52008PC0134

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur /* KUMM/2008/0134 finali - COD 2008/0055 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.3.2008

KUMM(2008) 134 finali

2008/0055 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-proposta

Minħabba tħassib dwar l-okkorrenza ta’ spiss wisq ta’ rimi operattiv illegali ta’ sustanzi li jniġġżu minn vapuri li jkunu qed ibaħħru, u wara każi kbar ta’ tixrid ta’ żejt aċċidentali, fl-2003 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva, ibbażata fuq l-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, “dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet, inklużi sanzjonijiet kriminali, għal reati ta’ tniġġiż” u proposta għal Deċiżjoni Kwadru, ibbażata fuq l-Artikoli 29, 31 u 34(2)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea “għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti”. Il-proposta għal Direttiva kienet tipprovdi li t-tniġġiż ikkawżat minn vapuri għandu jitqies bħala reat, soġġett għal piena kriminali. Il-proposta għal Deċiżjoni Kwadru prinċipalment kellha l-għan li tapprossimizza l-livelli tal-pieni kriminali.

B’dawn iż-żewġ miżuri, il-Kummissjoni pproponiet li d-dispożizzjonijiet dwar in-natura (kriminali) u t-tip (ta’ kustodja jew finanzjarju) ta’ pieni għandhom jidhru fl-istrument Komunitarju u d-dispożizzjonijiet dwar il-livelli tal-pieni kriminali fl-istrument intergovernattiv. Fi żmien in-negozjati dwar il-proposti, il-qasma bejn l-ewwel u t-tielet pilastru għal kwistjonijiet ta’ liġi kriminali kienet kwistjoni kontroversjali bejn l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea. Eventwalment, fl-2005, iż-żewġ strumenti kienu adottati skond il-linji li ġejjin:

Id-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur tinkludi definizzjoni preċiża tal-ksur flimkien mar-regola li se “ikun suġġett għal penali effettivi, proporzjonati u disważivi, li jistgħu jinkludu penali kriminali jew amministrattivi”. Id-dispożizzjonijiet dwar in-natura, it-tip jew il-livelli tal-pieni kriminali kienu inklużi fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI parallela.

Wara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005 (kawża C-176/03) fejn il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) iddeċidiet li f’ċerti kundizzjonijiet, il-leġiżlatur Komunitarju, jista’ jipprovdi għal miżuri relatati mal-liġi kriminali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ kawża għall-annullament tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI, għaliex fil-fehma tagħha d-Deċiżjoni Kwadru ġiet adottata fuq il-bażi legali żbaljata (kawża C-440/05).

Fit-23 ta’Ottubru 2007, l-ECJ annullat id-Deċiżjoni Kwadru, billi ddeċidiet li l-artikoli tagħha dwar id-definizzjoni tar-reat u tan-natura tal-pieni (l-Artikoli 2, 3 u 5) setgħu ġew adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE u li d-Deċiżjoni Kwadru għalhekk kisret l-Artikolu 47 tat-Trattat UE billi indaħlet fis-setgħat tal-Komunità.

Wara l-annullament tad-Deċiżjoni Kwadru mill-ECJ fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-vojt legali li jikkonċerna metodu armonizzat rigward il-pieni possibbli fil-ġlieda kontra t-tniġġiż marittimu jeħtieġ li jimtela bid-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi legali korretta, jiġifieri l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE.

L-għan ta’ l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ pieni huwa li jiġu indirizzati l-każi rari ta’ tniġġiż, fejn l-imġiba ta’ l-operatur titqies bħala intollerabbli u trid tiġi kkastigata b’pieni kriminali. L-operaturi ta’ kwalità se jibbenfikaw minn din is-sistema, li se tagħmilha possibbli li effettivament tinżamm responsabbli l-minoranza żgħira li bħalissa qed tħammeġ l-immaġni ta’ l-industrija tal-vapuri.

Il-miżuri proposti huma meħtieġa sabiex ikun żgurat li r-regoli Komunitarji dwar is-sikurezza marittima se jkunu effettivi bis-sħiħ għar-raġunijiet li ġejjin:

- Meta jadottaw id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/667/ĠAI, l-Istati Membri unanimament qablu li t-tniġġiż ikkawżat mill-vapuri imwettaq b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja għandu jitqies bħala reat. Wara l-annullament tad-Deċiżjoni Kwadru mill-ECJ, il-Kummissjoni qed tipproponi li d-direttiva tiġi adattata mingħajr ma titbiddel is-sustanza, billi fid-direttiva tiġi inkorporata d-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru li ssemmiet aktar ’il fuq u b’hekk l-implimentazzjoni ssir aktar effettiva (minħabba r-rwol ta’ l-ECJ biex ikunu żgurati konformità u interpretazzjoni uniformi ta’ l-atti deċiżi taħt l-ewwel pilastru).

- Is-sistema tal-pieni, hekk kif inhi fid-Direttiva 2005/35/KE, timplimenta biss parzjalment il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġiż minn Vapuri (MARPOL). Sabiex ikun żgurat li l-pieni jkunu “adekwati fis-severità hekk li jiskorraġġixxu” lin-niġġieża potenzjali, kif inhu pprovdut fl-Artikolu 4(4) tal-MARPOL, l-effett deterrenti tas-sistema ta’ pieni jrid jissaħħaħ billi jintbagħat sinjal qawwi, b’effett ferm aktar dissważiv, lit-trasgressuri potenzjali[1]. Barra minn hekk, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tista’ tkun essenzjali u aktar b’saħħitha minn azzjoni amministrattiva.

- Ċerti Stati Membri, partikolarment dawk li jagħmluha ta’ Stati kostali, dan l-aħħar saħħew is-sistema ta’ pieni kriminali tagħhom. Il-viġilanza tagħhom mil-lat tal-prevenzjoni u s-severità tal-pieni imposti mill-qrati kriminali, flimkien mal-pubbliċità mogħtija lil dawn il-każi għenu sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti n-numru ta’ rimi illegali. Sabiex ikunu evitati mkejjen sikuri għal dawk li jwettqu reati fi ħdan il-Komunità Ewropea, hija ta’ l-akbar importanza li l-istess metodu jiġi adottat mill-Istati Membri kollha, kemm jekk qed jagħmluha ta’ Stat tal-bandiera, ta’ Stat portwali u/jew ta’ Stat kostali.

Il-kuntest ġenerali

Ir-reati ambjentali jħasseb bil-bosta lill-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew fTampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999 talab biex isiru sforzi ħalli jkunu adottati definizzjonijiet komuni ta’ reati u ta’ pieni, fejn l-attenzjoni tkun iffokata fuq numru limitat ta’ setturi speċjalment importanti, bħar-reat ambjentali. Wara li għereq it-tanker Prestige f’Novembru 2002, il-Kunsill Ewropew f’Kophenħagen tat-12 u tat-13 ta’ Diċembru 2002 iddikjara d-determinazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tipprekludi aktar diżastri. Il-Kunsill laqa’ partikolarment l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tqis il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi ġodda, inklużi miżuri relatati mar-responsabbiltà u mal-pieni korrispondenti. Il-laqgħa tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni adottat dikjarazzjoni fejn il-Kunsill impenja ruħu li jqis il-miżuri komplementari kollha sabiex l-ambjent, b’mod partikolari l-ibħra, jitħares mit-tniġġiż permezz tal-liġi kriminali.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Il-proposta tibni fuq id-Direttiva 2005/35/KE u tapproprja l-kontenut sostantiv tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI annullata.

Il-konsistenza ma’ politiki u ma’ għanjiet oħrajn ta’ l-Unjoni

Id-Direttiva proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ġiet abbozzata skond il-prinċipji dwar il-ġustizzja stabbiliti fil-Kapitolu VI tal-Karta u tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni fil-politiki Komunitarji ta’ livell għoli ta’ ħarsien ambjentali skond il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, kif ġie stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-Karta.

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

F’dan il-każ ma tqiesx li kien hemm għalfejn issir konsultazzjoni mal-partijiet interessati, peress li din il-proposta tinkorpora eżattament dispożizzjonijiet li diġà ġew adottati b’mod unanimu mill-Kunsill fid-Deċiżjoni Kwadru annullata. Barra minn hekk, mindu l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI fit-23 ta’ Ottubru 2005, kien hemm vojt legali li jikkonċerna metodu armonizzat rigward il-pieni possibbli fil-ġlieda kontra t-tniġġiż marittimu li jeħtieġ li jimtela mill-aktar fis possibbli.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal kompetenza esterna.

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

Ma tqiesx li kien hemm għalfejn issir valutazzjoni ta’ l-impatt, minħabba li din il-proposta titrasferixxi fid-dritt Komunitarju biss dispożizzjonijiet li diġà ġew adottati unanimament mill-Kunsill fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI annullata.

L -ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

Id-direttiva proposta tiddefinixxi bħala kriminali l-ksur diġà stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35/KE.

L-inċitament jew l-għajnuna u l-inkoraġġiment ta’ attivitajiet ta’ din ix-xorta għandu jitqies ukoll bħala reat.

Ir-reat għandu jkun jista’ jiġi kkastigat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għal persuni naturali għandhom ikunu ta’ natura krminali. Għal persuni legali, għandhom jiġu applikati pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi wkoll, jekk jitqies li kienu responsabbli skond din id-Direttiva.

Il-bażi legali

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma relatati mat-trasport marittimu. Konsegwentement, il-bażi legali magħżula hija l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE.

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin:

It-tniġġiż marittimu tipikament iwassal għal dannu b’dimensjonijiet transkonfinali. Għalhekk, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkollhom l-istess fehim ta’ liema ksur minħabba tniġġiż marittimu jikkostitwixxi reat, u li dan għandu jiġu indirizzat b’pieni kriminali, għall-inqas għar-reati kriminali mwettqa minn persuni naturali. Metodi nazzjonali diverġenti f’dan ir-rigward ifixklu kooperazzjoni ġudizzjarja effiċjenti u jippermettu li dawk li jwettqu r-reat jaħarbu l-prosekuzzjoni.

Minħabba l-impatt transkonfinali frekwenti tat-tniġġiż marittimu u minħabba l-fatt li dawk li jwettqu r-reat jaġixxu min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, azzjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri biss ma tkunx adattata biex tkun megħluba din il-problema.

L-azzjoni Komunitarja se tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin:

Jeħtieġ li standard minimu rigward l-elementi kostitwenti tar-reati kriminali u r-rekwiżit ta’ pieni kriminali għal persuni naturali jiġu stabbiliti fuq il-livell Komunitarju. Dan se jiżgura li r-reati ta’ tniġġiż ikkawżat minn vapuri jiġu ttrattati b’mod simili f’kull Stat Membru u li dawk li jwettqu r-reat ma jkunux jistgħu jaħarbu mill-prosekuzzjoni għar-reati tagħhom fi ħdan l-UE.

Id-Direttiva proposta tiffissa biss livell minimu ta’ armonizzazzjoni rigward l-attivitajiet li għallinqas għandhom jitqiesu bħala reati kriminali u tistabbilixxi biss b’mod ġenerali li l-pieni kriminali għandhom jiġu applikati fil-konfront ta’ persuni naturali. Tħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla ta’ jekk il-pieni kriminali għandhomx jiġu applikati anki fil-konfront ta’ persuni legali.

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

L-azzjoni magħżula hija Direttiva, li tħalli lill-Istati Membri grad għoli ta’ flessibilità fl-implimentazzjoni, inkluż biex jiġu ddeterminati t-tipi u l-livelli tal-pieni. Ġie ffissat standard minimu biss. L-Istati Membri huma ħielsa li jżommu jew jintroduċu miżuri aktar ibsin, pereżempju billi jistabbilixxu reati kriminali addizzjonali jew jintroduċu pieni kriminali għall-persuni legali wkoll. Dan ġie spjegat espliċitament fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35/KE.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva ma tinvolvi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv sinifikanti peress li l-istrutturi tad-dritt kriminali u tal-ġudikatura meħtieġa diġà jeżistu f’kull Stat Membru.

L-għażla ta’ l-istrumenti

L-istrument propost: id-Direttiva.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja:

Id-Direttiva 2005/35/KE eżistenti trid tinġieb f’konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-440/05. Direttiva tista’ tiġi emendata biss b’direttiva li temenda.

L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

It-tabella ta’ korelazzjoni

L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li jittrasponu d-Direttiva flimkien ma’ tabella ta’ korelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

1. Ir-reat

L-Istati Membri huma meħtieġa li jistabbilixxu li kwalunkwe rimi kkawżat minn vapur ta’ sustanzi li jniġġżu, kif ġie ddefinit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/35/KE, fi kwalunkwe waħda miż-żoni li jissemmew fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/35/KE, jew jitwettaq b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja, għandu jitqies bħala reat. Id-definizzjoni ta’ “reat” tikkorrispondi għall-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI annullata.

2. Ir-responsabbiltà tal-persuni legali

Kif ġie ddikjarat fid-Deċiżjoni Kwadru annullata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li persuni legali jistgħu jitqiesu responsabbli għar-reati kriminali mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn ċerti persuni li jaġixxu f’isimhom jew meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew ta’ kontroll ippermetta li dawk il-persuni jwettqu reat.

3. Il-pieni

Il-pieni imposti kontra reati ta’ tniġġiż ikkawżat minn vapuri jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, kemm għall-persuni naturali kif ukoll għall-persuni legali.

Minbarra dan ir-rekwiżit, għar-reat iddefinit fl-Artikolu 4 il-ġdid, l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu li l-pieni għall-persuni naturali jkunu ta’ natura kriminali. Għall-persuni legali, ma ġiex speċifikat jekk il-pieni għandhomx ikunu ta’ natura kriminali jew mhux kriminali. L-Istati Membri li ma jirrikonoxxux ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali fid-dritt nazzjonali tagħhom, għalhekk, mhumiex obbligati li jbiddlu s-sistema nazzjonali tagħhom.

4. Il-perjodu ta’ implimentazzjoni

Il-perjodu għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri huwa ta’ sitt xhur, meta jitqies li l-Artikolu 1 fil-parti l-kbira jkopri l-istess kontenut bħall-Artikoli 2, 3 u 5 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI annullata. Il-perjodu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru intemm fit-12 ta’ Jannar 2007; b’hekk l-Istati Membri se jkunu diġà għamlu parti sinifikanti mill-ħidma sabiex tkun implimentata din id-Direttiva.

2008/0055 (COD)

Proposta għal

DIRE TTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew[4],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

1. Il-fini tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur[6], kif ukoll ta’ din l-emenda, huwa li japprossimizzaw id-definizzjoni tar-reati tat-tniġġiż ikkawżat minn vapuri mwettqa minn persuni naturali jew legali, l-ambitu tar-responsabbiltà tagħhom u n-natura kriminali tal-pieni li jistgħu jiġu imposti għal reati kriminali ta’ din ix-xorta min-naħa ta’ persuni naturali.

2. Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej annullat[7] id-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI tat-12 ta’ Lulju 2005 għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti,[8] li qabel kienet tissupplimenta d-Direttiva 2005/35/KE b’miżuri tal-liġi kriminali. Din l-emenda għad-Direttiva timla l-vojt legali li kien hemm wara s-sentenza.

3. Il-pieni kriminali, li juru diżapprovazzjoni soċjali ta’ natura differenti mis-sanzjonijiet amministrattivi, isaħħu l-konformità mal-leġiżlazzjoni kontra t-tniġġiż ikkawżat minn vapuri li hemm fis-seħħ.

4. Ir-regoli komuni dwar il-pieni kriminali jagħmluha possibbli li jintużaw metodi aktar effettivi ta’ investigazzjoni u ta’ għajnuna fi ħdan u bejn l-Istati Membri.

5. Pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għandhom japplikaw ukoll fil-konfront ta’ persuni legali fil-Komunità kollha għaliex frekwentement ir-reati ta’ tniġġiż ikkawżat minn vapuri jitwettqu fl-interess ta’ persuni legali jew għall-benefiċċju tagħhom.

6. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-effett tagħha.

7. Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b’mod adegwat mill-Istati Membri u, minħabba d-dannu transkonfinali li jista’ jiġi kkawżat mill-imġiba kkonċernata, għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif ġie stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ġie stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

8. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

9. Għaldaqstant, id-Direttiva 2005/35/KE għandha tiġi emendata b’mod xieraq.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2005/35/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

10. It-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar tniġġiż ikkawżati minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ pieni, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġiż”.

11. Fl-Artikoli 5(1) u (2), 6(2) u7(2), it-terminu “ksur” għandu jiġi sostitwit minn “reat”.

12. L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-reati kriminali

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li r-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri fi kwalunkwe waħda miż-żoni li jissemmew fl-Artikolu 3(1) jitqies bħala reat jekk jitwettaq b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura ruħu li l-inċitament jew l-għajnuna u l-inkoraġġiment ta’ reat li jissemma fil-paragrafu 1 ikun jista’ jiġi kkastigat mil-liġi kriminali. ”

13. Wara l-Artikolu 5, għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Il-pieni kontra persuni naturali

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura ruħu li r-reati kriminali li jissemmew fl-Artikolu 4 ikunu jistgħu jiġu kkastigati b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura ruħu li l-pieni kriminali li jissemmew fil-paragrafu 1 japplikaw fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna li tinstab responsabbli minn qorti għal reat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4.”

14. Wara l-Artikolu 5a, għandu jiddaħħal l-Artikolu 5b li ġej:

“Ir-responsabbiltà tal-persuni legali

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura ruħu li persuni legali jistgħu jitqiesu responsabbli għar-reati kriminali li jissemmew fl-Artikolu 4, imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna naturali li taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:

(a) setgħa ta’ rappreżentazzjoni tal-persuna ġuridika, jew

(b) awtorità biex tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika, jew

(c) awtorità biex teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2. Minbarra l-każi pprovduti fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura ruħu li persuna ġuridika tista’ titqies responsabbli fejn nuqqas ta’ superviżjoni jew ta’ kontroll minn persuna naturali li tissemma fil-paragrafu 1 għamel possibbli it-twettiq tar-reat li jissemma fl-Artikolu 4 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika minn persuna naturali taħt l-awtorità tagħha.

3. Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika, skond il-paragrafi 1 u 2, m’għandiex teskludi proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuni naturali li jkunu involuti bħala dawk li wettqu istigaw jew kienu kompliċi fir-reati kriminali li jissemmew fl-Artikolu 4.”

15. Wara l-Artikolu 5b, għandu jiddaħħal l-Artikolu 5c li ġej:

“Il-pieni kontra l-persuni legali

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura ruħu li persuna ġuridika li tqieset responsabbli skond l-Artikolu 5b(1) u (2) tkun tista’ tiġi kkastigata b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura ruħu li l-pieni li jissemmew fil-paragrafu 1 japplikaw fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna ġuridika li tinstab responsabbli minn qorti għal reat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4.”

16. L-Artikolu 8 għandu jitħassar.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza ta’ din ix-xorta.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] Ara wkoll il-punt 2.2 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2003: COM(2003) 92 finali.

[2] ĠU C., p.

[3] ĠU C., p.

[4] ĠU C., p.

[5] ĠU C., p.

[6] ĠU L 255, 30.9.2005, p.11.

[7] Ara l-Kawża: C-440/05 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, għadha ma ġietx ippubblikata fir-Rapporti tal-Qorti Ewropea.

[8] ĠU L 255, 30.9.2005, p.164.