52008PC0320

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni 188) /* KUMM/2008/0320 finali - CNS 2008/0107 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.5.2008

KUMM(2008) 320 finali

2008/0107 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni 188)

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Il-Konvenzjoni Nru 188 dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (minn issa 'l quddiem l-ILO) ġiet adottata f’Ġunju 2007 mis-sitta u disgħin sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (minn issa ’l quddiem il-'Konvenzjoni 188'). L-adozzjoni tal-Konvenzjoni 188 saret neċessarja wara l-adozzjoni tal-Konvenzjoni kkonsolidata dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO (minn issa 'l quddiem 'il-MLC') fi Frar 2006[1]. Il-MLC eskludiet is-settur tas-sajd mill-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha. Fl-2003, l-Uffiċċju ta' l-ILO u l-kostitwenti tripartitiċi ta' l-ILO (gvernijiet, min iħaddem, ħaddiema) bdew il-ħidma tagħhom fl-2003 fuq standard internazzjonali tax-xogħol aġġornat u komprensiv għas-settur tas-sajd li għandu jipprovdi ħarsien xieraq għas-sajjieda madwar id-dinja u jiġi ratifikat fuq firxa wiesgħa. Il-Konvenzjoni 188 timmira li tistabbilixxi standards internazzjonali minimi għas-settur tas-sajd. Għaldaqstant din tirrevedi l-Konvenzjoni dwar l-Età Minima (tas-Sajjieda), 1959 (Nru 112), il-Konvenzjoni dwar l-Eżami Mediku (tas-Sajjieda), 1959 (Nru 113), il-Konvenzjoni dwar l-Artikoli ta’ Ftehim tas-Sajjieda, 1959 (Nru 114), u l-Konvenzjoni dwar l-Akkomodazzjoni ta’ l-Ekwipaġġ (tas-Sajjieda), 1966 (Nru 126); tkopri wkoll kwistjonijiet oħra importanti bħalma huma s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, ir-riżorsi umani u s-sigħat ta’ mistrieħ, il-lista, ir-ripatrijazzjoni u l-kollokament ta' l-ekwipaġġ, is-sigurtà soċjali u l-konformità u l-infurzar. Il-Konvenzjoni 188 hi akkumpanjata mir-Rakkomandazzjoni 199 dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd, li ġiet adottata mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol f'Ġunju 2007. L-għan aħħari tal-Konvenzjoni 2007 huwa li tikseb u żżomm kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd fis-settur tas-sajd billi trawwem il-promozzjoni ta’ għajxien u kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti għas-sajjieda u kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni aktar ġusti fid-dinja u b’hekk tirrimedja r-rata baxxa ta’ ratifika ta’ ħafna konvenzjonijiet fil-kamp tax-xogħol marittimu. L-UE kienet involuta ħafna fin-negozjati u fil-finalizzazzjoni tal-Konvenzjoni 188 permezz ta’ koordinazzjoni ta’ l-UE. Il-konsistenza u l-kompatibilità bejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-ILO u l-acquis Komunitarju ġew segwiti fil-koordinazzjoni ta’ l-UE matul id-diskussjonijiet fl-2004, 2005 u 2007. Dan kien partikolarment rilevanti għal xi oqsma tal-Konvenzjoni li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, jiġifieri l-koordinazzjoni ta' l-iskemi ta' sigurtà soċjali li toħroġ mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sistema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità adottat skond l-Artikolu 42 tat-Trattat tal-KE. L-Artikoli 13(2)(c) u 14 (b) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 joħolqu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-baħħara u s-sajjieda. L-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 kienet estiża għal ċittadini minn pajjiżi terzi permezz tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 ta’ l-14 ta’ Mejju 2003. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal ċittadini minn pajjiżi terzi u jagħtihom l-istess drittijiet ta' ħarsien tas-sigurtà soċjali bħaċ-ċittadini ta’ l-UE meta jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 se jkun sostitwit fi żmien debitu mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, ladarba l-abbozz il-ġdid tar-Regolament ta' Implimentazzjoni jiġi adottat. Fit-test ta’ l-ILO, kemm l-istat tal-bandiera kif ukoll l-istat ta' residenza għandhom responsabbiltajiet, iżda għal oqsma differenti ta’ kopertura tas-sigurtà soċjali, filwaqt li taħt il-liġi tal-KE, l-istat tal-bandiera hu bħala regola, innominat bħala l-pajjiż li l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali għandha tapplika skond ir-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 883/2004. Biex jiġu rregolati kunflitti potenzjali bejn il-Konvenzjoni 2007 u l-acquis tal-liġi ta' l-UE dwar il-koordinazzjoni ta' l-iskemi ta' sigurtà soċjali, ġiet inkluża klawżola ta' salvagwardja fit-test (l-Artikolu 37). L-għan ta’ din il-klawżola hu li tissalvagwardja u tiżgura l-preċedenza tal-liġi tal-KE dwar il-koordinazzjoni ta' l-iskemi ta' sigurtà soċjali f'każijiet fejn il-Konvenzjoni twassal għal riżultat li hu differenti mir-regoli rilevanti tal-KE. B’konformità mal-każistika ta’ l-AETR tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompetenza esterna, l-Istati Membri ma jistgħux jirratifikaw il-Konvenzjoni 2007 mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Komunità billi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali jaffettwaw l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tal-Komunità f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, u biex tiġi żgurata l-konformità mal-qsim ta’ kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri kif stipulat bit-Trattat, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni 188 fl-interessi tal-Komunità. |

Il-kuntest ġenerali Il-Konvenzjoni 188 hija konformi mal-mandat ta’ l-ILO, li jinkludi t-twaqqif ta’ standards internazzjonali tax-xogħol għas-settur tas-sajd bl-għan li jippromwovu xogħol deċenti għas-sajjieda. Il-Konvenzjoni 188 tqis il-fatt li s-sajjieda, minħabba n-natura speċifika tas-settur u l-kundizzjonijiet ta' xogħol u għajxien speċifiċi tiegħu, jeħtieġu ħarsien speċjali. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi disa’ gruppi separati ta’ standards: (I) definizzjonijiet u ambitu, (II) prinċipji ġenerali, (III) rekwiżiti minimi għal xogħol abbord bastimenti tas-sajd, (IV) kundizzjonijiet ta’ servizz, (V) akkomodazzjoni u ikel, (VI) kura medika, ħarsien tas-saħħa u sigurtà soċjali, (VII) konformità u infurzar, (VIII) emenda ta’ l-Annessi I, II u III u (IX) dispożizzjonijiet Finali. Biex tiġi implimentata, il-Konvenzjoni 188 teħtieġ li kemm l-Istati tal-bandiera kif ukoll l-Istati tal-port jistabbilixxu sistema ta' konformità u nfurzar. Il-Konvenzjoni tistipula wkoll klawżola ta’ “ebda trattament favorevoli” biex tiżgura li l-bastimenti ta’ l-Istati li ma rratifikawx il-Konvenzjoni ma jirċevux trattament aktar favorevoli mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat li rratifikaha. Hemm acquis Komunitarju sostanzjali li ġej mill-Artikoli 42, 71, 137 u 138 tat-Trattat dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet koperti mill-MLC. Il-kwistjonijiet ta’ kompetenza maqsuma li huma affettwati mill-Konvenzjoni 2007 jifformaw il-parti kbira tad-dispożizzjonijiet tat-test. Il-kompetenza tal-Komunità ġiet eżerċitata inter alia f’oqsma bħal-liġi tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sikurezza u l-ħarsien tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u r-rekwiżiti ta' sikurezza għall-bini u ż-żamma ta' bastimenti tas-sajd. Il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd ta’ l-UE (FPA) ma’ pajjiżi terzi jinkludu wkoll klawżola soċjali li tirreferi għall-istandards ta' l-ILO. Il-Blue Book ta’ l-UE għall-politika marittima (Politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea) jappoġġja r-ratifika u l-applikazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar ix-xogħol għas-setturi marittimi inkluża l-Konvenzjoni 188. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti koperti mill-proposta Ma hemm l-ebda dispożizzjoni eżistenti fil-qasam kopert mill-proposta. |

Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli |

2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Mhux rilevanti |

Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna. |

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt Mhux rilevanti. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn jitqiesu diversi għażliet. |

3. L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

Sommarju ta’ l-azzjoni proposta L-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji f’oqsma koperti mill-Konvenzjoni 188 għandha tiġi ppreżervata u għandu jingħata sinjal ċar lill-bqija tad-dinja rigward l-importanza li l-Komunità tagħti lill-Konvenzjoni 188 u lill-kundizzjonijiet ta’ xogħol u għajxien tas-sajjieda. Għall-kuntrarju ta’ fora internazzjonali oħra, ir-regoli operattivi ta’ l-ILO ma jinkludux proċess ta’ ffirmar formali qabel ir-ratifika. Fil-kuntest ta’ l-ILO, il-firma hija sostitwita minn proċedura ta’ votazzjoni li twassal għall-adozzjoni, li hija ekwivalenti għal firma. Il-Konvenzjoni meqjusa ġiet adottata permezz ta' vot fl-14 ta' Ġunju 2007 fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, iżda għadha trid tidħol fis-seħħ. Minkejja li l-Istati biss jistgħu jaderixxu għall-Konvenzjoni, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni f’isem il-Komunità Ewropea kienet involuta mill-qrib fit-tħejjija u n-negozjati permezz tal-koordinazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. Minħabba n-natura tripartitika ta’ l-ILO, il-gvernijiet, id-delegati ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema ħadu sehem fin-negozjati u vvotaw għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni 188. Il-Kummissjoni ffaċilitat ukoll il-koordinazzjoni ta’ l-UE billi organizzat, b’kooperazzjoni mal-presidenza ta’ l-UE, il-laqgħat ta’ l-esperti ta’ l-Istati Membri u l-konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali internazzjonali u ta’ l-UE. Il-Kummissjoni kienet preżenti bħala osservatur attiv. Ta’ min jinnota li hemm bżonn li din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr. Fid-dawl tal-fatt li l-kompetenza għall-koordinazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali hija f’idejn il-Komunità, l-Istati Membri ma jistgħux jirratifikaw il-Konvenzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Komunità. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni 188 fl-interessi tal-Komunità. Id-Deċiżjoni proposta għaldaqstant se tippermetti u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa għar-ratifika mingħajr aktar dewmien. |

Bażi ġuridika L-Artikolu 42 tat-Trattat tal-KE |

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

Mhux rilevanti |

Mhux rilevanti |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

Strumenti proposti: oħrajn |

Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Mhux rilevanti u mhux xierqa |

4. L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

5. TAGħRIF ADDIZZJONALI |

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Mhux rilevanti |

2008/0107 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni 188)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni Nru 188 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (minn issa ’l quddiem ‘il-Konvenzjoni’ u ‘l-ILO’ rispettivament) dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd ġiet adottata fl-14 ta’ Ġunju 2007 permezz tas-sessjoni marittima tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol ta’ l-ILO, imlaqqgħa f'Ġinevra u li matulha d-delegati kollha ta' l-Istati Membri ta’ l-UE vvotaw favur l-adozzjoni[4].

(2) Il-Konvenzjoni tirrappreżenta kontribut kbir għas-settur tas-sajd fil-livell internazzjonali fil-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għas-sajjieda u kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni aktar ġusti għas-sidien ta’ bastimenti tas-sajd u hu għaldaqstant mixtieq li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr.

(3) Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qed jippromwovu r-ratifika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol li huma kklassifikati mill-ILO bħala kontribut aġġornat għall-isforzi ta’ l-UE biex tippromwovi xogħol deċenti għal kulħadd fl-UE u barra mill-UE[5].

(4) L-Artikolu 19, il-paragrafu 8 tal-Kostituzzjoni ta' l-ILO jgħid li “fl-ebda każ, m'għandha l-adozzjoni ta' kwalunkwe Konvenzjoni jew Rakkomandazzjoni mill-Konferenza, jew ir-ratifika ta' kwalunkwe Konvenzjoni minn xi Membru, titqies li taffettwa kwalunkwe liġi, għotja, użanza jew ftehim li jiżgura kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-ħaddiema konċernati minn dawk previsti fil-Konvenzjoni jew ir-Rakkomandazzjoni”.

(5) Xi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Komunità fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-iskemi ta’ sigurtà soċjali.

(6) Il-Komunità ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni, għax l-istati biss jistgħu jkunu partijiet għaliha.

(7) Il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lill-Istati Membri li huma marbuta bir-regoli Komunitarji dwar il-koordinazzjoni ta’ l-iskemi ta’ sigurtà soċjali bbażati fuq l-Artikolu 42 tat-Trattat biex jirratifikaw il-Konvenzjoni fl-interessi tal-Komunità, skond il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, adottata fl-14 ta’ Ġunju 2007.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika tal-Konvenzjoni mad-Direttur Ġenerali ta' l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol kemm jista' jkun malajr, preferibbilment qabel il-31 ta' Diċembru 2012. Il-Kunsill se jirrevedi l-progress tar-ratifika qabel Jannar 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Il-Kunsill awtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-MLC bid-Deċiżjoni 2007/431/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63).

[2] ĠU C p

[3] ĠU C p.

[4] ILO, il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, ir-Rekord Provviżorju, is-Sitta u Disgħin Sessjoni, Ġinevra, 2007 nru 12 u nru 25

[5] COM(2006) 249 finali u Sec(2006) 643; Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru sa l-1 ta' Diċembru 2006, l-2767 laqgħa; ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għal kulħadd.