52008PC0837R(01)

Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa {KUMM(2008) 836 finali} {SEC(2008) 3004} {SEC(2008) 3005} /* KUMM/2008/0837 finali/2 - CNS 2009/0003 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.1.2009

KUMM(2008) 837 finali/2

2009/0003 (CNS)

CorrigendumAnnule et remplace le COM(2008)837 du 15.12.2008Concerne toutes les versions linguistiques (pp. 1 et 2).

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa {KUMM(2008) 836 finali} {SEC(2008) 3004} {SEC(2008) 3005}

(preżentata mill-Kummissjoni)

2009/0003 (CNS)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 152(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ewropew Ekonomiku u Soċjali[3],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Kumitat tar-Reġjuni[4],

Billi:

1. L-Artikolu 152 tat-Trattat jistipula li l-azzjoni tal-Komunità, li għandha tikkumplimenta l-politiki nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard tal-bniedem, u għandha tipprevjeni sorsi ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

2. Huwa stmat li fl-Istati Membri tal-UE bejn 8 % u 12 % tal-pazjenti li jittieħdu l-isptar ibatu minn konsegwenzi mhux mixtieqa waqt li qed jirċievu l-kura tas-saħħa[5].

3. Sikurezza fqira tal-pazjent tirrappreżenta kemm problema serja fis-saħħa pubblika kif ukoll piż ekonomiku għoli fuq ir-riżorsi tas-saħħa limitati. Il-parti l-kbira ta' konsegwenzi mhux mixtieqa jistgħu jiġu evitati, kemm fis-settur tal-isptar kif ukoll fil-kura primarja, b'fatturi sistemiċi li jidhru li huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tagħhom.

4. Il-proposta tal-Kummissjoni tibni fuq, u tikkomplementa, il-ħidma għas-sikurezza tal-pazjenti mwettqa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) permezz tal-Alleanza Dinjija għas-Sikurezza tal-Pazjenti, tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u għall-Iżvilupp.

5. Il-Kummissjoni, permezz tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, tappoġġja r-riċerka fis-sistemi ta' saħħa, b'mod partikolari fil-kwalità ta' provvediment għall-kura tas-saħħa fl-ambitu tat-Tema dwar is-Saħħa, inkluż enfasi fuq is-sikurezza tal-pazjent. Din tal-aħħar tingħata attenzjoni speċjali wkoll fl-ambitu tat-Tema dwar it-Tagħrif u t-Teknoloġija ta' Komunikazzjoni.

6. Il-White Paper "Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013" tat-23 ta' Ottubru 2007[6] tidentifika s-sikurezza tal-pazjent bħala qasam għall-azzjoni.

7. L-evidenza turi li l-Istati Membri tal-UE jinsabu f'livelli differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji effettivi u komprensivi għas-sikurezza tal-pazjenti[7]. Għalhekk, din l-inizjattiva għandha tendenza li toħloq qafas li jagħti spinta lill-iżvilupp tal-politika u lill-azzjoni futura fi u bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li tiffaċċja l-UE dwar is-sikurezza tal-pazjenti.

8. Il-pazjenti għandhom ikunu mgħarrfa u mogħtija s-setgħa billi jiġu involuti fil-proċess tas-sikurezza tal-pazjenti; għandhom ikunu mgħarrfa dwar il-livelli ta' sikurezza u dwar kif jistgħu jsibu tagħrif aċċessibbli u komprensiv fir-rigward tal-ilmenti u s-sistemi ta' rimedju.

9. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew itejbu r-rappurtar komprensiv u s-sistemi ta' tagħlim biex il-limitu u l-kawżi tal-konsegwenzi mhux mixtieqa jinstabu biex b'hekk jiġu żviluppati soluzzjonijiet u interventi effiċjenti. Is-sikurezza tal-pazjenti għandha tkun inkorporata fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, li jipprovdu l-kura.

10. Għandha tinġabar dejta komparabbli u aggregata f'livell Komunitarju biex jiġu stabbiliti programmi effiċjenti u trasparenti dwar is-sikurezza tal-pazjenti, strutturi u linji politiċi, u għandha tinxtered l-aħjar prattika fost l-Istati Membri. Biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku, jeħtieġ li jiġu żviluppati terminoloġija komuni għas-sikurezza tal-pazjenti u indikaturi komuni permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li titqies il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

11. L-għodda teknoloġiċi ta' tagħrif u ta' komunikazzjoni, bħar-rekords elettroniċi tas-saħħa jew il-preskrizzjoni elettronika, jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza tal-pazjenti, bħal pereżempju permezz ta' skrining b'mod sistematiku għall-interazzjonijiet eventwali tal-mediċini jew l-allerġiji.

12. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ħarsien minn u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ħareġ stima li l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa jaffettwaw madwar wieħed f'20 pazjent fl-isptarijiet.

13. Għandha tiġi żviluppata strateġija nazzjonali komplementari għall-istrateġiji mmirati lejn l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobjali, li tinkorpora l-ħarsien minn u l-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa f'għanijiet nazzjonali għas-saħħa pubblika li jimmiraw li jnaqqsu r-riskju ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa. Huwa essenzjali li r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjonijiet tal-komponenti tal-istrateġija nazzjonali jiġu allokati bħala parti mill-finanzjament ewlieni għat-twassil tal-kura tas-saħħa.

14. Il-ħarsien minn u l-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa għandhom ikunu prijorità strateġika fit-tul għall-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa. Il-livelli u l-funzjonijiet ġerarkiċi kollha għandhom jikkooperaw biex jiksbu mġiba li tiffavorixxi r-riżultati u l-bidla fl-organizzazzjoni, permezz tad-definizzjoni tar-responsabbiltajiet fil-livelli kollha, l-organizzazzjoni ta' faċilitajiet ta' appoġġ u riżorsi lokali tekniċi u t-twaqqif ta' proċeduri ta' evalwazzjoni.

15. Id-dejta disponibbli dwar infezzjonijiet assoċjati mal-kura għas-saħħa mhijiex biżżejjed biex tippermetti t-tqabbil bejn l-istituzzjonijiet permezz ta' netwerks ta' sorveljanza, il-monitoraġġ tal-epidemjoloġija ta' patoġeni assoċjati mal-kura għas-saħħa u l-evalwazzjoni u t-tmexxija ta' linji politiċi dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Għalhekk, is-sistemi ta' sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti jew imsaħħa fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura għas-saħħa u f'livell reġjonali u nazzjonali.

16. Biex jinkisbu l-għanijiet dwar is-sikurezza tal-pazjenti msemmija hawn fuq, inklużi l-protezzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa l-Istati Membri għandhom jiżguraw strateġija li tinkludi kollox filwaqt li jitqiesu l-elementi l-aktar xierqa li għandhom impatt reali fuq il-prevalenza u l-piż ta' konsegwenzi mhux mixtieqa.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI LI ġEJJA

TAQSIMA I: AZZJONIJIET MILL-ISTATI MEMBRI

I. Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fl-Anness 1.

II. Kwistjonijiet ġenerali dwar is-sikurezza tal-pazjenti

17. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' linji politiċi u programmi nazzjonali permezz ta':

18. Ħatra tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-sikurezza tal-pazjenti fuq it-territorju tagħhom;

19. Integrazzjoni tas-sikurezza tal-pazjenti bħala kwistjoni ta' prijorità fil-linji politiċi u l-programmi dwar is-saħħa f'livell nazzjonali kif ukoll reġjonali u lokali;

20. Appoġġ tal-iżvilupp ta' sistemi, proċessi u għodda aktar siguri, inkluż l-użu ta' teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni.

21. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw u jgħarrfu liċ-ċittadini u l-pazjenti permezz ta':

22. L-involviment ta' organizzazzjonijiet u ta' rapprezentanti tal-pazjenti fl-iżvilupp ta' linji politiċi u programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti fil-livelli kollha;

23. It-tixrid tat-tagħrif lill-pazjenti dwar ir-riskju, il-livelli ta' sikurezza u miżuri fis-seħħ biex jitnaqqsu jew jiġu evitati l-iżbalji, u għall-garanzija ta' kunsens infurmat fir-rigward tat-trattament, biex l-għażla u t-teħid ta' deċiżjoni min-naħa tal-pazjent ikunu faċilitati.

24. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew isaħħu r-rappurtar u s-sistemi ta' tagħlim dwar kundizzjonijiet mhux mixtieqa li:

25. Jipprovdu tagħrif xieraq dwar il-limitu safejn, it-tip u l-kawża ta' żbalji, konsegwenzi mhux mixtieqa u kważi-inċidenti;

26. Jinkoraġġixxu l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa biex jirrappurtaw b'mod attiv permezz tal-istabbiliment ta' ambjent ta' rappurtar miftuħ u ġust. Dan ir-rappurtar għandu jkun diffrenzjat mis-sistemi dixxiplinarji tal-Istati Membri u mill-proċeduri għall-ħaddiema tal-kura għas-saħħa, u l-kwistjonijiet legali madwar ir-responsabbiltà tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa għandhom jiġu ċċarati.

27. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa dwar is-sikurezza tal-pazjenti permezz ta':

28. L-inkoraġġiment ta' edukazzjoni u taħriġ multi-dixxiplinarju fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjenti għall-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa, għal ħaddiema oħra tal-kura tas-saħħa u għall-maniġment rilevanti u l-istaff amministrattiv li għandhom x'jaqsmu mal-kura għas-saħħa;

29. Il-kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet involuti fl-edukazzjoni professjonali fil-kura għas-saħħa biex ikun żgurat li s-sikurezza tal-pazjent tingħata l-attenzjoni mistħoqqa fil-kurrikula tal-edukazzjoni ogħla u fl-edukazzjoni u t-taħriġ attwali tal-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa.

30. L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw, jikkodifikaw u jkejlu b'mod xieraq is-sikurezza tal-pazjenti, billi jaħdmu mal-Kummissjoni Ewropea:

31. Biex jiżviluppaw definizzjonijiet u terminoloġija komuni, filwaqt li jqisu l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali;

32. Biex jiżviluppaw sensiela ta' indikaturi ċentrali komuni li jkunu affidabbli u komparabbli f'livell tal-UE biex jidentifikaw il-problemi ta' sikurezza, biex jivvalutaw l-effettività tal-interventi mmirati lejn it-titjib tas-sikurezza, u biex jiffaċilitaw it-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri;

33. Biex jiġbru u jaqsmu d-dejta u t-tagħrif komparabbli dwar riżultati fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjenti f'dak li huwa tip u numru, f'livell tal-UE, għall-iffaċilitar ta' tagħlim reċiproku u l-orjentazzjoni tal-iffissar ta' prijoritajiet.

34. L-Istati Membri għandhom jaqsmu l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prassi f'livell Ewropew permezz ta':

35. L-aħjar prassi u esperjenza tal-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu programmi, strutturi u linji politiċi effiċjenti u trasparenti dwar is-sikurezza tal-pazjenti, inkluż rappurtar u sistemi ta' tagħlim, biex jiġġieldu l-konsegwenzi mhux mixtieqa fil-kura għas-saħħa;

36. Il-qsim ta' esperjenzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-effikaċja tal-interventi u s-soluzzjonijiet stipulati biex itejbu s-sikurezza tal-pazjenti fil-livell ta' kura għas-saħħa u tal-evalwazzjoni tat-trasferibbiltà ta' dawn.

III. Il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

37. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jimplimentaw strateġija nazzjonali għall-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, waqt li jsegwu dawn l-għanijiet li ġejjin:

38. L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ħarsien u ta' kontroll f'livell tal-Istat Membru għall-appoġġ tat-trażżin ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

39. It-titjib tal-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet f'livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa;

40. L-istabbiliment jew it-tisħiħ tas-sistemi ta' sorveljanza attivi fil-livell tal-Istat Membru u fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa;

41. It-trawwim tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa f'livell tal-Istat Membru u fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa;

42. Titjib fit-tagħrif li jingħata lill-pazjenti;

43. Appoġġ lir-riċerka.

44. L-Istati Membri għandhom jaħsbu għall-istabbiliment, possibilment fi żmien sena wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, ta' mekkaniżmu inter-settorjali għall-implimentazzjoni koordinat tal-istrateġija nazzjonali kif ukoll għall-għanijiet tal-iskambju ta' tagħrif u ta' koordinazzjoni mal-Kummissjoni, mal-ECDC u mal-Istati Membri l-oħra[8].

IV. Rakkomandazzjonijiet addizzjonali

45. L-Istati Membri għandhom ixerrdu l-kontenut ta' din ir-Rakkomandazzjoni fost l-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa, il-korpi professjonali u l-istituzzjonijiet edukattivi flimkien ma' inkoraġġiment lilhom biex isegwu l-approċċi ssuġġeriti biex l-elementi ewlenin jistgħu jitpoġġew fil-prattika ta' kuljum.

46. L-Istati Membri għandhom jikkomplementaw l-elementi ewlenin stipulati fit-Taqsimiet II u III ta' din ir-Rakkomandazzjoni permezz tal-azzjonijiet ta' appoġġ stipulati fl-Anness 2.

(3) L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħha u sussegwentement fuq talba tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jsir kontribut fis-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq livell Komunitarju.

PARTI II: RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

47. Il-Kummissjoni hija mistiedna tressaq, mhux aktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, Rapport ta' Implimentazzjoni li jevalwa l-impatt tagħha indirizzat lill-Kunsill, fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri, biex jitqies il-limitu safejn il-miżuri proposti qed jaħdmu b'mod effettiv, u biex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għal aktar azzjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS 1

DEFINIZZJONIJIET

Kundizzjoni mhux mixtieqa | Inċident li jirriżulta fi ħsara lil pazjent. Il-ħsara timplika taħsir fl-istruttura jew fil-funzjoni tal-ġisem u/jew kwalunkwe effett dannuż li jiġi minn dan. |

Aġenti antimikrobjali | Sustanzi magħmula jew b'mod sintetiku jew naturali mill-batterji, fungi jew pjanti, li jintużaw biex joqtlu jew ma jħallux l-iżvilupp ta' mikro-organiżmi, inklużi batterja, vajrusis jew fungi, jew ta' parassiti, b'mod partikolari l-protożoa. |

Infezzjoni assoċjata mal-kura tas-saħħa | Infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (fi sptarijiet imsejħa wkoll nosokomjali jew li jittieħdu mill-isptar) huma mard jew patoloġiji (marda, fjammazzjoni) relatati mal-preżenza ta' aġent infettiv jew mal-prodotti tiegħu b'konsegwenza tal-esponiment għall-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jew ta' proċeduri tal-kura tas-saħħa. |

Istituzzjoni tal-kura tas-saħħa | Istituzzjoni fejn il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jipprovdu kura sekondarja jew terzjarja. |

Professjonist tas-saħħa | Professjonist li xogħolu jinvolvi l-għoti ta' servizzi tal-kura tas-saħħa u li huwa rreġistrat mal-awtorità kompetenti xierqa fl-Istat Membru. |

Ħaddiem tal-kura tas-saħħa | L-istaff kollu involut fit-twassil dirett tal-kura tas-saħħa. |

Persuna ta' kuntatt fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet | Professjonijisti tas-saħħa li jaħdmu ġo oqsma kliniċi/dipartimenti li jaġixxu bħala kuntatt bejn il-qasam/id-dipartiment tagħhom u t-Tim tal-Kontroll u l-Ħarsien mill-Infezzjonijiet. Il-persuni ta' kuntatt fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet jgħinu fil-promozzjoni tal-ħarsien mill-infezzjonijiet u l-kontroll tagħhom fl-oqsma/fid-dipartimenti tagħhom u jikkomunikaw ir-riżultati lit-Tim tal-Kontroll u l-Ħarsien mill-Infezzjonijiet. |

Pjan għall-kura tal-pazjent | Dokument miktub li jagħti direzzjoni għat-twassil ta' kura mill-infermiera jew kura multidixxiplinarja. |

Is-sikurezza tal-pazjent | Il-ħelsien ta' pazjent minn kwalunkwe ħsara bla bżonn jew minn ħsara potenzjali assoċjata mal-kura tas-saħħa. |

Kura primarja | Kura tas-saħħa mogħtija minn professjonisti tas-saħħa msejsa fil-Komunità li jaġixxu bħala l-ewwel punt ta' konsultazzjoni għall-pazjenti. |

Indikatur tal-proċess | Indikatur li jirreferi għall-konformità ma' attivitajiet miftiehma bħall-iġjene tal-idejn, is-sorveljanza, u proċeduri standard operattivi. |

Programm | Qafas wiesgħa ta' miri li għandhom jinkisbu, li jservi bħala bażi biex jiddefinixxi u jippjana proġetti speċifiċi. |

Kura sekondarja | Kura tas-saħħa speċjalizzata pprovduta minn professjonisti speċjalisti fil-kura tas-saħħa li ġeneralment ma jkollhomx l-ewwel kuntatt mal-pazjenti. |

Indikatur strutturali | Indikatur li jirreferi għal kwalunkwe sors, bħal persunal, infrastruttura, kumitat. |

Kura terzjarja | Kura tas-saħħa speċjalizzata – normalment meta jirreferu għaliha l-professjonisti tas-saħħa medika primarja jew sekondarja - minn professjonisti speċjalisti tas-saħħa li jaħdmu f'istituzzjoni tal-kura tas-saħħa li għandha l-persunal u l-faċilitajiet għal investigazzjoni u trattament speċjali. |

ANNESS 2

AZZJONIJIET TA' SOSTENN

1. Kwistjonijiet ġenerali dwar is-sikurezza tal-pazjenti

48. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' linji politiċi u programmi nazzjonali permezz ta':

49. L-assigurazzjoni li standards ċari ta' sikurezza li huma applikabbli għall-kura tas-saħħa pprovduta fit-territorju tagħhom huma reveduti u aġġornati regolarment;

50. L-assigurazzjoni li l-organizzazzjonijiet professjonali tas-saħħa għandhom rwol attiv fis-sikurezza tal-pazjenti.

51. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw u jgħarrfu liċ-ċittadini u l-pazjenti permezz ta':

52. Tixrid ta' tagħrif lill-pazjenti dwar proċeduri ta' lmenti u r-rimedji u r-rikors disponibbli, f'każ li tkun saret ħsara waqt il-kura tas-saħħa, u fuq it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli;

53. Il-konsiderazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi ċentrali fis-sikurezza tal-pazjenti (jiġifieri l-għarfien ċentrali, l-attitudnijiet u l-ħiliet meħtieġa biex tinkiseb kura aktar sikura) għall-pazjenti.

54. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew isaħħu r-rappurtar u s-sistemi ta' tagħlim dwar kundizzjonijiet mhux mixtieqa li:

55. Jipprovdu l-opportunitajiet għall-pazjenti, għall-qraba tagħhom u għal persuni oħra informali li jagħtu l-kura li jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom;

56. Jikkumplementaw sistemi oħra ta' rappurtar, bħal dawk dwar il-farmakoviġilanza u l-apparat mediku, filwaqt li jiġi evitat ir-rappurtar multiplu fejn possibbli.

57. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa dwar is-sikurezza tal-pazjenti permezz ta':

58. L-integrazzjoni tas-sikurezza tal-pazjenti fl-istudji ta' qabel il-gradwazzjoni u wara l-gradwazzjoni, u l-iżvilupp kontinwu professjonali tal-professjonisti tas-saħħa;

59. Il-konsiderazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi ċentrali fis-sikurezza tal-pazjenti (jiġifieri l-għarfien ċentrali, l-attitudnijiet u l-ħiliet meħtieġa biex tinkiseb kura aktar sikura) għat-tixrid fost il-ħaddiema kollha fil-kura tas-saħħa u l-maniġment rilevanti u l-istaff amministrattiv;

60. Il-provvediment u t-tixrid ta' tagħrif lill-ħaddiema kollha fil-kura tas-saħħa li huma f'riskju, tal-livelli ta' sikurezza u tal-miżuri stipulati biex jitnaqqsu jew jiġu evitati l-iżbalji u jikber l-involviment tagħhom.

61. L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw, jikkodifikaw u jkejlu b'mod adegwat is-sikurezza tal-pazjenti permezz ta':

62. Attenzjoni partikolari lid-definizzjonijiet, lit-terminoloġija u lill-attivitajiet internazzjonali bħal pereżempju l-Klassifika Internazzjonali għas-Sikurezza tal-Pazjenti li qed tiġi żviluppata mid-WHO u mill-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam;

63. Indikaturi għall-problemi ta' sikurezza li għandhom ikunu disponibbli kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell tal-kura tas-saħħa.

64. L-Istati Membri għandhom jaqsmu l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prassi f'livell Ewropew permezz tal-:

65. Qsim tal-twissijiet ewlenin b'mod reċiproku għas-sikurezza tal-pazjenti fil-ħin;

66. Il-kollaborazzjoni flimkien, u mal-ECDC, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

67. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jippromwovu r-riċerka dwar is-sikurezza tal-pazjenti:

68. Inkluża riċerka dwar kwistjonijiet u interventi fis-setturi kollha tas-sistema tal-kura tas-saħħa u fl-ispejjeż ekonomiċi tal-konsegwenzi mhux mixtieqa u tal-interventi.

2. Il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

69. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa permezz ta':

70. L-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ħarsien u ta' kontroll f'livell tal-Istat Membru u b'mod partikolari:

71. L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ħarsien u ta' kontroll standard u imsejsa fuq ir-riskju fil-livelli kollha tal-kura tas-saħħa ;

72. L-integrazzjoni tal-miżuri ta' ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet fi pjanijiet għall-kura tal-pazjenti;

73. L-iżgurar li l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet huma disponibbli f'livell tal-Istat Membru;

74. L-inkoraġġiment għaż-żamma mal-miżuri ta' ħarsien u ta' kontroll permezz tal-użu ta' indikaturi ta' struttura u ta' proċess, kif ukoll tar-riżultati tal-akkreditazzjoni jew il-proċessi ta' ċertifikazzjoni stipulati.

75. It-titjib tal-kontroll u l-ħarsien mill-infezzjonijiet fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa.

Qed jiġi rrakkomandat li jiġu stipulati dawn l-istrutturi li ġejjin:

- Programm Assoċjat mal-Kura tas-Saħħa għall-Ħarsien minn u l-Kontroll ta' Infezzjonijiet li jindirizza aspetti bħall-arranġamenti organizzazzjonali u strutturali, proċeduri dijanjostiċi u terapewtiċi (eż. il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobi), il-ħtiġijiet tar-riżorsi, l-għanijiet tas-sorveljanza, it-taħriġ u t-tagħrif lill-pazjenti;

- Kumitat interdixxiplinarju għall-Ħarsien minn u l-Kontroll ta' Infezzjonijiet, għall-elaborazzjoni u s-sorveljanza tal-Programm Assoċjat mal-Kura tas-Saħħa għall-Ħarsien minn u l-Kontroll ta' Infezzjonijiet;

- Tim għall-Ħarsien minn u l-Kontroll ta' Infezzjonijiet, li jkollu f'idejh il-ħidma li jimplimenta l-Programm Assoċjat mal-Kura tas-Saħħa għall-Ħarsien minn u l-Kontroll ta' Infezzjonijiet.

- L-istabbiliment jew it-tisħiħ tas-sistemi attivi ta' sorveljanza permezz ta':

- F’livell tal-Istat Membru:

- L-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' prevalenza f'intervalli regolari;

- L-istabbiliment u t-tisħiħ ta' netwerks koordinati għas-sorveljanza tal-inċidenza tat-tipi ta' infezzjonijiet immirati biex tiġi stipulata dejta nazzjonali ta' referenza, flimkien ma' indikaturi ta' proċess u ta' struttura għall-valutazzjoni tal-istrateġija nazzjonali;

- L-iżgurar ta' sorveljanza fi żmien reali u rappurtar minnufih lill-korp rilevanti ta' gruppi ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

- Ir-rappurtar ta' gruppi u ta' tipi ta' infezzjonijiet ta' rilevanza fil-livell tal-UE jew f'livell internazzjonali skont il-leġiżlazzjoni stipulata.

- Fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa:

- L-iżgurar tal-kwalità tad-dokumentazzjoni mikrobijoloġika u r-rekords tal-pazjenti;

- Is-sorveljanza fl-inċidenza tat-tipi ta' infezzjonijiet immirati, akkumpanjata minn indikaturi ta' proċess u ta' struttura għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' kontroll fir-rigward tal-infezzjonijiet;

- Sorveljanza fi żmien reali ta' gruppi ta' tipi partikolari ta' infezzjonijiet u/jew razez partikolari ta' patoġeni assoċjati mal-kura tas-saħħa.

- L-użu, fejn possibbli, ta' metodi u indikaturi ta' sorveljanza kif rakkomandati mill-ECDC u definizzjonijiet ta' każijiet approvati fuq skala tal-UE.

- It-trawwim tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa permezz ta':

- F’livell tal-Istat Membru:

- Id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi speċjalizzati ta' taħriġ dwar il-kontroll tal-infezzjonijiet u/jew programmi ta' edukazzjoni għall-istaff fil-qasam tal-kontroll tal-infezzjonijiet u t-tisħiħ tal-edukazzjoni dwar il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa għal ħaddiema oħra fil-kura tas-saħħa.

- Fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa:

- Il-provvediment ta' taħriġ regolari għall-istaff kollu fil-qasam tal-kura tas-saħħa, inklużi l-maniġers, dwar prinċipji bażiċi fl-iġjene u fil-ħarsien minn u l-kontroll tal-infezzjonijiet;

- Il-provvediment ta' taħriġ regolari avvanzat għall-persunal b'ħidmiet partikolari relatati mal-ħarsien minn u mal-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

- It-titjib tat-tagħrif mogħti lill-pazjenti mill-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa:

- tagħrif preċiż u li jinftiehem dwar ir-riskju fl-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, dwar il-miżuri implimentati mill-istituzzjoni għall-kura tas-saħħa biex jevitawhom u dwar kif il-pazjenti jistgħu jgħinu biex jevitaw dawn l-infezzjonijiet;

- tagħrif speċifiku (eż. dwar miżuri ta' ħarsien u ta' kontroll) lill-pazjenti kolonizzati jew infettati b'patoġeni assoċjati mal-kura tas-saħħa.

- Riċerka ta' appoġġ:

- epidemjoloġija, teknoloġiji terapewtiċi ġodda u preventivi u interventi u dwar l-effettività tan-nefqa tal-ħarsien u l-kontroll. [pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , p .

[4] ĠU C , p. .

[5] Ir-rapport tekniku 'Titjib fis-sikurezza għall-pazjent fl-UE' imħejji għall-Kummissjoni Ewropea, ippubblikat fl-2008 mill-Kooperazzjoni RAND.

[6] COM(2007) 630 finali.

[7] Il-proġett dwar it-titjib fis-Sikurezza għall-Pazjenti fl-Ewropa (SIMPATIE) ffinanzjat mill-Programm Komunitarju dwar is-Saħħa Pubblika 2003-2008 - www.simpatie.org

[8] Il-ħidma ta' dan il-mekkaniżmu inter-settorjali għandha tikkumplementa l-ħidma ta', jew tkun integrata flimkien ma', il-mekkaniżmu inter-settorjali msemmi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill no 2002/77/KE dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobjali fil-mediċina għall-bniedem.