[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 23.4.2008 KUMM(2008)213 finali 2008/0082 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 98/26/KE dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu [SEC(2008)491][SEC(2008)492] (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-proposta Il-fini ewlieni tal-proposta huwa biex id-Direttiva dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (SFD) u d-Direttiva dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (FCD) jinġiebu f’konformità ma’ l-aktar żviluppi reċenti tas-swieq u regolatorji. L-ewwelnett, dan isir billi l-protezzjoni ta’ l-SFD tiġi estiża għas-sald (“ħlas” jew “ settlement ” fl-SFD) ta’ bil-lejl u għas-sald bejn sistemi konnessi, peress li skond id-Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji[1] (li minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ MiFID) u l-Kodiċi ta’ kondotta Ewropew għall-ikklerjar u għas-sald (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ “il-Kodiċi”), is-sistemi mistennija jsiru dejjem aktar konnessi u interoperabbli. It-tieninett, dan isir billi jitwessa’ l-ambitu tal-protezzjoni pprovduta miż-żewġ direttivi sabiex jinkludi tipi ġodda ta’ assi (jiġifieri, talbiet għal kreditu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ bank ċentrali) sabiex ikun iffaċilitat l-użu tagħhom mal-Komunità kollha. Fl-aħħarnett, din il-proposta tfittex li tintroduċi għadd ta’ simplifikazzjonijiet u ta’ kjarifiki sabiex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni ta’ l-FCD u ta’ l-SFD. It-taqlib finanzjarju reċenti, u li għadu għaddej, ipprovda argument addizzjonali favur il-proposta, peress li s-soluzzjonijiet li tippreżenta għandhom jagħtu kontribut importanti għat-tisħiħ ta’ l-għodod biex ikunu ġestiti l-instabbilità u t-taqlib fis-swieq finanzjarji. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ qafas ġuridiku armonizzat għall-użu tat-talbiet għal kreditu bħala kollateral fi tranżazzjonijiet transkonfinali għandu jgħin itejjeb il-likwidità tas-swieq, li ntlaqtet sew f’dawn l-aħħar xhur. Barra minn hekk, li jkun żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistemi ta’ sald fi swieq li jevolvu b’rata mgħaġġla huwa indispensabbli għall-istabbilità tas-swieq finanzjarji, saħansitra aktar fi żminijiet ta’ taqlib fis-swieq. Il-kuntest ġenerali F’dawn l-aħħar snin, tipi ġodda ta’ assi, bħal self bankarju jew “talbiet għal kreditu”, sar sors important għall-operazzjonijiet kollaterali li kontinwament jikbru fis-swieq finanzjarji. F’Awwissu 2004, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew iddeċieda li, mill-1 ta’ Jannar 2007, jinkludi t-talbiet għal kreditu bħala tip eliġibbli ta’ kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema. Madankollu, uħud mill-Istati Membri, jiġifieri Franza, il-Ġermanja, Spanja, l-Awstrija u l-Olanda, diġà kienu jaċċettaw talbiet għal kreditu, għalkemm joperaw f’reġimi ġuridiċi differenti. Sabiex jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fost il-banek ċentrali u sabiex jingħata stimolu lill-użu transkonfinali tal-kollateral, il-qafas ġuridiku rilevanti[2] jeħtieġ li jiġi armonizzat. Żvilupp importanti ieħor fis-swieq finanzjarji huwa l-għadd dejjem akbar ta’ konnessjonijiet bejn is-sistemi. Din it-tendenza mistennija tkompli u possibbilment anki taċċelera minħabba l-introduzzjoni tal-Kodiċi, li ġie adottat mill-fornituri tas- servizzi infrastrutturali ċentrali tas-swieq fis-7 ta’ Novembru 2006.[3] L-għan tal-Kodiċi huwa li jtejjeb l-effiċjenza tas-sistemi ta’ kklerjar u ta’ sald Ewropej billi jagħmel l-għażliet ta’ l-utenti inklużi fl-Artikoli 34 u 46 tal-MiFID possibbiltà ġenwina aktar milli biss possibbiltà teoretika. Il-prinċipji ġenerali li jinsabu fil-Kapitolu IV tal-Kodiċi u r-regoli dettaljati li jinsabu fil-Linja ta’ Gwida dwar l-Aċċess u l-Interoperabbiltà[4] ippreżentati mill-fornituri tas-servizzi infrastrutturali f’Ġunju 2007 jippermettu l-għażla tal-fornitur tas-servizz min-naħa ta’ l-utent billi jagħmluha aktar faċli biex is-sistemi jistabbilixxu konnessjonijiet, jiġifieri, jiksbu aċċess għal u jsiru interoperabbli ma’ sistemi fi swieq finanzjarji. Sabiex ikun żgurat li f’din is-sitwazzjoni l-ġdida l-għanijiet ta’ l-SFD jkunu sostnuti, il-proposta tadatta l-SFD għal dan is-suq il-ġdid li huwa kkaratterizzat minn għadd dejjem akbar ta’ konnessjonijiet. 30 Il-konsistenza ma’ politiki u ma’ għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni Iż-żewġ Direttivi dwar Finalità ta’ Settlement u dwar Arranġamenti Kollaterali Finanzjarji huma ż-żewġ strumenti Komunitarji ewlenin fil-qasam tal-kollateral finanzjarju, ta’ l-ikklerjar u tas-sald. Il-bidliet proposti huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet li jistgħu jinstabu fil-MiFID u, sa ċertu punt, mad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proporzjonijiet ta’ solvenza fid-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti Kapitali 2006/48/KE u 2006/49/KE[5]. Uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/24/KE[6] fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u r-Regolament 1346/2000[7] dwar proċedimenti ta' falliment ukoll għandhom influwenza fuq l-arranġamenti kollaterali. Madankollu, mhemm l-ebda qafas għall-UE kollha sabiex jiġu ttrattati l-interessi fit-titoli miżmuma minn intermedjarju. Filwaqt li tirrikonoxxi li dan jista’ jikkostitwixxi riskju legali potenzjali fi tranżazzjonijiet transkonfinali, il-Kummissjoni ħolqot il-Grupp taċ-Ċertezza Legali f’Jannar 2005 sabiex tagħti pariri dwar il-qafas ġuridiku xieraq. Ir-raport finali tal-Grupp għandu joħroġ fi tmiem l-2008 u se jkun komplementari għad-Direttiva dwar l-Arranġamenti Kollaterali Finanzjarji u għad-Direttiva dwar Finalità ta’ Settlement u għall-bidliet previsti f’din il-proposta. Fl-istess ħin, fuq il-livell internazzjonali, UNIDROIT – l-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tad-Dritt Privat – f’Settembru 2008 biħsiebu jlaqqa’ Konferenza Diplomatika sabiex jaslu għal konvenzjoni dwar regoli sostantivi rigward titoli miżmuma minn intermedjarji. Id-dispożizzjonijiet fl-abbozz tal-konvenzjoni huma parzjalment immudellati fuq id-Direttiva dwar Arranġamenti Kollaterali Finanzjarji u fuq id-Direttiva dwar Finalità ta’ Settlement u m’għandhom jagħtu lok għall-ebda problema ta’ inkompatibbiltà. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ talbiet għal kreditu ma jfittxux li jindaħlu u jnaqqsu d-drittijiet tal-konsumaturi, u b’mod partikolari, id-drittijiet skond id-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur li ntlaħaq ftehim dwarha dan l-aħħar […]. L-ambitu ta’ din il-proposta huwa limitat għat-talbiet għal kreditu li jkunu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ bank ċentrali li, fil-prinċipju, jeskludi talbiet għal kreditu minn konsumaturi individwali. Pereżempju, skond il-kriterji ta’ eliġibbiltà applikati mill-Eurosistema, id-debituri jew il-garanti, jew jappartjenu għas-settur pubbliku jew huma istituzzjonijiet mhux finanzjarji jew internazzjonali/supranazzjonali. Barra minn hekk, il-limitu għall-operazzjonijiet domestiċi kollha mill-2012 se jkunu ffissat għal €500.000, filwaqt li l-limitu ta’ fuq għall-ftehimiet dwar il-kreditu lill-konsumatur mistenni jkun ta’ €50.000-100.000. Għal dawn il-ftit eżempji fejn jistgħu jkunu involuti t-talbiet għal kreditu tal-konsumaturi, li bħalissa ma jidhirx li huwa l-każ safejn għandha x’taqsam l-Eurosistema, ġiet miżjuda dispożizzjoni speċifika li tagħti preċedenza lid-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati Fuq il-bażi tar-risposti għal kwestjonarju indirizzat lill-Istati Membri, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar Finalità ta’ Settlement tagħha fil-15 ta’ Diċembru 2005[8] . Ir-rapport ikkonkluda li ġeneralment l-SFD kienet qed taħdem sew, imma enfasizza wkoll għaxar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni u t-traspożizzjoni li kien jixirqilhom li jiġu analizzati aktar. Wara r-reazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-industrija, lill-konsumaturi u lil partijiet interessati oħrajn sabiex iressqu aktar fehmiet. Sat-30 ta’ Ġunju 2006, kienet irċeviet seba’ reazzjonijiet oħra. Sabiex tipprepara r-Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar id-Direttiva dwar Arranġamenti Kollaterali Finanzjarji tagħha ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006[9] il-Kummissjoni, fil-bidu ta’ l-2006, talbet lill-Istati Membri, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Istati taż-ŻEE biex jirrispondu kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għas-settur privat inħoloq kwestjonarju inqas estensiv. Barra mir-reazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u tal-BĊE, il-Kummissjoni rċeviet 27 risposta direttament minn spettru wiesa’ ta’ parteċipanti u ta’ organizzazzjonijiet ewlenin tas-swieq finanzjarji. Ir-rapport dwar l-FCD ukoll ikkonkluda li d-Direttiva kienet qed taħdem sew u ssuġġerixxa li l-ambitu tagħha jiġi estiż sabiex jinkludi t-talbiet għal kreditu. L-informazzjoni dwar iż-żewġ Direttivi, il-konsultazzjonijiet u r-rapporti ġew ippubblikati fis-sit web tad-DĠ MARKT[10]. Imbagħad iż-żewġ rapporti ġew diskussi bir-reqqa ma’ l-Istati Membri u mal-BĊE fil-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ESC) u ma’ l-industrija fil-grupp differenti tal-partijiet interessati (eż. CESAME[11]). Kien attivat ukoll grupp ta’ ħidma bil-BĊE u bil-banek ċentrali nazzjonali, sabiex iqis speċifikament l-emendi leġiżlattivi b’relazzjoni għat-talbiet għal kreditu. IL-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT Il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni ta’ l-Impatt[12] tad-diversi possibbiltajiet sabiex ikun iffaċilitat l-użu tat-talbiet għal kreditu bħala kollateral, sabiex tkun żgurata l-istabbilità tas-sistemi ta’ sald u sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali. Hija tqis li l-aktar mod loġiku u effiċjenti sabiex jintlaħqu dawn il-miri huwa li dawk id-Direttivi jitbiddlu permezz ta’ direttiva oħra li temenda. L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA Il-bażi ġuridika Il-bażi ġuridika tal-proposta biex tkun emendata d-Direttiva 1998/26/KE dwar Finalità ta’ Settlement u d-Direttiva 2002/47/KE dwar Arranġamenti Kollaterali Finanzjarji hija l-istess kif inhi għaż-żewġ direttivi li qed jiġu emendati, jiġifieri l-Artikolu 95 tat-Trattat. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Skond dan il-prinċipju, għandu jkun hemm azzjoni leġiżlattiva fuq il-livell Komunitarju biss meta l-għanijiet previsti ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri waħidhom. Id-Direttiva dwar Finalità ta’ Settlement diġà wriet l-importanza li r-riskju sistemtiku inerenti f’sistemi bħal dawn jkun limitat permezz ta’ regoli komuni. Rigward l-FCD, il-bidliet proposti ma jinfluwenzawx lid-deċiżjoni ta’ l-Istati Membri jekk it-talbiet għal kreditu jiġux permessi jew le bħala kollateral; din id-deċiżjoni titħalla għalkollox f’idejn l-Istati Membri. Dak li tagħmel il-proposta huwa li tagħti lit-talbiet għal kreditu li jintużaw bħala kollateral l-istess livell ta’ protezzjoni li għandhom tipi oħrajn ta’ kollateral finanzjarju. Barra minn hekk, bl-applikazzjoni ta’ sett armonizzat ta’ regoli għat-talbiet għal kreditu li jintużaw bħala kollateral, tiffaċilita l-użu tagħhom fi tranżazzjonijiet transkonfinali. Minħabba dak li ngħad aktar ’il fuq, il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjoanlità, peress li hija limitata strettament għall-bidliet meħtieġa sabiex ikun hemm lok għall-użu transkonfinali tat-talbiet għal kreditu bħala kollateral, għall-interoperabbiltà tas-sistemi u għal xi miżuri minuri ta’ simplifikazzjoni. Is-simplifikazzjoni u l-kjarifikazzjoni Il-proposta ddaħħal fiż-żewġ Direttivi xi elementi utli ta’ simplifikazzjoni u ta’ kjarifikazzjoni. Pereżempju, il-proposta timmira li tiffaċilita l-użu tat-talbiet għal kreditu bħala kollateral billi tissuġġerixxi reġim ħafif biex tintwera biċ-ċar il-provvista ta’ talbiet għal kreditu bħala kollateral minflok proċedura twila (u b’hekk li tiswa ħafna flus) fejn tkun meħtieġa prova għal kull talba għal kreditu. Il-proposta tissuġġerixxi wkoll li titħassar id-dispożizzjoni opt-out li ma tintużax fl-Artikolu 4(3) FCD u tfittex li telimina r-referenzi li għadda żmienhom fiż-żewġ direttivi. Rigward l-SFD, jekk jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet tagħha jwassal biex l-applikazzjoni tagħha tkun issimplifikata. Pereżempju, il-proposta tiċċara l-ambitu personali ta’ l-SFD billi fl-Artikolu 2 tinkludi b’mod ċar lill-Istituzzjonijiet tal-Flus Elettroniċi. L-għażla ta’ l-istrumenti L-istrument propost huwa Direttiva għaliex il-fini tal-miżura huwa li jiġu emendati żewġ Direttivi eżistenti. Dan l-istrument biss jista’ jikseb l-effett ġuridiku mixtieq. L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju u mhi meħtieġa l-ebda riżorsa umana u amministrattiva addizzjonali. IL-KUMMENTI DWAR L-ARTIKOLI TAL-PROPOSTA Din il-proposta għal Direttiva li temenda hija relatata, l-ewwelnett, mal-provvista ta’ talbiet għal kreditu. It-tieninett, minbarra l-bidliet tekniċi, tfittex li testendi l-benefiċċji tad-Direttiva dwar Finalità ta’ Settlement għal sistemi li qed jitħaddmu dejjem aktar fuq bażi transkonfinali. Artikolu 1: Il-bidliet għad-Direttiva dwar Finalità ta’ Settlement (“SFD”) Artikolu 1 SFD Il-punt (a) jissostitwixxi “eku” b’“euro” u l-punt (c) issa jinkludi referenza għall-Bank Ċentrali Ewropew sabiex ikunu koperti wkoll l-operazzjonijiet rispettivi tiegħu wkoll. Artikolu 2 SFD Il-punt (b) jinkludi diversi referenzi għad-direttivi Komunitarji li issa għadda żmienhom u ġew sostitwiti minn direttivi oħrajn. Il-bidliet issuġġeriti għal dan il-paragafu huma prinċipalment editorjali, imma jinkludu wkoll żewġ bidliet sostantivi. L-ewwelnett, qed tiġi ċċarata l-pożizzjoni ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Flus Elettroniċi. Kif ġie enfasizzat fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, kien hemm interpretazzjonijiet diverġenti mill-Istati Membri fl-imgħoddi dwar jekk l-Istituzzjonijiet tal-Flus Elettroniċi jitqiesux istituzzjonijiet ta’ kreditu. Billi r-referenza għad-Direttiva 77/780/KEE fl-Artikolu 2(b) qed tiġi sostitwita b’referenza għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE – ir-riformulazzjoni kkonsolidata li ġiet wara d-Direttiva ta’ l-1977 – issa ġie ċċarat li l-Istituzzjonijiet tal-Flus Elettroniċi jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva. Il-Kodiċi jipprevedi għadd ta’ modi li s-sistemi jistgħu jkunu konnessi ma’ xulxin. Tlieta minn dawn huma rilevanti għall-SFD: aċċess standard, aċċess mhux standard ( customised ), u interoperabbiltà. Is-sistemi li huma konnessi permezz ta’ aċċess, jiġifieri, sistema waħda ssir parteċipant fl-oħra, mhumiex koperti mill-SFD, peress li “sistema” bħalissa ma tistax tkun parteċipant. Dan in-nuqqas ta’ aċċess huwa problematiku peress li l-ħtieġa għal aċċess bħal dan probabbilment issir aktar komuni minħabba mhux biss il-Kodiċi imma anki l-MiFID. Il-punt (f) ġie emendat b’mod xieraq sabiex sistema tkun tista’ ssir parteċipant wkoll. Il-punt (g) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parteċipant indirett”. L-SFD jippermetti li l-Istati Membri jestendu l-protezzjoni ta’ l-SFD lill-parteċipanti indiretti, jiġifieri, li parteċipant indirett jitqies bħala parteċipant, jekk iqisu li dan ikun ġustifikat mill-perspettiva ta’ riskju sistemiku. Madankollu, din il-possibbiltà tapplika biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu membri ta’ sistemi ta’ pagament. Oħrajn – bħala kontropartijiet ċentrali, aġenti tas-sald (aġenti dwar settlement - inkluż aġent ta’ sistema oħra fl-SFD imsejħa “aġenti għall-ħlas”) jew clearing houses (kumpaniji li jipprovdu servizz ta’ kklerjar u ta’ sald; fl-SFD imsejħa “stabbilimenti tar-rilaxx” fl-FCD imsejħa “djar ta’ tneħħija”) – ma jistgħux jitqiesu bħala parteċipanti. Barra minn hekk, il-possibbiltà li parteċipant indirett jitqies bħala parateċipant ma tapplikax għal sistemi tas-sald. Mhemm l-ebda raġuni ovvja għal din id-diskriminazzjoni u, konsegwentement, il-proposta testendi d-definizzjoni ta’ parteċipanti indiretti. Il-punt (h) huwa sempliċement aġġornament tekniku, fejn ir-referenza għall-ISD tiġi sostitwita b’referenza għall-MiFID. Il-punt (m) jintroduċi referenza espliċita għal talbiet għal kreditu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema fid-definizzjoni ta’ “sigurtà kollaterali” sabiex tkun evitata kwalunkwe possibbiltà ta’ inċertezza jew kwalunkwe differenza ta’ applikazzjoni fl-Istati Membri. Sabiex l-SFD tiġi adattata għaż-żieda probabbli fl-għadd ta’ konnessjonijiet ta’ interoperabbiltà li jirriżultaw mill-MiFID u mill-Kodiċi ta’ Kondotta, jew għal sistema multilaterali ta’ pagamenti bħat-TARGET2, il-paragrafu (n) (ġdid) jintroduċi definizzjoni ta’ sistema interoperabbli sabiex tkopri sitwazzjonijiet fejn is-sistemi (kemm jekk ikunu sistemi ta’ pagament, sistemi tas-sald tat-titoli, clearing houses jew kontropartijiet ċentrali) ikunu konnessi permezz ta’ interoperabbiltà sabiex ikunu ffaċilitati l-ikklerjar, is-sald u l-konsenja minn sistema għall-oħra kontra arranġamenti ta’ pagament (DVP). Il-punt (o) (ġdid) jintroduċi definizzjoni ta’ operatur tas-sistema sabiex jagħmilha ċara min huwa inkarigat mill-ġestjoni tas-sistema u b’hekk min għandu r-responsabbiltà ġuridika għal ħidmitha. Artikolu 3 SFD Il-paragrafu 1: Qed tiġi introdotta emenda sabiex titneħħa kwalunkwe inċertezza dwar l-istatus ta’servizzi ta’ sald ta’ bil-lejl. Minn meta ġiet adottata l-SFD, aktar u aktar sistemi introduċew jiem tan-negozju li jibdew immedjatament wara li jintemm il-jum tan-negozju f’T-1. Sistemi bħal dawn jipprovdu servizzi ta’ sald ta’ bil-lejl, prinċipalment imfassla sabiex iwettqu tranżazzjonijiet bl-ingrossa u bl-imnut. Bħalissa, mhux ċert jekk l-SFD tipproteġix b’mod sħiħ is-sald ta’ bil-lejl, peress li l-ordnijiet ta’ trasferiment biss li jitwettqu fl-istess jum kalendarju (“il-jum tal-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza”) huma koperti. Qari strett ta’ l-SFD jista’ jissuġġerixxi li ordni ta’ trasferiment li jiddaħħal fis-sistema f’T-1 jiġi protett biss jekk l-ipproċessar tal-lott jiġi ffinalizzat qabel nofs il-lejl, filwaqt li ordni bħal dan f’lott li jinħadem wara nofs il-lejl ma jkunx protett. Dan iħalli għadd sostanzjali ta’ ordnijiet barra mill-ambitu tad-Direttiva, u għalhekk qed jiġi ssuġġerit li “jum” tiġi sostitwita b’referenza għal “jum ta’ negozju, kif ġie ddefinit mir-regoli tas-sistema”. Barra minn hekk, qed tiddaħħal referenza għall-“operatur tas-sistema” sabiex ikun iċċarat min huwa responsabbli sabiex ikun konxju mill-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza (aġent tas-sald, kontroparti ċentrali jew clearing house ). Il-paragrafu 4 (ġdid): Sabiex l-SFD tkun aġġornata mal-konnessjonijiet ta’ l-interoperabbiltà li jistgħu jimmaterjalizzaw minħabba l-Kodiċi, dan il-paragrafu jfittex li jiċċara l-mument ta’ dħul fil-każ ta’ sistemi interoperabbli. Sakemm ma jkunx hemm ċarezza sħiħa rigward liema regoli tas-sistema japplikaw, l-interoperabbiltà tista’ tesponi lill-parteċipanti f’sistema waħda jew anki lis-sistema stess għall-effetti ta’ tixrid ta’ nuqqas f’sistema oħra li magħha tkun stabbiliet interoperabbiltà. Nuqqas ta’ ċarezza rigward liema regoli tas-sistema japplikaw hija problema li dejjem tikber hekk kif is-sistemi qegħdin dejjem aktar jitolbu interoperabbiltà ma’ xulxin (alimentati mill-MiFID u mill-Kodiċi). Artikolu 5 SFD L-istess bħal fil-każ ta’ “il-mument ta’ dħul”, qed jiġi ssuġġerit li għandu jkun iċċarat li, f’każ ta’ sistemi interoperabbli, ir-regoli dwar il-mument tar-revoka ta’ sistema waħda m’għandhomx ikunu affetwati mir-regoli tas-sistemi l-oħra li magħhom tkun interoperabbli. Artikolu 9 SFD Ħafna sistemi joperaw fuq il-bażi ta’ mekkaniżmi ta’ kollateralizzazzjoni fejn il-parteċipanti jipprovdu kollateral, ta’ spiss fuq bażi awtomatizzata, lis-sistema jew fejn tiġi stabbilita ġabra ta’ kollaterali sabiex jitħares is-sald f’każ ta’ fallimenti. Skond l-interoperabbiltà, provvista ta’ kollateral bħal din mhix espressament protetta mid-diċitura kurrenti ta’ l-SFD. Għalhekk, qed jiġi ssuġġerit li fil-paragrafu 1 tiġi miżjuda referenza għal sistema. Barra minn hekk, il-kelma “ġejjieni” – li tinstab darbtejn b’relazzjoni għall-Bank Ċentrali Ewropew – għandha titħassar. Artikolu 10 SFD Wara l-bidliet proposti fl-Artikoli 2(o) u 3(1), qed jiġi ssuġġerit li, meta jiġu nnotifikati s-sistemi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jindikaw ukoll l-operatur tas-sistema. Dan l-obbligu għandu japplika kemm għal sistemi eżistenti kif ukoll għal sistemi futuri. Artikolu 2: Il-bidliet għad-Direttiva dwar Arranġamenti Kollaterali Finanzjarji (“FCD”) Artikolu 1 FCD “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni” Il-paragrafu 1(2) jinkludi diversi referenzi għad-direttivi Komunitarji li issa għadda żmienhom u ġew sostitwiti minn direttivi oħrajn. Il-bidliet issuġġeriti għal dan il-paragrafu huma sempliċementi aġġornamenti tekniċi. Il-paragrafu 1(4)(a): Il-kollateral finanzjarju li għandu jkun ipprovdut jikkonsisti jew fi flus konstanti jew fi strumenti finanzjarji. Fl-implimentazzjoni ta’ l-FCD, tliet Stati Membri – ir-Repubblika Ċeka, Franza u l-Iżvezja – inkludew tipi speċifiċi ta’ assi riċevibbli, bħal talbiet għal kreditu jew talbiet ta’ xort’oħra, fil-lista ta’ l-assi li jistgħu jagħmluha ta’ kollateral skond l-FCD. Bil-miġja ta’ din id-Direttiva, it-talbiet għal kreditu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ bank ċentrali se jiżu miżjuda bħala t-tielet kategorija għall-Komunità kollha. Il-paragrafu 5: Jiġi deskritt modus operandi differenti bħala tintwera biċ-ċar il-provvista ta’ talbiet għal kreditu bħala kollateral. Il-mezzi ta’ evidenza diġà stabbiliti li jikkonċernaw il-provvista ta’ titoli dematerjalizzati jew ta’ flus kontanti bħala kollateral mhumiex adegwati meta jiġu applikati għal talbiet għal kreditu. Meta jitqiesu l-prattiki pjuttost diverġenti u l-interess tas-swieq finanzjarji filli jkollhom proċeduri sempliċi li jaħdmu mingħajr problemi, l-inklużjoni f’lista ta’ talbiet imressqa quddiem riċevitur tal-kollateral trid tkun biżżejjed, mingħajr ma tiġi speċifikata b’mod dettaljat il-mobilizzazzjoni tat-talbiet għal kreditu pprovduti bħala kollateral jew il-metodi ta’ identifikazzjoni. Din il-lista tista’ titressaq bil-miktub jew b’mod legalment ekwivalenti, inkluż b’mezzi elettroniċi, peress li wħud mill-banek ċentrali nazzjonali jużaw listi elettroniċi. Il-paragrafu 6: B’differenza għall-flus kontanti jew għall-istrumenti finanzjarji, it-talbiet għal kreditu mhumiex funġibbli. B’hekk riċevitur ta’ kollateral li jeżerċita d-dritt ta’ użu tiegħu ma jistax jirritorna kollateral ekwivalent lill-fornitur tal-kollateral fi tmiem it-tranżazzjoni. Għalhekk, ikun xieraq li jkun iċċarat li d-dritt ta’ l-użu kif stabbilit fl-Artikolu 5 m’għandux japplika għat-talbiet għal kreditu. Artikolu 2 FCD “Definizzjonijiet” L-Artikolu 2(1)(b): Fid-definizzjoni ta’ “arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta' tit[o]lu”, il-kelmiet “jew jedd sħiħ għal” għandhom jiġu miżjuda sabiex issir distinzjoni bejn sjieda ta’ flus kontanti jew ta’ strumenti finanzjarji fuq in-naħa l-waħda, u “jedd” għal talbiet għal kreditu fuq in-naħa l-oħra. L-Artikolu 2(1)(o): Definizzjonijiet ta’ talba għal kreditu Għandu jiġi miżjud punt 2(1)(o) ġdid sabiex ikun iddefinit il-kunċett ta’ “talbiet għal kreditu”. Dan jipproponi definizzjoni wiesgħa ta’ talbiet għal kreditu, fejn jitqies li t-talbiet għal kreditu jista’ jkollhom karatteristiċi differenti fil-ġuriżdizzjonijiet u fis-swieq differenti ta’ l-UE. L-Artikolu 2(2): Dan il-paragrafu jiċċara li, fil-każ tat-talbiet għal kreditu, mhix biss it-talba nfisha imma anki l-possibbiltà li jinġabru l-flus tagħha sa avviż ulterjuri li m’għandhomx jippreġudikaw li l-kollateral ikun ipprovdut lir-riċevitur tal-kollateral. Artikolu 3 FCD “[Rekwiżiti] formali” Wieħed mill-ostakli għall-użu effiċjenti tat-talbiet għal kreditu huwa r-rekwiżit li l-ħolqien, il-validità jew l-ammissibbiltà b’evidenza tal-provvista tagħhom bħala kollateral finanzjarju skond arranġament kollaterali finanzjarju jkun dipendenti fuq it-twettiq ta’ kwalunkwe att formali (bħar-reġistrazzjoni jew in-notifika ex ante tad-debitur bit-talba għal kreditu pprovduta bħala kollateral). Diversi Stati Membri (eż. il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda u s-Slovenja) jeħtieġu notifika ex ante , u oħrajn (eż. l-Awstrija, il-Belġju, il-Greċja, Spanja u s-Slovenja) għandhom sistema ta’ reġistrazzjoni. Stati Membri oħrajn (eż. Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u r-Renju Unit) m’għandhom l-ebda waħda. L-Artikolu 3(1) (sentenza ġdida) ifittex li jiżgura li l-mobilizzazzjoni tat-talbiet għal kreditu ma tistax tiġi invalidata minħabba li ma kinitx irreġistrata jew li d-debitur ma kienx innotifikat. Dan ma jfissirx li r-reġistrazzjoni jew in-notifika tad-debitur għandha tkun ipprojbita per se ; pjuttost il-ħsieb huwa li jkun eliminat ir-riskju ta’ invalidazzjoni minħabba f’din ir-raġuni. F’uħud mill-ġuriżdizzjonijiet, jista’ jitqies bħala ta’ ġid li jinżammu rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u ta’ notifika għal finijiet għajr il-validità ta’ tranżazzjoni (pereżempju, l-opponibbiltà). L-Artikolu 3(3) jittratta żewġ kwistjonijiet addizzjonali li huma maħsuba biex jiffaċilitaw l-użu ta’ talbiet għal kreditu bħala kollateral. L-ewwel kwistjoni hija relatata ma’ l-eżerċizzju possibbli ta’ tpaċija mid-debitur tat-talba għal kreditu pprovduta bħala kollateral. Din il-possibbiltà tista’ tikkomprometti l-pożizzjoni tar- riċevituri ta’ kollaterali f’ċerti ġuriżdizzjonijiet, peress li l-kollateral per se jista’ jgħib jekk id-debitur jeżerċita d-dritt ta’ tpaċija tiegħu fil-konfront tal-kredituri tat-talba għal kreditu u fil-konfront ta’ persuni li lilhom il-kredituri jkunu assenjaw, taw b’rahan jew b’xi mod ieħor immobilizzaw it-talba għal kreditu bħala kollateral. Għalhekk, qed jiġi ddikjarat li d-debituri, jekk jixtiequ dan, għandhom ikunu jistgħu jirrinunzjaw b’mod validu għad-dritt ta’ tpaċija fil-konfront ta’ tali persuni permezz ta’ ftehim (u dan il-kunsens għandu jipprevali fuq kwalunkwe dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt nazzjonali). It-tieni kwistjoni tikkonċerna s-segretezza bankarja. F’ċerti ġuriżdizzjonijiet, il-provvista ta’ dejta dwar id-debitur u dwar it-talba għal kreditu mill-bank tal-kreditu oriġinali lir-riċevitur tal-kollateral tista’ tikser restrizzjonijiet tas-segretezza bankarja. Għaldaqstant, kwalunkwe waħda mill-kontropartijiet tkun riluttanti li tressaq talbiet għal kreditu bħala kollateral jew ir-riċevituri tal-kollateral ma jkunux jistgħu jiksbu biżżejjed informazzjoni dwar it-talba għal kreditu jew dwar id-debitur. Hawnhekk għal darb’oħra, id-debituri għandhom ikunu jistgħu jirrinunzjaw b’mod validu għad-drittijiet relatati mas-segretezza bankarja tagħhom fil-konfront tal-kreditur sabiex jimmobilizzaw it-talba għal kreditu permezz ta’ ftehim. Id-dispożizzjonijiet t’aktar ’il fuq m’għandhomx jaffetwaw bl-ebda mod id-drittijiet ta’ konsumaturi individwali kif inhuma riflessi fid-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumaturi proposta. Għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur, din ta’ l-aħħar tipprovdi li, fil-każ ta’ l-assenjazzjoni lil parti terza tad-drittijiet tal-kreditur, il-konsumatur huwa intitolat isostni kontra l-assenjatarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża t-tpaċija. Barra minn hekk, il-konsumatur għandu jkun informat bl-assenjazzjoni ħlief fejn il-kreditur ikompli jipprovdi servizz ta’ kreditu fil-konfront tal-konsumatur. Il-konsumatur mhux intitolat li jirrinunzja għad-drittijiet ikkonferiti lilu mid-Direttiva proposta. Sabiex jinżamm dan il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, inkluż f’każi fejn il-ftehimiet dwar il-kreditu jkunu kollateral eliġibbli, id-dispożizzjonijiet t’aktar ’il fuq huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur futura. Artikolu 4 FCD “L-[i]nforzar ta’ l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju” L-Artikolu 4(3) “approprjazzjoni”: Din id-dispożizzjoni ppermettiet lil ċerti Stati membri li jagħżlu li ma japplikawx ( opt-out ) id-dritt ta’ l-approprjazzjoni għar-riċevitur tal-kollateral. Approprjazzjoni essenzjalment tfisser li r-riċevitur tal-kollateral jista’ – f’ċerti kundizzjonijiet – f’avveniment ta’ inforzar iżomm l-assi bħala l-proprjetà tiegħu minflok ma jbigħhom. Madankollu, l-ebda Stat Membru m’għamel użu minn din il-possibbiltà. Konsegwentenement, l-Istati Membri kollha issa jirrikonoxxu l-approprjazzjoni għar-riċevitur tal-kollateral fil-każ ta’ avveniment ta’ inforzar. Għalhekk, l-Artikolu 4(3) m’għadux japplika aktar, u tħassar għal finijiet ta’ simplifikazzjoni. 2008/0082 (COD) Proposta għal DIRE TTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 98/26/KE dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu. (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[13], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[14], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[15], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[16], Billi: 1. Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli[17] stabbiliet reġim li fih il-finalità ta’ l-ordnijiet ta’ trasferiment u l-innettjar, kif ukoll l-inforzabbiltà tas-sigurtà kollaterali, jiġu żgurati rigward kemm parteċipanti domestiċi kif ukoll parteċipanti barranin. 2. Ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-Direttiva dwar Finalità ta’ Settlement (98/26/KE)[18] ikkonkluda li d-Direttiva 98/26/KE b’mod ġenerali qed tiffunzjona sew. Ir-rapport enfasizza li fil-qasam tas-sistemi tas-sald ta’ pagamenti u titoli jistgħu jkunu għaddejjin xi bidliet importanti u kkonkluda wkoll li hemm xi ħtieġa li tkun iċċarata u ssimplifikata d-Direttiva 98/26/KE. 3. Il-bidla ewlenija, madankollu, huwa l-għadd dejjem akbar ta’ konnessjonijiet bejn is-sistemi, li fiż-żmien meta kienet abbozzata d-Direttiva 98/26/KE, kienu jaħdmu kważi esklussivament fuq bażi nazzjonali u indipendenti. Din il-bidla hija waħda mir-riżultati li ġabet id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE[19], u The European Code of conduct for clearing and settlement (Il-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew għall-ikklerjar u s-sald)[20] . Sabiex ikun hemm adattament għal dawk l-iżviluppi, il-kunċett ta’ sistema interoperabbli u r-responsabbiltà ta’ l-operaturi tas-sistemi għandhom jiġu ċċarati. 4. Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti kollaterali finanzjarji[21] ħolqot qafas ġuridiku Komunitarju uniformi għall-użu (transkonfinali) ta’ kollateral finanzjarju u b’hekk abolixxiet il-parti l-kbira tar-rekwiżiti formali tradizzjonalment imposti fuq l-arranġamenti kollaterali. 5. Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew iddeċieda li jintroduċi talbiet għal kreditu bħala tip eliġibbli ta’ kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema sa mill-1 ta’ Jannar 2007, u sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt ekonomiku tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew irrakkomanda estensjoni tal-kopertura ġuridika tad-Direttiva 2002/47/KE. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar id-Direttiva dwar Arranġamenti Finanzjarji Kollaterali (2002/47/KE)[22] indirizza din il-kwistjoni u ssottoskriva l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-użu tat-talbiet għal kreditu se jżid il-ġabra ta’ kollateral disponibbli u l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali fid-Direttiva 2002/47/KE għandha tikkontribwixxi ulterjorment sabiex ikun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fost l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri kollha. Jekk l-użu tat-talbiet għal kreditu bħala kollateral kellu jiġi ffaċilitati aktar, il-konsumaturi/id-debituri jibbenefikaw ukoll peress li l-użu tat-talbiet għal kreditu bħala kollateral fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwassal għal kompetizzjoni aktar intensiva u għal disponibbiltà aħjar ta’ krediti. 6. Sabiex ikun iffaċilitat l-użu tat-talbiet għal kreditu, huwa importanti li tiġi abolita jew ipprojbita kwalunkwe regola amministrattiva, bħall-obbligi ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni, li tagħmel l-assenjazzjonijiet tat-talbiet għal kreditu imprattikabbli. B’mod simili, sabiex ma tkunx kompromessa l-pożizzjoni tar-riċevituri tal-kollaterali, id-debituri għandhom ikunu jistgħu jirrinunzjaw b’mod validu għad-dritijiet ta’ tpaċija tagħhom fil-konfront tal-kredituri. L-istess prinċipju fundamentali għandu japplika wkoll għall-ħtieġa li tkun introdotta l-possibbiltà li d-debitur jirrinunzja r-regoli tas-segretezza bankarja, peress li inkella r-riċevitur tal-kollateral jista’ ma jkollux biżżejjed informazzjoni biex jivvaluta b’mod xieraq il-valur tat-talbiet għal kreditu sottostanti. [Dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur [……]. 7. L-Istati Membri m’għamlu l-ebda użu tal-possibbiltà skond l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2002/47/KE li jagħżlu li ma japplikawx ( opt-out ) id-dritt ta’ approprjazzjoni tar-riċevitur tal-kollateral. Dik id-dispożizzjoni għalhekk għandha titħassar. 8. Għaldaqstant, id-Direttivi 98/26/KE u 2002/47/KE għandhom jiġu emendati b’mod xieraq. ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-emendi għad-Direttiva 98/26/KE Id-Direttiva 98/26/KE għandha tiġi emendata kif ġej: 9. L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej: 10. Fil-punt (a), il-kelma “eku” għandha tiġi sostitwita bil-kelma “euro”. 11. Fil-punt (c), it-tieni inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “- operazzjonijiet tal-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-funzjoni tagħhom bħala banek ċentrali.” 12. L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej: 13. Fil-punt (b), l-ewwel u t-tieni inċiżi għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej: “- istituzzjoni ta’ kreditu kif ġiet iddefinita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[23] inklużi l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, - ditta ta’ investiment kif ġiet iddefinita fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE[24], ħlief l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tagħha, jew” 14. Fil-punt (f), il-kelmiet “ ‘participant’ għandu jfisser istituzzjoni, kontraparti ċentrali, agent għall-ħlas (għas-sald) jew stabbiliment ta’ rilaxx.” għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej: “ ‘partecipant’ għandha tfisser istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent għall-ħlas, stabbiliment tar-rilaxx ( clearing house , kumpanija li tipprovdi servizzi ta’ kklerjar u ta’ sald) jew sistema ta’ l-ikklerjar.” 15. Il-punt (g) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “(g) ‘parteċipant indirett’ għandha tfisser istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent għall-ħlas, stabbiliment tar-rilaxx jew sistema ta’ l-ikklerjar b’relazzjoni kuntrattwali ma’ istituzzjoni li tipparteċipa f’sistema li twettaq ordnijiet ta’ trasferiment li jippermettu li l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment mis-sistema;” 16. Il-punt (h) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “(h) ‘titoli’ għandha tfisser l-istrumenti kollha li jissemmew fit-Taqsima C ta’ l-Anness 1 għad-Direttiva 2004/39/KE;” 17. Il-punt (m) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “(m) ‘sigurtà kollaterali’ għandha tfisser l-assi realizzabbli kollha, inklużi t-talbiet għal kreditu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ bank ċentrali, ipprovduti b’rahan (inklużi flus ipprovduti b’rahan), xiri mill-ġdid jew ftehim simili, jew xort’oħra, sabiex ikunu żgurati drittijiet u obbligi li potenzjalment jirriżultaw b’konnessjoni ma’ sistema jew ikunu pprovduti lill-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri jew lill-Bank Ċentrali Ewropew;” 18. Għandhom jiġu miżjuda l-punti (n) u (o) li ġejjin: “(n) ‘sistema interoperabbli’ għandha tfisser sistema li tidħol fi ftehim ma’ sistema waħda jew aktar li jinvolvi l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet reċiproċi u mhux sempliċement konnessjoni ma’ offerti eżistenti ta’ servizz standard; (o) ‘operatur ta’ sistema’ għandha tfisser l-entità inkarigata mit-tħaddim minn jum għal jum ta’ sistema. Operatur ta’ sistema jista’ jaġixxi wkoll bħala aġent għall-ħlas, kontroparti ċentrali jew stabbiliment tar-rilaxx.” 19. L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej: 20. Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “1. L-ordnijiet ta’ trasferiment u l-innettjar għandhom ikunu legalment inforzabbli u, anki fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra parteċipant jew sistema interoperabbli, għandhom jorbtu lil partijiet terzi, sakemm dawk l-ordnijiet ta’ trasferiment ikunu ddaħħlu f’sistema qabel il-mument ta’ bidu ta’ tali proċeduri ta’ insolvenza kif ġew iddefiniti fl-Artikolu 6(1). Fejn, eċċezzjonalment, l-ordnijiet ta’ trasferiment jiddaħħlu f’sistema wara l-mument ta’ bidu ta’ proċeduri ta’ insolvenza u jitwettqu fil-jum ta’ negozju, kif ġie ddefinit mir-regoli tas-sistema, li matulu jseħħ il-bidu ta’ tali proċeduri, dawn għandhom ikunu legalment inforzabbli u jorbtu lill-partijiet terzi biss jekk, wara ż-żmien tas-sald, l-operatur tas-sistema jista’ jipprova li ma kienx konxju, u lanqas ma kellu jkun konxju, bil-bidu ta’ tali proċeduri.” 21. Għandu jiġi miżjud il-paragrafu 4 li ġej: “4. Fil-każ ta’ sistemi interoperabbli, kull sistema għandha tiddetermina r-regoli tagħha fil-mument ta’ dħul fis-sistema tagħha. Ir-regoli ta’ sistema waħda dwar il-mument ta’ dħul m’għandhom ikunu affetwati mill-ebda regola tas-sistemi l-oħra li magħhom tkun interoperabbli.” 22. Fl-Artikolu 5, għandu jiġi miżjud is-sottoparagrafu li ġej: “Fil-każ ta’ sistemi interoperabbli, kull sistema għandha tiddetermina r-regoli tagħha dwar il-mument ta’ revoka fis-sistema tagħha. Ir-regoli ta’ sistema waħda fil-mument ta’ revoka m’għandhom ikunu affetwati mill-ebda regola tas-sistemi l-oħra li magħhom tkun interoperabbli.” 23. L-Artikolu 9(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “1. Id-drittijiet ta’ sistema jew ta’ parteċipant għas-sigurtà kollaterali pprovduta lilha b’konnessjoni ma’ sistema, u d-drittijiet tal-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sigurtà kollaterali pprovduta lihom, m’għandhomx ikunu affetwati minn proċeduri ta’ insolvenza kontra l-parteċipant jew il-kontroparti għall-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri jew għall-Bank Ċentrali Ewropew li pprovda s-sigurtà kollaterali. Tali sigurtà kollaterali tista’ tiġi realizzata sabiex jiġu sodisfatti dawn id-drittijiet.” 24. L-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 10 L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw is-sistemi, u l-operaturi tas-sistemi rispettivi, li għandhom ikunu inklużi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva u għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni u jinformaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet li jkunu għażlu skond l-Artikolu 6(2). L-operatur tas-sistema għandu jindika lill-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli, il-parteċipanti fis-sistema, inkluż kwalunkwe parteċipant indirett possibbli, kif ukoll kwalunkwe bidla fihom.” Artikolu 2 L-emendi għad- Direttiva 2002/47/KE Id-Direttiva 2002/47/KE għandha tiġi emendata kif ġej: 25. L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej: 26. Il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “(b) bank ċentrali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank għas-Saldi Internazzjonali, bank dwar l-iżvilupp multilaterali kif jissemma fit-Taqsima 4 tal-Parti 1 ta’ l-Anness V għad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[25], il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment;” 27. Fil-punt (c) tal-paragrafu 2, il-punti (i) sa (iv) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej: “(i) istituzzjoni ta’ kreditu kif ġiet iddefinita fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva; (ii) ditta ta’ investiment kif ġiet iddefinita fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[26]; (iii) istituzzjoni finanzjarja kif ġiet iddefinita fil-punt (5) ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE; (iv) impriża ta’ l-assigurazzjoni kif ġiet iddefinita fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE[27] u impriża ta’ l-assigurazzjoni kif ġiet iddefinita fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[28]; 28. Il-punt (a) tal-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “(a) Il-kollateral finanzjarju li għandu jiġi pprovdut irid jikkonsisti fi flus kontanti, strumenti finanzjarji jew talbiet għal kreditu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ bank ċentrali;” 29. Fil-paragrafu 5, wara t-tieni sottoparagrafu, għandha tiġi miżjuda s-sentenza li ġejja: “Għat-talbiet għal kreditu, l-inklużjoni f’lista ta’ talbiet imressqa bil-miktub, jew b’mod legalment ekwivalenti, inkluż b’mezzi elettroniċi, lir-riċevitur tal-kollateral hija biżżejjed sabiex ikunu pprovati l-mobilizzazzjoni u l-identifikazzjoni tat-talba pprovduta bħala kollateral.” 30. Għandu jiġi miżjud il-paragrafu 6 li ġej: “6. L-Artikolu 5 m’għandux japplika għal talbiet għal kreditu.” 31. L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej: 32. Il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej: (i) Il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “(b) ‘arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta' titolu’ tfisser arranġament, li jinkludi ftehim dwar xiri mill-ġdid, fejn fornitur ta’ kollateral, jittrasferixxi s-sjieda sħiħa ta’, jew il-jedd sħiħ għall-kollateral finanzjarju lil riċevitur ta’ kollateral sabiex ikun żgurat jew b’mod ieħor ikopri t-twettiq ta' obbligi finanzjarji rilevanti;” (ii) Għandu jiġi miżjud il-punt (o) li ġej: “(o) ‘talbiet għal kreditu’ tfisser talbiet pekunjarji li jirriżultaw minn ftehim fejn isitituzzjoni ta’ kreditu, kif ġiet iddefinit fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, tagħti kreditu fil-forma ta’ self.” 33. Fil-paragrafu 2, it-tieni sentenza għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej: “Kwalunkwe dritt ta' sostituzzjoni jew biex jiġi rtirat il-kollateral finanzjarju eċċessiv, favur il-fornitur tal-kollateral jew, fil-każ ta’ talbiet għal kreditu, biex jinġabru l-flus tiegħu sa avviż ulterjuri, m'għandux jippreġudika l-kollateral finanzjarju li jkun ġie pprovdut lir-riċevitur tal-kollateral, kif imsemmi f'din id-Direttiva.” 34. L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej: 35. Fil-paragrafu 1, għandu jiġi miżjud is-sottoparagrafu li ġej: “Meta talbiet għal kreditu jkunu pprovduti bħala kollateral finanzjarju, l-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li l-ħolqien, il-validità jew l-ammissibbiltà bħala evidenza tal-provvista tagħhom bħala kollateral finanzjarju skond ftehim kollaterali finanzjarju jkunu dipendenti fuq it-twettiq ta’ kwalunkwe att formali bħar-reġistrazzjoni jew in-notifika tad-debitur tat-talba għal kreditu pprovduta bħala kollateral.” 36. Għandu[hom] jiġi[u] miżjud[a] il-paragrafu[i] 3 [u 4] li ġej[jin]: “3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri tat-talbiet għal kreditu jistgħu jirrinunzjaw b’mod validu, bil-miktub jew b’mod legalment ekwivalenti: (i) għad-drittijiet ta’ tpaċija tagħhom fil-konfront tal-kredituri tat-talba għal kreditu u fil-konfront tal-persuni li lihom il-kreditur assenja, ta b’rahan jew b’xi mod ieħor immobilizza t-talba għal kreditu bħala kollateral; u (ii) għad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mir-regoli tas-segretezza bankarja li kieku jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ħila tal-kreditur tat-talba għal kreditu li jipprovdi informazzjoni dwar it-talba għal kreditu jew dwar id-debitur sabiex it-talba għal kreditu tintuża bħala kollateral.” [4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr ħsara għad-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur …/xxx/KE 37. L-Artikolu 4(3) għandu jitħassar. Artikolu 3 It-traspożizzjoni 1. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2009, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2010. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 4 Id-dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Artikolu 5 Id-destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President[pic][pic][pic] [1] ĠU L … [2] Id-Direttiva 2002/47/KE dwar Arranġamenti Finanzjarji Kollaterali, ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43, u d-Direttiva 98/26/KE dwar Finalità ta’ Settlement , ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45. [3] Il-Kodiċi ta’ Kondotta jista’ jinstab fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/docs/code/code_en.pdf [4] Il-Linja ta’ Gwida ġiet ippubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/docs/code/guideline_en.pdf [5] ĠU L … [6] ĠU L … [7] ĠU L … [8] COM(2005) 657 [9] COM (2006) 833 [10] http://europa.eu.int/comm/internal_market/financial-markets [11] Il-Grupp Espert għall-Pariri u s-Sorveljanza dwar il-Konsultazzjoni u l-Kumpens [12] Ara l-anness mehmuż. [13] ĠU C […], […], p. […]. [14] ĠU C […], […], p. […]. [15] ĠU C […], […], p. […]. [16] ĠU C […], […], p. […]. [17] ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45. [18] COM (2005) 657 finali/2, 4.7.2006. [19] ĠU L 149, 30.10.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2007/44/KE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 1). [20] "http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/docs/code/code_en.pdf" [21] ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43. [22] COM (2006) 833 finali, 20.12.2006. [23] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1. [24] ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1. [25] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1. [26] ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1. [27] ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1. [28] ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1.