52008PC0194




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.4.2008

KUMM(2008) 194 finali

2008/0083 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 68/151/KEE u 89/666/KEE fir-rigward ta' l-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji

(preżentata mill-Kummissjoni)

{SEC(2008) 466}{SEC(2008) 467}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Daħla

1.1. IL-kuntest

Spejjeż amministrattivi mhux meħtieġa u sproporzjonati huma ta' tfixkil gravi għall-attività ekonomika. Għaldaqstant fl-2005 l-Kummissjoni varat programm biex tkejjel l-ispejjeż amministrattivi u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, bil-għan li lill-kumpaniji ta' l-UE ttejbilhom l-ambjent kummerċjali u ġġib l-ekonomiji ta' l-UE kapaċi jilqgħu l-isfidi ta' l-ambjent kummerċjali dinji aktar kompetittiv li jeħtiġilhom jaħdmu fih.

Il-Kummissjoni ddeskriviet it-triq li għandha tittieħed għall-ilħiq ta' dan billi, fl-14 ta' Novembru 2006, adottat programm aġġornat ta' simplifikazzjoni[1] u l-elementi ewlenin għall-kejl ta' l-ispejjeż amministrattivi u t-tnaqqis tal-piżijiet ammistrattivi[2]. Iż-żewġ programmi enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu ġġenerati benefiċċji ekonomiċi tanġibbli. Kienu ssupplimentati minn Programm ta' Azzjoni adottat fl-24 ta' Jannar 2007[3] li ddefinixxa l-mira li sas-sena 2012 il-piżijiet amministrattivi ta' l-azjendi fl-UE jitnaqqsu b'25%[4].

Il-Programm ta' Azzjoni kien approvat mill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa f'Marzu 2007[5]. Il-Kunsill Ewropew saħaq li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huwa importanti biex l-ekonomija ta' l-Ewropa tingħata spinta, l-aktar minħabba l-benefiċċji potenzjali li dan iġib għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Saħaq ukoll li sforz konġunt qawwi ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huwa meħtieġ biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fi ħdan l-UE. F'Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat għadd ta' proposti ta' proċedura rapida biex, permezz ta' tibdiliet żgħar fl- acquis ta' l-UE, malajr jintlaħaq tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi.

Fil-laqgħa tiegħu tat-13/l-14 ta' Marzu 2008, il-Kunsill Ewropew sejjaħ biex il-Kummissjoni tidentifika proposti leġiżlattivi ġodda "ta' proċedura rapida" biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi[6]. Fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, tal-kontabbiltà u tal-verifika, il-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2007 kienet adottat komunikazzjoni li fissret l-ideat tagħha għas-simplifikazzjoni f'dawn l-oqsma[7]. Filwaqt li ċerti miżuri previsti f'dik il-komunikazzjoni jeħtieġu eżami u diskussjoni mill-qiegħ, mill-Komunikazzjoni kien jidher diġà li oħrajn jistgħu jippermettu li malajr jintlaħaq titjib għall-kumpaniji Ewropej, permezz ta' "proċedura rapida". Il-miżuri li jorbtu ma' l-Ewwel u l-Ħdax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji huma ppreżentati f'din il-proposta.

1.2. Il-ġustifikazzjoni għall -i nizjattiva kurrenti, u l-miri tagħha-

L-inizjattiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għat-titjib tal-kompetittività tal-kumpaniji ta' l-UE fi żmien qasir, billi tnaqqas il-piżijiet amministrattivi kulfejn dan jista' jsir mingħajr impatt ħażin kbir fuq il-partijiet l-oħra interessati. Għaldaqstant, jeħtieġ li nimmiraw fuq l-obbligi ta' informazzjoni fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji li ma jipprovdux valur miżjud sinifikanti għall-utenti ta' l-informazzjoni.

Skond l-Ewwel Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, il-kumpaniji għandhom l-obbligu jippubblikaw fil-gazzetti tal-gvern ċerta informazzjoni li jeħtiġilha titniżżel fir-reġistri kummerċjali ta' l-Istati Membri. Din l-informazzjoni tinvolvi, b'mod partikolari, tagħrif dwar it-twaqqif tal-kumpanija, tibdiliet sussegwenti f'dan it-tagħrif u l-kontijiet annwali li jeħtiġilhom ikunu ppublikati kull sena. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-pubbikazzjoni fil-gazzetta tal-gvern lill-kumpaniji tikkawżalhom spejjeż addizzjonali mingħajr ma tipprovdi valur miżjud, fi żminijietna meta r-reġistri tal-kumpaniji l-informazzjoni tagħhom jagħmluha disponibbli bl-internet. Għalhekk l-għan huwa li mil-liġi nazzjonali jitwarrbu r-rekwiżiti addizzjonali ta' pubblikazzjoni li jikkawżaw spejjeż addizzjonali għall-kumpaniji.

Bil-ħsieb tal-Ħdax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, il-proposta tiffoka fuq ir-rekwiżiti ta' traduzzjoni, fil-liġi nazzjonali, għal dokumenti li għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-fergħat. Huma u jirreġistraw fergħa, il-kumpaniji jeħtiġilhom jirreġistraw ċerta informazzjoni fil-fajl tagħhom ukoll fir-reġistru tal-fergħa. Dan spiss iwassal għal spiża doppja għall-kumpaniji, minħabba li ma jkollhomx biss jiżguraw li ssir traduzzjoni ta' ċerti dokumenti bl-ilsien ta' l-Istat Membru fejn tinsab il-fergħa, iżda jkollhom ukoll jaqdu r-rekwiżiti, ġieli eċċessivament restrittivi, għaċ-ċertifikazzjoni u/jew it-trattament notarili ta' dik it-traduzzjoni. L-għan huwa li l-ispejjeż tat-traduzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni jitnaqqsu għall-minimu.

2. Il-bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 44(2) tat-Trattat. Iż-żewġ direttivi li għandhom jiġu modifikati bil-proposta huma bbażati fuq din id-dispożizzjoni (dak li qabel kien l-Artikolu 54(3)(g)).

3. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

L-azzjoni fuq il-livell ta' l-UE hija meħtieġa biex tittratta dawn il-problemi, minħabba li, fil-każ ta' l-Ewwel Direttiva, l-obbligi li jikkawżaw piżijiet amministrattivi jidderivaw minn regoli ta' l-UE. Fil-każ tal-Ħdax-il Direttiva, id-direttiva espliċitament tippermetti li l-Istati Membri jimponu piżijiet ta' dan it-tip fuq il-kumpaniji. F'dawn il-kundizzjonijiet, tnaqqis effettiv tal-piż amministrattiv jista' jintlaħaq biss permezz ta' tibdil fir-regoli rilevanti ta' l-UE. Għaldaqstant hija ġustifikata l-azzjoni fil-livell ta' l-UE.

It-tibdiliet proposti huma limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jitneħħew il-piżijiet amministrattivi bla bżonn fl-oqsma kkonċernati, u huma proporzjonali għal dan il-għan.

4. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-proposta u l-evalwazzojni ta' l-impatt li jakkumpanjaha huma msejsa fuq proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa li segwa l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni ta' l-10 ta' Lulju 2007.

Il-Kunsill tal-Kompetittività fit-22 ta' Novembru 2007 adotta konklużjonijiet li laqgħu l-inizjattiva ta' simplifikazzjoni[8], filwaqt li fil-Parlament Ewropew fis-27 ta' Marzu 2008 ġie adottat rapport fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Ir-rapport jirrifletti appoġġ wiesa' għall-inizjattiva biex il-liġi Ewropea tal-kumpaniji tkun issimplifikata u biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. L-adozzjoni tar-rapport finali tal-Parlament Ewropew mistennija sseħħ f'Mejju 2008.

Barra minn hekk, tmintax-il gvern ta' l-Istati Membri, gvern wieħed ta' pajjiż taż-ŻEE u 110 parti interessata wieġbu għall-istedina tal-Komunikazzjoni biex iressqu kummenti bil-miktub dwar il-proposta, sa nofs Ottubru 2007. Dawn il-kontributi mill-gverninjiet u l-persuni interessati b'kollox ġew minn 23 pajjiż, inklużi 22 Stat Membru. Għadd ta' kontributi tresqu wkoll minn kopri u assoċjazzjonijiet Ewropej. Rapport dwar ir-reazzjonijiet li waslu bejn Lulju u Diċembru 2007 mingħand Stati Membri u partijiet interessati jinsab fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi (DĠ MARKT) fl-indirizz virtwali:http://ec.europa.eu/internal_market/company/simplification/index_en.htm.

L-idea li l-proposti li jirrigwardaw l-Ewwel u l-Ħdax-il Direttiva tal-Kumpaniji ta' proċedura rapida tressqet quddiem il-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Regolatorji Nazzjonali, maħtura mill-Istati Membri, fejn maġġoranza ta' dawk ir-rappreżentanti li kkummentaw dwar l-idea qablu ma' dan l-approċċ.

Barra minn hekk ġie kkonsultat ukoll dwar dan is-suġġett il-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Involuti Indipendenti, li laqa' l-proposti fl-opinjoni tiegħu adottata fis-26 ta' Frar 2008.

5. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

Il-valutazzjoni ta' l-impatt għal din il-proposta turi li hemm potenzjal sinifikanti biex il-kumpaniji jiffrankaw l-ispejjeż fl-oqmsa msemmija hawn fuq.

5.1. Rekwiżiti ta' pubblikazzjoni għall-kumpaniji b'responsabbiltà limitata

Fil-valutazzjoni ta' l-impatt, l-ispiża totali minima tar-regola attwali dwar il-pubblikazzjoni fil-gazzetti tal-gvern hija stmata għal madwar EUR 410 miljun/sena f'dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali u għal madwar EUR 200 miljun/sena għall-pubblikazzoni ta' tibdiliet fir-reġistri. Ma' dawn l-ispejjeż għandhom jiżdiedu l-ispejjeż interni li jġarrbu l-kumpaniji huma u jħejju l-informazzjoni għall-pubblikazzjoni, u f'ċerti Stati Membri, l-ispejjeż biex l-informazzoni tkun ippubblikata wkoll fil-ġurnali. F'dan l-istadju, madankollu, mhemmx disponibbli ċifri affidabbli dwar dawn l-aseptti ta' l-aħħar.

Fil-valutazjzoni ta' l-impatt, huwa rikonoxxut li l-obbligu ta' pubblikazzjoni jipprovdi valur miżjud importanti għall-utenti, għax iħallihom isegwu kronoloġikament it-tibdiliet fir-reġistru. Madankollu, it-tqabbil bejn is-sistemi differenti li jintużaw fl-Istati Membri juri li l-ilħiq ta' din il-mira mhux neċessarjament jimponi spejjeż addizzjonali fuq il-kumpaniji. Bi stimi li jindikaw li aktar minn 50% ta' l-Ewropej kollha llum jużaw l-internet[9], pubblikazzjoni elettronika kronoloġika, jiġifieri fis-sit tar-reġistru, tkun biżżejjed biex jintlaħaq dan il-għan. Kif jixhed l-eżempju ta' għadd ta' Stati Membri (eż. id-Danimarka u l-Finlandja), il-pubblikazzjoni b'dan il-mezz mhux bilfors iġġib magħha ħlasijiet addizzjonali miżmuma lill-kumpaniji.

Fil-valutazzjoni ta' l-impatt, għaldaqstant huwa rrikkmandat li jiġi żgurat li fil-ġejjieni l-pubblikazzjoni ma twassalx biex il-kumpaniji jkollhom jagħmlu ħlasijiet addizzjonali.

5.2. L-obbligi ta' traduzzjoni ta' fergħat ta' kumpaniji b'resonsabbiltà limitata

L-ispejjeż esterni tas-sistema attwali rigward l-obbligi ta' traduzzjoni ta' fergħat ta' kumpaniji b'resonsabbiltà limitata fil-valutazzjoni ta' l-impatt, abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli, huma stmati li jlaħħqu EUR 3.36 miljun għat-traduzzjoni ta' l-artikli ta' assoċjazzjoni u taċ-ċertifika ta' l-eżistenza ta' kumpanija, filwaqt li għall-kontijiet annwali kull sena jintefqu EUR 16.8 miljun. Għaċ-ċertifika weħidha, iċ-ċifri rispettvi huma stmati li jlaħħqu EUR 300 000 u (kull sena) EUR 1.5 miljun. Ma' dawn l-ispejjeż esterni, wieħed għandu jżid l-ispejjeż interni għall-iżgurar li tinkiseb ċertifika/traduzzjoni. F'dan l-istadju mhemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar il-livell ta' dawn l-ispejjeż.

Il-konklużjoni li għaliha twassal il-valutazzjoni ta' l-impatt hija li, anki jekk l-Istati Membri, fl-interess ta' partijiet terzi, għandhom iżommu l-possibbiltà li jitolbu traduzzjonijiet awtentikati, traduzzjonijiet li jkunu ġew awtentikati fi Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu suffiċjenti. B'mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li xi Stati Membri, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, ma għamlux użu (sħiħ) mill-possibbiltà li jitolbu traduzzjonijiet awtentikati, jidher sproporzjonat li jintlaqa' li Stati Membri oħra jesiġu diversi awtentikazzjonijiet, ġieli saħansitra permezz ta' nutar. Jista' jitqies li jkun hemm grad suffiċjenti ta' affidabbiltà fejn traduzzjoni tkun awtentikata minn traduttur li jkun maħtur uffiċjalment u ġuramentat fi Stat Membru ieħor jew min kwalunkwe persuna oħra awtorizzata f'dak l-Istat Membru biex jawtentika t-traduzzjonijiet f'dak l-ilsien rekwiżit.

6. Kummenti dwar artikoli speċifiċi

Artikolu 1: Emenda ta' l-Ewwel Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji

L-Artikolu 1 jistabbilixxi rekwiżit minimu ġdid ta' publikazzjoni abbażi tal-mezzi alternattivi ta' pubblikazzjoni li attwalment jinsabu fl-Artikolu 3(4) ta' l-Ewwel Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji. Dan ir-rekwiżit minimu jqis il-fatt li fl-oqsma kollha qed isir aktar dejjem komuni l-użu ta' mezzi elettroniċi.

Il-fatt li d-dispożizzjoni tistipula biss rekwiżit minimu jfisser li l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu għall-aċċess elettroniku kronoloġiku għall-informazzjoni, imma jibqgħu liberi li, barra minn hekk, jesiġu l-użu tal-mezzi addizzjonali tal-pubblikazzjoni (eż. gazzetta tal-gvern u ġurnali nazzjonali jew reġjonali stampati). Madankollu, it-tieni subparagrafu l-ġdid ta' l-Artikolu 3(4) jiċċara li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-pubblikazzjoni fi kwalunkwe każ ma twassalx biex il-kumpaniji jkollhom jagħmlu xi ħlasijiet speċifiċi.

Artikolu 2: Emenda tal-Ħdax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji

Il-Paragrafu 1 iżomm il-possibbiltà attwali li l-Istati Membri jesiġu t-traduzzjoni u l-attestazzjoni ta' dik it-traduzzjoni fir-rigward ta' ċerti dokumenti li jikkonċernaw il-kumpanija. Jiċċara wkoll li l-attestazzjoni skond l-Artikolu 2(2)(c) tista' tintalab fil-lingwa ta' l-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-fergħa, kif fil-prattika diġà qed isir illum fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. It-tieni sentenza madankollu mbagħad titstipula li kwalunkwe rekwiżit tali għandu jitqies li jkun inqeda meta titressaq traduzzjoni li tkun awtentikata minn persuna li, skond ir-regoli dwar l-awtentikazzjoni li jkunu fis-seħħ fi Stat Membru ieħor, ikun intitolat joroġ awtentikazzjoni bħal din.

Il-Paragrafu 2 jistipula li awtentikazzjonijiet li jkunu nħarġu b'dik il-lingwa rikjesta mill-Istat Membru tal-fergħa għandhom ikunu aċċettati mir-reġistru f'dak l-Istat.

Il-Paragrafu 3 jiċċara li l-Istati Membri, apparti mill-formalitajiet deskritti fil-paragrafi 1 u 2, ma jistgħu jimponu l-ebda rekwiżit formali ieħor. Din id-dispożizzjoni tkopri b'mod partikolari kwalunkwe rekwiżit dwar it-trattament notarili ta' dokumenti diġà awtentikati jew tal-legalizzazzjoni tagħhom, pereżempju permezz ta' Apostille skond il-Konvenzjoni ta' The Hague tal-5 ta' Ottubru 1961 li tabolixxi r-Rekwiżit ta' Legalizzazzjoni għad-Dokumenti Pubbliċi Barranin. Madankollu, hija bla ħsara għal kwalunkwe regola li tesiġi Apostille għaċ-ċertifikazzjoni ta' l-eżistenza tal-kumpanija.

2008/0083 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 68/151/KEE u 89/666/KEE fir-rigward ta' l-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 44(2)(g) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[10],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[12],

Billi:

1. Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007, qabel li l-piżijiet aministrattivi fuq il-kumpaniji għandhom jitnaqqsu b'25% sas-sena 2012, biex tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji fil-Komunità.

2. Il-liġi tal-kumpaniji kienet identifikata bħala qasam li fih għadd kbir ta' obbligi ta' informazzjoni għall-kumpaniji, li wħud minnhom jidhru li għadda żmienhom jew li huma eċċessivi.

3. Dawn l-obbligi ta' informazzjoni jeħtiġilhom jiġu riveduti biex il-piżijiet li qed itaqqlu l-kumpaniji fil-Komunità jitnaqqsu għall-minimu meħtieġ biex ikun żgurat il-ħarsien ta' l-interessi tal-persuni interessati l-oħra.

4. Skond l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu ta' l-1968 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li dawn is-salvagwardji tagħmilhom ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità[13], il-kumpaniji b'responsabbiltà limitata jeħtiġilhom jiżvelaw, permezz ta' pubblikazzjoni, ċerta informazzjoni li għandha titniżżel fir-reġistru ċentrali, ir-reġistru kummerċjali jew ir-reġistru tal-kumpaniji ta' l-Istati Membri. F'bosta mill-Istati Membri, din il-pubblikazzjoni jeħtiġilha sseħħ fil-gazzetta tal-gvern, u xi daqqiet, addizzjonaliment, fil-ġurnali nazzjonali u reġjonali.

5. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-pubbikazzjoni fil-gazzetta tal-gvern lill-kumpaniji tikkawżalhom spejjeż addizzjonali mingħajr ma tipprovdi valur miżjud, ġaladarba r-reġistri tal-kumpaniji l-informazzjoni tagħhom jagħmluha disponibbli fl-internet. Inizjattivi bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn ir-reġistri fil-Komunità kollha kemm hi jkomplu jnaqqsu l-ħtieġa li din l-informazzoni tkun ippubblikata f'gazzetta tal-gvern jew f'publikazzjoni stampata oħra.

6. Biex jippermettu pubblikazzjoni b'infiq effikaċi li lill-utenti tipprovdilhom aċċess faċli għall-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu obbligatorju minn pjattaforma elettronika ċentrali. Barra minn hekk, għandhom jiżguraw li din il-pubblikazzjoni, kif ukoll kwalunkwe obbligu ta' pubblikazzjoni li jimponu fuq il-kumpaniji f'dan il-kuntest, ma jwasslux għal ħlasijiet speċifiċi, addizzjonalment għal dawk li għandhom jitħallsu għar-reġistrazzjoni.

7. Skond il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666 KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġijiet ta’ l-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpaniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor[14], jeħtieġ li tkun żvelata ċerta informazzjoni dwar il-kumpanija. L-Istat Membru li fih il-fergħa tkun stabbilita, minn hawn 'il quddiem "l-Istat Membru ospitanti", attwalment jista' jesiġi li għadd limitat ta' dokumenti f'dak il-kuntest għandhom jinqelbu f'lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità.

8. Dik il-possibbiltà għandha tinżamm, kif ukoll dik li l-Istat Membru ospitanti f'xi każijiet limitati jkun jista' jesiġi li t-traduzzjoi tkun awtentikata, minħabba li l-interess ta' parti terza jista' jrendiha ta' ħtieġa li, permezz ta' awtentikazzjoni, ikun żgurat livell suffiċjenti ta' affidabbiltà tat-traduzzjoni.

9. Madankollu traduzzjoni tista' titqies suffiċjentement affidabbli jekk tkun awtentikata minn traduttur li jkun maħtur uffiċjalment u ġuramentat fi Stat Membru ieħor jew minn kwalunkwe persuna oħra awtorizzata f'dak l-Istat Membru biex jawtentika t-traduzzjonijiet f'dak l-ilsien rekwiżit. L-Istat Membru ospitanti f'dan il-każ ma għandux ikollu l-possibbiltà li jesiġi awtentikazzjoni addizzjonali skond ir-regoli proprji tiegħu.

10. L-istess japplika meta dokument li jkun meħtieġ għar-reġistrazzjoni tal-fergħa jkun jista' joħorġu, bil-lingwa uffiċjali tal-Komunità meħtieġa mill-Istat Membru ospitanti, ir-reġistru fejn jinżamm il-fajl tal-kumpanija. F'dan il-każ ukoll, ma jidhirx li tkun f'lokha awtentikazzjoni addizzjonali.

11. Ukoll, l-Istati Membri ma għandhom ikunu jistgħu jimponu l-ebda formalità rigward il-lingwa tad-dokument li tmur lil hinn mill-awtentikazzjoni. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti għat-trattament notarili ta' traduzzjoni li diġà tkun awtentikata tisboq dak li huwa meħtieġ biex ikun iggarantit grad suffiċjenti ta' affidabbiltà.

12. Ġaladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piżijiet aministrattivi li jirrigwardaw l-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni fuq ċerti tipi ta' kumpaniji fi ħdan il-Komunità, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, għar-raġuni ta' l-iskala u l-effetti tal-miżuri, jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

13. Id-Direttivi 68/151/KEE u 89/666/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Emenda għad-Direttiva 68/151/KEE

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KEE għandu jinbidel b'dan li ġej:

"4. L-iżvelar tad-dokumenti u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 2 għandu jseħħ permezz ta' pubblikazzjoni permezz ta' pjattaforma elettronika ċentrali li tippermetti l-aċċess kronoloġiku għall-informazzjoni żvelata.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jkollhomx jagħmlu ħlas speċifiku fir-rigward tal-pubblikazzjoni permezz ta' pjattaforma elettronika ċentrali jew minħabba kwalunkwe obbligu addizzjonali ta' pubblikazzjoni impost mill-Istati Membri rigward dawk id-dokumenti u dettalji."

Artikolu 2Emenda għad-Direttiva 89/666/KEE

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/666/KEE għandu jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 4

1. L-Istat Membru li fih tkun infetħet il-fergħa jista’ jistabbilixxi li d-dokumenti msemmija fil-punti (b) u (c) ta' l-Artikolu 2(2)(b) u fl-Artikolu 3 jeħtiġilhom ikunu ppubblikati b'lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità għajr bil-lingwa uffiċjali tar-reġistru msemmi fil-punt (c) ta' l-Artikolu 2(1), u li t-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti jeħtiġilha tkun awtentikata. Traduzzjoni titqies li tkun awtentikata meta tkun ġiet awtentikata permezz ta' proċedura aċċettata mill-awtoritajiet aministrattivi jew ġudizzjarji ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor.

2. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (c) ta' l-Artikolu 2(2) bil-lingwa li biha tkun ippubblikata skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3. L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit formali rigward it-traduzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1, għajr dawk stipulati fil-paragrafi 1 u 2."

Artikolu 3Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-qadi ta' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2010. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 4Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 5Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni: "Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea" COM(2006)689, ĠU C 78, 11.4.2007, p. 9.

[2] IDokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni ta' l-14/11/2006 – "Il-kejl ta’ l-ispejjeż amministrattivi u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea" - COM(2006) 691.

[3] COM(2007) 23.

[4] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea" – COM(2007)23 finali, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

[5] Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell –dok. 7224/07 Konkl. 1.

[6] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell –dok. 7652/08 Konkl. 1.

[7] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika - COM(2007)394, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

[8] Id-Dokument tal-Kunsill 15222/07 DRS 48.

[9] Sors: Internetworldstats, www.internetworldstats.com/stats9.htm#eu.Fl-2005, l-"Information Society Benchmarking Report" (disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/docs/benchmarking/051222_final_benchmarking_report.pdf) irriżultalu li: "Internet connectivity has grown steadily and the Community Household survey of 2004 showed 43% of households in the European Union were connected. A slightly lower proportion, 38% of the population aged 16-74, was found to be regular users, going online at least once per week" (" Il-konnessjonijiet ma' l-internet kibret b'konsistenza, u l-Istħarriġ Domestiku ta' l-2004 wera li 43% tad-djar fl-Unjoni Ewropea kellhom konnessjoni ta' l-internet. Irriżulta li proporzjon kemm kemm iżgħar, 38% tal-popolazzjoni b'età bejn is-16 u s-74, kienu utenti regolari, li jużaw l-internet talanqas darba fil-ġimgħa. ).

[10] ĠU C , , p. .

[11] ĠU C , , p. .

[12] ĠU C , , p. .

[13] ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/99/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137).

[14] ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36.