52008PC0137

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva Nru 2004/49/KE fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità /* KUMM/2008/0137 finali - COD 2006/0272 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 7.3.2008

COM(2008) 137 finali

2006/0272 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva Nru 2004/49/KE fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità

2006/0272 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva Nru 2004/49/KE fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità

L-ISFOND

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2006)784 finali - 2006/0272 COD): | 13.12.2006 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 11.07.2007 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 29.11.2007 |

Data ta’ l-adozzjoni b'unanimità tal-pożizzjoni komuni: | 03.03.2008 |

L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Fit-13 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat sensiela ta’ miżuri bil-għan li jappoġġaw it-tiġdid tas-settur tal-ferroviji billi jitneħħa x-xkiel għaċ-ċirkolazzjoni tat-trenijiet fin-netwerk ferrovjarju Ewropew.

Il-Kummissjoni niedet din l-inizjattiva għal żewġ raġunijiet ewlenin:

- biex tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tat-trenijiet fl-Unjoni Ewropea billi l-proċedura għad-dħul fis-servizz tal-lokomotivi tagħmilha aktar trasparenti u effikaċi;

- biex tissemplifika l-ambitu regolatorju billi ssaħħaħ u tgħaqqad id-Direttiva dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja.

Waħda minn dawn il-miżuri hija l-emendar tad-Direttiva 2004/49/KE fuq is-sikurezza ferrovjarja. Fit-tfassil ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni kellha tliet għanijiet:

- l-introduzzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' l-awtorizzazzjonijiet għad-dħul fis-servizz diġà maħruġin minn Stat Membru. Skond dan il-prinċipju, il-vetturi ferrovjarji li d-dħul fis-servizz tagħhom diġà jkun ġie awtorizzat fi Stat Membru mhumiex se jeħtieġu ċertifikazzjoni addizzjonali fi Stat Membru ieħor, għajr fejn jidħlu r-rekwiżiti nazzjonali supplimentari li joħorġu, per eżempju, mill-karatteristiċi partikolari tan-netwerk lokali;

- it-twessigħ tal-kompetenzi ta' l-Aġenzija sabiex tkun tista’ telenka d-diversi proċeduri nazzjonali u regoli tekniċi eżistenti, u tfassal u taġġorna l-lista tar-rekwiżiti li għandhom jiġu vverifikati darba biss, sew għax għandhom x'jaqsmu ma’ regoli rikonoxxuti internazzjonalment, kif ukoll għax jistgħu jitqiesu bħala ewkivalenti.

- l-iċċarar tar-relazzjonijiet bejn l-impriża ferrovjarja u l-entità responsabbli għall-manutenzjoni. Fil-fatt, id-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni l-ġdida dwar it-trasport ferrovjarju internazzjonali (COTIF 1999) ġab miegħu regoli ġodda fil-qasam tal-kuntratti ta’ l-użu tal-vetturi. Għaldaqstant, huwa propost li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ sid ta’ vetturi, u li tiġi speċifikata r-relazzjoni bejn is-sidien tal-vetturi u bejn l-impriżi ferrovjarji, fuq kollox fil-qasam tal-manutenzjoni.

KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

It-tliet istituzzjonijiet għamlu ħilithom biex jiffaċilitaw ftehim bikri fuq dan is-suġġett fl-ewwel qari. Madankollu, dan ma kienx possibbli minħabba l-eżiġenzi tal-Parlament Ewropew, partikolarment rigward id-definizzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi ferrovjajri u s-sidien tal-vetturi fil-qasam tal-manutenzjoni.

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, adottata bl-unanimità, mhijiex ta’ ħsara għall-miri essenzjali jew għall-istrateġija bażika tal-proposta tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill diġà tinkludi parti mill-emendi adottati mill-Parlament Ewropew, u tiżgura l-koerenza meħtieġa għar-riformulazzjoni tad-Direttivi dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja (il-proposta COM(2006)783 finali – 2006/273 (COD)), li fuqha ntlaħaq ftehim fl-ewwel qari. B'mod partikolari, ġie miftiehem li l-kontenut ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-sikurezza ferrovjarja (flimkien ma’ l-Artikolu ġdid 14a) jitmexxa għad-Direttiva l-ġdida dwar l-interoperabbiltà, bil-għan li jinġabru f'att wieħed il-proċeduri kollha marbutin mad-dħul fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji.

KUMMEN TI DETTALJATI TAL-KUMMISSJONI

Emendi tal-PE aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati bis-sħiħ jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

L-emendi 2, 9, 19, 20, 24, 25, 26 u 27, li jiċċaraw, jippreċiżaw jew jikkompletaw il-proposta tal-Kummissjoni.

L-emendi 1, 10, 11, 12, 13, 15 u 23, iżda jeħtieġ li jiġu adattati għat-terminoloġija standard mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni.

L- emenda 8: ir-referenza għar-reġistru NVR ( National Vehicle Register ) hija konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-NVR tad-9 ta’ Novembru 2007[1]. Madankollu, din id-definizzjoni ġiet emendata mill-Kunsill fil-pożizzjoni komuni tiegħu biex tiġi koerenti ma’ l-Artikolu l-ġdid dwar il-manutenzjoni tal-vetturi.

Fir-rigward ta' l- emenda 18, l-ewwel paragrafu m'għadux meħtieġ, għax ġie miftiehem li l-kontenut ta’ l-Artikolu 14 jitmexxa għad-Direttiva l-ġdida dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja.

Emendi tal-Parlament Ewropew irrifjutati mill-Kummissjoni u mhux inkorporati fl-intier tagħhom jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

L- emenda 3 , għax ir-rabta bejn id-Direttiva dwar l-interoperabbiltà u d-Direttiva 89/391/KEE (dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, u l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi biex jimminimizzaw ir-riskji tat-trasport ferrovjarju għall-impjegati) diġà tissemma fil-premessa 14 tad-Direttiva attwalment fis-seħħ.

L- emendi 4, 5, 6 u 7 , għax ma jkunx xieraq li tiġi emendata d-definizzjoni oriġinali ta’ "regoli nazzjonali tas-sikurezza" stipulata fid-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sikurezza ferrovjarja, li għadha kemm ġiet trasposta mill-Istati Membri kollha. Din id-definizzjoni qatt ma ġiet ikkontestata mill-partijiet involuti. Fis-sustanza, ir-regoli nazzjonali tas-sikurezza ma jikkonċernawx l-eżiġenzi kollha essenzjali tad-Direttivi dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja. Per eżempju, uħud mir-regoli nazzjonali tas-sikurezza jikkonċernaw l-ambjent.

Fir-rigward ta’ l- emenda 14 , l-għanijiet komuni tas-sikurezza (CSOs) u l-proċedura biex dawn jiġu adottati ġew miftiehma fl-2004. Il-ħidmiet imxew 'il quddiem sew, u ma jkunx xieraq li jinbidlu l-ipoteżijiet f'nofs ix-xogħol. Min-naħa l-oħra, analiżi ta’ l-ispejjeż u l-benefiċċji diġà hija pprovduta fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva oriġinali.

L- emendi 16 u 17 , li jirreferu għal livell għoli ta’ sikurezza, u li għalihom formulazzjoni aktar koerenti mal-bqija tad-Direttiva diġà tniżżlet fil-qafas tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill.

L- emenda 22 , dwar il-possibbiltà li jintalab parir tekniku mill-Aġenzija tal-Ferroviji fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet ta’ sikurezza min-naħa ta’ l-awtorità tas-sikurezza, għax dan imur lil hinn mill-għanijiet stipulati fil-proposta tal-Kummissjoni.

Emendi tal-PE aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati fl-intier tagħhom jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

L- emenda 21 , li l-Kummissjoni kienet aċċettat fil-prinċipju. Madankollu, it-test tal-pożizzjoni komuni jissejjes fuq il-kunċett ta’ "l-entità responsabbli għall-manutenzjoni", li issa jifform parti mill-qafas regolatorju l-ġdid tal-Komunità (jinsab imfisser fl-STI dwar il-"vetturi"[2], u fid-Deċiżjoni dwar ir-reġistru NVR imsemmi aktar ’il fuq). Barra minn hekk, in-natura obbligatorja jew voluntarja tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni tad-detenturi ma għandhiex tkun iffissata fid-Direttiva, iżda wara l-valutazzjoni ta’ l-impatt li għandha ssir mill-Aġenzija.

KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni komuni adottata b’unamimità fit-3 ta' Marzu 2008 tikkontribwixxi għall-għanijiet essenzjali u għall-istrateġija bażika tal-proposta tagħha, u għaldaqstant tista’ tappoġġaha.

[1] ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30.

[2] ĠU L 344, 8.12.2006, p. 1.