52008PC0647

Proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali /* KUMM/2008/0647 finali - COD 2006/0006 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.10.2008

KUMM(2008) 647 finali

2006/0006 (COD)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali

(preżentat mill-Kummissjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 250 (2) tat-Trattat KE)

2006/0006 (COD)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. STAT TAL-PROċEDURA

Il-proposta – COM(2006) 16 – COD/2006/0006 ġiet adottata mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Jannar 2006 u mibgħuta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-31 ta’ Jannar 2006.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-parir tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fis-26 ta' Ottubru 2006.

Il-Parlament Ewropew adotta 162 emenda fl-ewwel qari tad-9 ta Lulju 2008.

2. GħAN TAL-PROPOSTA

L-għan tal-proposta huwa li tiddefinixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 għall-partijiet kollha involuti. Il-proposta tkompli l-ħidma ta’ modernizzazzjoni mwettqa fir-Regolament u tfittex li ttejjeb il-proċeduri attwali billi tissemplifikahom u billi tiċċara l-miżuri eżistenti f’ħafna oqsma. Il-proposta għandha l-għan ukoll li titgħallem minn kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet kif imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (eż. skambju ta’ dejta elettronika bejn l-Istati Membri).

3. GħAN TAL-PROPOSTA EMENDATA

L-abbozz emendat għandu l-għan li jadatta l-proposta oriġinali fir-rigward ta' ċerti punti, bħal dawk proposti mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta maġġoranza kbira ta’ emendi (159 minn 162) billi dawn huma konformi mal-għanijiet tal-proposta tagħha. Dawn l-emendi jorbtu mal-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u ġeneralment għandhom l-għan li jiżguraw li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jingħataw malajr u b’mod effiċjenti liċ-ċittadini kollha tal-UE (tinqata’ l-burokrazija). Hemm iktar minn mod wieħed biex jintlaħaq l-għan u l-Kummissjoni titħalla ssegwi l-koleġiżlazzjoni u dan huwa dovut għall-firxa wiesgħa ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali madwar l-Unjoni, li jidentifikaw l-iktar proċedura effettiva għall-benefiċċju tal-partijiet interessati kollha.

4. OSSERVAZZJONIJIET RELATATI MAL-EMENDI ADOTTATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

4.1. Emendi aċċettati mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-Emendi 1-14, 16-25, 27-54 u 56-162.

Ħafna minn dawn l-emendi huma identiċi jew simili għall-bidliet li jagħmel il-Kunsill bħala riżultat tax-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Soċjali. Il-Kummissjoni kkunsidrat dawn fid-dettall waqt in-negozjati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill u tista’ taċċettahom.

Emendi oħra huma ta’ natura lingwistika jew ifissru l-proċedura b’mod iktar ċar.

4.2. Emendi li l-Kummissjoni tista’ taċċetta parzjalment jew soġġetti għal tibdil ulterjuri

Emenda 15

Din l-emenda tirrifletti l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u bidliet stabbiliti mill-Kunsill. Din tiffoka fuq l-iskambju tad-dejta personali bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-protezzjoni ta’ dejta bħal din sakemm dawn jorbtu mal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Din l-emenda tintroduċi referenza għad-Direttiva 95/46/KE dwar l-ipproċessar ta’ dejta personali u taffettwa l-kontenut tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (subparagrafu 4). Dan jista’ jxekkel il-kompetenza u l-organizzazzjoni interna tal-Istati Membri ta’ din iż-żona, li huma diġà koperti bid-Direttiva 95/46/KE. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-bqija tal-emenda (subparagrafi 1-3).

4.3. Emendi li l-Kumissjoni ma tistax taċċetta

Il-Kummissjoni ma tistax tilqa’ l-emendi 26 u 55.

Emenda 26

L-għan tal-Emenda 26 huwa biex tikkjarifika d-dispożizzjonijiet dwar ir-rimborż tal-benefiċċji mħallsa b'mod provviżorju bi flus jew in natura mill-istituzzjoni kompetenti. It-tqegħid ġdid tal-kliem tal-Kunsill tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4), innegozjat bħala parti mill-approċċ ġenerali parzjali, huwa iktar preċiż. Dan jirrifletti l-progress li sar mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Soċjali speċifikament fil-Kapitolu III, Titoli IV (Dispożizzjonijiet finanzjarji).

Emenda 55

Skont l-Emenda 55, ċertifikat li jiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli (eż. fil-każijiet tal-karigi) għandhom jinħarġu dejjem lill-persuna kkonċernata u jridu jindikaw is-salarji ddikjarati minn min iħaddem. Din l-emenda tmur lil hinn mill-informazzjoni meħtieġa għal għanijiet tas-sigurtà soċjali fil-każijiet ta’ karigi (determinazzjoni ta’ leġiżlazzjoni applikabbli) u l-għanijiet tar-Regolament.

5. PROPOSTA EMENDATA

Fid-dawl tal-Artikolu 250(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni qed temenda l-proposta kif indikata hawn fuq.