52008PC0142

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħwawar u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, ir-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 u d-Direttiva 2000/13/KE /* KUMM/2008/0142 finali - COD 2006/0147 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 11.3.2008

COM(2008) 142 finali

2006/0147 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skond it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħwawar u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 u d-Direttiva 2000/13/KE

2006/0147 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skond it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħwawar u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 u d-Direttiva 2000/13/KE

KUNTEST

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2006) 427 finali – 2006/0147 COD): | 28 ta’ Lulju 2006 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 10 ta’ Lulju 2007 |

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: | 24 ta’ Ottubru 2007 |

Data tal-ftehim politiku mill-Kunsill | 17 ta’ Diċembru 2007 |

Data ta’ l-adozzjoni formali tal-pożizzjoni komuni mill-Kunsill | 10 ta’ Marzu 2008 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 25 ta’ April 2007 |

L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Ir-Regolament propost għandu l-għan li jieħu post id-Direttiva attwali tal-Kunsill 88/388/KEE biex jitqiesu żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi fil-qasam tal-ħwawar u l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni dwar l-ikel fil-Komunità Ewropea.

L-għanijiet ewlenin huma:

( li jiġi ċċarat l-ambitu tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħwawar;

( li tiġi modernizzata u adattata l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ħwawar skond l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi;

( li jiġu stabbiliti regoli ċari għal valutazzjoni u awtorizzazzjoni;

( li l-konsumatur jiġi mgħarraf aħjar dwar l-użu tal-ħwawar naturali;

( li jkun hemm adattament għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar kontrolli uffiċjali għall-ikel u l-għalf.

KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

Kumment ġenerali

Il-Kummissjoni tappoġġa l-pożizzjoni komuni kif adottata mill-Kunsill b’unanimità. Din hija konformi ma’ l-għanijiet u l-approċċ meħuda fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni u tirrifletti l-prinċipji ta’ l-emendi diversi proposti mill-Parlament Ewropew.

Ir-riżultat ta’ l-emendi tal-Parlament fl-ewwel qari

Emendi magħmula mill-Parlament, aċċettati mill-Kummissjoni u li huma konformi mal-pożizzjoni komuni.

Il-pożizzjoni komuni tirrifletti l-ispirtu ta’ 17 mill-21 emenda li ġew aċċettati fis-sħiħ, parzjalment, fil-prinċipju jew suġġetti għal tibdil fl-abbozz mill-Kummissjoni. Bosta minn dawn l-emendi jikkjarifikaw aktar it-test.

Fir-rigward tal- kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-ħwawar, il-pożizzjoni komuni tiċċarra xi jfisser it-tqarriq tal-konsumatur (il-premesssa 6) li tindirizza uħud mill-konsiderazzjonijiet ta’ l-emenda 1 tal-PE.

L-emenda 29 hija dwar it- tikkettar ta’ ħwawar naturali . Mill-anqas 95 % tal-komponent tat-tħawwir irid jinkiseb mis-sors imsemmi. Din il-bidla tikkorrispondi aħjar għal stenniji tal-konsumatur u se jkollha impatt limitat fuq prassi attwali.

L-emendi 12, 24, 34 u 35 jintroduċu l- proċedura regolatorja bi skrutinju dwar miżuri li jemendaw elementi mhux essenzjali tar-regolament billi jissupplimentawh. Jeżisti ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dawn l-emendi; madankollu, il-Kunsill u l-Kummissjoni introduċew l-għażla għal proċedura ta’ urġenza.

Emendi li saru mill-Parlament Ewropew u li ġew aċċettati mill-Kummissjoni iżda mhux imdaħħla fil-pożizzjoni komuni.

Erba’ emendi li ġew aċċettati mill-Kummissjoni ma ddaħħlux fil-pożizzjoni komuni.

L-emendi 27 u 28 huma rigward aktar kjarifika fit-tikkettar tal-ħwawar li jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 .

L-emenda 7 hija dwar il-kitba mill-ġdid ta’ l-Artikolu 1 dwar is-suġġett. Fl-emenda l-Parlament jipproponi li l- livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa jitpoġġa qabel it-tħaddim effettiv tas-suq intern, minħabba li l-kuntrarju jista' jagħti l-impressjoni li l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem hija sekondarja għat-tħaddim tas-suq intern.

L-emenda 15 hija dwar it- tifsira ta’ “proċess fiżiku xieraq” għall-produzzjoni ta’ sustanzi ta’ tħawwir naturali jew preparazzjonijiet ta’ tħawwir. Fl-emenda l-Parlament irid li jevita li proċessi ta’ preparazzjoni tradizzjonali jistgħu jitqiesu bħala proċessi fiżiċi li mhumiex xierqa. Il-Kummissjoni aċċettat din l-emenda, minħabba li tikkjarifika l-qagħda u fil-każ ta’ dubju, tista’ tiġi adottata deċiżjoni tal-komitoloġija.

Punti ta’ devjazzjoni bejn il-proposta modifikata tal-Kummissjoni u l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill.

Bl-eċċezzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi 7, 15, 27 u 28 (ara hawn fuq), ma hemm l-ebda devjazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill.

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dispożizzjonijiet ġodda introdotti mill-Kunsill

Ġew introdotti bosta dispożizzjonijiet ġodda mill-Kunsill. Il-biċċa l-kbira tagħhom għandhom l-għan li jikkjarifikaw aktar it-test jew huma konformi ma’ l-għan ġenerali tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ għalhekk taċċetta dawn il-bidliet.

Il-premessa 5a (ġdida) tikkjarifika t-tifsira ta’ “ikel nej” u “ikel mhux kompost” li għalihom ir-Regolament propost ma japplikax.

Il-premessa 8a (ġdida) tiġġustifika l- approċċ imsejjes fuq ir-riskju għall-istabbiliment ta’ livelli massimi ta’ sustanzi ta’ tħassib tossikoloġiku, imsemmija fl-Artikolu 5, li jistgħu jkunu preżenti fi ħwawar. B’żieda ma’ dan tenfasizza fuq ir-responsabbiltajiet tal-produtturi fir-rigward ta’ dawn is-sustanzi.

L-Artikolu 1 jikkjarifika l-prinċipju diġà inkluż fil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002) li r-regoli dwar il-ħwawar iqisu, fejn xieraq, il-ħarsien ta’ l- ambjent . Din il-bidla żżomm ukoll il-konsistenza mar-Regolament propost dwar l-addittivi ta’ l-ikel u l-enzimi ta’ l-ikel u l-emendi rilevanti tal-PE tal-proposta dwar l-addittivi ta’ l-ikel.

L-Artikolu 3 (2) c iżid mat- tifsira ta’ sustanzi ta’ taħwir naturali li dawn jikkorrispondu ma’ sustanzi li huma naturalment preżenti u ġew identifikati fin-natura tagħhom. Dan biex ikun evitat li xi sustanzi ta’ tħawwir li mhumiex preżenti fil-materjali ta’ oriġini veġetali jew mill-annimali, iżda li jinkisbu mill-proċessi enżimatiċi artifiċjali, jitqiesu bħala naturali.

Fl-Artikolu 3 (3) il-Pożizzjoni Komuni tgħalaq it- tifsira ta’ materjali ta’ sors meqjusa bħala ikel għall-produzzjoni ta’ ħwawar, kif propost mill-Kummissjoni, billi żżid li t-tifsira hija valida biss għall-għan ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 4a (ġdid) jikkjarifika li ħwawar u/jew prodotti ta’ l-ikel li fihom jintużaw il-ħwawar ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq, sakemm it-tħawwir jew l-użu tiegħu ma jkunx konformi mar-Regolament propost.

L-Artikolu 7 (2), l-Artikolu 18 (4) u l-Artikolu 19 introduċew l-għażla għal proċedura ta’ urġenza fil-proċedura regolatorja bi skrutinju.

Għal raġunijiet ta’ kjarifika d-deċiżjonijiet ta' interpretazzjoni tmexxew mill-Artikoli 2 u 3 għal artikolu separat u ġdid, l-Artikolu 11.

L-Artikoli 12, 13 u 15 (ġodda), jikkjarifikaw aħjar ir-rekwiżiti ta’ tikkettar u allinjament mal-proposti dwar addittivi ta’ l-ikel u enzimi ta’ l-ikel.

L-Artikolu 14 (4) huwa dwar it- tikkettar ta’ ħwawar naturali . Il-massimu ta’ 5 % tal-komponent ta’ tħawwir maħruġ minn materjali ta’ sors oħrajn ma għandhomx jipproduċu mill-ġdid it-togħma tal-materjal ta’ sors imsemmi.

Fl-Anness III l-Parti A, l-aloina u l-kumarin jibqgħu inklużi fil-lista ta’ sustanzi li ma għandhomx jiżdiedu ma’ ikel, kif diġà stabbilit fil-leġiżlazzjoni attwali. Il-kunsiderazzjoni xjentifika dwar il-karċinoġeniċità potenzjali ta’ l-aloina għandha għaddejja u hemm it-tħassib li l-espożizzjoni għall-kumarin permezz ta’ l-użu ta’ ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ tħawwir (kannella) jista’ jkun diġà għoli.

L-Anness III, il-Parti B:

- Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, ġie kkjarifikat fit-titolu li l-livelli massimi ma għandhomx japplikaw għal ikel kompost li tħejja u ġie kkonsumat fl-istess sit (ristoranti) , li ma fihom l-ebda ħwawar miżjuda u li fihom biss ħaxix aromatiku u ħwawar bħala ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ tħawwir.

- Ġew introdotti livelli massimi għal kumarin f’ċerti kategoriji ta’ ikel.

- Il- livell massimu għal teucrine A f'xorb alkoħoliku żdied minn 2 għal 5 mg/kg f’xarbiet spiritużi b’togħma morra u likuri b’togħma morra. Din il-bidla ġiet introdotta b’talba mill-Italja li kienet imħassba dwar xi xarbiet tradizzjonali lokali fl-Italja li kieku ma setgħux jinżammu aktar fis-suq. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta din iż-żieda, minħabba li dawn ix-xarbiet spiritużi jkollhom impatt limitat fuq l-espożizzjoni totali għal teucrine A.

Problemi ewlenin li ħarġu waqt l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni

Id-Direttiva 88/388/KEE tistipula livelli massimi għal kumarin fi prodotti ta’ l-ikel. Il-Kummissjoni ma żammitx livelli massimi għal kumarin fir-Regolament ġdid propost, minħabba li fl-opinjoni tagħha dwar il-kumarin tas-6 ta’ Ottubru 2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkonkludiet li t-teħid tas-sustanza ma kienx ta’ tħassib meta mqabbel mal-Limitu Tollerat tal-Konsum ta’ Kuljum. Data analitika ġdida mill-Ġermanja turi li l-livelli attwali f’ċerti prodotti ta’ l-ikel li jiżdiedilhom il-kannella, huma wisq ogħla mil-livelli massimi attwali u li l-Limitu Tollerat tal-Konsum ta' Kuljum (TDI) wisq probabbli kien se jinqabeż. Għalhekk il-Ġermanja talbet li l-livelli massimi jiġu introdotti mill-ġdid.

L-Istati Membri qablu ma’ din l-introduzzjoni mill-ġdid. Madankollu kien hemm tħassib kbir dwar prodotti tradizzjonali li fihom il-kannella li setgħu jiġu affettwati minn livelli stretti ħafna. Il-Kummissjoni organizzat żewġ laqgħat tekniċi ma’ esperti u partijiet interessati mill-Istati Membri u, wara dawn il-konsultazzjonijiet, ġew identifikati livelli massimi possibbli.

Barra minn hekk, minn meta ġiet adottata l-opinjoni ta’ l-EFSA f’Ottubru 2004, tagħrif xjentifiku addizzjonali li sar disponibbli jissuġġerixxi li t-TDI għandu jiġi rivedut. Il-Kummissjoni għalhekk talbet lill-EFSA biex tevalwa dan it-tagħrif. Il-konklużjonijiet ta’ l-evalwazzjoni addizzjonali ta’ l-EFSA huma mistennija f’Mejju 2008. Il-Kunsill sadanittant adotta livelli massimi li se jerġgħu jiġu kkunsidrati fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet u għalhekk tħejjiet stqarrija konġunta mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

KONKLUŻJONIJIET / OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-pożizzjoni komuni tirrifletti għal kollox l-elementi ewlenin tal-proposta inizjali tagħha u l-ispirtu ta’ ħafna mill-emendi tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari.

Il-Kummissjoni għalhekk tappoġġa l-pożizzjoni komuni kif adottata mill-Kunsill b’unanimità.

STQARRIJA

Wara d-diskussjoni dwar il-kumarin (ara 3.4) l-istqarrija konġunta li ġejja ġiet annessa mal-Pożizzjoni Komuni:

Il-Kunsill u l-Kummissjoni qed jintrabtu li jikkunsidraw il-livelli massimi għal kumarin stipulati fl-Anness III B hekk kif il-parir (mistenni fl-ewwel nofs ta’ l-2008) ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikun disponibbli.

Għal dan il-għan, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tlaqqa’ laqgħa ta’ esperti mingħajr dewmien wara li toħroġ l-opinjoni ta’ l-Awtorità biex jiġu eżaminati l-aspetti tekniċi.