm