Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Li temenda l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-ftehim internazzjonali dwar il-kafè ta' l-2007 (ippreżentata mill-Kummissjoni) /* KUMM/2008/0244 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell 5.5.2008 COM(2008) 244 final Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-ftehim internazzjonali dwar il-kafè ta' l-2007 (ippreżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Fis-27 ta' Marzu 2008 il-Kummissjoni adottat il-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè ta' l-2007. Id-dokument tal-Kummissjoni kellu r-referenza COM(2008)157 finali. Dan ġie trażmess lill-Kunsill biex jiġi adottat. Ta' min jinnota, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet partikolari kienu previsti fl-Art. 40(4) tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-kafè ta' l-2007 partikolarment fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea u s-sottomissjoni ta' dikjarazzjoni uffiċjali li permezz tagħha jerġa' jiġi affermat l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva. Meta jitqies li din id-dikjarazzjoni ta' kompetenza ma kinitx tagħmel parti mill-proposta diġà approvata, huwa neċessarju li titlesta din il-proposta b'tali mod li l-Kunsill ikun jista' jieħu deċizjoni fuq il-proċedura kollha ta' l-iffirmar u l-konklużjoni min-naħa tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, l-għan ta' din il-proposta hu li jiġi emendat l-istrument li jinsab fid-dokument COM(2008)157 finali sottomess fil-proċedura inizjali, sabiex id-dikjarazzjoni ta' kompetenza skond l-Artikolu 40 (4) tal-Ftehim tkun annessa u l-kliem użat għall-Artikolu 2 jiġi emendat. Meta jitqies li l-verżjoni diġà approvata ma kinitx issemmi l-Artikolu 1 ta' l-iffirmar tal-Ftehim Internazzjoni dwar il-kafè, din ir-referenza għandha tiżdied ukoll. Peress li hija ffissata ċerimonja uffiċjali f'Londra fid-19 ta' Mejju 2008, ikun ferm mixtieq li l-Komunità tkun tista' tiffirma u tissottometti l-istrument ta' approvazzjoni inkluża d-dikjarazzjoni ta' kompetenza f'din l-istess data. Huwa minħabba dan li hija mitluba proċedura mgħaġġla biex il-Kunsill ikun jista' jieħu deċiżjoni qabel din id-data. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-ftehim internazzjonali dwar il-kafè ta' l-2007 IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu, wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) L-Artikolu 40(4) tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-kafè ta' l-2007 jipprevedi s-sottomissjoni mad-depositarju ta' dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea li fiha tkun ikkonfermata l-kompetenza esklużiva fuq kwistjonijiet irregolati bil-Ftehim. (2) Fil-proposta tad-dokument COM(2008)157 finali kien ġie propost lill-Kunsill biex japprova l-Ftehim Internazzjonali dwar il-kafè ta' l-2007 mingħajr madankollu ma tiġi annessa din id-dikjarazzjoni. (3) Għalhekk huwa neċessarju li tiġi emendata l-proposta li tinsab fid-dokument COM(2008)157 finali sabiex tiġi inkluża din id-dikjarazzjoni u jsiru l-emendi minuri. (4) Bl-inkorporazzjoni tad-dikjarazzjoni, il-Komunità Ewropea tkun tista' tlesti l-proċedura ta' l-iffirmar u l-approvazzjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-kafè ta' l-2007 mill-iktar fis. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-ewwel Artikolu tal-proposta fid-dokument COM(2008)157 finali huwa emendat kif ġej: "Il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè ta' l-2007 huwa hawnhekk approvat f'isem il-Komunità Ewropea. It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni." Artikolu 2 L-Artikolu 2 tal-proposta fid-dokument COM(2008)157 finali huwa emendat kif ġej: "Il-president tal-Kunsill huwa awtorizzat li jagħżel, qabel il-31 ta' Awissu 2008, il-persuna awtorizzata biex tiffirma l-Ftehim u tissottometti għand id-depositur l-istrument ta' approvazzjoni f'isem il-Komunità flimkien mad-dikjarazzjoni ta' kompetenza li tinsab fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, f'konformità ma' l-Artikolu 40 tal-Ftehim." Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS DIKJARAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA F'KONFORMITÀ MA' L-ARTIKOLU 40(4) TAL-FTEHIM INTERNAZZJONALI DWAR IL-KAFÈ TA' L-2007. Skond l-Artikolu 40(4) tal-Ftehim Internazzjonali dwar kafè ta' l-2007, din id-dikjarazzjoni tindika l-kompetenzi trasferiti mill-Istati Membri tagħha lill-Komunità Ewropea fl-oqsma li jittratta dwarhom il-Ftehim. Il-Komunità Ewropea tiddikjara li f'konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kwistjonijiet li jitratta dwarhom il-Ftehim huma r-responsabbiltà esklużiva tal-Komunità Ewropea skond il-politika kummerċjali komuni u għalhekk l-Istati Membri mhux ser jirratifikaw il-Ftehim.