52008PC0056

Proposta ta’ deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013 /* KUMM/2008/0056 finali - COD 2008/0023 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 07.2.2008

KUMM(2008) 56 finali

2008/0023 (COD)

Proposta ta’

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Fil-15 ta’ Novembru 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE li tistabbilixxi l-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” għall-perjodu 2007-2013. Dan il-programm għandu l-għan li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ, biex jinkuraġġixxi s-solidarjetà u t-toleranza, jippromwovi l-komprensjoni fost iż-żgħażagħ minn diversi pajjiżi u jtejjeb il-kooperazzjoni fi skala Ewropea dwar kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ. Hu jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tas-sistemi ta’ appoġġ għall-attivitajiet fis-settur taż-Żgħażagħ u għal tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-settur taż-żgħażagħ.

2. Biex jitwettqu dawn l-għanijiet, il-programm jipproponi ħames azzjonijiet li għandhom l-għan li jappoġġaw attivitajiet speċifiċi. Il-promoturi tal-proġetti li jixtiequ jibbenefikaw minn sussidji mistennija li jsegwu proċedura ta’ sejħa għal proposti li jippermettu minn naħa tal-Kummissjoni deċiżjonijiet ta’ għażla ta’ proposti għall-allokazzjoni ta’ sussidji li, bħala miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-programm, għandhom isegwu fil-livell interistituzzjonali proċedura partikulari.

3. B’konformità ma’ l-Artikolu 202 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kunsill, fl-atti li jadotta, jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat ta’ eżekuzzjoni tar-regoli li hu jistabbilixxi u jista’ jissottometti l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat għal ċerti modalitajiet ta’ proċedura.

4. Dawn il-modalitajiet huma indikati taħt l-isem ta’ “komitoloġija”. Dan għandu x’jaqsam mal-konsultazzjoni tal-kumitat dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma determinati mill-att bażiku, u dan isir qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Dan il-kumitat għandu jkun magħmul esklussivament minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-presidenza tiegħu.

5. Jeżistu tipi differenti ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni ta’ kumitat. Dawn huma ddefiniti fid-Deċiżjoni Nru 1999/468/KE tal-Kunsill li jiffissaw il-modalitajiet ta’ l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, kif emendati bid-Deċiżjoni Nru 2006/512/KE tal-Kunsill. L-att bażiku li hu l-pedament tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni jista’ jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dawn il-proċeduri differenti fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni.

6. Id-deċiżjoni tal-komitoloġija tiżgura wkoll li l-Parlament Ewropew ikollu “dritt ta’ skrutinju” fuq l-implimentazzjoni ta’ l-atti leġiżlattivi adottati b’kodeċiżjoni. Dan id-dritt ta’ skrutinju jippermetti lill-Parlament Ewropew li jikkontesta eventwalment miżuri maħsuba mill-Kummissjoni meta hu jaħseb li l-influwenza tagħhom tkun se taqbeż il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-att bażiku, li jista’ jikkawża ħsara għas-setgħat ta’ kodeċiżjoni.

7. Il-Parlament Ewropew għandu limitu ta’ żmien ta’ xahar biex jeżamina abbozz ta’ miżura qabel ma tittieħed id-deċiżjoni formali tal-Kummissjoni. Dan il-limitu ta’ żmien jibda mill-ibgħit lill-Parlament Ewropew ta’ abbozz definittiv ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni, wara l-ħruġ ta’ opinjoni uffiċjali mill-kumitat.

8. Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perijodu tistipula li l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Programm jiġu deċiżi mill-Kummissjoni b’konformità mal-proċeduri stipulati mid-deċiżjoni tal-komitoloġija.

9. Matul in-negozjar tal-programm, il-Leġiżlatur kien iddefinixxa b’mod ċar il-limiti tad-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tas-sussidji li kellhom jiġu ppreżentati lill-kumitat. Il-proċedura ta’ ġestjoni stipulata fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1999/468/KE għandha tikkonċerna l-appoġġ lill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Id-deċiżjonijiet l-oħra ta’ allokazzjoni ta’ sussidji ma għandhomx ikunu sottomessi għal proċedura ta’ komitoloġija. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet impenjat lilna nfisha li tinforma mingħajr telf ta’ żmien kemm il-kumitat tal-programm kif ukoll lill-Parlament Ewropew għad-deċiżjonijiet kollha ta’ għażla li ma kinux se jiġu sottomessi għall-proċedura ta’ ġestjoni. Dan il-ftehim kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni mill-Kummissjoni indirizzata lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

10. Dan il-ftehim kien ibbażat fuq in-natura ta’ l-azzjonijiet tal-programm, li fil-parti l-kbira jagħtu sussidji ta’ ammonti żgħar lil numru kbir ta’ benefiċjarji, il-komitoloġija ma tistax twassal f’dan il-każ ħlief valur miżjud baxx u titfa’ barra minn hekk piż sproporzjonat fuq l-amministrazzjoni tal-programm. Għalhekk, dan il-ftehim jistrieħ fuq kunsens interistituzzjonali li jimmira li jissimplifika l-proċeduri sabiex jiġi limitat id-dewmien ta’ żmien li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet favur il-benefiċjarji potenzjali.

11. Għaldaqstant, l-iskrizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tinkorpora korrettament il-voluntà tal-Leġiżlatur dwar id-deċiżjonijiet ta’ għażla li jridu jiġu sottomessi lill-kumitat ta’ ġestjoni, l-intenzjonijiet tal-Leġiżlatur ġew trasposti ħażin fid-deċiżjoni msemmija li tissottometti l-miżuri l-oħra kollha, inklużi d-deċiżjonijiet ta’ għażla, għall-proċedura konsultattiva stipulata fl-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1999/468/KE u mhux għal informazzjoni immedjata lill-kumitat tal-programm u lill-Parlament Ewropew mill-Kummissjoni.

12. B’hekk, il-konsultazzjoni tal-kumitat tal-programm issir billi tiġi segwita l-proċedura ta’ ġestjoni għad-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ sussidji li huma espressivament stipulati bl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE, prinċipalment l-appoġġ lill-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ. Bil-kontra, l-Artikolu 10(2) ta’ din id-Deċiżjoni jistipula li d-deċiżjonijiet l-oħra kollha ta’ allokazzjoni ta’ sussidji jsiru skond il-proċedura konsultattiva.

13. Din l-iskrizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE twassal għal diffikultajiet serji fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet u l-miżuri previsti mill-programm.

14. Is-sottomissjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għażla għall-proċedura konsultattiva twassal biex ittawwal minn xahrejn sa tliet xhur id-dewmien neċessarju għall-adozzjoni tagħhom; għalhekk il-kandidati jkollhom jistennew aktar fit-tul qabel ma jkollhom deċiżjoni dwar il-proposti tagħhom. Għaldaqstant, il-proġetti kkonċernati huma ġeneralment previsti biex jibdew malajr kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, il-gwida tal-programm, li jservi ta’ sejħa għal proposti permanenti għall-promoturi potenzjali, tistipula mhux anqas minn ħames limiti ta’ żmien annwali għas-sottomissjoni tar-rikjesti ta’ sussidji, b’mod li d-dewmien bejn is-sottomissjoni ta’ talba ta’ appoġġ u l-għoti tagħha jkun qasir kemm jista’ jkun possibbli. Titwil fil-limitu taż-żmien, minħabba l-proċedura konsultattiva, imur kontra l-aspettattiva tal-benefiċjarji tal-programm.

15. Soluzzjonijiet tranżitorji ġew elaborati sabiex jitnaqqas id-dewmien li hu inerenti f’konsultazzjoni sistematika tal-kumitat u għad-dritt ta’ skrutinju li jirriżulta minnu. Il-kumitat tal-programm aċċetta li jemenda r-regolament intern tiegħu sabiex jitnaqqas id-dewmien tal-konsultazzjonijiet li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta’ għażla li huma sottomess għall-proċedura konsultattiva. Bħall-issa l-kumitat qed juża l-proċedura miktuba u għandu ħamest ijiem biex jikkummenta dwar id-deċiżjonijiet ta’ għażla li huma sottomessi għall-opinjoni tiegħu. Flimkien ma’ dan l-avviċinament, il-Parlament Ewropew aċċetta arranġament temporanju li jnaqqas il-ħin meħtieġ għad-dritt ta’ skrutinju matul il-perjodu tas-sajf preċedenti billi naqqas id-dewmien minn xahar għal ħamest ijiem.

16. Jekk dawn l-arranġamenti speċjali u dawn is-soluzzjonijiet temporarji ppermettew li jsolvu l-problemi l-aktar immedjati, l-esperjenza turi li hu importanti li tinstab soluzzjoni permanenti sabiex il-benefiċjarji tal-programmi tingħatalhom assigurazzjoni garantita dwar id-dewmien ta’ allokazzjoni għas-sussidji tagħhom.

17. Soluzzjoni definittiva għall-problema maħluqa mis-sottomissjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għażla għall-proċedura ta’ konsultazzjoni se teħtieġ emenda teknika tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE. Il-proċedura konsultattiva preżenti se titneħħa u se tinbidel, abbażi ta’ dikjarazzjoni mill-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħti informazzjoni immedjata l-kumitat tal-programm u l-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet ta’ għażla li se tadotta.

18. Dan l-abbozz ta’ emenda tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE se jippermetti ritorn lejn il-prattika fis-seħħ taħt il-Programm Żgħażagħ preċedenti implimentat matul il-perjodu 2000-2006 u li jistipula li l-kumitat u l-Parlament Ewropew jiġu infurmati immedjatament dwar l-istess deċiżjonijiet ta’ għażla bħal dawk diskussi hawn hekk.

19. Barra minn hekk, l-abbozz ta’ emenda tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE hu spirat mill-intenzjoni primarja tal-Leġiżlatur waqt in-negozjati ta’ din l-istess deċiżjoni.

20. B’hekk, il-proposta ta’ emenda tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE se tippermetti li jitnaqqas id-dewmien ta’ allokazzjoni għas-sussidji minn xahrejn sa sitt xhur, dan il-mezz għandu jiżgura l-implimentazzjoni effikaċi ta’ l-attivitajiet u tal-miżuri mmirati mill-programm. Il-kumitat tal-programm u l-Parlament Ewropew se jinżammu immedjatament infurmati dwar id-deċiżjonijiet ta’ għażla. Fl-aħħarnett, din l-emenda se tikkontribwixxi għall-prinċipju ta’ simplifikazzjoni u ta’ proporzjonalità tal-proċeduri billi tħaffifhom aktar u tagħmilhom aktar effikaċi għall-benefiċċju tal-benefiċċjarji tas-sussidji.

21. Tliet deċiżjonijiet oħra adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li jistitwixxu programmi fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, iċ-ċittadinanza u l-kultura għandhom dispożizzjonijiet simili dwar id-distribuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għażla bejn il-proċedura ta’ ġesjtoni u l-proċedura konsultattiva u jippreżentaw l-istess problemi ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għażla. Reviżjoni simili ta’ dawn l-atti bażiċi hi prevista b’mod parallel għal din il-proposta ta’ emenda.

2008/0023 (COD)

Proposta ta’

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u notevolment l-Artikolu 149(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

li jagħtu deċiżjoni b’konformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

22. Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] stabbilixxiet il-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” għall-perjodu 2007-2013.

23. Fl-Artikolu 10(2), tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE, hu stipulat li l-miżuri oħra neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm li mhumiex elenkati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3) ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri skond il-proċedura konsultattiva stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[6].

24. Din l-iskrizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE timplika notevolment li deċiżjonijiet oħra ta’ allokazzjoni ta’ sussidji li mhumiex imsemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-Deċiżjoni huma sottomessi għall-proċedura konsultattiva u għad-dritt ta’ skrutinju mill-Parlament Ewropew.

25. Għaldaqstant, dawn il-deċiżjonijiet ta’ għażla jikkonċernaw prinċipalment is-sussidji li ma jirrappreżentawx ħlief ammonti żgħar ta’ flus u ma jwasslux għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li politikament huma sensibbli.

26. Dawn il-modalitajiet ta’ proċedura jżidu dewmien addizzjonali minn xahrejn sa tliet xhur fil-proċess ta’ allokazzjoni tas-sussidji lill-kandidati. Dawn iwasslu għal ħafna dewmien rigward il-benefiċjarji ta’ l-allokazzjonijiet, jitfgħu piż sproporzjonat fuq l-amministrazzjoni tal-programm u ma jiġġenerawx valur miżjud meta titqies in-natura tas-sussidji mogħtija.

27. Għalhekk hu meħtieġ li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE sabiex tkun possibbli implimentazzjoni aktar mgħaġġla u aktar effikaċi tad-deċiżjonijiet ta’ għażla.

IDDEĊIDEW:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE, jiġi inserit il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Meta l-Kummissjoni tadotta, bis-saħħa ta’ din id-Deċiżjoni, deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni oħra ta’ sussidju li mhumiex elenkati fil-paragrafu 1, hi għandha tadotta dawn id-deċiżjonijiet mingħajr l-assistenza tal-kumitat.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi […] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi Brussel, f’

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C ta’ , p. .

[2] ĠU C ta’ , p. .

[3] ĠU C ta’ , p. .

[4] ĠU C ta’ , p. .

[5] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

[6] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).