52008PC0136

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji /* KUMM/2008/0136 finali - COD 2006/0274 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 7.3.2008

COM(2008) 136 finali

2006/0274 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji

2006/0274 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji

L-ISFOND

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2006)785 finali - 2006/0274 COD): | 13.12.2006 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 11.07.2007 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 29.11.2007 |

Data ta’ l-adozzjoni b'unanimità tal-pożizzjoni komuni: | 03.03.2008 |

L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Fit-13 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea adottat sensiela ta’ miżuri bil-għan li jappoġġaw it-tiġdid tas-settur tal-ferroviji billi jitneħħa x-xkiel għaċ-ċirkolazzjoni tat-trenijiet fin-netwerk ferrovjarju Ewropew.

Il-Kummissjoni niedet din l-inizjattiva għal żewġ raġunijiet ewlenin:

- biex tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tat-trenijiet fl-Unjoni Ewropea billi l-proċedura għad-dħul fis-servizz tal-lokomotivi tagħmilha aktar trasparenti u effikaċi;

- biex tissemplifika l-ambitu regolatorju billi ssaħħaħ u tgħaqqad id-Direttiva dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja.

Waħda minn dawn il-miżuri hija l-emendar tar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji, sabiex jiddaħħlu fih kompiti ġodda bil-għan li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tat-trenijiet. B’mod speċjali:

- it-tfassil ta’ dokument ta’ riferenza li jippermetti li tiġi stabbilita l-korrispondenza bejn ir-regoli nazzjonali kollha applikati mill-Istati Membri fil-qasam tad-dħul fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji;

- l-organizzazzjoni tax-xogħlijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fuq in-netwerk sabiex jitnaqqas gradwalment l-għadd tar-regoli nazzjonali imposti minn kull Stat, u sabiex jiġu identifikati dawk ir-regoli li jistgħu jitqiesu bħala ewkivalenti;

- l-għoti ta’ pariri tekniċi fuq talba ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jew fuq talba tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ dan l-emendar tar-Regolament, deher xieraq li jiġu determinati għadd ta’ kompiti abbażi ta’ l-esperjenza miksuba wara t-twaqqif ta’ l-Aġenzija, partikolarment fejn tidħol l-implimentazzjoni tas- Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u r-reġistri tal-vetturi ferrovjarji.

KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

It-tliet istituzzjonijiet għamlu ħilithom biex jiffaċilitaw ftehim bikri fuq dan is-suġġett fl-ewwel qari. Madankollu, dan ma kienx possibbli minħabba l-esiġenzi tal-Parlament Ewropew, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol li għandha tiżvolġi l-Aġenzija fir-rigward ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza. Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, adottata bl-unanimità, mhijiex ta’ ħsara għall-miri essenzjali jew għall-istrateġija bażika tal-proposta tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill diġà tinkludi parti mill-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, u tiżgura l-koerenza meħtieġa mar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja (il-proposta COM(2006)783 finali – 2006/273 (COD)), li fuqha ntlaħaq ftehim fl-ewwel qari.

KUMMENTI DETTALJATI TAL-KUMMISSJONI

Emendi tal-PE aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati bis-sħiħ jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

L- emenda 2 sħiħa, għajr il-paragrafu ta’ qabel l-aħħar, għax huwa f'idejn l-Aġenżija u l-grupp li ħidma (li għad għandu jitwaqqaf) li jorganizzaw xogħolhom skond l-importanza ta’ parametri varji.

L- emenda 3 , għad li jkun jaqbel aktar li ma tiġix stipulata data fissa, iżda d-data tkun marbuta mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

L- emenda 7 , li taqbel mal-ftehim fl-ewwel qari rigward il-proposta ta’ riformulazzjoni tad-Direttivi dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja.

Fir-rigward ta’ l- emenda 9 , il-prinċipju ta’ l-estensjoni tal-kuntratti ta’ l-aġenti temporanji ingaġġati mill-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji jippermetti li tiġi garantita l-kontinwità tas-servizz, iżda dan il-prinċipju għandu jgħodd biss għall-ewwel għaxar snin ta’ attività ta' l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji, minħabba li wara l-2010 l-biċċa l-kbira tal-kuntratti attwali jkunu skadew. Fil-fatt, wara l-2010, l-iskadenzi tal-kuntratti se jkunu mqassma fuq firxa ta’ żmien, b'mod li tiġi ffaċilitata kontinwità aħjar tas-servizz.

Emendi tal-Parlament Ewropew irrifjutati mill-Kummissjoni u mhux inkorporati fl-intier tagħhom jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni

L- emenda 1 tikkomprometti l-possibbiltà li l-Direttur Eżekuttiv joħloq kull grupp ta’ ħidma li jqis meħtieġ għall-qadi tal-missjoni tiegħu. Dan jifforma parti mill-kompetenzi ġenerali tiegħu deskritti fl-Artikolu 30 tar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija.

Fir-rigward ta' l- emenda 4 , ta’ min wieħed jinnota li, fin-negozjati li wasslu għall-ftehim fl-ewwel qari rigward il-proposta ta’ riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja, it-tliet istituzzjonijiet qablu fuq emenda li tipprovdi li l-Kummissjoni tħejji rapport dwar il-forom possibbli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Aġenzija. Għaldaqstant, qabel ma tinqabad it-triq ta’ l-emenda 4, jaqbel li din il-kwistjoni tiġi studjata aktar fil-fond.

L- emenda 5: għadu kmieni biex l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji tintalab li tipprovdi opinjoni teknika dwar deċiżjoni negattiva meħuda mill-awtorità tas-sikurezza fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikat jew awtorizzazzjoni ta’ sikurezza (ir-rimedji pprovduti fil-verżjoni attwali tad-Direttiva ma jidhrux insuffiċjenti jew problematiċi). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu l-ġdid 21a pprovdut fit-test tal-pożizzjoni komuni jippermetti li jiġu ċċarati l-kompiti differenti ta’ l-Aġenzija f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol ta’ l-Aġenzija fil-qafas tal-proġetti ta’ l-ERTMS. L- emenda 8 hija marbuta wkoll ma’ dan l-aħħar punt.

L- emenda 6 , għax l-Artikolu 16a għandu jkun koerenti mad-dispożizzjonijiet li se jiġu adottati fl-emendar tad-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (il-proposta COM(2006)784 finali – 2006/272 (COD)). Jeħtieġ li dan l-Artikolu jkun konformi ma’ l-istrateġija l-ġdida fil-qasam ta’ l-armonizzazzjoni teknika u l-ivverifikar tal-konformità, kif ukoll mal-ħidma reċenti ta’ l-Aġenzija f'dak li jirrigwarda s-Sistema ta' l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà (SMS). Barra minn hekk, il-valutazzjoni ta’ l-impatt li għandha ssir mill-Aġenzija ma għandhiex tiġi b'xi mod influwenzata minn qabel, u lanqas ma għandu jiġi stipulat fil-leġiżlazzjoni mudell kummerċjali li għandu mnejn jevolvi maż-żmien.

KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni komuni adottata bl-unamimità fit-3 ta' Marzu 2008 tikkontribwixxi għall-għanijiet essenzjali u għall-istrateġija bażika tal-proposta tagħha, u għaldaqstant tista’ tappoġġaha.