52008PC0172

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eliġibilità tal-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali skond id-deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità {SEC(2008) 417} /* KUMM/2008/0172 finali - CNS 2008/0067 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.4.2008

KUMM(2008) 172 finali

2008/0067 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eliġibilità tal-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità

{SEC(2008) 417}

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta |

110 | Raġunijiet għal u għanijiet tal-proposta L-iskop ta' din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tiġi stabbilita l-eliġibilità ta' ħames pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali, jiġifieri l-Każakstan, il-Kirigistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan, għall-finanzjament tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment ("EIB") b'garanzija Komunitarja skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE. Skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE, l-attivazzjoni tal-mandat ta' l-EIB f'dawn il-pajjiżi għandha tiġi deċiża mill-Kunsill fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni. |

120 | Kuntest ġenerali Fil-laqgħa tiegħu tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija ta' l-UE għal sħubija ġdida ma' l-Ażja Ċentrali ("l-Istrateġija"). L-Istrateġija sservi bħala qafas globali għar-relazzjonijiet ta' l-UE ma' l-Ażja Ċentrali, inklużi l-oqsma li ġejjin ta' relevanza partikolari għall-finanzjament ta' l-EIB: id-drittijiet tal-bniedem, tmexxija tajba u d-demokrazija, l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment, l-enerġija, it-trasport u l-politiki ambjentali. L-Istrateġija tibni fuq il-progress li sar mill-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali mindu kisbu l-indipendenza u fuq ir-riżultati miksuba bl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija, Kummerċ u Kooperazzjoni varji. L-Istrateġija, ibbażata fuq l-interessi komuni ta' l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun, tiddefinixxi l-prijoritajiet ta' l-UE għall-kooperazzjoni tagħha mar-reġjun sħiħ, iżda bl-implimentazzjoni maħsuba għar-rekwiżiti u r-rendimenti speċifiċi ta' kull pajjiż ta' l-Ażja Ċentrali. Partikolarment, sabiex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali, l-Istrateġija tgħid li: "L-interazzjoni ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali se tissaħħaħ, inkluż mal-Bank Dinji u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD). Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB) għandu jkollu rwol importanti fil-finanzjament ta' proġetti ta' interess għall-UE fl-Ażja Ċentrali." Mill-indipendenza 'l hawn, il-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali tal-Każakstan, il-Kirigistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan esperjenzaw evoluzzjoni sostanzjali kemm f'termini politiċi kif ukoll ekonomiċi. Huma saru stati, issalvagwardjaw il-qbil bejn l-etniċitajiet differenti u l-komunikazzjoni bejn ir-reliġjonijiet. Meta ssieħbu ma' l-OSCE, huma ħadu fuqhom il-valuri, l-istandards u l-impenji ta' l-organizzazzjoni. Meta ffirmaw id-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti, huma stipulaw għalihom infushom miri ambizzjużi għall-iżvilupp sostenibbli, li huma riflessi fid-Dokumenti ta' l-Istrateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar jew strateġiji nazzjonali simili oħra għat-titjib tal-benessri tal-popolazzjonijiet tagħhom. Fil-qafas ta' l-Istrateġija, l-UE ħadet fuqha l-impenn li tistabbilixxi ma' kull wieħed mill-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali "djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem" regolari u orjentat lejn ir-riżultati. L-UE għandha Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni individwali ("PCAs" - Partnership and Cooperation Agreements) ma' dawn il-ħames pajjiżi kollha ta' l-Ażja Ċentrali, għalkemm il-ftehimiet mal-Każakstan, il-Kirigistan u l-Użbekistan biss huma fis-seħħ. Il-PCAs mat-Taġikistan u t-Turkmenistan għadhom ma ġewx ratifikati mill-Istati Membri kollha ta' l-UE. Dawn il-ftehimiet, minkejja li ġew konklużi fuq bażi bilaterali, jipprovdu qafas reġjonali komuni għall-kooperazzjoni ta' l-UE mal-ħames pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali kollha. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tispeċifika li l-attività ta' l-EIB fl-Ażja Ċentrali għandha tiffoka fuq proġetti ewlenin tal-provvista ta' l-enerġija u tat-trasport ta' l-enerġija b'implikazzjonijiet transkonfinali. L-Ażja Ċentrali, bir-riżorsi sostanzjali tagħha ta' idrokarburi u l-pożizzjoni ġeografika favorevoli għar-rotot tat-trasport lejn is-swieq Ewropej, għandha l-potenzjal li jkollha rwol importanti fl-iżgurar tal-provvisti ta' l-enerġija ta' l-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet makro-ekonomiċi li jippredominaw fil-pajjiżi koperti minn din il-proposta għandhom jippermettulhom aċċess għall-finanzjament mill-EIB, f'kundizzjonijiet speċifiċi għal xi wħud minn dawn il-pajjiżi. Tabilħaqq, l-ekonomiji ta' l-Ażja Ċentrali wrew tkabbir b'rata tassew mgħaġġla fl-aħħar snin. Dan it-tkabbir qawwi fil-PGD, minn fost l-iktar qawwija fid-dinja, appoġġat minn politiki makro-ekonomiċi prudenti u, għall-ifqar pajjiżi tar-reġjun (il-Kirigistan u t-Taġikistan), b'aċċess għal għajnuna finanzjarja konċessjonali kbira minn kredituri u donaturi multilaterali u bilaterali, wassal għat-tisħiħ tal-finanzi esterni u għat-titjib tas-sostenibilità tad-dejn fir-reġjun. Il-progress fit-tnaqqis tad-dejn u l-bini ta' riservi uffiċjali poġġa lir-reġjun f'pożizzjoni aħjar biex jassorbi l-iskossi u jindirizza l-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp. Iżda s-sitwazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-ħames pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali huma differenti ħafna. Il-Każakstan, ekonomija ġdida bi dħul medju u esportatur importanti tar-riżorsi naturali (primarjament l-idrokarburi), jattira ħafna investiment barrani dirett u għandu aċċess għal swieq kapitali internazzjonali. Il-qagħda finanzjarja tat-Turkmenistan, il-produttur u l-esportatur ewlieni l-ieħor ta' l-idrokarburi, tinsab komda wkoll. Iżda filwaqt li t-tliet pajjiżi l-oħra tar-reġjun huma ferm ifqar u għandhom ħafna inqas riżorsi għall-esportazzjoni (l-Użbekistan għandu potenzjal kbir, iżda għad jonqsu jiżviluppa aktar), dawn ukoll għamlu progress sostanzjali fit-tisħiħ tal-qagħda finanzjarja tagħhom. Madankollu, il-qagħda finanzjarja esterna tal-Kirigistan u t-Taġikistan għadha fraġli u tista' teħżien sostanzjalment jekk iż-żewġ pajjiżi jiddejnu iktar fuq termini mhux konċessjonali. Għalhekk, il-Kirigistan u t-Taġikistan għandhom jingħataw biss aċċess għal finanzjament ta' l-EIB fil-kuntest tal-pakketti ta' finanzjament b'element sostanzjali ta' għotjiet. L-attività ta' l-EIB f'dawn il-pajjiżi taqa' fl-ambitu tal-Memorandum ta' Ftehim bejn tliet partijiet iffirmat fil-15 ta' Diċembru 2006 bejn il-Kummissjoni, l-EIB u l-EBRD, fir-rigward tal-kooperazzjoni ma' l-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkażu tan-Nofsinhar fir-Russja u fl-Ażja Ċentrali. Għalhekk, l-attività ta' l-EIB f'dawn il-pajjiżi se tkun koerenti ma' l-attivitajiet ta' l-EBRD fir-reġjun. Barra minn hekk, ġie ffirmat Memorandum ta' Ftehim bejn bosta partijiet li jkopri l-kooperazzjoni fil-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali fit-13 ta' Lulju 2007 bejn il-Kummissjoni, l-EIB, l-EBRD, il-Bank tal-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-Baħar l-Iswed, il-Kunsill tal-Bank Ewropew ta' l-Iżvilupp, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Korporazzjoni Internazzjonali tal-Finanzi u l-Bank Nordiku ta' l-Investiment. Jingħata aktar tagħrif dwar l-iżviluppi ekonomiċi fil-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali f'Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff (SEC (2008) xxx). |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Kif imsemmi fuq, il-proposta tindirizza l-eliġibilità ta' pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE. |

140 | Konsistenza mal-politiki u ma’ għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Il-proposta ssegwi r-rikjesta tal-Kunsill Ewropew li l-EIB għandu jkun attiv fl-Ażja Ċentrali. L-attività ta' l-EIB se tikkomplementa l-għajnuna l-oħra mogħtija mill-Kummissjoni bl-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (DCI). Barra minn hekk, il-ħames repubbliki ta' l-Ażja Ċentrali tal-Każakstan, il-Kirigistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan huma mistiedna wkoll jieħdu sehem fl-inizjattivi u l-programmi reġjonali ta' l-Istrumenti tal-Viċinat u Sħubija Ewropej bl-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażja Ċentrali. Fis-27 ta' April 2007, il-Kummissjoni adottat id-Dokument dwar l-Istrateġija Reġjonali għall-Għajnuna lill-Ażja Ċentrali għall-2007-2013 u l-Programm Indikattiv għall-2007-2013 bid-DCI. L-istrateġija ta' għajnuna reġjonali hija maħsuba bħala għodda biex tappoġġa t-tisħiħ tad-djalogu politiku mal-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali fil-livelli reġjonali u nazzjonali. Fil-livell reġjonali, hija tiffoka fuq it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-UE, ir-reġjun u l-pajjiżi tal-Viċinat ta' l-UE permezz ta' netwerks ta' trasport, enerġija u komunikazzjoni, u, fil-livell nazzjonali, fuq il-governanza (ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-ġudikatura) kif ukoll fuq it-tnaqqis tal-faqar fl-ifqar pajjiżi (il-Kirigistan u t-Taġikistan). Partikolarment biex jiġu żgurati l-aħjar impatt u s-sinerġija, il-prijoritajiet għall-azzjonijiet reġjonali speċifiċi ta' l-Ażja Ċentrali fl-oqsma ta' l-enerġija, it-trasport u l-ambjent huma allinjati ma' dawk tal-programmi reġjonali relevanti ta' l-ENPI u jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-KE permezz tal-Programm Reġjonali tal-Lvant ta' l-ENPI (fuq il-bażi ta' l-Artikolu 27 tar-Regolament ENPI). B'riflessjoni ta' l-impenn ikbar min-naħa ta' l-UE lejn ir-reġjun, il-baġit tal-KE għall-għajnuna lill-Ażja Ċentrali se jiżdied sostanzjalment fil-qafas Finanzjarju l-ġdid ta' l-2007-2013 għal total ta' EUR 750 miljun (prezzijiet kostanti), u l-allokazzjoni medja annwali lir-reġjun tad-DCI se tikber minn EUR 58 miljun fl-2007 għal EUR 139 miljun fl-2013. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrevedu regolarment il-progress fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija u biex jibagħtu rapport dwar il-progress lill-Kunsill Ewropew sa nofs l-2008. |

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni ta’ l-impatt |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

211 | Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu L-EIB u l-EBRD ġew ikkonsultati fil-qafas ta' laqgħa tal-Kumitat ta' Tmexxija mwaqqaf mill-Memorandum ta' Ftehim bejn tliet partijiet iffirmat fil-15 ta' Diċembru 2006 bejn il-Kummissjoni, l-EIB u l-EBRD, fir-rigward tal-kooperazzjoni ma' l-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkażu tan-Nofsinhar fir-Russja u fl-Ażja Ċentrali. |

212 | Ġabra fil-qosor tat-tweġibiet u kif tqiesu L-EIB u l-EBRD ma qajmux oġġezzjonijiet għall-attivazzjoni tal-mandat ta' l-EIB fl-Ażja Ċentrali. |

Ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

221 | Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna. |

230 | Stima ta’ l-impatt L-attivazzjoni tal-mandat ta' l-EIB għall-ħames pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali se ssir fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE. Mhux se jkun hemm modifika tal-limiti għall-Operazzjonijiet ta' Finanzjament ta' l-EIB. Is-sublimitu indikattiv għall-Ażja għadu ta’ EUR 1 biljun. Alternattiva li tqieset kienet li ma tiġix proposta l-attivazzjoni tal-mandat ta' l-EIB għall-ħames pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali. Madankollu, din ma tqisitx alternattiva xierqa fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew li l-EIB għandu jkollu rwol importanti fil-finanzjament ta' proġetti ta' interess għall-UE fl-Ażja Ċentrali. |

3. Elementi ġuridiċi tal-proposta |

305 | Sommarju ta’ l-azzjoni proposta L-iskop ta' din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tiġi stabbilita l-eliġibilità ta' ħames pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali, jiġifieri l-Każakstan, il-Kirigistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan, għall-finanzjament mill-EIB skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE. |

310 | Bażi ġuridika Kif previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE, il-proposta leġiżattiva se tkun ibbażata fuq l-Artikolu 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Wieħed għandu jinnota li l-Parlament Ewropew sfida l-għażla tal-bażi ġuridika għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE f'azzjoni għall-annullament quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Każ C-155/07), bl-argument li d-Deċiżjoni hija strument tal-politika ta' l-iżvilupp li kellha tiġi adottata fuq il-bażi ġuridika doppja ta' l-Artikoli 179 u 181a KE, u mhux biss fuq il-bażi ta' l-Artikolu 181a. Madankollu, il-Parlament talab lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja – jekk din tagħżel li tiddeċiedi favur annullament – biex iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida. Fuq dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tippreżenta din il-proposta leġiżlattiva fuq il-bażi ta' l-Artikolu 181a tat-Trattat, f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE. |

329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

331 | Il-proposta tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' dispożizzjoni f'Deċiżjoni eżistenti tal-Kunsill. |

332 | Il-proposta ma timponi ebda piż finanzjarju u amministrattiv addizzjonali fuq il-Komunità u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

341 | Strument propost: oħrajn. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Deċiżjoni tal-Kunsill hija rikjesta skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE. |

4. Implikazzjonijiet baġitarji |

401 | Il-proposta m'għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità. |

5. Informazzjoni addizzjonali |

Klawżola ta’ analiżi/reviżjoni/estinzjoni |

531 | Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tinkludi klawżola ta' analiżi. |

532 | Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tinkludi klawżola ta' reviżjoni. |

533 | Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tinkludi klawżola ta' estinzjoni. |

2008/0067 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eliġibilità tal-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 181a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità[3], għall-pajjiżi elenkati fl-Anness 1 u mmarkati b'asterisk ("*") u għal oħrajn li mhux elenkati fl-Anness 1, l-eliġibilità tat-tali pajjiż għal finanzjament mill-EIB taħt il-garanzija Komunitarja għandha tiġi deċiża mill-Kunsill skond il-każ u f'konformità mal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 181a (2) tat-Trattat.

(2) L-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE jinkludi l-ħames pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali, jiġifieri l-Każakstan, il-Kirigistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan, fost il-pajjiżi mmarkati b'asterisk ("*").

(3) Fl-Istrateġija ta' l-UE għal sħubija ġdida ma' l-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007, huwa enfasizzat li l-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB) għandu jkollu rwol importanti fil-finanzjament ta' proġetti ta' interess għall-UE fl-Ażja Ċentrali.

(4) Fl-aħħar snin il-kundizzjonijiet makro-ekonomiċi li jippredominaw fil-pajjiżi ta' l-Ażja Ċentrali, u b'mod partikolari l-qagħda tal-finanzi esterni u s-sostenibilità tad-dejn, tjiebu b'riżultat tat-tkabbir ekonomiku qawwi u politiki makro-ekonomiċi għaqlija, u għalhekk għandhom jingħataw aċċess għal finanzjament mill-EIB.

(5) Billi l-qagħda finanzjarja esterna tal-Kirigistan u t-Taġikistan għadha fraġli, dawn iż-żewġ pajjiżi għandu jingħatalhom biss kuntratti ta' dejn addizzjonali fuq termini konċessjonali. Għalhekk, il-finanzjament ta' l-EIB lill-Kirigistan u t-Taġikistan għandu jingħata biss fil-kuntest ta' pakketti ta' finanzjament b'element sostanzjali ta' għotjiet.

(6) Il-finanzjament ta' l-EIB fl-Ażja Ċentrali għandu jsir f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), partikolarment skond it-termini stipulati fil-Memorandum ta' Ftehim bejn tliet partijiet iffirmat fil-15 ta' Diċembru 2006 bejn il-Kummissjoni, l-EIB u l-EBRD, fir-rigward tal-kooperazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkażu tan-Nofsinhar, fir-Russja u l-Ażja Ċentrali.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Każakstan, il-Kirigistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan huma eliġibbli għal finanzjament mill-EIB b'garanzija Komunitarja skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C , p.

[2] ĠU C , p.

[3] ĠU L 414/95, 19.12.2006