52008PC0422




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2008

KUMM(2008) 422 finali

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li qed timplimenta l-Ftehim finalizzat mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF) dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE REGOLAMENT TAL-KUNSILL

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Bażi u objettivi għall-proposta L-iskop ta’ din il-proposta huwa li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta' l-2006, finalizzat fid-19 ta’ Mejju 2008, bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-maniġment u x-xogħol fis-settur tat-trasport marittimu (L-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea, aktar ’il quddiem imsejħa “ECSA” u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej, aktar ’il quddiem imsejħa “ETF”). Il-Kummissjoni tikkonsidra li jekk id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu ta’ l-2006 tiġi inkorporata fil-liġi tal-Komunità, dawn itejbu l-attrazzjoni tax-xogħol fis-settur marittimu għal baħħara Ewropej, u dan jgħin biex jinħoloq aktar xogħol u xogħol aħjar, u suq globali aħjar fl-interess tal-partijiet involuti. |

Kuntest Ġenerali Is-settur marittimu tal-vapuri huwa industrija li titħaddem globalment. Bħala tali huwa essenzjali li jiġu definiti u rinfurzati standards minimi globali ta’ impjieg u kundizzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà għall-baħħara impjegati jew li jaħdmu fuq vapur li jaħdem fuq il-baħar. L-Organizzazzjoni tax-Xogħol Internazzjonali adottat fit-23 ta’ Frar 2006 il-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu ta’ l-2006, bl-għan li toħloq strument wieħed u koerenti li jiġbor fih l-istandards kollha aġġornati li japplikaw għax-xogħol marittimu internazzjonali. Għalhekk din il-Konvenzjoni tinkorpora l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu adottati mill-ILO mill-1919 f’test wieħed ikkonsolidat biex iservi bħala bażi għall-ewwel Kodiċi tax-Xogħol Marittimu. Il-Kummissjoni ipparteċipat attivament fix-xogħol dwar il-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu mill-bidu. Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni fis-7 ta’ Lulju 2007 li tawtorizza l-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-ILO ta’ l-2006 fl-interessi tal-Komunità Ewropea, preferibbilment qabel il-31 ta’ Diċembru 2010[1]. F’affarijiet ta’ politika soċjali, it-Trattat jikkonferixxi rwol uniku u importanti fuq is-sħab soċjali f’livell Komunitarju. L-Artkolu 138 jipprovdi li kwalunkwe inizjattiva f’dan il-qasam għandha qabel tkun soġġetta għal konsultazzjoni mal-partijiet soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta’ l-azzjoni u, sussegwentament, il-kontenut tal-proposta maħsuba. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni kkonsultat mal-maniġment u mal-ħaddiema fuq kemm hu għaqli li jiġi żviluppat l-acquis tal-Komunità eżistenti billi tadottah, tikkonsolidah jew tikkomplimentah fid-dawl tal-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006[2]. Il-partijiet soċjali ddeċidew li jidħlu fin-negozjati fid-dawl ta’ l-Artikolu 139(1) tat-Trattat fid-19 ta’ Mejju 2008 (b’konnessjoni ma’ l-ewwel Ġurnata Marittima Ewropea), u ffirmaw ftehim li jikkonċerna Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006. Il-partijiet soċjali talbu lill-Kummissjoni biex tipproponi Direttiva tal-Kunsill li tagħti effett lill-ftehim tagħhom u l-Anness A taħt il-liġi ta’ l-EU, skond l-Artikolu 139 tat-Trattat. Il-proposta preżenti tilqa’ din it-talba. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Il-proposta temenda espressament id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 li tikkonċerna il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-baħħara finalizzati mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport fl-Unjoni Ewropea (FST)[3]. Aktar minn hekk iżżid regolament li jikkomplimentah rigward is-settur marittimu fil-qasam kopert bid-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta’ Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol. Il-maġġoranza kbira tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol adottati taħt l-Artikolu 137 KE japplikaw għall-qasam kopert bil-proposta u partikolarment id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni tal-miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol u tad-Direttivi individwali tagħha, fil-kuntest ta’l-Artikolu 16(1) ta’ din id-Direttiva. L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 dwar kundizzjonijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għat-trattament mediku aħjar fuq il-vapuri u għad-Direttiva tal-Kunsill 83/477/KEE tad-19 ta’ Settembru 1983 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għall-ażbestos fuq ix-xogħol kif emendati mid- Direttivi 91/382/KEE u 2003/18/KE. B’mod partikolari, id-dsipożizzjonijiet tal-proposta dwar il-kura medika għall-baħħara u dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà u l-prevenzjoni ta’ l-inċidenti, huma koperti mid-Direttivi 92/29/KEE u 89/391/KEE rispettivament. |

Konsistenza mal-politika u l-objettivi l-oħra ta’ l-Unjoni Il-proposta preżenti taqa’ taħt il-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona imġedda, li għandha l-għan li ttejjeb kemm it-tkabbir u kemm ix-xogħol, partikolarment billi toħloq aktar xogħol u xogħol aħjar għal Ewropa aktar dinamika u kompettitiva. Fil-kuntest ta’ l-iskop ta’ politika marittima integrata għall-EU[4], il-Kummissjoni tat l-għajnuna kollha tagħha lid-"djalogu soċjali dwar l-integrazzjoni tal-Konvenzjoni ILO dwar l-istandards marittimi tax-xogħol fil-liġi tal-Komunità". Aktar minn hekk il-Kummissjoni għamlitha ċara fid-deċiżjoni finali COM(2007)591 li ser "tkompli taħdem biex issaħħaħ ir-reġim regolatorju internazzjonali, partikolarment bil-promozzjoni tar-ratifikazzjoni u r-rinfurzar ta’ standards internazzjonali u permezz ta’ ftehim internazzjonali ma’ pajjiżi terzi inklużi klawżoli soċjali u klawżoli ta’ trattament ugwali"[5]. |

2) KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-EżAMI TA’ L-IMPATT |

Konsultazzjoni tal-partijiet interessati |

L-Artikolu 139(1) tat-Trattat jagħti lill-partijiet soċjali f’livell Komunitarju il-possibilità, jekk jixtiequ, li jidħlu fi djalogu li jista’ jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inklużi ftehim. F’dan il-każ it-Trattat ma jimponi l-ebda kundizzjoni għal konsultazzjoni minn qabel. |

Il-ġbir u l-użu ta’ esperti |

Ma kienx hemm bżonn ta’ esperti esterni. |

Eżami ta’ l-impatt Mhux applikabbli. |

3) element legali tal-proposta |

Taqsira ta’ l-azzjoni proposta Din il-proposta hija mmirata li timplimenta l-Ftehim dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 finalizzat fid-19 ta’ Mejju 2008, bejn l-ECSA u l-ETF, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-maniġment u l-ħaddiema fis-settur tat-trasport marittimu. Il-proposta temenda wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999, bl-ambitu ta’ dawn l-emendi jkun strettament limitat għal suġġetti regolati mill-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006. |

Bażi Legali Artikolu 139(2) tat-Trattat jipprovdi li l-"ftehim finalizzat f’livell Komunitarju għandu jiġi implimentat…, f’materji koperti mill-Artikolu 137, bit-talba miż-żewġ naħat tal-partijiet firmatarji, minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni". Il-ftehim finalizzat mill-ECSA u l-ETF dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 jirreferi għal kundizzjonijiet tax-xogħol u fih Dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, qasam li huwa regolat mill-Artikolu 137(1) tat-Trattat. Dan huwa wieħed mill-oqsma fejn il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. Artikolu 139(2) għalhekk tikkostitwixxi bażi proprja legali għall-proposta tal-Kummissjoni. Fil-Komunikat tagħha "L-Adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali f’livell Komunitarju"[6], il-Kummissjoni enfasizzat li "qabel ma kwalunkwe proposta leġiżlattiva tiġi ppreżentata lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami li jinvolvi konsiderazzjoni ta’ l-istatus rappreżentattiv tal-partijiet kontrattwali, il-mandat tagħhom u l-legalità ta’ kull klawżola fil-ftehim kollettiv relatat mal-liġi Komunitarja, u d-dispożizzjonijiet rigward intrapriżi żgħar u medji". Dan l-eżami jsir aktar ’l isfel. 1. Rappreżentazzjoni tal-partijiet kontrattwali u l-mandat tagħhom. Il-leġittimità tal-partijiet soċjali li għandhom jiġu konsultati u li jingħataw id-dritt li jinnegozjaw ftehim li probabli jiġ implimentat b’deċiżjoni jew Direttiva tal-Kunsill hija bbażata fuq ir-rappreżentazzjoni tagħhom. Skond l-istudju tal-Kummissjoni ta’ l-2006 dwar ir-rappreżentazzjoni tal-partijiet soċjali tat-trasport fuq il-baħar u madwar il-kosta, l-ETF u l-ECSA jissodisfaw il-kriterji li jinsabu fil-Komunikazzjoni COM(1998)322 finali ta’ l-20 ta’ Mejju 1998 u huma konsegwentament ikkonfermati bħala l-partijiet soċjali Ewropej għal dan is-settur. a) ETF L-istudju jgħid li hemm mill-anqas affiljazzjoni waħda f’kull pajjiż taħt konsiderazzjoni. F’ħafna pajjiżi hemm aktar minn sħubija waħda. Bejn wieħed u ieħor l-ETF għandha 54 affiljazzjoni diretta minn-pajjiżi taħt eżaminazzjoni. 70.7% ta’ l-għaqdiet eżaminati huma direttament jew indirettament (permezz ta’ unitajiet high-order) affiljati ma’ l-ETF. Skond id-dejta dwar sħubija settorjali ta’ l-għaqdiet nazzjonali li għandhom jipprovdu informazzjoni suffiċjenti, jista’ jiġi konkluż li l-ETF tkopri r-rappreżentanti tal-ħaddiema l-aktar importanti tas-settur. Każijiet eċċezzjonali ta’ għaqdiet prinċipali li mhumiex koperti jinkludu Ċipru u l-Iżvezja. Anke f’dawn il-każijiet, iżda, għaqdiet importanti oħra huma koperti. Il-membri kollha ta’ l-ETF, minbarra tnejn settorjali, , li għandhom l-informazzjoni pertinenti għad-dispożizzjoni tagħhom (i.e. LJS tal-Litwanja u l-OFICIAISMAR-FSM tal-Portugall) huma involuti fin-negozjati kollettivi. Organizzazzjonijiet Ewropej minbarra l-ETF jirrappreżentaw biss numru żgħir ta’ għaqdiet u pajjiżi relatati ma’ setturi. Dan jinvolvi lill-UNI Europa, b’6 affilijazzjonijiet li jkopru 3 pajjiżi; il-Federazzjoni ta’ Ħaddiema tat-Trasport Nordiċi (NTF), b’5 affiljazzjonijiet li jkopru 3 pajjiżi; il-Federazzjoni Ewropea ta’ l-Għaqdiet tas-Servizzi Pubbliċi (EPSU), b’4 affiljazzjonijiet u 3 pajjiżi; il-Federazzjoni Ewropea ta’ l-Għaqdiet tal-Ħaddiema fis-setturi ta’ l-ikel, agrikoltura u turiżmu u Fergħat Alleati (EFFAT) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tal-Minjieri, Kimiċi u Enerġija Ewropej (EMCEF), bi 3 affiljazzjonijiet u 3 pajjiżi; il-Federazzjoni tal-Ħaddiema tal-Metall Ewropej (EMF), bi 3 affiljazzjonijiet u 2 pajjiżi; il-Kungress ta’ l-Uffiċjali Marittimi Nordiċi (NFBK), b’2 affiljazzjonijiet u 2 pajjiżi; il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Ġebel u l-Injam (EFBWW) u l-Federazzjoni ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ Persuni Irtirati u Anzjani (FERPA), kull waħda b’2 affiljazzjonijiet u pajjiż wieħed; u l-Kumitat ta’ l-Għaqdiet tal-Ħaddiema Ewropej għall-Ilbies tat-Tessuti u l-Ġilda (ETUF TCL), EURO-WEA, NordIng, EMPA u l-Fédération des Cadres de l'Energie et de la Recherche, kull waħda minnhom b’affiljazzjoni waħda. Din l-analiżi turi l-istatus ta’ l-ETF bħala r-rappreżentanta tas-settur tal-ħaddiema, iktar u iktar meta ħafna mill-affiljazzjonijiet għal organizzazzjonijiet oħra Ewropej jirriflettu d-dominju ta’ wieħed fuq l-ieħor ta’ l-affiljati iktar milli rabta vera mas-settur tat-trasport fuq il-baħar u madwar il-kosta. b) ECSA Mill-24 pajjiż eżaminati, l-ECSA għandha taħtha 21 minnhom permezz ta’ membri assoċjati minn dawn il-pajjiżi. Ir-Reppublika Ċeka, il-Latvja u r-Rumanija mhumiex koperti. Dan in-nuqqas ta’ affiljazzjoni fi tliet Stati Membri jista’ jġib dubji dwar jekk ir-rappreżentazzjoni skond il-kriterji tal-Kummissjoni f’termini ta’ kopertura ta’ numru suffiċjenti ta’ Stati Membri tistax tiġi milħuqa. Assoċjazzjonijiet affiljati u mhux affiljati jeżistu flimkien f’Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u l-Iżvezja. In-nuqqas ta’ sħubija komparabbli tagħmilha diffiċli biex toħroġ l-importanza relattiva ta’ assoċjazzjonijiet affiljati u mhux affiljati f’dawn il-pajjiżi. Meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni r-rwol ta’ assoċjazzjoni fin-negozjati kollettivi bħala indikatur ta’ l-importanza tagħha, huwa ċar li l-iktar assoċjazzjonijiet importanti ta’ Ċipru, il-Finlandja, id-Danimarka u l-Italja huma affiljati. Fil-Greċja, l-Irlanda u l-Iżvezja, uħud mill-assoċjazzjonijiet ta’ l-impjegati importanti (i.e. ŻEE u l-Għaqda tas-servizzi tal-Laneċ Domestiċi, IBEC u SARF) li jagħmlu n-negozjati huma barra. Hemm ukoll pajjiżi (i.e. l-Estonja, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja, is-Slovenja u r-Renju Unit) fejn l-affiljati ta’ l-ECSA mhumiex involuti fin-negozjati. Minbarra l-Irlanda u l-Iżvezja l-ebda assoċjazzjoni oħra li hija involuta fin-negozjati ma teżisti f’dawn il-pajjiżi. Dan għaliex f’dan il-grupp ta’ pajjiżi (minbarra fl-Iżvezja), negozjati settorjali b’ħafna sidien ma jeżistux, tant li huma l-kumpaniji stess li jinvolvu ruħhom f’negozjar kollettiv. Fl-Irlanda (f’isem kumpaniji individwali) u fl-Iżvezja (fil-forma ta’ negozjar b’ħafna sidien), negozjar kollettiv huwa mmexxi minn assoċjazzjoni ta’ sidien mhux affiljati. Imqabbel ma’ l-ETF, numru akbar ta’ assoċjazzjonijiet membri ta’ l-ECSA mhumiex involuti fin-negozjar. Ir-relazzjonijiet industrijali għalhekk mhumiex il-kwistjoni primarja ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet. Uħud mill-membri ta’ l-ECSA jista’ jkollhom rwol fir-relazzjonijiet industrijali biss permezz ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni f’korpi tripartitiċi. Fil-verità jistgħu jikkunsidraw ruħhom bħala assoċjazzjonijiet ta’ kummerċ aktar milli bħala parteċipanti f’relazzjonijiet industrijali. B’kuntrast, membri ta’ l-ECSA jkopru negozjar kollettiv f’għaxar pajjiżi (i.e. l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja u l-Olanda). Meta wieħed jagħmel analiżi ta’ min hu msieħeb fl-assoċjazzjoni tas-sidien jara li mhemmx rabtiet organizzattivi bejn l-assoċjazzjonijiet settorjali tas-sidien tan-negozju u l-federazzjonijiet Ewropej minbarra l-ECSA. L-affiljazzjonijiet jiġu reġistrati biss għall-federazzjonijiet fuq livell internazzjonali, bħall-Kamra Internazzjonali Marittima (ICS), il-Federazzjoni Internazzjonali Marittima (ISF), il-Kunsill Marittimu Baltiku u Internazzjonali (BIMCO), INTERTANKO u INTERCARGO. Dan juri r-relevanza ta’ l-ECSA bħala l-parti soċjali Ewropea rappreżentattiva għall-impjegati f’dan is-settur. c) Il-mandat għan-negozjar Kemm l-ETF kif ukoll l-ECSA għandhom mandat li jinnegozjaw materji ta’ djalogu soċjali Ewropew. Madankollu, l-ETF ma għandhiex mandat permanenti f’dan ir-rigward. Pjuttost, għandha mandat proviżżorju biex tinnegozja f’isem il-membri tagħha fuq bażi ta’ każijiet partikolari. 2. Il-Legalità tal-klawżoli tal-ftehim. Il-Kummissjoni għamlet skrutinju tal-klawżoli kollha tal-ftehim u ma sabet xejn kuntrarju għal-liġi Komunitarja. L-obbligazzjonijiet imposti fuq l-Istati Membri ma jirriżultawx direttament mill-ftehim bejn il-partijiet soċjali iżda mill-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-ftehim meta tiġi applikata d-direttiva. Il-kontenut tal-ftehim għadu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 137 tat-Trattat. Sa fejn il-partijiet tal-ftehim jirrikjedu emendi fil-liġi ta’ l-UE li tapplika preżentament, dawn l-emendi huma inklużi fil-proposta. Sal-punt li partijiet mill-ftehim jikkonċernaw materji diġa koperti mid-dispożizzjonijiet eżistenti tal-liġi Komunitarja, il-ftehim fl-aħħar dispożizzjonijiet tiegħu jgħid li mgħandux jaffettwa l-ebda liġi, użanza jew ftehim li jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar għall-baħħara. Iktar minn hekk, is-salvagwardji neċessarji ta’ l-acquis, partikolarment klawżola ta’ trattament iktar favorevoli, ġew inklużi fil-proposta. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonsidra li l-kundizzjonijiet kollha ġew sodisfatti għall-preżentazzjoni ta’ proposta għal dan il-ftehim biex jiġi implimentat b’deċiżjoni tal-Kunsill. 3. Dispożizzjonijiet rigward intrapriżi żgħar u medji. Taħt it-termini ta’ l-Artikolu 137(2) tat-Trattat, il-liġi dwar materji soċjali għandha tevita li timponi limiti amministrattivi, finanzjarji u legali b’mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs). F’dan il-kuntest il-ftehim ma jagħmilx distinzjoni bejn ħaddiema ta’ SMEs u oħrajn, u ma jintroduċix limiti amministrattivi, finanzjarji u legali apparti dawk imposti mill-liġi Komunitarja. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ftehim huwa konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-intrapriżi żgħar u medji. L-Artikolu 139(2) ma jipprovdix għall-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fuq talbiet magħmula lill-Kummissjoni mill-partijiet soċjali. Iżda l-Kummissjoni poġġiet proposta biex il-Parlament ikun jista’, jekk jixtieq, jikkomunika l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. L-istess japplika lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni. |

320 | Prinċipju tas-Sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. |

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux ikunu milħuqa b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin. |

Il-bżonn ta’ azzjoni tal-Komunità hija ġustifikata mhux biss mill-fatt li l-partijiet soċjali, li skond l-Artikolu 139 (1) huma konvinti mill-bżonn ta’ l-azzjoni Komunitarja f’din il-materja, iffinalizzaw b’suċċess ftehim fuq livell Komunitarju u talbu biex dan il-ftehim jiġi implimentat b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni b’konformità ma’ l-Artkolu 139(2) tat-Trattat, iżda wkoll mill-bżonn li s-settur marittimu jingħata numru ta’ standards li jixirqu lill-ambjent globali li jaħdem fih. Il-proposta għal direttiva tissupplimenta l-liġi ta’ l-Istati Membri billi tistabbilixxi standard minimu bl-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara. Dan il-qafas jipprovdi ċarezza u trasparenza għall-intrapriżi f’dan is-settur, huwa konduċibbli għal kompetizzjoni ġusta fis-suq intern, u ser jgħin biex jiġu mneħħija fenomeni bħal dumping soċjali. |

Azzjoni Komunitarja tista’ tilħaq aktar l-objettivi tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin. |

Il-proposta tintroduċi emendi ċari lil-liġi eżistenti ta’ l-UE b’mod li tiġi aġġornata skond il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006. Dan l-objettiv ma jistax jiġi milħuq permezz ta’ liġi nazzjonali. |

Ser tgħin biex jidħlu fis-seħħ simultanjament u jiġu trasposti b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha l-istandards tal-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 li għaliha tirreferi. |

Finalment, il-proposta ser tagħti lill-ftehim miżuri ta’ infurzar speċifiċi taħt il-liġi ta’ l-UE. |

Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Prinċipju tal-Proporzjonalità |

331 | Id-Direttiva tal-Kunsill tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-proporzjonalità kif ukoll tpoġġi ċerti għanijiet li jridu jintlaħqu. |

Bħala konsegwenza il-proposta tħalli lok għall-flessibilità għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għażla ta’ miżuri konkreti ta’ implimentazzjoni. Iktar minn hekk, hija strettament limitata għat-traspożizzjoni fil-liġi ta’ l-UE ta’ standards aġġornati li jinsabu fil-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006. |

Għażla ta’ strumenti |

Strumenti proposti: direttiva. |

Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġunijiet li ġejjin. Il-proposta temenda l-liġi ta’ l-UE li tapplika bħalissa li titlob att leġiżlattiv. Barra minn hekk, it-terminu “deċiżjoni” fl-Artikolu 139(2) tat-Trattat hija użata fit-tifsira ġenerali biex b’hekk jiġi magħżul l-istrument legali skond l-Artikolu 249 tat-Trattat. Huwa f’idejn il-Kummissjoni biex tipproponi lill-Kunsill liema mit-tliet strumenti legali li jorbtu fl-Artikolu msemmi (regolament, direttiva jew deċiżjoni) ikun l-aktar xieraq. F’dan il-każ, meta tqis it-tip u l-kontenut tal-ftehim tal-partijiet soċjali, huwa ċar li l-aħjar ikun applikat indirettament permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom ikunu trasposti mill-Istati Membri u/jew il-partijiet soċjali fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri. L-aħjar strument legali għalhekk hi direttiva tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tikkunsidra, b’konformità max-xogħol li ngħata, li l-ftehim ma għandux ikun inkorporat fil-proposta iżda Anness magħha. |

4) implikazzjoni Għall-Baġit |

Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

5) informazzjoni addizzjonali |

Tabella ta’ Korrelazzjoni L-Istati Membri huma mitluba li jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li qedin jittraspożitaw id-Direttiva kif ukoll lista ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dsipożizzjonijiet u din id-Direttiva. |

Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna materja taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea. |

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta L-istruttura tal-proposta hija kif ġejja: Artikolu 1 Dan l-Artikolu hu marbut mal-ftehim bejn il-partijiet soċjali marbutin, li huwa l-għan tad-deċiżjoni tal-Kunsill addottata taħt Artikolu 139(2) tat-Trattat. Artikolu 2 Li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE skond il-Ftehim tal-Partijiet Soċjali. Artikolu 3 L-Artikolu 3 jgħid li d-direttiva tipprovdi biss għal kundizzjonijiet minimi, u tħalli lill-Istati Membri liberi li jadottaw miżuri li huma aktar favorevoli favorevoli għall-ħaddiema fil-qasam konċernat. L-għan tiegħu hu li jiggarantixxi b’mod espliċitu l-livelli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema li diġà ġie milħuq u jassigura li japplikaw biss l-iktar standards favorevoli ta’ protezzjoni fuq il-post tax-xogħol. Fl-istess kuntest l-għan ta’ l-Artikolu 3, paragrafu 4, tal-proposta, huwa li jassigura li l-prinċipju ġenerali ta’ responsabbiltà tas-sid tan-negozju, kif provdut fl-Artikolu 5 tal-qafas tad-Direttiva 89/391/KEE, ma jkunx affettwat bl-Istandard A4.2§5 b) tal-Ftehim, li jħalli lok għal limitazzjonijiet fir-responsabbiltà tas-sid tal-vapur f’ċerti ċirkustanzi. Artikolu 4 sa Artikolu 7 L-Artikoli 4 sa 7 fihom is-soltu dispożizzjonijiet dwar traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri, inkluża l-obbligazzjoni li tipprovdi għal penali effettivi, proporzjonati u deċiżivi. Partikolarment, Artikolu 6 jagħmel referenza għad-data meta tibda tapplika d-Direttiva. Il-ftehim tal-partijiet soċjali ma japplikax qabel tibda tapplika l-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006. Biex tiġi sodisfatta din ix-xewqa tal-partijiet soċjali, id-data meta tibda tapplika d-Direttiva li għaliha tirreferi l-proposta, għandha tkun fl-istess żmien li tibda tapplika l-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006. Peress li din id-data għadha trid tiġi deċiża qed jitħalla spazju vojt fil-proposta għal dan l-iskop bi spjegazzjoni żgħira. |

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li qed timplimenta l-Ftehim finalizzat mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF) dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE REGOLAMENT TAL-KUNSILL (Test b’Rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u, b’mod partikolari l-Artikolu 139(2) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Maniġment u l-ħaddiema ("il-partijiet soċjali") jistgħu, skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, jitolbu flimkien li l-ftehimiet fuq livell Komunitarju jiġu implimentati b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

(2) Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottat il- Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006, bix-xewqa li jinħoloq dokument finali wieħed u koerenti li possibilment fih l-istandards kollha aġġornati tal-Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet marittimi internazzjonali tax-xogħol eżistenti, kif ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol.

(3) Il-Kummissjoni ikkonsultat mal-maniġment u l-ħaddiema, skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, dwar jekk hux vijabbli li jiġi żviluppat l-acquis Komunitarju eżistenti billi jiġi adattat, konsolidat jew miżjud fil-kuntest tal-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006[7].

(4) L-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Ħaddiema tat-Trasport Ewropej (ETF) infurmat lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħhom li jidħlu fin-negozjati skond l-Artikolu 138(4) tat-Trattat fid-29 ta’ Settembru 2006.

(5) Fid-19 ta’ Mejju 2008, l-organizzazzjonijiet imsemmija li jixtiequ joħolqu suq globali ġust fl-industrija marittima ffinalizzaw ftehim dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006; dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu għandhom talba miż-żewġ naħat lill-Kummissjoni biex jiġu implimentati b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat.

(6) Il-ftehim japplika għall-baħħara fuq vapuri reġistrati fi Stat Membru u/jew li jtajru bandiera ta’ Stat Membru.

(7) Il-ftehim jemenda l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara ffinalizzat fi Brussell fit-30 ta’ Settembru 1998 mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni ta’ l-Għaqdiet tal-Ħaddiema tat-Trasport fl-Unjoni Ewropea (FST).

(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 li fiha l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara[8] fl-Anness tagħha għandha tkun emendata skond dan.

(9) Għall-iskop ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat, l-istrument legali xieraq għall-implimentazzjoni tal-Ftehim hija direttiva.

(10) Il-ftehim jidħol fis-seħħ fl-istess żmien li tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 u l-partijiet soċjali jixtiequ li l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva jidħlu fis-seħħ mhux qabel id-data li fiha tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006.

(11) Rigward id-definizzjonijiet użati fil-Ftehim u li mhumiex speċifikatament definiti fih, id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri liberi li jagħtuhom tifsira skond il-liġi u l-prattika nazzjonali, kif inhu l-każ ta’ Direttivi oħra ta’ politika soċjali li jużaw definizzjonijiet simili, dejjem jekk dawn id-definizzjonijiet jirrispettaw il-kontenut tal-Ftehim.

(12) Peress li l-objettivi ta’ l-azzjoni li trid tittieħed ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jintlaħqu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tistà tadotta miżuriskond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju b’mod li jintlaħqu dawk l-oġġettivi.

(13) Il-Kummissjoni fasslet il-proposta tagħha għal Direttiva, skond il-Komunikazzjoni ta’ l-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali f’livell Komunitarju, billi ħadet in konsiderazzjoni l-istatus rappreżentattiv tal-partijiet firmatarji u l-legalità ta’ kull klawżola tal-Ftehim.

(14) Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim interistituzzjonali dwar kif il-liġijiet jistgħu jsiru aħjar, l-Istati Membri ser ikunu inkoraġġuti biex ifasslu, għalihom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li jkunu juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

(15) L-Istati Membri jistgħu jħallu f’idejn il-maniġment u l-ħaddiema, fuq talba miż-żewġ naħat, biex jimplimentaw din id-Direttiva, sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jassiguraw li f’kull ħin jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti mid-Direttiva;

(16) Id-dsipożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjonijiet eżistenti li huma aktar speċifiċi u/jew jiggarantixxu livell ogħla ta’ protezzjoni lill-baħħara, u partikolarment dawk inklużi fil-liġi Komunitarja.

(17) Il-konformità mal-prinċipju ġenerali ta’ responsabbiltà ta’ min iħaddem kif provdut fl-Artikolu 5 tal-qafas tad-Direttiva 89/391/KEE[9], u partikolarment fil-paragrafi 1 u 3 tagħha, għandha tkun assigurata.

(18) Din id-Direttiva ma tistax tiġi użata biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti mill-Ftehim anness magħha.

(19) Din id-Direttiva u l-ftehim joħorġu minnhom standards minimi; l-Istati Membri u/jew il-partijiet soċjali għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

(20) Il-Kummissjoni informat lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, skond il-komunikazzjoni ta’ l-14 ta’ Diċembru 1993 li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar politika soċjali, billi bagħtet lilhom it-test tal-proposta tagħha għal Direttiva li fiha il-Ftehim.

(21) Dan l-istrument legali jikkonforma mad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali mniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea u partikolarment ma’ l-Artikolu 31 li jipprovdi li l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għal kundizzjonijiet ta’ xogħol li jirrispettaw s-saħħa, is-sigurtà u li jkunu dinjitużi, li jkollhom limitu għall-ħin ta’ xogħol massimu u għal perjodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u kuljum u perjodu annwali ta’ vaganzi mħallsa.

(22) L-implimentazzjoni tal-Ftehim tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi taħt l-Artikolu 136 tat-Trattat.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol finalizzat fid-19 ta’ Mejju 2008 bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-maniġment u l-ħaddiema fis-settur tat-trasport marittimu (ECSA u ETF) kif imniżżel fl-Anness.

Artikolu 2

L-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. Fil-Klawżola 1, jiżdied il-paragrafu 3:

“3. F’każ ta’ dubju dwar jekk kwalunkwe kategorija ta’ persuni għandhiex tiġi meqjusa bħala baħħara għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjoni tiġi riżolta mill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru wara konsultazzjoni mas-sidien tal-vapuri u l-organizzazzjonijiet tal-baħħara li tikkonċernahom din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest tittieħed in konsiderazzjoni ir-Riżoluzzjoni tas-Sessjoni (Marittima) 94 tal-Konferenza Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tikkonċerna informazzjoni dwar gruppi ta’ xogħol.”

2. Fil-Klawżola 2, punti (c) u (d) qegħdin jiġu mibdula b’dan li ġej:

“(c) id-definizzjoni ‘baħħar’ tfisser kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem f‘kwalunkwe grad fuq vapur li għalih japplika dan il-Ftehim;”

“(d) id-definizzjoni ‘sid ta’ vapur’ tfisser is-sid ta’ vapur jew organizzazzjoni jew persuna oħra, bħal maniġer, aġent jew dak li jikri d-dgħajjes, li assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-vapur mis-sid u li kif assuma din ir-responsabbiltà qabel li jieħu l-obbligi u r-responsabbiltajiet imposti mis-sidien tal-vapuri skond il-Ftehim , indeipendentament jekk kwalunkwe organizzazzjoni jew persuni oħra tissodisfax ċerit obbligi jew responsabbiltajiet f’isem is-sid tal-vapur.”

3. Klawżola 6 qiegħda tiġi mibdula b’dan li ġej:

“1. Ix-xogħol bil-lejl tal-baħħara taħt l-età ta’ 18 ikun projbit. Għall-iskop ta’ din il-Klawżola, ‘bil-lejl’ għandu jiġi definit skond il-liġi u l-prattika nazzjonali. Għandu jkopri perjodu ta’ mill-inqas disa’ sigħat li jibdew mhux iktar tard minn nofs il-lejl u jispiċċaw mhux qabel il-5 a.m.

2. Tista’ ssir eċċezzjoni għall-konformità stretta mar-restrizzjoni fuq xogħol bil-lejl mill-awtorità kompetenti meta:

(a) it-taħriġ effettiv tal-baħħara konċernati, skond il-programmi u l-iskedi stabbiliti, jista’ jiġi effettwat; jew

(b) in-natura speċifika ta’ l-obbligu jew programm ta’ taħriġ rikonoxxut jirrikjedi li l-baħħara koperti mill-eċċezzjoni jaħdmu xogħol bil-lejl u l-awtorità tiddeċiedi, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u tal-baħħara konċernati, li x-xogħol ma jkunx ta’ dannu għas-saħħa u l-benessere tagħhom.

3. L-impjieg, ingaġġ jew xogħol tal-baħħara taħt l-età ta’ 18 għandu jkun projbit fejn hemm ċans kbir li x-xogħol jista’ jaffettwa ħażin is-saħħa u s-sigurtà tagħhom. It-tipi ta' dan ix-xogħol jiġu deċiżi bil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew mill-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u tal-baħħara konċernati, skond l-istandards internazzjonali relevanti.”

4. Klawżola 13 qiegħda tiġi mibdula b’dan li ġej:

“1. Il-baħħara ma għandhomx jaħdmu fuq vapur qabel ma jkunu ċertifikati bħala f’kundizzjoni medika tajba biex jagħmlu x-xogħol tagħhom.

2. L-eċċezzjonijiet jistgħu jiġu permessi biss kif imniżżla f’dan il-Ftehim.

3. L-awtorità kompetenti ser titlob li qabel ma jibdewix-xogħol fuq il-vapur, il-baħħara ikollhom ċertifikat mediku validu li jgħid li huma f’kundizzjoni medika tajba biex jagħmlu x-xogħol li għandu jsir fuq il-baħar.

4. B’mod li jkun assigurat li ċ-ċertifikati mediċi jirriflettu ġenwinament l-istat ta’ saħħa tal-baħħara, fid-dawl tax-xogħol li jridu jagħmlu, l-awtorità kompetenti għandha, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u tal-baħħara konċernati, u wara li tieħu in konsiderazzjoni l-linji gwida internazzjonali applikabbli, tippreskrivi l-għamla ta’ l-eżaminazzjoni u ċ-ċertfikat mediku.

5. Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u ż-Żamma tal-Ħin għall-Baħħara, ta’ l-1978, kif emendata (“STCW”). Ċertifikat mediku maħruġ skond ir-rekwiżiti ta’ l-STCW għandu jkun aċċettat mill-awtorità kompetenti, għall-iskop tal-paragrafi 1 u 2 ta’ din il-Klawżola. Ċertifikat mediku li jilħaq is-sustanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, f’każ ta’ baħħara mhux koperti bl-STCW, għandu l-istess ikun aċċettat.

6. Ċertifikat mediku għandu jinħareġ minn tabib kwalifikat jew, f’każ ta’ ċertifikat li jikkonċerna biss il-viżta, minn persuna rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti li hija kwalifikata biex toħroġ tali ċertifikat. It-tobba għandhom ikollhom indipendenza professjonali biex jeżerċitaw ġudizzju mediku meta jagħmlu proċeduri ta’ eżaminazzjoni medika.

7. Il-baħħara li ġew rifjutati ċertifikat jew kellhom limitazzjoni imposta fuq l-abbilità tagħhom għax-xogħol, partikolarment b’rispett lejn il-ħin, qasam tax-xogħol jew qasam tal-kummerċ, ser jingħataw oppurtunità biex ikollhom eżaminazzjoni sussegwenti minn tabib indipendenti ieħor jew minn arbitru mediku indipendenti.

8. Kull ċertifikat mediku għandu jgħid partikolarment li:

(a) is-smigħ u l-viżta tal-baħħar konċernat, u l-viżta tal-kuluri f’każ ta’ baħħar li ser ikun impjegat f’xogħol fejn il-kapaċità għal dan ix-xogħol tistà tkun affettwata minn difett fil-viżta tal-kuluri, huma kollha sodisfaċenti; u

(b) il-baħħar konċernat mhux qed isofri minn kundizzjoni medika li tistà tkun aggravata bix-xogħol fuq il-baħar jew li tistà tagħmel lill-baħħar mhux kapaċi għal dan ix-xogħol jew li tistà tipperikola s-saħħa ta’ persuni oħra abbord il-vapur.

9. Sakemm perjodu iqsar mhuwiex rikjest minħabba l-obbligi speċifiċi li għandhom jiġu esegwiti mill-baħħar konċernat jew li huma rikjesti mill-STCW:

(a) ċertifikat mediku għandu jkun validu għal perjodu massimu ta’ sentejn sakemm il-baħħar mhuwiex taħt it-18 – il sena, f’liema każ il-perjodu massimu tal-validità ikun ta’ sena;

(b) ċertifikazzjoni tal-viżta tal-kuluri għandha tkun valida għal perjodu massimu ta’ sitt snin.

10. F’każijiet urġenti l-awtorita kompetenti tista tippermetti li baħħar jaħdem mingħajr ċertifikat mediku validu sakemm jaslu fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dejjem jekk:

(a) il-perjodu ta’ tali permess ma jeċċedix tliet xhur; u

(b) il-baħħar konċernat għandu f’idejh ċertifikat mediku skadut ta’ data riċenti.

11. Jekk il-perjodu ta’ validità ta’ ċertifikat tiskadi matul vjaġġ, iċ-ċertifikat ikompli japplika sakemm jaslu fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dejjem jekk il-perjodu ma jeċċedix tliet xhur.

12. Iċ-ċertifikati mediċi għall-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri normalment ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali għandhom bħala minimu jkunu pprovduti bl-Ingliż.

13. L-għamla ta’ eżami tas-saħħa li għandu jsir u d-dettalji li għandhom jkunu inklużi fiċ-ċertifikat mediku għandha tkun stabbilità wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara konċernati.

14. Il-baħħara kollha għandhom jkollhom eżaminazzjoni tas-saħħa regolari. Dawk li jżommu l-ħin li jsofru minn problemi tas-saħħa ċertifikati minn tabib li huma riżultat tal-fatt li jaħdmu bil-lejl, għandhom ikunu trasferiti, fejn possibbli, għal xogħol ta’ matul il-ġurnata li hu tajjeb għalihom.

15. L-eżaminazzjoni tas-saħħa li hemm referenza għaliha fil-paragrafi 13 u 14 għandha tkun b’xejn u tikkonforma mal-kunfidenzjalità medika. Tali eżaminazzjonijiet tas-saħħa jistgħu jsiru fis-sistema tas-saħħa nazzjonali.”

5. Klawżola 16 qiegħda tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Kull baħħar ikun intitolat għal vaganzi annwali mħallsa. Il-vaganzi annwali intitolati għall-ħlas għandhom ikunu kalkulati fuq bażi ta’ minimu ta’ 2.5 ġranet tal-kalendarju kull xahar ta’ impjieg u pro rata għax-xhur inkompleti.

Il-perjodu minimu ta’ vaganzi annwali mħallsa ma jistgħux jkunu mibdula b’żidiet in lieu, minbarra fejn ir-relazzjoni ta’ l-impjieg tiġi terminata.“

Artikolu 3

1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu Dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk imniżżla f’din id-Direttiva.

2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tikostitwixxi taħt l-ebda ċirkustanza bażi suffiċjenti li tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni lill-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Dan ikun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri u/jew il-maniġment u l-ħaddiema li jagħmlu, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kontrattwali differenti minn dawk li jkunu jipprevalu fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva, dejjem jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi imniżżla fid-Direttiva.

3. L-applikazzjoni u/jew l-interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe provvediment, użanza jew prattika Komunitarja jew nazzjonali li tipprovdi għal kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-baħħara konċernati.

4. Il-provvista ta’ l-Istandard A4.2 paragrafu5 b) mgħandhiex tafettwa il-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem kif provdut għaliha fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/391/KEE.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu liema penali huma applikabbli meta Dispożizzjonijiet nazzjonali li jiġu fis-seħħ wara din id-Direttiva jkunu miksura. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u li dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni bid-data imniżżla fl-Artikolu 5 (1) u kwalunkwe emendi sussegwenti għalihom fl-aħjar żmien.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u Dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva jew għandhom jassiguraw li, l-maniġment u l-ħaddiema introduċew il-miżuri neċessarji bi ftehim, mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw Dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu magħmula mill-Istati Membri. Dawn għandhom mill-ewwel jikkomunikaw mal-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dsipożizzjonijiet u lista ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dsipożizzjonijiet u din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dsipożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 6

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-[*] ["*" tirrapreżenta d-data ta’ meta tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 ].

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNESS: Ftehim finalizzat mill-ECSA u l-ETF dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006

PREAMBOLU

Il-partijiet firmatarji

Billi l-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 ta’ l-ILO (iktar ‘il quddiem tissejjaħ “il-Konvenzjoni”) tirrikjedi li kull Membru jissodisfa ruħu lid-dsipożizzjonijiet tal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu jirrispettaw, fil-kuntest tal-Konvenzjoni, id-drittijiet fundamentali tal-libertà ta’ l-assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt tan-negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ xogħol furzat jew ta’ bil-fors, l-abolizzjoni effettiva tax-xogħol magħmul mit-tfal u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward ta’ l-impjieg u x-xogħol;

Billi il-Konvenzjoni tipprovdi li kull baħħar għandu dritt għal post tax-xogħol fejn wieħed igawdi sigurtà u protezzjoni li jikkonforma ma ‘standards ta’ sigurtà, għal kundizzjonijiet ġusti ta’ impjieg, għal kundizzjonijiet diċenti ta’ xogħol u għajxien u għal protezzjoni tas-saħħa, kura medika, miżuri ta’ ħarsien u forom oħra ta’ protezzjoni soċjali;

Billi l-Konvenzjoni tirrikjedi li l-Membri jassiguraw, fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha, li d-drittijiet ta’ l-impjieg u soċjali tal-baħħara imniżżla fil-paragrafu preċedenti ta’ dan il-Preambolu ikunu implimentati kollha skond ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Konvenzjoni, tali implimentazzjoni tista tkun milħuqa permezz ta’ liġijiet u regolamenti nazzjonali, permezz ta’ ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli jew permezz ta’ miżuri oħra jew fil-prattika;

Billi l-partijiet firmatarji jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni partikolari għan-“Nota li Tispjega għar-Regolamenti u Kodiċi tal-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol”, li tniżżel il-forma u l-istruttura tal-Konvenzjoni;

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea (iktar ‘ il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”) u partikolarment Artikoli 137, 138 u 139 tiegħu;

Billi l-Artikolu 139 (2) tat-Trattat jipprovdi li ftehim finalizzati f’livell Ewropew jista’ jkun implimentat fuq talba miż-żewġ naħat tal-partijiet firmatarji b’Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni;

Billi l-partijiet firmatarji b’dan il-mod qedin jagħmlu tali talba;

Billi l-aħjar strument legali biex jkun implimentat il-Ftehim hija Direttiva, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat, li jorbot lill-Istati Membri mar-riżultat li jrid jintlaħaq, waqt li jħalli għall-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodu; Artikolu VI tal-Konvenzjoni jippermetti lill-Membri ta’ l-ILO li jimplimentaw miżuri li huma għas-sodisfazzjon tagħhom sostanzjalment ekwivalenti għall-Istandards tal-Konvenzjoni li hija mmirata kemm għall-ksib totali ta’ l-oġġettiv u skop ġenerali tal-Konvenzjoni u kemm biex tagħti effett lild-dispożizzjonijiet msemmija tal-Konvenzjoni; l-implimentazzjoni tal-Ftehim b’Direttiva u l-prinċipju ta’ “Ekwivalenza Sostanzjali” fil-Konvenzjoni huma għalhekk immirati biex jagħtu lill-Istati Membri il-kapaċità li jimplimentaw id-drittijiet u l-prinċipji b’mod kif provdut fl- Artikolu VI paragrafi 3 u 4 tal-Konvenzjoni.

Qablu dwar dan li ġej:

DEFINIZZJONIJIET U AMBITU TA’ L-APPLIKAZZJONI

1. Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim u sakemm mhux provdut mod ieħor f’Dispożizzjonijiet partikolari, it-terminu:

(a) awtorità kompetenti tfisser il-ministru, dipartiment tal-Gvern jew awtorità oħra maħtura minn Stat Membru li għandha l-poter li toħroġ u tinforza regolamenti, ordnijiet jew istruzzjonijiet oħra li għandhom il-forza tal-liġi għal dak li jirrigwarda il-materja tas-suġġett tal-provvediment konċernat;

(b) tunnellaġġ totali ifisser it-tunnellaġġ totali kalkulat skond ir-regolamenti tal-kejl tat-tunnellaġġ li jinsabu fl-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri, 1969, jew kwalunkwe Konvenzjoni li ġiet wara; għall-vapuri koperti bl-iskema temporanja tal-kejl tat-tunnellaġġ adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, it-tunnellaġġ totali huwa dak li huwa inkluż fil-kolonna tar-RIMARKI taċ-Ċertifikat Internazzjonali tat-Tunnellaġġ (1969);

(c) baħħar ifisser kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem fi kwalunkwe grad fuq vapur li għalih japplika dan il-Ftehim;

(d) ftehim dwar impjieg ta’ baħħar jinkludi kemm kuntratt ta’ impjieg u artikoli tal-ftehim;

(e) vapur ifisser vapur minbarra minn wieħed li jbaħħar esklussivament f’ibħra interni jew ibħra ġo, jew qrib, ibħra protetti jew postijiet fejn ir-regolamenti tal-port japplikaw;

(f) sid ta’ vapur tfisser is-sid ta’ vapur jew organizzazzjoni jew persuna oħra, bħal maniġer, aġent jew dak li jikri d-dgħajjes, li assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-vapur mis-sid u li kif assuma din ir-responsabbiltà qabel li jieħu l-obbligi u r-responsabbiltajiet imposti mis-sidien tal-vapuri skond il-Ftehim, indipendentement minn jekk kwalunkwe organizzazzjoni jew persuni oħra tissodisfax ċerti obbligi jew responsabbiltajiet f’isem is-sid tal-vapur.

2. Ħlief jekk ikun provdut mod ieħor, dan il-Ftehim japplika għall-baħħara kollha.

3. F’każ ta’ dubju dwar jekk kwalunkwe kategorija ta’ persuni għandhiex tiġi meqjusa bħala baħħara għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjoni tiġi riżolta mill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru wara konsultazzjoni mas-sidien tal-vapuri u l-organizzazzjonijiet tal-baħħara li tikkonċernahom din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest tittieħed in konsiderazzjoni ir-Riżoluzzjoni tas-Sessjoni (Marittima) 94 tal-Konferenza Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tikkonċerna informazzjoni dwar gruppi ta’ xogħol.

4. Minbarra fejn huwa espressament provdut mod ieħor, dan il-Ftehim japplika għall-vapuri kollha kemm jekk tal-gvern u kemm jekk tal-privat, normalment ingaġġati f’attivitajiet kummerċjali, minbarra vapuri ingaġġati fis-sajd jew f’attivitajiet simili u vapuri ta’ għamla tradizzjonali bħal iġfna u ġanks. Dan il-Ftehim ma japplikax għall-vapuri tal-gwerra jew tagħmir għal mal-vapuri.

5. F’każ ta’ dubju dwar jekk il-Ftehim japplikax għal vapur jew kategorija partikolari ta’ vapuri, il-kwistjoni tkun deċiża mill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara konċernati.

IR-REGOLAMENTI U L-ISTANDARDS

TITOLU 1. REKWIŻITI MINIMI GĦALL-BAĦĦARA BIEX JAĦDMU FUQ VAPUR

Regolament 1.1 – Età Minima

1. L-ebda persuna taħt l-età minima ma għandha tkun impjegata jew ingaġġata biex taħdem fuq vapur.

2. Età minima superjuri għandha tkun rikjesta fiċ-ċirkostanzi imniżżla fil-Ftehim.

Standard A1.1 – Eta Minima

L-età minima hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (li ser tiġi emendata) li tikkonċerna l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għall-baħħara (li ser tiġi emendata skond l-Anness A ma’ dan il-Ftehim)

Regolament 1.2 – Ċertifikat Mediku

Ċertifikati mediċi huma regolati bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (li ser tiġi emendata) li tikkonċerna l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għall-baħħara (li ser tiġi emendata skond l-Anness A ma’ dan il-Ftehim)

Regolament 1.3 – Taħriġ u kwalifiki

1. Il-baħħara ma jistgħux jaħdmu fuq vapur sakemm mhumiex imħarrġa jew ċertifikati bħala kompetenti jew inkella kwalifikati biex jagħmlu x-xogħol tagħhom.

2. Il-baħħara ma jistgħux jingħataw permess li jaħdmu fuq vapur sakemm ma lestewx taħriġ b’suċċess li jirrigwarda s-sigurtà personali fuq il-vapur.

3. Taħriġ u ċertifikazzjoni skond id-dokumkenti formali adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali jkunu kkunsidrati bħala li jilħqu r-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan ir-Regolament.

TITOLU 2. KUNDIZZJONIJIET TA’ L-IMPJIEGI

Regolament 2.1 – Ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara

1. It-termini u l-kundizzjonijiet għall-impjieg ta’ baħħar għandhom jitniżżlu jew ikun hemm refernza għalihom fi ftehim legali miktub b’mod ċar li jista’ jiġi infurzat u jkunu konsistenti ma’ l-istandards imniżżla fil-Ftehim.

2. Il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandhom jiġu aċċettati mill-baħħar taħt kundizzjonijiet li jassiguraw li l-baħħar ikollu opportunità li jeżamina u jieħu parir dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim u jaċċettahom liberament qabel jiffirmahom.

3. Sa fejn hu kompatibbli mal-liġi u l-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru, il-ftehimiet dwar l-impjieg tal-baħħara għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jinkorporaw kwalunkwe ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli.

Standard A2.1 – Ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara

1. Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jirrikjedu li vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-baħħara li jaħdmu fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu għandhom ikollhom ftehim iffirmat kemm mill-baħħar u anke mis-sid tal-vapur jew rappreżentant tas-sid tal-vapur (jew, fejn mhumiex impjegati, evidenza ta’ ftehim kontrattwali jew simili) li jipprovdihom b’kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ għajxien diċenti fuq il-vapur kif mitlub mill-Ftehim;

(b) il-baħħara li jiffirmaw ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandhom jingħataw l-opportunità li jeżaminaw u jieħdu parir dwar il-ftehim qabel jiffirmaw, kif ukoll faċilitajiet oħra neċessarji biex ikun assigurat li huma daħlu liberament fil-ftehim u fehmu sew id-drittijiet u r-responsabbiltajiet;

(c) is-sid tal-vapur u l-baħħar konċernati għandhom ikollhom, kull wieħed, ftehim oriġinali ffirmat dwar l-impjieg tal-baħħara;

(d) għandhom jittieħdu miżuri biex ikun assigurat li informazzjoni ċara dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg tagħhom tkun faċilment miksuba mill-baħħara fuq il-vapur, inkluż mill-kaptan tal-vapur, u li tali informazzjoni, inkluża kopja tal-ftehim dwar l-impjieg tal-ħaddiema, tkun ukoll aċċessibbli għall-analiżi minn uffiċjali ta’ awtorità kompetenti, inklużi dawk fil-portijiet li ser ikum hemm żjara fihom; u

(e) il-baħħara għandhom jingħataw dokument li fih ir-rekord ta’ l-impjieg tagħhom fuq il-vapur.

2. Fejn ftehim ta’ negozjar kollettiv jifforma b’mod sħiħ jew parti minn ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara, kopja ta’ dan il-ftehim għandha tkun għad-dispożizzjoni fuq il-vapur. Fejn il-lingwa tal-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara u kwalunkwe ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli ma tkunx l-Ingliż, dan li ġej għandu jkun ukoll bl-Ingliż (minbarra għal vapuri ingaġġati biss fuq vjaġġi domestiċi):

(a) kopja ta’ formula standard tal-ftehim; u

(b) il-partijiet tal-ftehim ta’ negozjar kollettiv li huma soġġetti għall-ispezzjoni mill-Istat ta’ fejn hemm il-port.

3. Id-dokument li għalih hemm referenza fil-paragrafu 1(e) ta’ dan l-Istandard ma għandu jkollu l-ebda dikjarazzjoni dwar il-kwalità tax-xogħol tal-baħħara jew dwar il-pagi tagħhom. L-għamla tad-dokument, id-dettalji li għandhom jiġu mniżżla u l-mod ta’ kif tali dettalji għandhom jiddaħħlu, għandhom ikunu deċiżi bil-liġi nazzjonali.

4. Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jispeċifikaw il-materji li għandhom ikunu inklużi fil-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara kollha li jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali. F’kull każ, il-ftehimiet dwar l-impjieg tal-baħħara għandhom ikollhom id-dettalji li ġejjin:

(a) l-isem sħiħ, id-data tat-twelid u l-età, u l-post tat-twelid tal-baħħar;

(b) l-isem u l-indirizz tas-sid tal-vapur;

(c) il-post fejn u d-data meta sar il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara;

(d) il-grad ta’ l-impjieg tal-baħħar;

(e) l-ammont tal-pagi tal-baħħara jew, fejn hu applikabbli, il-formula użata biex jiġu kkalkulati;

(f) l-ammont tal-vaganzi annwali mħallsa jew, fejn hu applikabbli, il-formula użata biex jiġu kkalkulati;

(g) it-tmiem tal-ftehim u l-kundizzjonijiet tiegħu, inkluż:

(i) fil-każ ta’ ftehim li sar għal perjodu indefinit, il-kundizzjonijiet li jintitolaw waħda mill-partijiet biex itemmu, kif ukoll il-perjodu ta’ notifika rikjesta, li ma għandhiex tkun inqas għas-sid tal-vapur milli hi għall-baħħar;

(ii) fil-każ li l-ftehim sar għal perjodu definit, id-data ffissata għall-iskadenza tiegħu; u

(iii) jekk il-ftehim sar għal vjaġġ, il-port tad-destinazzjoni u l-ħin li jrid jiskadi wara l-wasla qabel il-baħħar ikun jista’ jitlaq minn xogħlu;

(h) il-benefiċċji tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali li għandhom jiġu pprovduti lill-baħħara mis-sid tal-vapur;

(i) ir-ripatrijazzjoni li l-baħħar hu ntitolat għaliha;

(j) referenza għall-ftehim tan-negozjar kollettiv, jekk applikabbli; u

(k) kwalunkwe dettalji oħra li l-liġi nazzjonali tista’ titlob.

5. Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jistabbilixxu perjodi ta’ notifika minimi li għandhom jingħataw mill-baħħara u mis-sidien tal-vapuri għat-tmiem qabel iż-żmien ta’ ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara. Iż-żmien ta’ dawn il-perjodi minimi għandu jkun deċiż wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara konċernati, iżda li ma jistax ikun inqas minn seba’ ġranet.

6. Perjodu ta’ notifika inqas mill-minimu jista’ jingħata f’ċirkostanzi li huma rikonoxxuti skond il-liġi jew regolamenti nazzjonali jew ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli bħala li jiġġustifikaw it-tmiem ta’ ftehim ta’ impjieg b’notifika iqsar jew mingħajr notifika. Biex jiġu deċiżi dawn iċ-ċirkustanzi, kull Stat Membru għandu jassigura li l-bżonn tal-baħħar li jtemm, mingħajr penali, il-ftehim ta’ l-impjieg b’notifika iqsar jew mingħajr notifika għal raġunijiet personali jew oħrajn urġenti, jittieħed in konsiderazzjoni.

Regolament 2.3 – Ħinijiet ta’ xogħol u ħinijiet ta’ mistrieħ

Il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ tal-baħħara huma regolati bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (li ser tiġi emendata) li tikkonċerna l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għall-baħħara (li ser tiġi emendata skond l-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

Regolament 2.4 – Intitolament għall-vaganzi

1. Kull Stat Membru għandu jitlob li baħħara li huma impjegati fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jingħataw vaganzi annwali mħallsa taħt kundizzjonijiet xierqa skond dan il-Ftehim u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju1999 (li ser tiġi emendata) li tikkonċerna l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għall-baħħara (li ser tiġi emendata skond l-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

2. Il-baħħara għandhom jingħataw vaganzi għal meta jkunu fuq l-art biex igawdu s-saħħa u l-benessere tagħhom u bir-rekwiżiti operattivi tal-pożizzjonijiet tagħhom.

Regolament 2.5 – Ripatrijazzjoni

1. Il-baħħara għandhom dritt ikunu ripatrijati mingħajr ma jsofru spejjeż.

2. Kull Stat Membru għandu jitlob li l-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jipprovdu sigurtà finanzjarja biex ikun assigurat li l-baħħara jiġu ripatrijati kif suppost.

Standard A2.5 – Ripatrijazzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-baħħara fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu huma intitolati għar-ripatrijazzjoni fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a) jekk il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara jiskadi;

(b) fejn il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara jkun mitmum:

(i) mis-sid tal-vapur; jew

(ii) mill-baħħar għal raġunijiet ġustifikati; kif ukoll

(c) meta l-baħħara ma jkunux jistgħu iktar jagħmlu d-doveri tagħhom taħt il-ftehim ta’ l-impjieg tagħhom jew ma jkunux mistennijin li jagħmlu d-doveri tagħhom fiċ-ċirkustanzi speċifiċi.

2. Kull Stat Membru għandu jassigura li jkun hemm dispożizzjonijiet xierqa fil-liġijiet u r-regolamenti tiegħu jew miżuri oħra jew fil-ftehim ta’ negozjar kollettiv, li jirregolaw:

(a) iċ-ċirkustanzi li fihom il-baħħara jkunu intitolati għar-ripatrijazzjoni skond il-paragrafi 1(b) u (c) ta’ dan l-Istandard;

(b) iż-żmien massimu ta’ perjodi ta’ servizz fuq il-vapur u li baħħar, wara li dan jgħaddi, ikun intitolat għar-ripatrijazzjoni – tali perjodi jkunu inqas minn tnax-il xahar; u

(c) l-intitolamenti preċiżi li għandhom jingħataw mis-sidien tal-vapuri għar-ripatrijazzjoni, inklużi dawk relatati mad-destinazzjoni tar-ripatrijazzjoni, il-tip ta’ trasport, l-oġġetti li jridu jintefqu flus fuqhom li jridu jiġu koperti u arranġamenti oħra li jridu jsiru mis-sidien tal-vapuri.

3. Kull Stat Membru għandu jipprojbixxi s-sidien tal-vapuri milli jitolbu li l-baħħara jagħmlu ħlas minn qabel għall-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni fil-bidu ta’ l-impjieg tagħhom, u ukoll li jiġu rkuprati l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni mill-pagi tal-baħħara jew intitolamenti oħra fejn il-baħħar, skond il-liġijiet u regolamenti nazjonali jew miżuri oħra jew ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli, ġie misjub ħati ta’ nuqqas serju fl-obbligazzjonijiet tiegħu fl-impjieg ta’ baħħar.

4. 4. Liġijiet u regolamenti nazzjonali ma għandhom jippreġudikaw l-ebda dritt tas-sid tal-vapur li jirkupra l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni taħt arranġamenti kontrattwali ma’ terzi persuni.

5. Jekk sid ta’ vapur jonqos milli jagħmel arranġamenti għall-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni tal-baħħara li huma intitolati għar-ripatrijazzjoni:

(a) l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-vapur itajjar bandiera tiegħu għandha tirranġa għar-ripatrijazzjoni tal-baħħara konċernati; jekk tonqos milli tagħmel dan, l-Istat li minnu l-baħħara ser jiġu ripatrijati jew l-Istat li tiegħu huma ċittadini jista’ jirranġa għar-ripatrijazzjoni tagħhom u jirkupra l-ispejjeż mill-Istat Membru li l-vapur itajjar bandiera tiegħu;

(b) l-ispejjeż minfuqa fir-ripatrijazzjoni tal-baħħara jistgħu jiġu rkuprati mis-sid tal-vapur mill-Istat Membru li l-vapur itajjar bandiera tiegħu;

(c) l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni ma għandhom fl-ebda sitwazzjoni jintefgħu fuq il-baħħara, minbarra kif provdut fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Istandard.

6. Meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-istrumenti legali internazzjonali applikabbli, inkluż il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar iż-Żammata’ Vapuri ta’ l-1999, Stat Membru li jkun ħallas l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni jista’ jżomm, jew jitlob iż-żamma ta’ dawk il-vapuri tas-sid konċernat sakemm ir-rimborż isir skond il-paragrafu 5 ta’ dan l-Istandard.

7. Kull Stat Membru għandu jiffaċilita r-ripatrijazzjoni tal-baħħara li jservu fuq vapuri li jaslu fil-portijiet tiegħu jew jgħaddu minn ġo l-ibħra territorjali jew interni tiegħu, kif ukoll it-tibdil tagħhom fuq il-vapur.

8. Partikolarment, Stat Membru ma għandux jirrifjuta d-dritt tar-ripatrijazzjoni lil kwalunkwe baħħar minħabba ċ-ċirkustanzi finanzjarji ta’ sid ta’ vapur jew minħabba l-inkapaċità jew in-nuqqas ta’ rieda tas-sid tal-vapur li jibdel il-baħħar.

9. Kull Stat Membru għandu jitlob li vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jġorru u jkollhom għad-dispożizzjoni tal-baħħara kopja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli li jirrigwardaw ir-ripatrijazzjoni miktuba bil-lingwa xierqa.

Regolament 2.6 – Kumpens lill-baħħar għat-telf jew għarqa ta’ vapur

Il-baħħara huma intitolati għal kumpens adegwat f’każ ta’ ferimenti, telf, jew telfien ta’ xogħol minħabba t-telf jew l-għarqa tal-vapur.

Standard A2.6 – Kumpens għall-baħħar għat-telf jew għarqa ta’ vapur

1. Kull Stat Membru għandu jagħmel regoli li jassiguraw li, f’kull każ ta’ telf jew għarqa ta’ vapur, is-sid tal-vapur għandu jħallas lil kull baħħar fuq il-vapur somma biex tpatti għan-nuqqas ta’ xogħol li jirriżulta mit-telf jew għarqa tal-vapur.

2. Ir-regoli li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Istandard għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor li baħħar jista’ jkollu taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat għat-telf jew ferimenti li jirriżultaw mit-telf jew l-għarqa tal-vapur.

Regolament 2.7 – Livelli ta’ Ġestjoni

Id-dsipożizzjonijiet dwar il-ġestjoni suffiċjenti, sikura u effiċjenti tal-vapuri jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (li ser tiġi emendata) li tikkonċerna il-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għall-baħħara (li ser tiġi emendata skond l-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

Regolament 2.8 – Żvilupp tal-karriera u tal-ħiliet u opportunitajiet għall-impjieg tal-baħħara

Kull Stat Membru għandu jkollu politika nazzjonali għall-promozzjoni tax-xogħol fis-settur marittimu u biex jinkoraġixxi żvilupp tal-karriera u tal-ħiliet u opportunitajiet ta’ xogħol akbar għall-baħħara domiċiljati fit-territorju tiegħu.

Standard A2.8 – Żvilupp tal-karriera u tal-ħiliet u opportunitajiet għall-impjieg tal-baħħara

1. Kull Stat Membru għandu jkollu politika nazzjonali li tinkoraġġixxi żvilupp tal-karriera u tal-ħiliet u opportunitajiet ta’ xogħol akbar għall-baħħara, b’mod li jipprovdi s-settur marittimu b’forza tax-xogħol stabbli u kompetenti.

2. L-għan ta’ din il-politika li għaliha hemm referenza fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Istandard għandu jkun biex jgħin lill-baħħara isaħħu l-kompetenzi, kwalifikazzjonijiet u opportunitajiet ta’ xogħol tagħhom. 3.

3. Kull Stat Membru għandu, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara konċernati, jistabbilixxi objettivi ċari għall-gwida, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tal-baħħara li d-doveri tagħhom fuq il-vapuri primarjament jirrelata mat-tħaddim u t-taħriġ sikur tal-vapur, inkluż taħriġ kontinwu.

TITOLU 3. AKKOMODAZJONI, FAĊILITAJIET RIKREJATTIVI, IKEL U FORNIMENT TA’ IKEL U XORB

Standard A3.1 – Akkomodazzjoni u faċilitajiet rikrejattivi

1. Vapuri li jagħmlu kummerċ regolari ma’ portijiet infestati bin-nemus għandhom ikunu mgħammra b’tagħmir xieraq kif mitlub mill-awtorità kompetenti.

2. Faċilitajiet, bżonnijiet u servizzi xierqa għall-baħħara, kif adattati biex jintlaħqu l-bżonnijiet speċjali tal-baħħara li jridu jgħixu u jaħdmu fuq il-vapuri, ikunu pprovduti fuq il-vapur għall-benefiċċju tal-baħħara kollha, bit-teħid in konsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar protezzjoni tas-saħħa u sigurtà u l-prevenzjoni ta’ l-inċidenti.

3. L-awtorità kompetenti għandha titlob li jsiru spezzjonijiet frekwenti abbord il-vapur, mill-kaptan jew taħt l-awtorità tiegħu, biex tassigura li l-akkomodazzjoni tal-baħħar tkun nadifa, li jista’ jgħix b’mod diċenti fiha u miżmuma f’kundizzjoni tajba ta’ tiswija. Ir-riżultati ta’ kull spezzjoni tiġi mniżżla u tkun għad-dispożizzjoni għall-analiżi.

4. F’każ ta’ vapuri fejn mhemmx bżonn li jittieħdu in konsiderazzjoni, mingħajr diskriminazzjoni, l-interessi tal-baħħara li għandhom prattiċi reliġjużi u soċjali differenti u distinti, l-awtorità kompetenti tistà, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u tal-baħħara konċernati, tippermetti varjazzjonijiet applikati b’mod ġust b’rispett lejn l-Istandard bil-kundizzjoni li tali varjazzjonijiet ma jirriżultawx f’faċilitajiet inqas favorevoli minn dawk li kieku jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-Istandard.

Regolament 3.2 – Ikel u forniment ta’ ikel u xorb

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jġorru abbord u jservu ikel u ilma għax-xorb ta’ kwalità tajba, b’valur nutrittiv u bi kwantità li tkopri adegwament ir-rekwiżiti tal-vapur u li tieħu in konsiderazzjoni l-ambjenti kulturali u reliġjużi differenti.

2. Baħħara abbord vapur għandhom ikunu pprovduti b’ikel bla ħlas matul il-perjodu ta’ l-ingaġġ.

3. Baħħara impjegati bħala koki fuq il-vapuri b’responsabbiltà għall-preparazzjoni ta’ l-ikel għandhom ikunu mħarrġa u kwalifikati għall-pożizzjoni tagħhom abbord il-vapur.

Standard A3.2 – Ikel u forniment ta’ ikel u xorb

1. Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti jew miżuri oħra li jipprovdu standards minimi għall-kwantità u l-kwalità ta’ l-ikel u l-ilma għax-xorb, u għall-istandards tal-forniment ta’ l-ikel u x-xorb li japplikaw għall-ikliet ipprovduti lill-baħħara fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, u għandu jagħmel attivitajiet edukattivi għall-promozzjoni ta’ għarfien u implimentazzjoni ta’ l-istandards li għalihom hemm referenza f’dan il-paragrafu.

2. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jilħqu l-istandards minimi li ġejjin:

(a) fornimenti ta’ ikel u ilma għax-xorb, b’kunsiderazzjoni tan-numru ta’ baħħara abbord, ir-rekwiżiti reliġjużi tagħhom u l-prattiċi kulturali relatati ma’ l-ikel, u d-dewmien u n-natura tal-vjaġġ, ikunu adattati b’rispett lejn il-kwantità, il-valur nutrittiv, il-kwalità u l-varjetà;

(b) l-organizzazzjoni u t-tagħmir tad-dipartiment tal-forniment ta’ ikel u xorb għandhom ikunu tali li jippermettu l-provvista, lill-baħħara, ta’ ikliet adegwati, varjati u nutrittivi preparati u servuti f’kundizzjonijiet iġjeniċi; u

(c) il-persunal tal-forniment ta’ ikel u xorb għandu jkun imħarreġ u mgħallem tajjeb għall-pożizzjoni tiegħu.

3. Is-sidien tl-vapuri għandhom jassiguraw li l-baħħara ingaġġati bħala koki fuq il-vapur ikunu mħarrġa, kwalifikati u misjuba kompetenti għall-pożizzjoni tagħhom skond ir-rekwiżiti imniżżla fil-liġijiet u regolamenti ta’ l-Istat Membru konċernat.

4. Ir-rekwiżiti taħt paragrafu 3 ta’ dan l-Istandard għandhom jinkludu t-tlestija ta’ kors ta’ taħriġ approvat u rikonoxxut mill-awtorità kompetenti, li jkopri tisjir prattiku, ikel u iġjene personali, ħażna ta‘ l-ikel, kontroll ta’ l-istokk, u protezzjoni ambjentali u saħħa u sigurtà relatata mal-fornikent ta’ ikel u xorb.

5. Fuq vapuri li joperaw b’ġestjoni ta’ inqas minn għaxra min-nies li, minħabba d-daqs tar-reklutaġġ jew il-mod kif jimxi l-kummerċ, jistgħu ma jkollhomx bżonn li jkollhom kok kwalifikat skond l-awtorità kompetenti, kull min jipproċessa l-ikel fuq il-vapur għandu jkun imħarreġ jew mgħallem f’oqsma li jinkludu ikel u iġjene personali kif ukoll ġestjoni u ħażna ta’ ikel abbord il-vapur.

6. F’ċirkustanzi ta’ neċessità eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tistà toħroġ dispensa li tippermetti kok mhux għal kollox kwalifikat biex iservi f’vapur speċifiku għal perjodu speċifiku limitat, sakemm jaslu fil-port l-aktar konvenjenti li jmiss jew għal perjodu li ma jaqbiżx xahar, dejjem jekk il-persuna li għaliha ħarġet id-dispensa tkun imħarrġa jew mgħallma f’oqsma li jinkludu ikel u iġjene personali kif ukoll ġestjoni u ħażna ta’ ikel abbord il-vapur.

7. L-awtorità kompetenti għandha titlob li jsiru spezzjonijiet dokumentati frekwenti abbord il-vapuri, mill-kaptan jew taħt l-awtorità tiegħu, għal dak li jirrigwarda:

(a) forniment ta’ ikel u ilma għax-xorb;

(b) l-ispazji u t-tagħmir kollu użat għall-ħażna u l-ġestjoni ta’ ikel u ilma għax-xorb; u

(c) kċejjen u tagħmir ieħor għall-preparazzjoni u s-servizzi ta’ ikliet.

8. 8. L-ebda baħħar taħt l-età ta’ 18-il sena ma jista’ jkun impjegat jew ingaġġat biex jaħdem bħala kok fuq il-vapur.

TITOLU 4. PROTEZZJONI TAS-SAĦĦA, KURA MEDIKA U ĦARSIEN

Regolament 4.1 – Kura medika abbord vapur u fuq l-art

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-baħħara kollha fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu huma koperti b’miżuri adegwati għall-protezzjoni tas-saħħa tagħhom u li għandhom aċċess għal kura medika adegwata u ta’ dak il-ħin waqt li jaħdmu abbord.

2. Kull Stat Membru għandu jassigura li baħħara abbord vapuri fit-territorju tiegħu li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ bżonn ta’ kura medika immedjata jingħataw aċċess għall-faċilitajiet mediċi ta’ l-Istat Membru fuq l-art.

3 . Ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika abbord jinkludu standards għal miżuri mmirati biex jipprovdu lill-baħħara protezzjoni tas-saħħa u kura medika possibilment komparabbli kemm jista’ jkun għal dik li hija ġeneralment disponibbli għall-ħaddiema fuq l-art.

Standard A4.1 – Kura medika abbord vapur u fuq l-art

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li jiġu adottati miżuri li jipprovdu għal protezzjoni tas-saħħa u kura medika, inkluża l-kura essenzjali tas-snien eszjali, għal baħħara li jaħdmu abbord vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, u li:

(a) jassiguraw l-applikazzjoni, għal baħħara, ta’ kwalunkwe dispożizzjonijiet ġenerali dwar protezzjoni tas-saħħa u kura medika fuq il-post tax-xogħol relevanti għad-doveri tagħhom. kif ukoll dispożizzjonijiet speċjali speċifiċi għal xogħol abbord vapur;

(b) jassiguraw li l-baħħara jingħataw protezzjoni tas-saħħa u kura medika possibilment komparabbli kemm jista’ jkun għal dik li hija ġeneralment disponibbli għall-ħaddiema fuq l-art, inkluż aċċess pront għall-mediċini neċessarji, tagħmir u faċilitajiet mediċi għad-dijanjosi u trattament u għal informazzjoni u opinjoni esperta medika;

(c) li jagħtu lill-baħħara d-dritt li jagħmlu viżta lil tabib jew dentist kwalifikat mingħajr dewmien fil-port fejn jieqfu, fejn dan huwa prattikabbli;

(d) mhumiex limitati għat-trattament ta’ baħħara morda jew feruti iżda li jinkludu wkoll miżuri ta’ natura preventiva bħall-promozzjoni tas-saħħa u programmi ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa.

2. L-awtorità kompetenti għandha tadotta formula standard ta’ rapport mediku għall-użu mill-kaptani tal-vapur u personal mediku relevanti kemm fuq l-art u kemm abbord. Il-formula, meta kompluta, u l-kontenuti tagħha għandhom jibqgħu kunfidenzjali u jistgħu jintużaw biss biex jiffaċilitaw it-trattament tal-baħħara.

3. Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jistabbilixxu rekwiżiti għal faċilitajiet u tagħmir ta’ sptar u mediċi abbord u taħriġ fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu.

4. Il-liġijiet u regolamenti nazzjonali għandhom bħala minimu jipprovdu għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-vapuri kollha għandhom iġorru armarju tal-mediċina, tagħmir mediku u gwida medika, li l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom jiġu ordnati u soġġetti għal ispezzjoni regolari mill-awtorità kompetenti; ir-rekwiżiti nazzjonali għandhom jikkunsidraw it-tip ta’ vapur , in-numru ta’ persuni abbord u n-natura, destinazzjoni u dewmien tal-vjaġġi u l-istandards mediċi internazzjonali u nazzjonali relevanti rakkomandabbli;

(b) il-vapuri li jġorru 100 persuna jew iktar u li huma ordinarjament ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali li jdumu iktar minn 72 siegħa għandhom ikollhom tabib kwalifikat li jkun responsabbli biex jipprovdi l-kura medika; il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali għandhom jispeċifikaw ukoll liema vapuri oħrajn ser ikunu mitluba li jkollhom tabib, billi jittieħdu in konsiderazzjoni inter alia, fatturi bħad-dewmien, in-natura u l-kundizzjonijiet tal-vjaġġ u n-numru ta’ baħħara abbord;

(c) vapuri li ma jkollhomx tabib jiġu mitluba biex ikollhom mill-inqas baħħar abbord li jieħu ħsieb il-kura medika u li jagħti l-mediċini bħala parti mid-doveri regolari tagħhom jew mill-inqas baħħar wieħed abbord kompetenti biex jipprovdi l-ewwel għajnuna medika; persuni li jieħdu ħsieb il-kura medika abbord li mhumiex tobba għandhom ikunu lestew taħriġ fil-kura medika li jilħaq ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Żamma tal-Ħin għall-Baħħara, 1978, kif emendat (“STCW”); baħħara magħżula biex jipprovdu l-ewwel għajnuna medika għandhom ikunu lestew b’mod sodisfaċenti taħriġ fl-ewwel għajnuna medika li jilħaq ir-rekwiżiti ta’ l-STCW; il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali għandhom jispeċifikaw il-livell ta’ taħriġ approvat mitlub billi jittieħdu in konsiderazzjoni inter alia, fatturi bħad-dewmien, in-natura u l-kundizzjonijiet tal-vjaġġ u n-numru ta’ baħħara abbord; u

(d) l-awtorità kompetenti għandha tassigura, b’sistema rranġata minn qabel, li pariri mediċi bil-komunikazzjoni bir-radju jew satellita għall-vapuri fuq il-baħar, inkluż pariri speċjalizzati, ikunu disponibbli 24 siegħa kuljum; pariri mediċi, inkluż it-trasmissjoni ta’ messaġġi mediċi bil-komunikazzjoni bir-radju jew satellita bejn vapur u dawk fuq l-art li jagħtu l-pariri, jingħataw bla ħlas lill-vapuri kollha irrispettivament mill-bandiera li jtajru.

Regolament 4.2 – L-obbligi tas-sid tal-vapur

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li jkun hemm miżuri eżistenti fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu li jipprovdu lill-baħħara impjegati fuq il-vapuri id-dritt għall-assistenza materjali u għajnuna mis-sid tal-vapur għal dak li jirrigwarda l-aspett ta’ konsegwenzi finanzjarji ta’ mard, ferimenti jew mewt li jiġru waqt li jkunu qegħdin iservu taħt ftehim dwar l-impjieg ta’ baħħara jew li jirriżulta minn impjieg taħt tali ftehim.

2. Dan ir-Regolament ma jaffettwax kwalunkwe rimedji legali oħra li baħħar jista’ jfittex.

Standard A4.2 – L-obbligi tas-sid tal-vapur

1. Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jitolbu li sidien ta’ vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jkunu responsabbli għall-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika tal-baħħara kollha li jaħdmu abbord il-vapur skond l-istandards minimi li ġejjin:

(a) is-sidien tal-vapuri jkollhom l-obbligu li jsofru l-ispejjeż tal-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri tagħhom għal dak li jirrigwarda l-aspett ta’ mard u ferimenti tal-baħħara li jiġru bejn id-data ta’ meta jibdew jaħdmu u d-data meta jkunu ġew ripatrijati kif suppost, jew li jirriżultaw mill-impjieg tagħhom bejn dawn id-dati;

(b) is-sidien tal-vapuri għandhom jipprovdu għal sigurtà finanzjarja biex jassiguraw kumpens fil-każ ta’ mewt jew mankament permanenti ta’ baħħara minħabba ferimenti, mard jew periklu waqt il-ħin tax-xogħol, kif imniżżel fil-liġi nazzjonali, il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara jew il-ftehim kollettiv;

(c) is-sidien tal-vapuri jkollhom l-obbligu li joħorġu l-flus għall-ispejjeż tal-kura medika, inkluż trattament mediku u l-provvista ta’ mediċini neċessarji u apparat terapewtiku, u għal meta jkunu ’l bogħod mid-dar sakemm il-baħħar marid jew ferut ikun irkupra, jew sakemm il-mard jew il-mankament ikun dikjarat ta’ natura permanenti; u

(d) is-sidien tal-vapuri ikollhom l-obbligu li jħallsu l-ispejjeż tad-dfin f’każ ta’ mew li tiġri abbord jew fuq l-art matul il-perjodu ta’ ingaġġ.

2. Liġijiet u regolamenti nazzjonali jistgħu jillimitaw l-obbligu tas-sid tal-vapur li joħroġ l-ispejjeż tal-kura medika u ta’ l-alloġġjar għal perjodu li ma għandux ikun inqas minn 16-il ġimgħa mid-data tal-feriment jew minn meta beda l-mard.

3. Fil-każ fejn il-mard jew il-feriment jirriżulta f’inkapaċità li wieħed jaħdem, is-sid tal-vapur ikollu l-obbligu:

(a) li jħallas pagi sħaħ sakemm il-baħħara morda jew feruti jibqgħu abbord jew sakemm il-baħħara ikunu ripatrijati skond dan il-Ftehim; u

(b) li jħallas pagi sħaħ jew parti minnhom kif ordnat bil-liġijiet u regolamenti nazzjonali jew kif provdut fil-ftehim kollettiv miż-żmien meta l-baħħara jkunu ġew ripatrijati jew imniżżla fuq l-art sakemm jirkupraw jew, jekk qabel, sakemm ikunu intitolati għal benefiċċji ta’ flus taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru konċernat.

4. Liġijiet u regolamenti nazzjonali jistgħu jillimitaw l-obbligu tas-sid tal-vapur li jħallas pagi sħaħ jew parti minnhom fir-rigward ta’ baħħar li ma għadux abbord għal perjodu li ma għandux ikun inqas minn 16-il ġimgħa mid-data tal-feriment jew minn meta beda l-mard.

5. Liġijiet u regolamenti nazzjonali jistgħu jillimitaw l-obbligu tas-sid tal-vapur fir-rigward ta’:

(a) feriment li seħħ mhux waqt is-servizz fuq il-vapur;

(b) feriment jew mard li jirriżulta minn kondotta ħażina intenzjonata tal-baħħar marid, ferut jew mejjet; u

(c) mard jew nuqqas ta’ saħħa moħbija intenzjonalment meta wieħed jidħol fl-ingaġġ.

6. Liġijiet jew regolamenti nazzjonali jistgħu jeżentaw lis-sid tal-vapur mill-obbligu li joħroġ l-ispejjeż tal-kura medika u l-ispejjeż għall-alloġġjar u d-dfin, dejjem jekk tali obbligu jassumuh l-awtoritajiet pubbliċi.

7. Is-sidien tal-vapuri jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jieħdu miżuri biex jissalvagwardjaw il-proprjetà li titħalla abbord mill-baħħara morda, feruti jew mejta u biex jirritornawha lilhom jew lil minn jiġi minnhom mill-qrib.

Regolament 4.3 – Protezzjoni tas-saħħa u sigurtà u prevenzjoni ta’ l-inċidenti

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li baħħara fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jkunu provduti bil-protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u li jgħixu, jaħdmu u jitħarrġu abbord il-vapur f’ambjent sikur u iġjeniku.

2. Kull Stat Membru għandu jiżviluppa u jippromalga linji ta’ gwida nazzjonali għall-ġestjoni ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol abbord vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-sidien tal-vapuri u lill-baħħara. u billi jieħu in konsiderazzjoni kodiċijiet, linji ta’ gwida u standards applikabbli rakkomandati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, amministrazzjonijiet nazzjonali u organizzazzjonijiet marittimi industrijali.

3. Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti u miżuri oħra li jindirizzaw il-materji speċifikati fil-Ftehim billi jieħu in konsiderazzjoni strumenti legali internazzjonali relevanti, u jagħmel standards għas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u protezzjoni tas-saħħa u prevenzjoni ta’ l-inċidenti fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu.

Standard A4.3 – Protezzjoni tas-saħħa u sigurtà u prevenzjoni ta’ l-inċidenti

1. Il-liġijiet u regolamenti u miżuri oħra li għandhom ikunu adotatti skond ir-Regolament 4.3, paragrafu 3, għandhom jinkludu s-suġġetti li ġejjin:

(a) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva u l-promozzjoni ta’ politika ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol fuq vapuri li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat Membru, inkluża evalwazzjoni tar-riskju kif ukoll taħriġ u struzzjoni tal-baħħara;

(b) programmi abbord għall-prevenzjoni ta’ inċidenti, ferimenti u mard fuq il-post tax-xogħol u għat-titjib kontinwu ta’ protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li jinvolvu rappreżentanti tal-baħħara u l-persuni l-oħra konċernati fl-implimentazzjoni tagħhom, bit-teħid in konsiderazzjoni ta’ miżuri preventivi, inkluż kontroll ta’ l-inġinerija u tad-disinn, sostituzzjoni ta’ proċessi u proċeduri għal xogħlijiet kollettivi u individwali, u l-użu ta’ tagħmir protettiv personali; u

(c) rekwiżiti għall-ispezzjoni, rapurtaġġ u rranġar ta’ kundizzjonijiet mhux sikuri u għall-investigazzjoni u r-rapurtaġġ abbord ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

2. Id-dsipożizzjonijiet li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Istandard għandhom:

(a) jieħdu in konsiderazzjoni strumenti legali internazzjonali relevanti li jirrigwardaw il-protezzjoni ġenerali tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u r-riskji speċifiċi, u jindirizzaw is-suġġetti kollha relevanti għall-prevenzjoni ta’ inċidenti, ferimenti u mard fuq il-post tax-xogħol li jistgħu jkunu applikabbli għax-xogħol tal-baħħara u partikolarment dawk li huma speċifiċi għall-impjieg marittimu;

(b) jispeċifikaw l-obbligi tal-kaptan jew persuna magħżula mill-kaptan, jew it-tnejn, biex jieħdu responsabbiltà speċifika għall-implimentazzjoni u l-konformità mal-politika u l-programmi tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; u

(c) jispeċifikaw l-awtorità tal-baħħara tal-vapur appuntati jew eletti bħala rappreżentanti tas-sigurtà biex jipparteċipaw f’laqgħat tal-kumitat dwar is-sigurtà fuq il-vapur; tali kumitat għandu jkun imwaqqaf abbord vapur li fuqu hemm hames baħħara jew aktar.

3. Il-liġijiet u r-regolamenti u miżuri oħra li għalihom hemm referenza fir-Regolament 4.3, paragrafu 3, ikunu regolarment analizzati b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara u, jekk neċessarju, riveduti biex jittieħdu in konsiderazzjoni t-tibdiliet fit-teknoloġija u fir-riċerka b’mod li jkun faċilitat titjib kontinwu fil-politika u l-programmi tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jkun provdut ambjent sikur fuq il-post tax-xogħol għall-baħħara fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat Membru.

4. Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ strumenti legali internazzjonali applikabbli dwar il-livelli aċċettati ta’ espożizzjoni għal perikli fuq il-post tax-xogħol abbord vapuri u dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika u programmi tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għandha tkun ikkunsidrata bħala li tilħaq ir-rekwiżiti tal-Ftehim.

5. L-awtorità kompetenti għandha tassigura li:

(a) inċidenti, ferimenti u mard fuq il-post tax-xogħol ikunu rappurtati adegwament;

(b) statistiċi dettaljati ta’ tali inċidenti u mard ikunu miżmuma, analizzati u pubblikati u, fejn xieraq, ikunu segwiti minn riċerka dwar tendenzi ġenerali u perikli identifikati; u

(c) inċidenti fuq il-post tax-xogħol ikunu investigati.

6. Ir-rappurtaġġ u l-investigazzjoni dwar suġġetti ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu b’mod li jassiguraw il-protezzjoni tad-dejta personali tal-baħħara.

7. L-awtorità kompetenti għandha tikkoopera ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara biex tieħu miżuri biex iġġib għall-attenzjoni tal-baħħara kollha informazzjoni li tikkonċerna perikli partikolari abbord vapuri, per eżempju, billi timposta avviżi uffiċjali li fihom istruzzjonijiet relevanti.

8. L-awtorità kompetenti għandha titlob li s-sidien tal-vapuri li jagħmlu evalwazzjoni tar-riskju relatat mal-ġestjoni ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol jirreferu għal informazzjoni statistika xierqa mill-vapuri tagħhom u minn stastiċi ġenerali provduti mill-awtorità kompetenti.

Regolament 4.4 – Aċċess għal faċilitajiet ta’ ħarsien ibbażati fuq l-art

Kull Stat Membru għandu jassigura li faċilitajiet ta’ ħarsien ibbażati fuq l-art, fejn jeżistu, ikunu faċilment aċċessibbli. L-Istat Membru għandu jippromwovi wkoll l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ ħarsien f’portijiet magħżula biex jipprovdi lill-baħħara fuq il-vapuri li jkunu fil-portijiet tiegħu aċċess għal faċilitajiet u servizzi ta’ ħarsien adegwati.

Standard A4.4 – Aċċess għal faċilitajiet ta’ ħarsien ibbażati fuq l-art

1. Kull Stat Membru għandu jitlob, fejn il-faċilitajiet ta’ ħarsien jeżistu fuq it-territorju tiegħu, li jkunu dipsonibbli għall-użu tal-baħħara kollha, irrispettivament min-nazzjonalità, razza, kulur, sess, reliġjon, opinjoni politika jew oriġini soċjali, u irrispettivament mill-bandiera ta’ l-Istat ta’ fuq il-vapur li fuqu huma impjegati, ingaġġati jew jaħdmu.

2. Kull Stat Membru għandu jippromwovi l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ ħarsien f’portijiet adattati tal-pajjiż u jiddeċiedi, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara konċernati, liema portijiet għandhom ikunu meqjusa bħala xierqa.

3. Kull Stat Membru għandu jinkoraġġixxi il-waqfien ta’ bordijiet tal-ħarsien li għandhom jagħmlu analiżi regolari ta’ faċilitajiet u servizzi ta’ ħarsien biex jassiguraw li huma xierqa fid-dawl ta’ tibdiliet fil-bżonnijiet tal-baħħara li jirriżultaw minn żviluppi tekniċi, operattivi u oħrajn fl-industrija marittima.

TITOLU 5. KONFORMITÀ U INFURZAR

Regolament 5.1.5 – Proċeduri ta’ ilmenti abbord

1. Kull Stat Membru għandu jitlob li vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu jkollhom proċeduri abbord għall-ġestjoni ġusta, effettiva u pronta ta’ ilmenti tal-baħħara li jallegaw ksur tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni (inklużi d-drittijiet tal-baħħara).

2. Kull Stat Membru għandu jipprojbixxi u jippenalizza kwalunkwe tip ta’ vittimizzazzjoni ta’ baħħar talli għamel ilment.

3. Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ baħħar li jitlob kumpens permezz ta’ kwalunkwe mezz legali li l-baħħar jikkunsidra approprjat.

Standard A5.1.5 – Proċeduri ta’ ilmenti abbord

1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ambitu wiesa’ li jista’ jingħata lil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew ftehim kollettiv, il-proċeduri abbord jistgħu jkunu użati mill-baħħara biex jagħmlu ilmenti relatati ma’ kwalunkwe kwistjoni li allegatament tikser ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni (inklużi d-drittijiet tal-baħħara).

2. Kull Stat Membru għandu jassigura li, fil-liġijiet u r-regolamenti tiegħu, għandu jkun hemm proċeduri xierqa ta’ ilmenti abbord biex jilħqu r-rekwiżiti tar-Regolament 5.1.5. Tali proċeduri għandhom ifittxu li jsolvu ilmenti fl-iktar livell baxx possibbli. Iżda, f’kull każ, il-baħħara ikollhom dritt biex jilmentaw direttament mal-kaptan u, fejn jaraw li hu neċessarju, ma’ l-awtoritajiet esterni xierqa.

3. Il-proċeduri ta’ ilmenti li jsiru abbord għandhom jinkludu d-dritt tal-baħħar li jkun akkumpanjat jew rappreżentat matul il-proċeduri ta’ l-ilment, kif ukoll salvagwardji kontra l-possibbiltà ta’ vittimizzazzjoni tal-baħħara għaliex għamlu l-ilment. It-terminu “vittimizzazzjoni” jkopri kwalunkwe azzjoni ta’ ħsara li ssir minn kwalunkwe persuna f’konfront ta’ baħħar għaliex għamel ilment li ma jkunx magħmul manifestament biex jaqla’ l-inkwiet jew b’mod malizzjuż.

4. Flimkien ma’ kopja tal-ftehim tagħhom dwar l-impjieg tal-baħħara, il-baħħara kollha għandhom jiġu pprovduti b’kopja tal-proċeduri ta’ ilmenti li jsiru abbord applikabbli fuq il-vapur. Din għandha tinkludi informazzjoni ta’ kuntatt għall-awtorità kompetenti fl-Istat li fih il-vapur itajjar il-bandiera u, fejn mhux hekk, fil-pajjiż fejn il-baħħar joqgħod, u l-isem ta’ persuna jew persuni abbord il-vapur li jistgħu, fuq bażi kunfidenzjali, jipprovdu lill-baħħara pariri imparzjali dwar l-ilment tagħhom jew inkella jgħinuhom biex isegwu l-proċeduri ta’ ilmenti disponibbli għalihom abbord il-vapur.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Sussegwentament għal kwalunkwe emendi għal kwalunkwe mild-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006, u jekk mitlub minn wieħed mill-partijiet tal-Ftehim, issir analiżi ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Il-Partijiet Soċjali qed jagħmlu dan il-Ftehim fuq kundizzjoni li ma jidħolx fis-seħħ qabel id-data meta l-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006 tidħol fis-seħħ, b’tali data tkun 12-il xahar wara d-data li fiha jkun hemm reġistrati ma’ l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol ratifikazzjonijiet minn mill-imqas 30 Membru b’sehem totali ta’ 33% tat-tunnellaġġ totali globali tal-vapuri.

L-Istati Membri u/jew il-Partijiet Soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-baħħara minn dawn imniżżla fil-Ftehim.

Dan il-Ftehim ikun mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja eżistenti li tkun iktar restrittiva u/jew speċifika.

Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa kwalunkwe liġi, użanza jew ftehim li jipprovdu għal kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-baħħara konċernati. Pereżempju, it-termini ta’ dan il-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 1989/391 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, għad- Direttiva tal-Kunsill 92/99 dwar ir-rekwiżiti minimi dwar sigurtà u saħħa għal trattament mediku imtejjeb abbord vapuri u għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63 li tikkonċerna l-Ftehim dwar l-organizzazzjoni ta’ ħinijiet tax-xogħol għall-baħħara (li ser tiġi emendata skond l-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma tikkostitwixxix bażi valida biex jiġi mnaqqas il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-baħħara fil-qasam tal-Ftehim.

FEDERAZZJONI EWROPEA TAL-ħADDIEMA TAT-TRASPORT (ETF)

ASSOċJAZZJONIJIET EWROPEJ TAL-KOMUNITÀ TAS-SIDIEN TAL-VAPURI (ECSA)

PRESIDENT TAL-KUMITAT TAD-DJALOGU SETTORJALI TAT-TRASPORT MARITTIMU

BRUSSELL, 19 TA’ MEJJU 2008

ANNESS A

EMENDI GĦALL-FTEHIM DWAR L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĦINIJIET TAX-XOGĦOL TAL-BAĦĦARA FFINALIZZAT FIT-30 TA’ SETTEMBRU 1998

Fid-diskussjonijiet li wasslu għall-konklużjoni tal-Fethim tagħhom dwar il-Konvenzjoni Marittima tax-Xogħol ta’ l-2006, il-Partijiet Soċjali analizzaw ukoll il-Ftehim dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol għall-Baħħara Ffinalizzat fit-30 ta’ Settembru 1998 biex jivverifikaw li kien konsistenti mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni u jaqblu dwar emendi neċessarji.

B’riżultat ta’ dan, il-Partijiet Soċjali qablu ma’ l-emendi għall-Ftehim li ġejjin dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol għall-Baħħara:

1. Klawżola 1

Għandu jiddaħħal il-paragrafu ġdid 3:

“3. F’każ ta’ dubju dwar jekk kwalunkwe kategorija ta’ persuni għandhiex tiġi meqjusa bħala baħħara għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjoni tiġi riżolta mill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru wara konsultazzjoni mas-sidien tal-vapuri u l-organizzazzjonijiet tal-baħħara li tikkonċernahom din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest tittieħed in konsiderazzjoni ir-Riżoluzzjoni tas-Sessjoni (Marittima) 94 tal-Konferenza Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tikkonċerna informazzjoni dwar gruppi ta’ xogħol.”

2. Klawżola 2(c)

Klawżola 2(c) tinbidel hekk:

“(c) id-definizzjoni ‘ baħħar’ tfisser kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem f‘kwalunkwe grad fuq vapur li għalih japplika dan il-Ftehim;”

3. Klawżola 2(d)

Klawżola 2(d) tinbidel hekk:

“(d) id-definizzjoni sid ta’ vapur tfisser is-sid ta’ vapur jew organizzazzjoni jew persuna oħra, bħal maniġer, aġent jew dak li jikri d-dgħajjes, li assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-vapur mis-sid u li kif assuma din ir-responsabbiltà qabel li jieħu l-obbligi u r-responsabbiltajiet imposti mis-sidien tal-vapuri skond il-Ftehim, indipendentement minn jekk kwalunkwe organizzazzjoni jew persuni oħra tissodisfawx ċerti obbligi jew responsabbiltajiet f’isem is-sid tal-vapur.”

4. Klawżola 6

Klawżola 6 tinbidel hekk:

“1. Ix-xogħol bil-lejl tal-baħħara taħt l-età ta’ 18 ikun projbit. Għall-iskop ta’ din il-Klawżola, ‘bil-lejl’ għandu jiġi definit skond il-liġi u l-prattika nazzjonali. Għandu jkopri perjodu ta’ mill-inqas disa’ sigħat li jibdew mhux iktar tard minn nofs il-lejl u jispiċċaw mhux qabel il-5 a.m.

2. Tista’ ssir eċċezzjoni għall-konformità stretta mar-restrizzjoni fuq xogħol bil-lejl mill-awtorità kompetenti meta:

(a) it-taħriġ effettiv tal-baħħara konċernati, skond il-programmi u l-iskedi stabbiliti, jista’ jiġi effettwat; jew

(b) in-natura speċifika ta’ l-obbligu jew programm ta’ taħriġ rikonoxxut jirrikjedi li l-baħħara koperti mill-eċċezzjoni jaħdmu xogħol bil-lejl u l-awtorità tiddeċiedi, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u tal-baħħara konċernati, li x-xogħol ma jkunx ta’ dannu għas-saħħa u l-benessere tagħhom.

3. L-impjieg, ingaġġ jew xogħol tal-baħħara taħt l-età ta’ 18 għandu jkun projbit fejn hemm ċans kbir li x-xogħol jista’ jaffettwa ħażin is-saħħa u s-sigurtà tagħhom. It-tipi ta' dan ix-xogħol jiġu deċiżi bil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew mill-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u tal-baħħara konċernati, skond l-istandards internazzjonali relevanti.”

5. Klawżola 13

L-ewwel sentenza tal-Klawżola 13(1) qed tiġi mibdula b’dan li ġej:

“1. Il-baħħara ma għandhomx jaħdmu fuq vapur qabel ma jkunu ċertifikati bħala f’kundizzjoni medika tajba biex jagħmlu x-xogħol tagħhom.

2. L-eċċezzjonijiet jistgħu jiġu permessi biss kif imniżżla f’dan il-Ftehim.

3. L-awtorità kompetenti ser titlob li qabel ma jibdewix-xogħol fuq il-vapur, il-baħħara ikollhom ċertifikat mediku validu li jgħid li huma f’kundizzjoni medika tajba biex jagħmlu x-xogħol li għandu jsir fuq il-baħar.

4. B’mod li jkun assigurat li ċ-ċertifikati mediċi jirriflettu ġenwinament l-istat ta’ saħħa tal-baħħara, fid-dawl tax-xogħol li jridu jagħmlu, l-awtorità kompetenti għandha, wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u tal-baħħara konċernati, u wara li tieħu in konsiderazzjoni l-linji gwida internazzjonali applikabbli, tippreskrivi l-għamla ta’ l-eżaminazzjoni u ċ-ċertfikat mediku.

5. Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u ż-Żamma tal-Ħin għall-Baħħara, ta’ l-1978, kif emendata (“STCW”). Ċertifikat mediku maħruġ skond ir-rekwiżiti ta’ l-STCW għandu jkun aċċettat mill-awtorità kompetenti, għall-iskop tal-paragrafi 1 u 2 ta’ din il-Klawżola. Ċertifikat mediku li jilħaq is-sustanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, f’każ ta’ baħħara mhux koperti bl-STCW, għandu l-istess ikun aċċettat.

6. Ċertifikat mediku għandu jinħareġ minn tabib kwalifikat jew, f’każ ta’ ċertifikat li jikkonċerna biss il-viżta, minn persuna rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti li hija kwalifikata biex toħroġ tali ċertifikat. It-tobba għandhom ikollhom indipendenza professjonali biex jeżerċitaw ġudizzju mediku meta jagħmlu proċeduri ta’ eżaminazzjoni medika.

7. Il-baħħara li ġew rifjutati ċertifikat jew kellhom limitazzjoni imposta fuq l-abbilità tagħhom għax-xogħol, partikolarment b’rispett lejn il-ħin, qasam tax-xogħol jew qasam tal-kummerċ, ser jingħataw oppurtunità biex ikollhom eżaminazzjoni sussegwenti minn tabib indipendenti ieħor jew minn arbitru mediku indipendenti.

8. Kull ċertifikat mediku għandu jgħid partikolarment li:

(a) is-smigħ u l-viżta tal-baħħar konċernat, u l-viżta tal-kuluri f’każ ta’ baħħar li ser ikun impjegat f’xogħol fejn il-kapaċità għal dan ix-xogħol tistà tkun affettwata minn difett fil-viżta tal-kuluri, huma kollha sodisfaċenti; u

(b) il-baħħar konċernat mhux qed isofri minn kundizzjoni medika li tistà tkun aggravata bix-xogħol fuq il-baħar jew li tistà tagħmel lill-baħħar mhux kapaċi għal dan ix-xogħol jew li tistà tipperikola s-saħħa ta’ persuni oħra abbord il-vapur.

9. Sakemm perjodu iqsar mhuwiex rikjest minħabba l-obbligi speċifiċi li għandhom jiġu esegwiti mill-baħħar konċernat jew li huma rikjesti mill-STCW:

(a) ċertifikat mediku għandu jkun validu għal perjodu massimu ta’ sentejn sakemm il-baħħar mhuwiex taħt it-18 – il sena, f’liema każ il-perjodu massimu tal-validità ikun ta’ sena;

(b) ċertifikazzjoni tal-viżta tal-kuluri għandha tkun valida għal perjodu massimu ta’ sitt snin.

10. F’każijiet urġenti l-awtorita kompetenti tista tippermetti li baħħar jaħdem mingħajr ċertifikat mediku validu sakemm jaslu fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dejjem jekk:

(a) il-perjodu ta’ tali permess ma jeċċedix tliet xhur; u

(b) il-baħħar konċernat għandu f’idejh ċertifikat mediku skadut ta’ data riċenti.

11. Jekk il-perjodu ta’ validità ta’ ċertifikat tiskadi matul vjaġġ, iċ-ċertifikat ikompli japplika sakemm jaslu fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dejjem jekk il-perjodu ma jeċċedix tliet xhur.

12. Iċ-ċertifikati mediċi għall-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri normalment ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali għandhom bħala minimu jkunu pprovduti bl-Ingliż.”

Is-sentenzi sussegwenti tal- Klawżola 13(1) u l-paragrafu 13(2) jsiru paragrafi 13 sa 15.

6. Klawżola 16:

L-ewwel sentenza qed tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Kull baħħar ikun intitolat għal vaganzi annwali mħallsa. Il-vaganzi annwali b’intitolament għall-ħlas ikunu kalkulati fuq bażi ta’ minimu ta’ 2.5 ġranet tal-kalendarju għall-kull xahar ta’ l-impjieg u pro rata għax-xhur inkompleti.”

[1] ĠU L 161, 22.6.2007

[2] COM(2006) 287 finali

[3] ĠU L 167, 2.7.1999

[4] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (COM/2007/0575 deċiżjoni finali)

[5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – L-eżami mill-ġdid tal-qafas soċjali regolatorju għal aktar xogħol u xogħol aħjar fil-qasam tal-baħar fl-EU (l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni tal-partijiet soċjali f’livell Komunitarju li jipprovdi għalih Artikolu 138(2) tat-Trattat)

[6] Komunikat mill-Kummissjoni - L-Adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali f’livell Komunitarju, dokument COM(1998)322 finali ta’ l-20 ta’ Mejju 1998. Ara wkoll il-Komunikat li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Protokol dwar Politika Soċjali preżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, dokument COM(93) 600 deċiżjoni finali tal-14.12.1993.

[7] COM(2006) 287 finali

[8] ĠU L 167, 2.7.1999

[9] ĠU L 183, 29.6.1989