52008PC0188

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża fir-rigward tan-numerar tal-viża /* KUMM/2008/0188 finali - CNS 2008/0074 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.4.2008

KUMM(2008) 188 finali

2008/0074 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża fir-rigward tan-numerar tal-viża

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta In-numru tal-viża huwa parti integrali mill-format uniformi tal-viża. Dan jiġi inkluż sabiex il-viża individwali maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiż terz minn wieħed mill-Istati Membri tkun tista’ tiġi identifikata. In-numru jiġi stampat fuq l-istiker matul il-proċess ta' produzzjoni qabel il-personalizzazzjoni sabiex jiġu identifikati dokumenti vojta mitlufa jew misruqa. Iservi wkoll biex jiġu reġistrati l-istikers tal-viża bil-għan tal-kontroll ta' l-istokkijiet tal-viża u tal-viżi li jinħarġu. Attwalment in-numerar tal-viżi huwa parzjalment stabbilit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi tal-viżi[1] u parzjalment fl-ispeċifiċitajiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni[2]. Dan jikkonsisti fin-numru tal-viża, preċedut mill-ittra/i ta’ l-Istat Membru li joħroġha kif definit fin-numru 3 ta’ l-anness tar-Regolament. Attwalment l-ittra/i tirreferi/jirreferu għall-kodiċi tal-pajjiż li jintuża għall-pjanċi tal-karozzi. L-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) stabbiliet standards, għal dokumenti ta’ l-ivjaġġar li jinqraw minn makkinarju u partikolarment lista ta’ kodiċi ta’ pajjiżi. B'konformità ma' l-istandards ta' l-ICAO, l-ewwel linja ta’ l-ispazju li jinqara minn makkinarju trid tinkludi l-kodiċi tal-pajjiż ta’ l-ICAO, magħmul minn 3 ittri, ta’ l-Istat li joħroġ il-viża filwaqt li t-tieni linja jkun fiha n-numru tal-viża (b'disgħa karattri li jistgħu jiġu stampati fiha). Il-format uniformi għall-viżi għandu jkun jinqara minn makkinarju u b'hekk konformi ma' l-ICAO, sabiex jitħaffef il-proċess ta' kontroll fil-fruntiera. Billi n-numru tal-viża fit-tieni linja ta’ l-ispazju li jinqara mill-makkinarju huwa limitat għal 9 karattri, fil-passat inħolqu xi problemi b’rabta man-numerar kurrenti tal-viżi. L-ewwelnett, l-Istati Membri interpretaw in-numerar b’mod differenti (xi wħud użaw aktar minn 9 karattri li ma kinux joqogħdu fl-ispazju li jinqara mill-makkinarju, li għalhekk imtela biss b'mod parzjali), li ssodisfa r-rekwiżiti tal-proċess tal-produzzjoni ta’ l-istiker tal-viża tagħhom stess, imma ma kienx konformi bis-sħiħ kemm mar-Regolament (KE) Nru 1683/95 u l-ispeċifiċitajiet ta’ l-ICAO. Konsegwentement il-viża ma kinitx tinqara mill-makkinarju u kellha tiddaħħal manwalment fis-sistema u f'ċerti każi anqas biss setgħet tiġi rkuprata. It-tieninett, l-għażla kurrenti tal-kliem ta’ l-ispeċifiċitajiet tekniċi għall-format uniformi tal-viżi ma kienx jalloka biżżejjed spazju għall-karattri tan-numri tas-serje ta’ l-istiker tal-viża għal dawk il-pajjiżi li joħorġu għadd kbir ta' viżi. Barra minn hekk, żviluppat ċerta inkoerenza billi l-kodiċi tal-pajjiż użat fl-ispazju li tinqara mill-makkinarju tikkorrispondi għall-kodiċi ta’ l-ICAO u l-kodiċi tal-pajjiż użati fin-numru ta’ l-istiker tal-viża kienu konformi mas-sistema tal-pjanċi tal-karozzi. S’issa dawn id-differenzi ma kinux daqstant importanti ladarba l-viża tiġi ċċekkjata biss b’mod viżwali fil-fruntiera jew verifikata billi jinqara l-ispazju li jinqara mill-makkinarju. Meta s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) tidħol fis-seħħ, fil-prinċipju, il-verifika fil-postijiet fejn tinqasam il-fruntiera esterna se ssir permezz tan-numru ta’ l-istiker tal-viża flimkien mal-marki tas-swaba’ tad-detentur. Il-VIS se tirkupra l-fajl ta' l-applikazzjoni relevanti għal din il-viża bin-numru ta’ l-istiker tal-viża u wara tivverifika jekk il-marki tas-swaba’ tal-persuni li tippreżenta l-viża fil-fruntiera jaqblux ma’ dawk imdaħħla mill-uffiċċju konsolari fil-fajl ta' l-applikazzjoni. Fil-maġġoranza tal-każi, it-talba lill-VIS se tiddaħħal billi jinqara l-ispazju tal-viża li jinqara mill-makkinarju. Għalhekk il-VIS għandha tibbaża fuq numru tal-viża uniku, li jkun numru koerenti stampat fuq l-istiker tal-viża u fl-ispazju li jinqara mill-makkinarju. B’riżultat ta' dan, hija meħtieġa bidla fin-numerar kurrenti tal-viża biex ikun hemm numru ta' l-istiker tal-viża uniku li jevita li matul il-proċess tal-verifika jiġu rkuprati diversi rekords ta' viżi minflok il-fajl ta' l-applikazzjoni rilevanti. Fl-istess ħin, jidher li jkun xieraq jekk jinbidlu l-kodiċi tal-pajjiżi ta’ l-ICAO għan-numru ta’ l-istiker tal-viża biex dawn jikkonverġu mas-sistema ta’ l-ICAO. Fir-rigward tal-kodiċi tal-pajjiż fix-xbiha inviżibbli, fil-prinċipju jkun aktar koerenti jekk din tinbidel ukoll. Madankollu, billi l-kodiċi tal-pajjiż fix-xbiha inviżibbli tinsab stampata b'mod inċiż, ikun meħtieġ li jinbidlu l-pjanċi ta’ l-istampar, li hija operazzjoni għolja. Il-bdil tax-xbiha inviżibbli mhix waħda urġenti u m'għandhiex x'taqsam man-numerar. Għandha tiġi adattata fi stadju aktar tard meta jitħejjew emendi oħra għar-Regolament (KE) Nru 1683/95 biex issa jiġu evitati l-ispejjeż għolja. |

Kuntest ġenerali L-introduzzjoni tal-VIS bħala sistema għall-iskambju tad-data dwar il-viżi tirrapreżenta waħda mill-inizjattivi ewlenin fil-politiki ta’ l-UE bil-għan li tiġi stabbilita żona ta’ libertà u sigurtà. Il-VIS għandha ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni tal-viża, il-kooperazzjoni konsulari u l-konsultazzjoni bejn awtoritajiet ċentrali dwar il-viżi sabiex tiffaċilita l-proċedura ta’ applikazzjoni għall-viża, tevita theddid 'visa shopping', sabiex tiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi u l-kontrolli f'postijiet fejn jinqasmu f-fruntieri esterni u fit-territorju ta' l-Istati Membri, biex tassisti fl-identifikazzjoni u r-ritorn ta' immigranti illegali u biex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-“Regolament Dublin II” (KE) Nru 343/2003[3] u għall-prevenzjoni tar-riskji għas-sigurtà interna ta' kwalunkwe Stat Membru. F’dan il-kuntest huwa essenzjali li l-gwardjani tal-fruntiera li jiċċekkjaw il-VIS jistgħu jużaw numru ta’ l-istiker tal-viża uniku biex isibu r-rekord li jkun se jitqabbel mal-marki tas-swaba' tal-persuna li jippreżenta/tippreżenta ruħu/ruħha fil-fruntiera. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Billi l-għażla kurrenti tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi tal-viżi u l-ispeċifiċitajiet tekniċi addizzjonali hija insuffiċjenti għal numerar konsistenti u uniku ta' l-istiker tal-viża li għandu jintuża fil-VIS, hija meħtieġa bidla fil-mod li l-istikers tal-viża jiġu numerati qabel ma l-VIS jidħol fis-seħħ. |

L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin li ġew ikkonsultati L-esperti ta’ l-Istati Membri u dawk tal-VIS ġew ikkonsultati sabiex tinstab sistema tajba għan-numerar koerenti ta’ l-istiker tal-viża. |

Valutazzjoni ta’ l-impatt Fil-każ li n-numerar tal-viża jinżamm fis-sitwazzjoni kurrenti, il-verifiki bijometriċi ma jiffunzjonawx b'mod affidabbli fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża. Għalhekk jeħtieġ li jew jiġu infurzati l-istandard eżistenti għan-numer tal-viża, u t-trasferiment uniformi fl-Ispazju li Jinqara mill-Makkinarju (MRZ), jew li tiġi identifikata soluzzjoni oħra alternattiva. L-istandard kurrenti ma ntgħoġobx minħabba li ma jallokax biżżejjed spazju għall-karattri. Il-Kumitat tekniku stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 evalwa diversi għażliet. Għażla 1 L-Istati Membri kollha jiżguraw li għandhom numri ta’ l-istiker tal-viża b’9 karattri, li jibda bil-kodiċi tal-pajjiż kif previst attwalment fl-ispeċifiċitajiet tekniċi, u li dawn jiġu stampati b’mod identiku fit-tieni linja tal-MRZ. Għażla 2 Tiġi introdotta sistema ġdida b’9 karattri, iżda l-prefissi kurrenti jiġu ssostitwiti mal-kodiċi (ISO) rikonoxxuti ta’ l-ICAO, li huma magħmula minn 3 tliet ittri (ħlief għall-Ġermanja li tuża biss l-ittra "D"). Barra minn hekk, jistgħu jintużaw 6 karattri. Dan jistgħu jikkonsistu f’ittri u numri li jagħtu massimu ta’ 2.176.782.335 numru serjali. Għażla 3 L-MRZ jiġi stampat fit-tieni linja tan-numru ta' l-istiker tal-viża, iżda mingħajr il-kodiċi tal-pajjiż. B’hekk il-pajjiż li joħroġ il-viża jkun jista’ jiġi identifikat mill-ewwel linja ta’ l-MRZ. Din l-għażla tagħti l-possibbiltà ta’ 999.999.999.999 numru serjali. Fir-rokna ta' fuq tal-lemin, ma jkun jidher l-ebda kodiċi ta' pajjiż billi din l-informazzjoni tingħata mill-ispazju li jinqara mill-makkinarju. L-esperti qiesu li dawn l-għażliet kollha ma jkunux xierqa u laħqu ftehim dwar is-soluzzjoni li jisseparaw il-kodiċi tal-pajjiż min-numru tal-viża. In-numru tal-viża, li jikkonsisti minn disa' numri, se jkun stampat fil-kaxxa 5 ta’ l-istiker tal-viża (fir-rokna ta' fuq tal-lemin). Sabiex jiġu identifikati viżi vojta u jinħoloq numru uniku, il-kodiċi tal-pajjiż, adattat għall-kodiċi ta' l-ICAO użat fl-ispazju li jinqara mill-makkinarju, se jiġi stampat fil-parti stampata fl-isfond eżatt taħt in-numru (kaxxa ġdida 5a). L-impatt tas-soluzzjoni identifikata mhuwiex biss li jkun jista' jinħoloq numru ta' l-istiker tal-viża uniku, iżda wkoll li jkunu jistgħu jiġu inklużi spazji għal karattri addizzjonali, u b'hekk jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ dawk l-Istati Membri li joħorġu għadd kbir ta' viżi. L-Istati Membri jeħtieġu jagħmlu bidliet fil-proċessi ta' stampar tagħhom u jqassmu l-istikers tal-viża l-ġodda lill-Konsulati qabel id-dħul fis-seħħ tal-VIS. Ladarba l-VIZ tibda tiffunzjona, l-Istati Membri se jkollhom l-għażla li jqabbdu kull Konsultat mas-sistema jew, għallinqas, jimxu ma' skeda ta' dħul fis-seħħ fuq bażi reġjonali. Dawk li ma jibdewx jużaw il-VIS f’postijiet qabel l-iskeda ta’ dħul fis-seħħ se jkunu jistgħu jużaw stokkijiet ta' viżi antiki f'dawk ir-reġjuni. Jekk le, l-istokkijiet mhux użati għandhom jinqerdu b’mod sikur. Biex din il-proposta tiġi implimentata, l-ispeċifiċitajiet tekniċi għandhom jiġu modifikati b'mod konformi ladarba l-proposta preżenti tiġi adottata billi huwa importanti li jsir dan it-tibdil fuq il-format uniformi. |

2. ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

Taqsira ta' l-azzjoni proposta In-numerar ta’ l-istiker tal-viża, li jiġi stampat matul il-proċess ta’ produzzjoni, għandu jiġi adattat għar-rekwiżiti l-ġodda tal-VIS u l-bażi ġuridika tagħha. In-numru ta’ l-istiker tal-viża fis-sistema għandu jkun uniku sabiex ikun jista' jiġi identifikat il-fajl korrett ta' l-applikazzjoni li miegħu jitqabblu l-marki tas-swaba’ matul il-verifika. |

Bażi ġuridika Artikolu 62 2. (b) (iii) TKE B’rabta mal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, jitqies li huma jistgħu jipparteċipaw f'din il-miżura. Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 bażiku kien imsejjes fuq l-Artikolu 100c preċedenti tat-Trattat tal-KE. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amesterdam, dan la nbidel u lanqas gie sostitwit kif kien ġara bir-Regolament (KE) Nru 539/2001, li kien abbozzat mill-ġdid taħt bażi ġuridika ġdida. B’konsegwenza ta’ dan qed issir is-suppożizzjoni li r-Renju Unit u l-Irlanda għadhom jipparteċipaw f’miżuri li ġew adottati taħt l-ewwel pilastru anke qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam. Għal din ir-raġuni ma żdied l-ebda inċiż. |

Prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-istess riżultat b’azzjoni tagħhom stess, għalhekk hija meħtieġa azzjoni Komunitarja. |

Għażla ta’ strumenti |

Strument propost: Modifika tar-Regolament (KE) Nru 1683/95. |

3. IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT |

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta |

Artikolu 1

L-Artikolu 1 jiġbor fih il-bidliet kollha neċessarji li jeħtieġu jsiru fl-Anness dwar il-bidla mistennija tan-numerar serjali fuq l-istiker tal-viża.

L-aħħar żewġ bidliet (fil-paragrafu 5. u 6.) jirrigwardaw il-bidliet introdotti bir-Regolament (KE) Nru 334/2002[4]. L-Anness ma ġiex adattat dak iż-żmien, minħabba li f’dak l-istadju l-Istati Membri kienu għadhom ma pproduċewx l-istiker il-ġdida tal-viża u għalhekk ma kien hemm l-ebda mudell disponibbli. Għal din ir-raġuni, l-Anness tar-Regolament baqa’ ma nbidilx. Issa għandu jikkonforma mal-mudell il-ġdid li jinsab fl-anness. Billi l-element ta’ sigurtà msemmi fil-Punt 1 (“sinjal magħmul minn disa’ ellissi”) ġie sostitwit mir-ritratt fil-viża l-ġdida, b’hekk it-test ta’ Punt 1, ġie sostitwit mit-test ta’ Punt 2a filwaqt li Punt 2a jeħtieġ jitħassar.

Artikolu 2

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-qafas ta' implimentazzjoni.

Huwa mbassar li l-VIS se tkun imħejjija għall-operazzjonijiet f'Mejju ta' l-2009 u se tibda tiffunzjona ladarba l-Istati Membri jikkonfermaw li jkunu għamlu l-arranġamenti meħtieġa. Huwa tassew importanti li l-Istati Membri jużaw l-istikers tal-viża man-numerar il-ġdid mill-ewwel malli l-VIS tibda tiffunzjona, għallinqas fl-ewwel pajjiżi fejn qed tiġi introdotta; l-istikers tal-viża “il-qodma” jistgħu jintużaw f’reġjuni oħra li għad m’għandhom l-ebda rabta mal-VIS, il-qafas ta’ implimentazzjoni huwa ffissat għall-1 ta' Mejju 2009, minkejja li l-istokkijiet ta' l-istikers tal-viża jistgħu jintużaw f'reġjuni li għad m'għandhom l-ebda rabta mal-VIS. Wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tipproċedi kemm jista' jkun malajr bl-iffissar ta' l-ispeċifitajiet tekniċi meħtieġa biex id-deċiżjoni tkun tista’ tittieħed f’waqtha. L-ispeċifitajiet tekniċi se jikkonverġu mal-format uniformi kif mitlub billi l-kodiċi tal-pajjiż jitqiegħed fi spazju direttament taħt in-numru tal-viża nazzjonali (ara l-anness).

2008/0074 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża fir-rigward tan-numerar tal-viża

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62 (2) (b) (iii) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[5],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[6],

Billi:

(1) Il-qafas legali kurrenti previst fir-Regolament (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju ta’ l-1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża[7] u l-ispeċifiċitajiet tekniċi addizzjonali, adottati mill-Kummissjoni fis-07.02.1996 u s-27.12.2000[8] ma jippermettux tiftix affidabbli fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża stabbilita taħt ir-Regolament (KE) Nru [ ] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-[ ] dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal żjajjar qosra (Regolament tal-VIS)[9].

(2) Is-sistema ta’ numerar li attwalment qed tintuża ma tippermettix, b’mod partikolari, li għadd suffiċjenti ta’ karattri jkunu indikati fuq il-viżi maħruġa minn Stati Membri b'għadd kbir ta' applikazzjonijiet.

(3) Għalhekk sistema tan-numerar ta’ l-istiker tal-viża kemm konsistenti kif ukoll unika hija essenzjali għall-verifika fil-VIS.

(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 għandu jiġi emendat f’dan ir-rigward.

(5) Fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta' l- acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l- acquis ta' Schengen[10], li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[11].

(6) Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta' Schengen, li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/849/KE[12] u 2004/860/KE[13].

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 huwa hawnhekk emendat kif gej:

1) Qed jinżied il-paragrafu 3 li ġej fl-Artikolu 2:

“3. Skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6 (2), jista’ jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u ma jiġux ippubblikati. F’dak il-każ, dawn ghandhom ikunu disponibbli biss għall-entitajiet maħtura mill-Istati Membri bħala l-korpi responsabbli għall-istampar u għal dawk il-persuni awtorizzati mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni. ”

2) Qed jitħassar il-paragrafu 1 mill-Artikolu 3.

3) L-Aness jiġi sostitwit mill-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju 2009. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-istokkijiet li fadlilhom fl-uffiċji konsolari li m’għandhom l-ebda rabta mas-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Għandu jiddaħħal dan il-mudell li ġej:

[pic]

Karatteristiċi ta' sigurtà

1. Ritratt integrat meħud b’konformità ma’ l-ogħla standards ta’ sigurtà.

2. Marka li hija ottikament varjabbli (‘kinegram’ jew l-ekwivalenti tagħha) għandha tidher f'dan l-ispazju. Skond l-angolu mnejn wieħed iħares lejha, 12-il stilla, l-ittra 'E' u globu jsiru viżibbli f'daqsijiet u lwien diversi.

3. Il- logo li jkun jikkonsisti f'ittra jew f'diversi ittri li jindikaw il-ħruġ mill-Istati Membri (jew 'BNL' fil-każ ta' pajjiżi Benelux, jiġifieri il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Olanda) b'effett ta' xbiha inviżibbli għandu jidher f'dan l-ispazju. Dan il- logo għandu jidher ċar meta mqiegħed ċatt u jidher skur meta mdawwar b'90°. Għandhom jintużaw il- logos li ġejjin: A għall-Awstrija, BG għall-Bulgarija, BNL għall-Benelux, CY għal Ċipru, CZE għar-Repubblika Ċeka, D għall-Ġermanja, DK għad-Danimarka, E għal Spanja, EST għall-Estonja, F għal Franza, FIN għall-Finlandja, GR għall-Greċja, H għall-Ungerija, I għall-Italja, IRL għall-Irlanda, LT għall-Litwanja, LVA għal-Latvja, M għal Malta, P għall-Portugall, ROU għar-Rumanija, S għall-Iżvejza, SK għas-Slovakkja, SVN għas-Slovenja, UK għar-Renju Unit.

4. Il-kelma 'viża' b'ittri kapitali għandha tidher fin-nofs ta' dan l-ispazju b'kuluri li jkanġu. Skond l-angolu mnejn wieħed iħares lejha, għandha tidher ħadra jew ħamra.

5. Din il-kaxxa għandha jkollha n-numru nazzjonali b’9 karattri ta’ l-istiker tal-viża, li għandha tkun stampata minn qabel. Għandha tintuża tipa speċjali.

5a. Din il-kaxxa se jkollha l-kodiċi tal-pajjiż bi tliet karattri kif stabbilit fid-Dokument ta' l-ICAO 9303 dwar id-Dokument ta' l-Ivjaġġar li Jinqraw minn Makkinarju[14], li jindika l-Istat Membru li joħroġ il-viża.

In-“numru ta’ l-istiker tal-viża” huwa l-kodiċi tal-pajjiż bi tliet karattri kif jidher fil-kaxxa 5a u n-numru nazzjonali kif imsemmi fil-kaxxa 5.

Taqsimiet li għandhom jimtlew

6. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'valida għal'. L-awtorità li toħroġha għandha tindika t-territorju jew territorji li għalihom il-viża hi valida.

7. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma 'minn' u l-kelma 'sa' għandha tidher aktar ’il quddiem fuq il-linja. L-awtorità tal-ħruġ għandha tindika hawn iż-żmien ta' validità tal-viża.

8. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem it-'tip ta' viża'. L-awtorità tal-ħruġ għandha tindika l-kategorija tal-viża b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 u 7 ta' dan ir-Regolament. Aktar ’il fuq l-istess linja il-kliem 'għadd ta’ dħul', 'dewmien taż-żjara' (jiġifieri kemm l-applikant bi ħsiebu jdum) u għandha tidher ukoll 'jiem'.

9. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'maħruġa fi' u għandha tintuża biex tindika l-post minn fejn inħarġet.

10. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma 'fi' (li ħdejha għandha timtela d-data tal-ħruġ mill-awtorità li toħroġha) u aktar 'il quddiem fil-linja l-kliem 'numru tal-passaport' għandu jidher (li ħdejh għandu jidher in-numru tal-passaport tad-detentur).

11. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'Isem, Kunjom'.

12. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'kummenti'. Din għandha tintuża mill-awtorità tal-ħruġ sabiex tindika kull informazzjoni ulterjuri li titqies neċessarja, sakemm tkun konformi ma' Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament. Iż-żewġ linji u nofs li jiġu wara għandhom jitħallew vojta għal kummenti bħal dawn.

13. Din il-kaxxa għandu jkun fiha informazzjoni f'forma li tista' tinqara minn makkinarju għall-iffaċilitar tal-kontrolli fil-fruntieri esterni. L-ispazju li jinqara mill-makkinarju għandu jkun fih test stampat fl-ipprintjar fl-isfond, li jindika l-Istat Membru li joħroġ id-dokument. It-test m’għandux jaffettwa l-fatturi tekniċi ta' l-ispazju li jinqara mill-makkinarju jew il-kapaċità li jkun jista' jinqara.

Il-karta għandha tkun ta' lewn naturali ċar b'marki ħomor u blu.

Il-kliem li jindika l-kaxxi għandu jidher bl-Ingliż u bil-Franċiż. L-Istat li joħroġ il-viża jista' jżid lingwa uffiċjali tal-Komunità terza. Madankollu, il-kelma 'viża' fil-linja ta' fuqnett tista' tidher b'kull lingwa uffiċjali tal-Komunità.

[1] ĠU L 164, 14.07.1995, p. 1-4.

[2] Id-Deċiżjoni 2/96 tas-07.02.1996 u d-Deċiżjoni COM(2000) 4332 tas-27.12.2000, mhix ippubblikata

[3] ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1-10.

[4] ĠU L 53, 23.2.2002, p. 7-8.

[5] ĠU C […], […], p. […].

[6] ĠU C […], […], p. […].

[7] ĠU L 164, 14.07.1995, p. 1-4; Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 334/2002 (ĠU L 53, 23.2.2002, p.7

[8] Id-Deċiżjoni 2/96 tas-07/02/1996 u d-Deċiżjoni COM (2000) 4332 tas-27.12.2000, mhix ippubblikata

[9] ĠU L (għadu mhux adottat formalment)

[10] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[11] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31

[12] ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26-27.

[13] ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78-79

[14] Bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja: Id-dokument ta’ l-ICAO 9303 dwar dokumenti ta’ l-ivjaġġar li jinqraw minn makkinarju jipprevedi li l-kodiċi tal-pajjiż tal-Ġermanja jkun "D".