52008PC0711

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem il-Komunità Ewropea rigward il-proposti għall-emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni u l-Iskeda tagħha /* KUMM/2008/0711 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2008

KUMM(2008) 711 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem il-Komunità Ewropea rigward il-proposti għall-emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni u l-Iskeda tagħha

(preżentata mill-Kummissjoni)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem il-Komunità Ewropea rigward il-proposti għall-emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni u l-Iskeda tagħha

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Skont l-Artikolu 174.1 tat-Trattat tal-KE, wieħed mill-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent hija l-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali biex ikunu ttrattati problemi ambjentali reġjonali jew globali. L-għan jinkludi l-konservazzjoni tal-ispeċijiet fid-dinja kollha, inkluż il-balieni. Il-Komunità Ewropea hija impenjata li tikkonserva l-balieni u ċetaċji oħrajn, u poġġiet fis-seħħ liġi ambjentali li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni f’dan ir-rigward.

2. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats[1] telenka l-ispeċijiet kollha ta’ ċetaċji fl-Anness IV tagħha. Dan ifisser li l-ispeċijiet kollha tal-balieni huma strettament protetti minn kwalunkwe disturb intenzjonat, qbid jew qtil fl-ilmijiet Komunitarji. L-istess Direttiva tipprojbixxi wkoll iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew l-iskambju, ta’ kampjuni meħuda mill-ambjent selvaġġ. Din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix il-bidu mill-ġdid tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni minn kwalunkwe stokk li jinsab totalment jew parzjalment fl-ilmijiet Komunitarji. Minħabba n-natura migratorja tal-istokkijiet tal-balieni, huwa ċar li l-għanijiet tad-Direttiva tal-Ħabitats jistgħu biss jintlaħqu kompletament jekk jiġi implimentat qafas regolatorju internazzjonali komparabbli.

3. Ir-Regolament tal-Kunsill 338/97/KE dwar il-protezzjoni ta’ speċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom,[2] li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar is-Suq Internazzjonali tal-Ispeċijiet fil-Periklu li jinqerdu (CITES) fil-KE, jipprojbixxi l-introduzzjoni taċ-ċetaċji fil-Komunità għal finijiet primarjament kummerċjali[3]. Dan il-livell għoli ta’ protezzjoni huwa msaħħaħ aktar permezz tad-Direttiva tal-Istrateġija għall-Baħar tal-KE[4] u d-Direttiva tal-Baħar[5] proposta li mistennija ssaħħaħ il-protezzjoni tal-balieni fil-KE billi żżomm l-għan ġenerali ta’ status ambjentali tajjeb fl-oċeani u fl-ibħra tal-UE.

4. Għalhekk, l-għan aħħari tal-politika ambjentali Komunitarja rigward il-balieni huwa li jitħarsu bl-aktar mod strett. Il-leġiżlazzjoni ambjentali msemmija hawn fuq tiżgura livell mill-ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ armonizzazzjoni estensiva tar-regoli.

5. Il-politika dwar il-balieni ma tistax tkun effikaċi fi ħdan l-ilmijiet Komunitarji jekk mhijiex appoġġata minn azzjoni koerenti mad-dinja kollha. Fil-kuntest tal-politika marittima integrata għall-UE, il-Kummissjoni se taħdem għall-koordinazzjoni tal-interessi Ewropej dwar kwistjonijiet internazzjonali.

6. Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) hija l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti rigward il-ħarsien u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-balieni fuq livell globali u twaqqfet bil-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni (‘il-Konvenzjoni’) iffirmata fl-1946. L-għan tal-Konvenzjoni huwa li "jaħseb għall-ħarsien effettiv u għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-balieni, u b’hekk jippermetti żvilupp ordnat tal-industrija tal-kaċċa għall-balieni'' (preambolu għall-Konvenzjoni). Is-sħubija fl-IWC hija miftuħa biss għall-gvernijiet li jaderixxu mal-Konvenzjoni. Emenda għall-Konvenzjoni li tippermetti lill-KE ssir membru tirrikjedi r-ratifika tal-protokoll mill-membri kollha tal-IWC. Il-Kummissjoni adottat proposta fl-1992[6] sabiex tinnegozja l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni, iżda l-Kunsill ma segwiex din il-proposta. Madankollu, il-Komunità għandha status ta’ osservatriċi magħha.

7. Il-kaċċa kummerċjali għall-balieni ġiet sospiża fl-1986 minħabba moratorju li ftiehmu dwaru l-maġġoranza tal-pajjiżi rrappreżentati mill-IWC. Xi inċertezzi fl-analiżi xjentifika dwar l-istatus ta’ stokkijiet varji tal-balieni kienu r-raġunijiet ewlenin ta’ din il-waqfa żgħira fil-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-kwistjoni ewlenija diskussa regolarment fil-laqgħat tal-IWC hija jekk l-istokkijiet tal-balieni reġgħux żdiedu biżżejjed biex titneħħa l-projbizzjoni fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni b’mod ikkontrollat.

8. Fl-aħħar snin, il-mandat doppju tal-IWC sabiex tamministra l-kaċċa għall-balieni kif ukoll tħares il-balieni wassal għall-pożizzjonijiet differenti ħafna bejn Stati ewlenin favur il-kaċċa għall-balieni u dawk kontriha. Stati ewlenin favur il-kaċċa għall-balieni (pereżempju, il-Ġappun, l-Iżlanda u n-Norveġja) ikkontestaw b’mod konsistenti l-moratorju u xorta għadhom jikkaċċaw għall-balieni għal dawk li huma jsejħu skopijiet xjentifiċi u eċċezzjonijiet oħra.

9. Il-projbizzjoni ġenerali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni deċiża fi ħdan l-IWC hija konformi mal-politiki tal-KE, kif definita mil-leġizlazzjoni msemmija aktar ’il fuq. Huwa importanti li l-IWC tiżgura li l-balieni jkunu protetti b’mod effettiv fid-dinja kollha. Għalhekk, il-21 Stat Membru tal-UE li huma membri tal-IWC[7] jeħtiġilhom ifissru l-pożizzjoni tagħhom f’kull laqgħa tal-IWC fuq proposti bħal dawn li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja.

10. Skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali kif jidher fl-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE u l-prinċipju tal-unità fir-rappreżentazzjoni esterna tal-Komunità, huwa essenzjali li l-Istati Membri jħejju l-laqgħat tal-IWC li ġejjin billi jilħqu pożizzjoni komuni fil-Kunsill. Minħabba l-limitazzjonijiet intrinsiċi għall-istatus ta’ osservatriċi tal-Komunità, pożizzjoni bħal din għandha tiġi mfissra mill-Istati Membri b’azzjoni konġunta fl-interess tal-Komunità fi ħdan l-IWC. Huwa essenzjali wkoll li l-Istati Membri l-oħrajn li għadhom mhumiex Partijiet mal-IWC iħaffu l-proċedura ta’ adeżjoni tagħhom. L-Istati Membri jkunu jistgħu jiggarantixxu l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ qafas regolatorju internazzjonali strett għall-ħarsien tal-balieni biss b’ħidma flimkien u jekk titfassal pożizzjoni Komunitarja.

11. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill deċiżjoni bil-bażijiet legali: l-Artikolu 175 (il-politika dwar l-ambjent) u l-Artikolu 300(2)(2) bl-għan li jistabbilixxu l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem il-Komunità f’korp imwaqqaf permezz ta’ ftehim li dak il-korp se jadotta deċiżjonijiet b’effetti legali. Rigward l-għanijiet essenzjalment ambjentali, li f’dan il-punt il-Komunità Ewropea għandha tissokta f’relazzjoni mal-IWC, l-Artikolu 37 tat-Trattat mhux qed jiġi propost bħala parti minn bażi legali operattiva ta’ din id-deċiżjoni. Dan hu bla ħsara għall-kompetenza esklużiva tal-Komunità Ewropea fil-qasam tar-riżorsi tal-baħar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(e) flimkien mal-Artikolu 32 u l-Anness I tat-Trattat, u għalhekk tar-riżorsi ħajjin kollha tal-baħar taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002[8]. Dan m’għandux joħloq preċedent għal kwalunkwe negozjati fil-futur dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar li jaqgħu taħt l-isemmi regolament.

12. Id-deċiżjonijiet tal-IWC biex tkun emendata l-Iskeda għall-Konvenzjoni għandhom effetti legali peress li dawn isiru effettivi f’perjodu preskritt mingħajr il-ħtieġa għal ratifikazzjoni[9]. Kważi fil-laqgħat kollha tal-IWC minn mindu l-projbizzjoni daħlet fis-seħħ, il-Ġappun ippropona emendi għall-'Iskeda' għall-Konvenzjoni biex jawtorizza l-kaċċa għall-balieni taħt ċerti kundizzjonijiet u biex de facto iwaqqaf il-projbizzjoni għal ċerti stokkijiet. Mhuwiex possibbli għall-Komunità li tibda u ttemm il-proċeduri interni li jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħha wara li l-Membri l-oħrajn tal-IWC jkunu ressqu proposti għal emendi, għaliex dawn jistgħu jitressqu sa 60 jum qabel il-laqgħa li ġejja tal-IWC. Barra minn dan, peress li l-għan propost mill-Komunità huwa li topponi inizjattivi sabiex jitneħħa l-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, il-Kunsill jista’ diġà jistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja għal-laqgħat futuri tal-IWC.

13. Minbarra dan, il-Komunità għandha tappoġġa wkoll emendi għall-Iskeda bl-għan li jwaqqfu santwarji għall-balieni u li topponi proposti li jemendaw ir-regoli ta’ proċedura tal-IWC sabiex iwessgħu l-ambitu tal-vot sigriet, għaliex dan imur kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet minnha, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(7) tagħha.

14. Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tibni fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill li kienet adottata mill-Kunsill dwar l-Ambjent tal-5 ta’ Ġunju 2008 fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni[10]. L-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ippermettiet li l-Komunità tikkoordina l-pożizzjoni tagħha dwar numru ta’ punti matul is-60 laqgħa annwali tal-IWC f’Ġunju 2008 f’Santiago de Chile.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem il-Komunità Ewropea rigward il-proposti għall-emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni u l-Iskeda tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 175(1), flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[11],

Billi:

(1) L-Artikolu 174.1 tat-Trattat tal-KE jistipula li wieħed mill-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent huwa l-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali biex jiġu ttrattati problemi ambjentali reġjonali u mad-dinja kollha.

(2) Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats)[12] telenka l-ispeċijiet kollha taċ-ċetaċji bħala speċijiet ta’ interess Komunitarju u teħtieġ lill-Istati Membri biex iżommu dawn l-ispeċi, jew ipoġġuhom lura fi, status ta’ konservazzjoni favorevoli f’dawk il-partijiet tat-territorju tagħhom li għalihom japplika t-Trattat. L-ispeċijiet taċ-ċetaċji kollha huma elenkati fl-Anness IV għaliha. Għalhekk, l-ispeċijiet tal-balieni kollha huma protetti b’mod strett minn disturb intenzjonat, qbid jew qtil fl-ilmijiet Komunitarji. L-istess Direttiva tipprojbixxi wkoll iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew l-iskambju, ta’ kampjuni maqbuda mill-ambjent selvaġġ.

(3) Ir-Regolament tal-Kunsill 338/97/KE dwar il-protezzjoni ta’ speċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom,[13] li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar is-Suq Internazzjonali tal-Ispeċijiet fil-Periklu li jinqerdu (CITES) fil-KE, jipprojbixxi l-introduzzjoni taċ-ċetaċji fil-Komunità għal finijiet primarjament kummerċjali[14].

(4) Il-balieni huma speċijiet migratorji. Għaldaqstant, il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-KE dwar il-balieni jkunu aktar effettivi fl-ilmijiet Komunitarji jekk din tkun appoġġata b’azzjoni koerenti mad-dinja kollha.

(5) Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) hija l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti rigward il-ħarsien u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-balieni fuq livell globali u twaqqfet bil-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni (il-Konvenzjoni) iffirmata fl-1946. Is-sħubija fl-IWC hija miftuħa biss għall-gvernijiet. Wieħed u għoxrin (21) Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma partijiet fl-IWC[15]. Il-Komunità Ewropea għandha biss status ta’ osservatriċi fl-IWC u hija rrappreżentata mill-Kummissjoni.

(6) Il-kaċċa kummerċjali għall-balieni ġiet sospiża fl-1986 minħabba moratorju li ftiehmu dwaru l-maġġoranza tal-pajjiżi rrapreżentati mill-IWC. Stati ewlenin favur il-kaċċa għall-balieni kkontestaw il-moratorju b’mod konsistenti u xorta għadhom jikkaċċjaw għall-balieni għal dawk li huma jsejħu skopijiet xjentifiċi u eċċezzjonijiet oħra.

(7) Fis-60 laqgħa annwali tal-IWC li saret f’Santiago de Chile f’Ġunju 2008 kien imnedi proċess importanti biex tkun stabbilita t-triq ’il quddiem għall-IWC. L-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jipparteċipaw b’mod kostruttiv fid-diskussjonijiet kollha billi jikkunsidraw l-għan biex jiżguraw qafas regolatorju internazzjonali effettiv.

(8) L-IWC taħdem skont il-bażi tal-Iskeda li tirregola l-imġiba fir-rigward tal-kaċċa għall-balieni f’kull parti tad-dinja. L-Iskeda hija annessa mal-Konvenzjoni u hija definita bħala parti integrali minnha. Torbot lill-Partijiet u tipprovdi regolamenti dettaljati dwar il-kaċċa għall-balieni rigward il-ħarsien u l-użu ta’ riżorsi mill-balieni. Id-dispożizzjonijiet tagħha u l-emendi għaliha jorbtu lill-Partijiet sakemm Parti toġġezzjona formalment għal emenda skont l-Artikolu V(3) tal-ICRW.

(9) Proposti għal deċiżjonijiet biex jemendaw l-Iskeda adottata fi ħdan l-IWC jistgħu jkollhom effetti legali u jolqtu l-ambitu tal-għanijiet tal-politiki Komunitarji u l-leġiżlazzjoni rigward iċ-ċetaċji. Uħud mill-proposti li regolarment jitressqu għal deċiżjoni waqt kull laqgħa tal-IWC għandhom l-għan li jawtorizzaw attivitajiet ta’ kaċċa għall-balieni, billi jistabbilixxu kwoti u bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni, jew li jwaqqfu santwarji għall-balieni, u jeħtieġu pożizzjoni Komunitarja stabbilita.

(10) Rigward l-għanijiet essenzjalment ambjentali, li f’dan il-punt il-Komunità Ewropea għandha tissokta f’relazzjoni mal-IWC, l-Artikolu 37 tat-Trattat mhuwiex propost bħala parti minn bażi legali operattiva ta’ din id-deċiżjoni. Dan hu bla preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Komunità Ewropea fil-qasam tar-riżorsi tal-baħar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(e) flimkien mal-Artikolu 32 u l-Anness I tat-Trattat, u għaldaqstant tar-riżorsi ħajjin kollha tal-baħar taħt il-Politika dwar is-Sajd skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002[16]. Dan m’għandux joħloq preċedent għal kwalunkwe negozjati fil-futur dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar li jaqgħu taħt l-imsemmi regolament.

(11) L-Istati Membri għandhom dmir lejn koperazzjoni leali skont l-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE u ma jistgħux jidħlu għal obbligi barra l-qafas tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li jistgħu jkollhom effett fuq ir-regoli Komunitarji jew jibdlulhom l-ambitu tagħhom.

(12) Peress li l-Komunità hija osservatriċi, il-pożizzjoni Komunitarja fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħha għandha tiġi deċiża mill-Kunsill u mfissra mill-Istati Membri b’azzjoni konġunta fl-interess tal-Komunità.

(13) Fil-laqgħat tal-IWC li ġejjin, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li kwalunkwe emenda għall-Konvenzjoni u l-Iskeda tagħha jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità rigward il-balieni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni Komunitarja fil-laqgħat tal-IWC għandha tkun skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Komunità.

Artikolu 2

Meta l-pożizzjoni li qed issir referenza għaliha fl-Artikolu 1 x’aktarx li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-IWC jew meta l-proposti jsiru dak il-ħin stess rigward kwistjonijiet li għadhom ma jagħmlux parti minn pożizzjoni Komunitarja, għandha tiġi stabbilita pożizzjoni dwar il-proposta kkonċernata permezz ta’ koordinament, anke dak il-ħin stess, qabel mal-proposta titressaq għall-vot.

Magħmul fi

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNE SS

15. L-għan komprensiv tal-Komunità Ewropea fir-rigward tal-IWC huwa li tiżgura qafas regolatorju internazzjonali effikaċi għall-protezzjoni u l-ġestjoni tal-balieni li jiggarantixxi fuq perjodu ta’ żmien twil titjib sinjifikanti fl-istatus ta’ konservazzjoni għall-balieni u li jġib l-operazzjonijiet kollha tal-kaċċa għall-balieni taħt il-kontroll tal-IWC.

16. L-Istati Membri b’azzjoni konġunta fl-interess Komunitarju għandhom jieħdu l-pożizzjoni li ġejja rigward proposti għal deċiżjonijiet mill-IWC:

17. Jappoġġaw iż-żamma tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni fl-Iskeda;

18. Jopponu kwalunkwe proposta rigward tipi ġodda ta’ kaċċa għall-balieni, li bħalissa mhumiex previsti fil-Konvenzjoni, li jistgħu jheddu ż-żamma tal-moratorju dwar il-kaċċa kummerċjali tal-balieni, sakemm tali proposti jiggarantixxu titjib sinjifikanti fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-balieni fuq perjodu ta’ żmien twil u l-operazzjonijiet kollha ta’ kaċċa għall-balieni mill-membri tal-IWC jinġiebu kollha taħt il-kontroll tal-IWC;

19. Jappoġġaw proposti għall-ħolqien ta’ santwarji għall-balieni skont ir-regoli tal-IWC;

20. Jappoġġjaw proposti għall-ġestjoni tal-kaċċa aboriġinali għall-balieni bħala sussistenza bil-kundizzjoni li l-ħarsien tal-istokkijiet relevanti ma jkunx kompromess, filwaqt li jqisu b’mod xieraq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-parir tal-Kumitat Xjentifiku, u li l-operazzjonijiet ta’ kaċċa għall-balieni jkunu regolati kif jixraq u l-qabdiet jibqgħu fi ħdan l-ambitu ta’ ħtiġiet iddokumentati u rikonoxxuti;

21. Jappoġġjaw proposti intiżi biex itemmu l-imġiba ta’ "kaċċa xjentifika għall-balieni" barra l-kontroll tal-IWC;

22. Jopponu kwalunkwe proposta biex ikunu emendati r-regoli ta’ proċedura tal-IWC biex twessa’ l-ambitu tal-vot sigriet.

[1] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal- habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[2] ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

[3] Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 348/81 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti miċ-ċetaċji jippremetti biss l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati jekk dawn ma jintużawx għal finijiet kummerċjali.

[4] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Strateġija tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni tal-Ambjent tal-Ibħra, COM(2005) 504 finali.

[5] Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin tas-17 ta’ Ġunju 2008.

[6] L-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f’isem il-Komunità, protokoll li jemenda l-Konvenzjoni internazzjonali dwar ir-Regolament tal-kaċċa għall-balieni, Washington, it-2 ta’ Diċembru 1946, COM (92)316.

[7] L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Repubblika tas-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvejza, ir-Renju Unit, ir-Rumanija.

[8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [Politika Komuni tas-Sajd], ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59-80.

[9] Ara l-Artikolu V tal-Konvenzjoni. Skont il-paragrafu 3, il-Partijiet jintrabtu bl-emendi għall-Iskeda fi żmien disgħin ġurnata sakemm dawn jippreżentaw oġġezzjoni.

[10] COM (2007)821 finali.

[11] ĠU C , , p. .

[12] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[13] ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

[14] Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 348/81 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet ta’ prodotti miċ-ċetaċji jippermetti biss l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati jekk ma jintużawx għal finijiet kummerċjali.

[15] L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Repubblika tas-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-iŻvejza, ir-Renju Unit, ir-Rumanija.

[16] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [Politika Komuni tas-Sajd], ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59-80.