52008PC0126

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta’ l-awtoritajiet illegali tal-Gżira t'Anjouan fl-Unjoni tal-Komorri /* KUMM/2008/0126 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.2.2008

KUMM(2008) 126 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta’ l-awtoritajiet illegali tal-Gżira t'Anjouan fl-Unjoni tal-Komorri

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Filwaqt li jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Gżira Komorrjana t'Anjouan, u filwaqt li jqis il-miżuri li ttieħdu mill-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà ta' l-Unjoni Afrikana u tat-talba ta' appoġġ indirizzata lill-Unjoni Ewropea, il-Kunsill iddeċieda, fl-XX/XX 2008, li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta' l-awtoritajiet illegali t'Anjouan u ta' ċerti persuni assoċjati li jostakolaw il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u huma ta' theddida għall-paċi u s-sigurtà fil-Komorri.

2. Il-pożizzjoni komuni 2008/XXX/PESK tipprevedi notevolment l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi tal-persuni indikati mill-Kunsill.

3. L-iffriżar tal-fondi u riżorsi ekonomiċi ta' persuni indikati jaqa' taħt l-ambitu tat-Trattat. B'konsegwenza, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu implimentati dawn il-miżuri permezz tar-Regolament tal-Kunsill.

4. Dan ir-Regolament għandu jitressaq flimkien ma’ notifika dwar il-modalitajiet għall-aġġornament tal-listi ta' persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta’ l-awtoritajiet illegali tal-Gżira t'Anjouan fl-Unjoni tal-Komorri

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni 2008/XXX/PESK tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' l-awtoritajiet illegali tal-Gżira t'Anjouan fl-Unjoni tal-Komorri[1],

wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Fil-25 t'Ottubru 2007, permezz ta' ittra indirizzata lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, il-President tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana talab l-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri tagħha biex jiġu implimentati sanzjonijiet li l-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà ta' l-Unjoni Afrikana ddeċieda li jimponi fir-rigward ta' awtoritajiet illegali t'Anjouan u ta' ċerti persuni assoċjati.

(2) Il-pożizzjoni komuni 2008/XXX/PESK tipprevedi li jiġu imposti miżuri restrittivi fir-rigward ta' awtoritajiet illegali t'Anjouan u ta' ċerti persuni assoċjati. Il-miżuri restrittivi previsti mill-pożizzjoni komuni 2008/XXX/PESK jinkludu notevolment l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' persuni kkonċernati.

(3) Din il-miżura taqa' fl-ambitu tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ Att Komunitarju sabiex jiġu implimentati fir-rigward tal-Komunità.

(4) Għal raġunijiet ta' konvenjenza, il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll il-poter li temenda l-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati.

(5) Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu biex ikun żgurat li l-miżuri maħsuba fih ikunu effettivi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Ewwel Artikolu

1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

a) ‘fondi’ tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta’ kull tip, li jinkludu iżda mhux limitati għal:

i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, drafts, ordnijiet tal-flus u strumenti ta' ħlas oħra;

ii) id-depożiti għand istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, il-bilanċi fuq il-kontijiet, id-djun u l-obbligi tad-djun;

iii) il-kummerċ pubbliku u privat ta’ sigurtajiet u strumenti ta’ dejn, inklużi stokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw sigurtajiet, kambjali, noti, mandati, obbligazzjonijiet u kuntratti derivattivi;

iv) imgħax, dividendi jew dħul ieħor jew il-valur akkumulat jew iġġenerat minn assi;

v) kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji ta' eżekuzzjoni jew obbligazzjonjiet finanzjarju oħra;

vi) l-ittri ta' kreditu, il-poloz tat-tagħbija, il-kontijiet tal-bejgħ;

vii) kull dokument li juri interess fil-fondi jew fir-riżorsi finanzjarji;

b) ‘iffriżar ta' fondi’ tfisser il-projbizzjoni ta' ċaqliq, trasferiment, bidla, użu jew traffikar ta' fondi li jistgħu b'xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fid-dritt tal-pussess, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f'bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-ġestjoni tal-portafolli;

c) ‘riżorsi ekonomiċi’ tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;

d) ‘iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni ta’ l-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi f’kull mod, li jinkludu, iżda mhux limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom.

e) ‘territorju tal-Komunità’ tfisser it-territorji ta’ l-Istati Membri li fihom huwa applikabbli t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, skond il-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattat.

Artikolu 2

1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta' persuni naturali jew legali, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma jew kontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu mqegħdin għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċju tal-persuni naturali jew legali, entitajiet jew korpi kif elenkati fl-Anness I.

3. Il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, li jiġu evitati l-miżuri li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu pprojbiti.

4. Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 m’għandha twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni naturali jew legali jew entitajiet ikkonċernati, jekk huma ma kienux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.

Artikolu 3

1. L-Artikolu 2(2) m'għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati li saru ta':

a) imgħaxijiet jew qliegħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

b) pagamenti dovuti minħabba appalti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew imqajma qabel id-data meta dawk il-kontijiet saru soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament,

fuq il-fehma li dawn l-interessi, qliegħ jew pagamenti jkomplu jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(1).

2. L-Artikolu 2(2) m’għandux iżomm istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fil-Komunità milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn huma jirċievu fondi ttrasferiti minn terzi fuq il-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, kemm-il darba kull żieda fuq dawn il-kontijiet tkun iffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar tranżazzjonijiet bħal dawn mingħajr dewmien.

Artikolu 4

1. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikati fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, sakemm ikunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni elenkati fl-Anness I u l-membri familjari dipendenti, inkluż ħlas għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz ta’ l-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

b) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' drittijiet professjonali raġonevoli u għall-ħlas lura ta' spejjeż li saru marbuta mal-provediment tas-servizzi legali;

c) maħsuba esklussivament għal ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi;

d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, kemm-il darba l-Istat Membru kkonċernat innotifika lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni r-raġunijiet li fuqhom iqis li awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata, għal inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 5

L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettaq bona fide fuq il-bażi li din l-azzjoni hija skond dan ir-Regolament, m’għandha twassal għal ebda forma ta’ responsabbiltà fuq in-naħa ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew entità li qed timplimentaha, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha, sakemm ma jkunx ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kienu ffriżati b’riżultat ta’ negliġenza.

Artikolu 6

1. Bla ħsara għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni, entitajiet u korpi naturali u legali għandhom:

a) jipprovdu immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti li jidhru fil-websajts elenkati fl-Anness II fl-Istat Membru fejn huma residenti jew lokalizzati, kull informazzjoni li tiffaċilita l-osservanza ta' dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skond l-Artikolu 2, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni, direttament jew permezz ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, lill-Kummissjoni;

b) jikkooperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti li jidhru fil-websajts elenkati fl-Anness II fi kwalunkwe verifika ta' dan it-tagħrif.

2. Kull informazzjoni provduta jew irċevuta skond dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-iskopijiet għal liema ġiet ipprovduta jew irċevuta.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom immedjatament jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri li jittieħdu skond dan ir-Regolament u għandhom jgħaddu lil xulxin kull informazzjoni rilevanti oħra li għandhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni fir-rigward ta’ ksur jew problemi ta’ infurzar u sentenzi mgħotija mill-qrati nazzjonali.

Artikolu 8

1. Il-Kummissjoni tingħata l-poter li:

a) temenda l-Anness I fuq il-bażi ta' deċizjonijiet meħuda dwar l-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2008/XXX/PESK;

b) temenda l-Anness II fuq il-bażi tat-tagħrif fornit mill-Istati Membri.

2. Għandu jiġi ppubblikat avviż dwar il-modalitajiet dwar l-għoti ta’ informazzjoni b’rabta ma’ l-Anness I[2].

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawn ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinfurmawha b’kull emenda sussegwenti.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fi, jew permezz, tal-websajts elenkati fl-Anness I.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinfurmawha b’kull tibdil sussegwenti.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu japplika:

a) fit-territorju tal-Komunità, li jinkludi l-ispazju ta' l-ajru;

b) fuq kull ajruplan jew bastiment taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

c) għal kull persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Komunità li hija ċittadin ta’ Stat Membru;

d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fil-Komunità.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta ’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS I

Lista ta’ persuni, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2, 3 u 4

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Mohamed Bacar M President li pproklama lilu nnifsu, Kurunel Barakani 5.05.1962 01AB01951/06/160, data ta' ħruġ: 01.12.2006 |

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Jaffar Salim M "Ministru ta’ l-Intern" Mutsamudu 26.06.1962 06BB50485/20 950, data ta' ħruġ: 01.02.2007 |

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Mohamed Abdou Madi M "Ministru tal-Kooperazzjoni" Mjamaoué 1956 05BB39478, data ta' ħruġ: 01.08.2006 |

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Ali Mchindra M "Ministru ta’ l-Edukazzjoni" Cuvette 20.11.1958 03819, data ta' ħruġ: 03.07.2004 |

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Houmadi Souf M "Ministru tas-Servizz Ċivili" Sima 1963 51427, data ta' ħruġ: 04.03.2007 |

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Rehema Boinali M "Ministru ta’ l-Enerġija" 1967 540355, data ta' ħruġ: 07.04.2007 |

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Dhoihirou Halidi M Direttur tal-Kabinett , persuna assoċjata mal-gvern illegali t'Anjouan Bambao Msanga 08.03.1965 64528, data ta' ħruġ: 19.09.2007 |

Isem Is-sess Il-kariga Post tat-twelid Data tat-twelid Nru tal-passaport: | Abdou Bacar M Logotenent-Kurunel, persuna assoċjata mal-gvern illegali t'Anjouan Barakani 02.05.1954 54621, data ta' ħruġ: 23.04.2007 |

ANNESS II

Il-websajts li jipprovdu tagħrif dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 4, 6 u l0, u indirizzi għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

(għandha timtela mill-Istati Membri)

IL-BELĠJU

IL-BULGARIJA

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

ID-DANIMARKA

IL-ĠERMANJA

L-ESTONJA

L-IRLANDA

IL-GREĊJA

SPANJA

FRANZA

L-ITALJA

ĊIPRU

IL-LATVJA

IL-LITWANJA

IL-LUSSEMBURGU

L-UNGERIJA

MALTA

L-OLANDA

L-AWSTRIJA

IL-POLONJA

IL-PORTUGALL

IR-RUMANIJA

IS-SLOVENJA

IS-SLOVAKKJA

IL-FINLANDJA

L-IŻVEZJA

IR-RENJU UNIT

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Direttorat-Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni

Direttorat A. Struttura għall-Kriżijiet u Koordinament Politiku fil-PESK

Unità A.2. Ġestjoni tal-Kriżijiet u Bini tal-Paċi

CHAR 12/108

B-1049 Brussell

Telefon: (32-2) 296.61.33/295.55.85

Fax.: (32-2) 299.08.73

Avviż li għandu jiġi ppubblikat fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament

Notifika indirizzata lill-persuni u l-entitajiet li jinsabu fil-listi msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru XXX/2008 tal-Kunsill [3] dwar l-imponiment ta' ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta' awtoritajiet illegali t'Anjouan fl-Unjoni tal-Komorri

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea stabilizza li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness I huma:

1. membri tal-gvern illegali t'Anjouan;

2. persuni naturali jew legali, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

Għalhekk, il-Kunsill iddeċieda li dawn il-persuni, entitajiet u korpi jitniżżlu fil-lista ta' l-Anness I.

Ir-Regolament (KE) Nru XXX/2008 tal-Kunsill jipprevedi l-iffriżar tal-fondi kollha, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra li huma proprjetà ta’ persuni, gruppi jew entitajiet elenkati fl-Anness I u li ebda fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra ma jistgħu jkunu disponibbli lilhom, kemm direttament kif ukoll indirettament.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I dwar il-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fil-websjats elenkati fl-Anness II tar-Regolament, sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni biex jintużaw fondi ffriżati għal ħtiġijiet essenzjali jew ħlasijiet speċifiċi skond l-Artikolu 4 tar-Regolament.

F’kull ħin, il-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati jistgħu jressqu talba lill-Kunsill, flimkien ma kwalunkwe dokumentazzjoni sostantiva, li d-deċiżjoni għall-inklużjoni u ż-żamma tagħhom fil-lista msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz li ġej: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea (indirizzata lil: XXXX), rue de la Loi 175, B-1048 Bruxelles.

Dawn it-talbiet se jiġu kkunsidrati meta jaslu. F’dan ir-rigward, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati dwar ir-reviżjoni regolari tal-listi min-naħa tal-Kunsill skond l-Artikolu XXX tal-Pożizzjoni Komuni 2008/XXX/PESK.

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati dwar il-possibbiltà ta' kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 230(4) u (5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

[1] ĠU L XXX ta' XXX.2008, p. XXX.

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU L […] tal- […], p. […].