52008PC0132




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.3.2008

KUMM(2008) 132 finali

2008/0052 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta' Espoo ta' l-UN/ECE ta’ l-1991 dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-konvenzjoni ta' l-UN/ECE ta’ l-1991 dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali fil-kuntest transkonfinali (il-Konvenzjoni ta' Espoo), hija u tibni fuq il-liġi eżistenti dwar l-EIA, stabbiliet proċeduri għall-Partijiet konsulenti li x’aktarx jiġu affettwati mill-impatti ambjentali transkonfinali ta’ proġetti proposti. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1997. Il-Komunità Ewropea iffirmatha fis-26 ta’ Frar 1991 u rratifikata fl-24 ta’ Ġunju 1997. Id-dispożizzjonijiet prinċipali tagħha huma implimentati mid-Direttiva 97/11/KE.

Il-ħila li jiġu evitati effetti ambjentali gravi fuq il-livell tal-proġett tista’ tixxekkel mid-deċiżjonijiet ġa meħuda fi pjanijiet jew politiki. Għal din ir-raġuni, hemm il-fehma mifruxa li proċess simili ta' valutazzjoni missu jsir fuq dawn il-livelli. Dan huwa ġeneralment magħruf bħala valutazzjoni ambjentali strateġika (SEA). B’dan ikkunsidrat, il-Konvenzjoni ta' Espoo ġa ħtieġet lill-Partijiet biex, ‘sa fejn possibbli, jistinkaw biex japplikaw il-prinċipji tal-valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali għal politiki, pjanijiet u programmi.’

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar is-SEA tinsab fid-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (id-"Direttiva SEA"). Id-Direttiva SEA tapplika għal kategorija wiesgħa ta’ pjanijiet u programmi, u tistipula rekwiżiti dettaljati għall-valutazzjoni u r-rappurtar dwar l-effetti ambjentali tagħhom. Tinkludi dispożizzjoni dwar l-effetti transkonfinali mnebbħa mill-Konvenzjoni ta' Espoo.

Il-ħames Konferenza Ministerjali "Ambjent għall-Ewropa" (" Environment for Europe ") li saret f'Mejju ta' l-2003 f'Kiev, l-Ukrajna, adottat il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta' Espoo ta' l-UN/ECE ta’ l-1991 dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (il-Protokoll SEA). Il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, iffirmat il-Protokoll SEA fil-21 ta’ Mejju 2003.

L-għanijiet tal-Protokoll huma stipulati fl-Artikolu 1. Għandhom jipprovdu livell għoli ta’ ħarsien ta' l-ambjent, inkluż is-saħħa, u jiżguraw li dan it-tħassib jiġi integrat f’miżuri u strumenti maħsuba biex imexxu 'l quddiem l-iżvilupp sostenibbli.

L-obbligi sostantivi tal-Protokoll jaqgħu fi tliet gruppi.

L-ewwel, hemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-assistenza u l-gwida lill-pubbliku, l-għarfien ta’ u l-appoġġ lill-assoċjazzjonijiet rilevanti, il-promozzjoni ta' l-għanijiet tal-Protokoll internazzjonalment, u d-drittijiet tal-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skond il-Protokoll u ma jiġux penalizzati jew diskriminati għal dan fuq bażi ta’ ċittadinanza, eċċ.

It-tieni, hemm dispożizzjonijiet li jitrattaw il-valutazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi. Dawn jinqasmu f’żewġ gruppi; wieħed (l-Artikolu 4(2)) li għalih hija obbligatorja l-valutazzjoni ħlief f'ċerti każijiet limitati, u wieħed (l-Artikolu 4(3)) li jeħtieġ il-valutazzjoni meta l-Partijiet iqisu li x'aktarx ikollhom effetti sinfikanti. Hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-istadji differenti tal-valutazzjoni ambjentali.

It-tielet, il-Protokoll jibni fuq id-dispożizzjoni li tirreferi għall-politiki fil-Konvenzjoni ta' Espoo billi jistabbilixxi rekwiżiti dwar il-politiki u l-leġiżlazzjoni. Il-partijiet għandhom ‘jistinkaw biex jiżguraw li t-tħassib ambjentali, inkluż dak tas-saħħa, jitqies u jiġi integrat sa fejn possibbli’ waqt it-tħejjija ta’ politiki u leġiżlazzjoni li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, inkluż is-saħħa. Meta jagħmlu dan, għandhom iqisu ‘il-prinċipji u l-elementi x-xierqa’ tal-Protokoll. Għandhom jiddeterminaw, fejn xieraq, l-arranġamenti prattiċi għala qed jagħmlu dan u jirrappurtaw lil-Laqgħa tal-Partijiet dwar l-applikazzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti. Il-Komunità Ewropea, f’konformità ma’ l-Istrateġija tagħha dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u r-Regolazzjoni Aħjar, biħsiebha timplimenta l-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta' Espoo permezz tal-proċeduri tal-valutazzjoni ta’ l-impatt stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet dwar il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt[1], li jindirizzaw b’mod ekwilibrat il-komponenti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

Ir-referenzi fil-Protokoll kollu għal ‘l-ambjent’ jew ‘ambjentali’ huma dejjem ikkwalifikati mill-frażi ‘ inkluża s-saħħa’ . Is-saħħa tal-bniedem hija diġà inkluża fl-elementi ta’ l-ambjent li dwarhom trid tingħata informazzjoni fir-rapport ambjentali meħtieġ skond id-Direttiva SEA. It-tisħiħ tar-referenzi fil-Protokoll huwa maħsub biex jagħti piż akbar lil aspett ta' l-ambjent li spiss ma jingħatax kasu fl-EIAs kurrenti. Mhuwiex intiż biex jimplika li għandha ssir valutazzjoni medika. Dan huwa ċar mid-definizzjoni ta’ ‘effett ambjentali, inkluż is-saħħa ’ li tkopri essenzjalment l-istess fatturi ambjentali li għandhom ikunu koperti f’rapport ambjentali skond id-Direttiva.

Bosta aspetti tad-dimensjoni ta’ l-UE jixirqilhom jitqiesu. Il-KE u l-Istati Membri kienu fost l-ewlenin fl-iżvilupp tal-kunċett u l-prattika tas-SEA u għandhom jikkonfermaw l-appoġġ tagħhom billi jirratifikaw il-Protokoll.

Malli jiġi rratifikat il-Protokoll, il-Komunità tkun marbuta mir-rekwiżiti tiegħu sal-punt li l-attivitajiet tagħha jaqgħu fl-ambitu tal-Protokoll. Ir-ratifika mill-KE u mill-Istati Membri tiżgura għadd suffiċjenti ta’ ratifiki biex il-Protokoll jidħol fis-seħħ (16 huma meħtieġa).

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jixraq li l-Komunità tapprova (ara l-Artikolu 1) il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta' Espoo dwar il-valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali.

2008/0052 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta' Espoo ta' l-UN/ECE ta’ l-1991 dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 175(1), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

(1) Fil-21 ta’ Mejju 2003, fl-okkażjoni tal-ħames Konferenza Ministerjali "Ambjent għall-Ewropa" (" Environment for Europe ") li saret fil-21 sat-23 ta' Mejju 2003, f'Kiev, l-Ukrajna, il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità Ewropea[4], iffirmat il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta' Espoo ta' l-UN/ECE ta’ l-1991 dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali.

(2) Il-Protokoll jgħin fil-ħarsien ta’ l-ambjent billi jipprovdi għall-valutazzjoni ta’ l-effetti probabbli ambjentali, inkluża s-saħħa, tal-pjanijiet u l-programmi u, sa fejn xieraq, il-politiki u l-leġiżlazzjoni, u b’hekk jiġi integrat it-tħassib ambjentali, inkluż dak dwar is-saħħa, fil-miżuri u l-istrumenti mfassla sabiex imexxu 'l quddiem l-iżvilupp sostenibbli.

(3) Il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta' Espoo ta' l-UN/ECE ta’ l-1991 dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali għandu jiġi approvat mill-Komunità Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (il-Protokoll SEA) għall-Konvenzjoni ta' Espoo dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali, huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

2. It-test tal-Protokoll SEA huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. B'dan, il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat biex jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni tal-Protokoll SEA mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta' Depożitarju, skond l-Artikolu 22 tal-Protokoll.

2. Fl-istess ħin, il-persuna/i maħtura għandhom jiddepożitaw id-dikjarazzjoni tal-kompetenza stipulata fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 23(5) tal-Protokoll.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 23(5) tal-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali

Il-Komunità Ewropea tiddikjara illi skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 175(1) tiegħu, hija kompetenti biex tidħol fi ftehim internazzjonali, u biex timplimenta l-obbligi li jirriżultaw minnu li jikkontribwixxu għall-insegwiment ta' l-għanijiet li ġejjin:

– li tkun ippreżervata, imħarsa u mtejba l-kwalità ta' l-ambjent,

– li tkun protetta s-saħħa umana,

– l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali,

– li jkunu promossi miżuri fuq livell internazzjonali biex tieħu ħsieb problemi ambjentali reġjonali jew fuq skala dinjija.

Barra minn hekk, il-Komunità Ewropea tiddikjara li hija diġà adottat strumenti ġuridiċi, inkluż id-Direttiva Nru 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, li jorbtu lill-Istati Membri tagħha, li jkopru materji rregolati minn dan il-Protokoll, u se tissottometti u taġġorna, kif xieraq, lista ta' dawk l-istrumenti ġuridiċi lid-Depożitarju skond l-Artikolu 23(5) tal-Protokoll.

Il-Komunità Ewropea hija responsabbli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi li joħorġu mill-Protokoll li huma koperti mil-liġi Komunitarja.

L-eżerċizzju tal-kompetenza Komunitarja huwa, min-natura tiegħu, suġġett għal żvilupp kontinwu.

[1] Komunikazzjoni dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt COM(2002) 276 finali; Komunikazzjoni “ Regolamentazzjoni aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea” COM(2005)97 tas-16 ta’ Marzu 2005; Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt kif aġġornati fil-15 ta' Marzu 2006; "Regolamentazzjoni Aħjar u Valutazzjoni ta’ l-Impatt imtejba” (28 ta’ Ġunju 2007).

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2003.