52008PC0041(02)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru /* KUMM/2008/0041 finali - CNS 2008/0017 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 31.1.2008

KUMM(2008) 41 finali

2008/0017 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha B’segwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-hekk imsejħin każijiet “Open Skies”, fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati ma’ terzi pajjiżi dwar is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet eżistenti bi ftehim Komunitarju[1] (il-“mandat orizzontali”). L-għanijiet ta’ ftehimiet ta’ dan it-tip huma li jagħtu aċċess mhux diskriminatorju lit-trasportaturi kollha ta' l-ajru ta’ l-UE għar-rotot bejn il-Komunità u terzi pajjiżi, u sabiex il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u terzi pajjiżi jikkonformaw mal-liġi Komunitarja. |

120 | Il-kuntest ġenerali Ir-relazzjonijiet fil-qasam ta’ l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u terzi pajjiżi tradizzjonalment kienu rregolati permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u terzi pajjiżi, permezz ta' l-Annessi għat-tali ftehimiet u ta' arranġamenti oħra bilaterali jew multilaterali b’rabta ma' dan. Il-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru ta’ l-Istati Membri jiksru l-liġi Komunitarja. Jagħtu lok lill-pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' trasportatur ta' l-ajru li kien iddeżinjat minn Stat Membru iżda li mhux proprjetà sostanzjali ta’ dak l-Istat Membru u kkontrollata effettivament minnu jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità li, filwaqt li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, ikunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru ieħor u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 43 tat-Trattat li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà ta' l-istabbiliment tagħhom l-istess trattament fl-Istat Membru li jkun qed jospitahom bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Hemm kwistjonijiet oħra, bħat-taxxa fuq il-fjuwil ta’ l-avjazzjoni, it-tariffi introdotti minn trasportaturi ta' l-ajru ta' terzi pajjiżi fuq rotot intra-Komunitarji, jew ftehimiet obbligatorji kummerċjali bejn il-linji ta' l-ajru li fil-każ tagħhom il-konformità mal-liġi Komunitarja għandha tiġi żgurata billi jiġu emendati jew ikkomplementati d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u terzi pajjiżi. |

130 | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jieħdu post jew jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u n-Nepal. |

140 | Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Il-Ftehim se jaqdi għan fundamentali tal-politika Komunitarja dwar l-avjazzjoni esterna billi jikkonforma l-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta' l-ajru mal-liġi Komunitarja. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

211 | Metodi ta' konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali ta' dawk li wieġbu L-Istati Membri ġew ikkonsultati mat-tul kollu tan-negozjati. |

212 | Sommarju tat-tweġibiet u kif dawn ġew ikkunsidrati Il-kummenti li saru mill-Istati Membri ġew ikkunsidrati. |

L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Skond il-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għall-“mandat orizzontali”, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim man-Nepal li jissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u n-Nepal. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jieħu post il-klawżoli tradizzjonali ta' deżinjazzjoni bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lit-trasportaturi ta' l-ajru kollha tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt ta' l-istabbiliment. L-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim jittrattaw żewġ tipi ta' klawżoli li jikkonċernaw kwistjonijiet fil-kompetenza Komunitarja. L-Artikolu 4 jittratta t-tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni, kwistjoni li ġiet armonizzata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta’ l-enerġija u l-elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tagħha. L-Artikolu 5 (Prezzijiet) isolvi kunflitti bejn ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta' l-ajru u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2409/92 dwar nollijiet u rati għas-servizzi ta' l-ajru li jipprojbixxu trasportaturi ta' l-ajru ta' terzi pajjiżi milli jkollhom pożizzjoni dominanti fuq il-prezzijiet tas-servizzi ta' l-ajru għat-trasport imwettaq kollu kemm hu fil-Komunità. L-Artikolu 6 jġib id-dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali li huma ċarament anti-kompetittivi (ftehimiet obbligatorji kummerċjali bejn il-linji ta' l-ajru) f'konformità mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar il-kompetizzjoni. |

310 | Il-bażi ġuridika It-Trattat tal-KE, l-Artikoli 80(2) u 300(2). |

329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta tissejjes kollha kemm hi fuq il-“mandat orizzontali" mogħti mill-Kunsill b'kunsiderazzjoni għall-kwistjonijiet koperti mil-liġi Komunitarja u l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-Ftehim se jemenda jew jikkomplimenta d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru biss safejn dan ikun ta' ħtieġa ħalli tiġi żgurata l-konformità mal-liġi Komunitarja. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

342 | Il-Ftehim bejn il-Komunità u n-Nepal huwa l-aktar strument effiċjenti sabiex jinġiebu konformi mad-dritt Komunitarju l-ftehimiet bilaterali eżistenti kollha dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u n-Nepal. |

IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT |

409 | Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

TAGħRIF IEħOR |

510 | Simplifikazzjoni |

511 | Il-proposta tipprovdi dwar is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. |

512 | Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u n-Nepal se jiġu ssuperati jew ikkomplementati b'dispożizzjonijiet fi ftehim Komunitarju waħdieni. |

570 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Skond il-proċedura standard għall-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, il-Kunsill huwa mitlub japprova d-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja u dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru u jinnomina l-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunità. |

1. Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

Billi:

2. Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' terzi pajjiżi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

3. Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità, Ftehim man-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' terzi pajjiżi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

4. Suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

1. Il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f'isem il-Komunità l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar ’il quddiem.

2. Fl-istennija tad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew. Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Ftehim.

3. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2008/0017 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

(1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' terzi pajjiżi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità, Ftehim mal-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' terzi pajjiżi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(3) Il-Ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fi […], suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill …/…/KE ta’ […][5].

(4) Il-Ftehim għandu jkun approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa permezz ta’ dan approvat f'isem il-Komunità.

2. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li tagħmel/jagħmlu n-notifika prevista fl-Artikolu 9(1) tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tan-Nepal

dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

minn naħa, u

L-GVERN TAN-NEPAL,

min-naħa l-oħra

(minn hawn 'il quddiem 'il-Partijiet')

FILWAQT LI JINNUTAW li ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru ġew konklużi bejn diversi Stati Membri tal-Komunità Ewropea u n-Nepal li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u terzi pajjiżi,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-liġi tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u terzi pajjiżi,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti terzi pajjiżi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta' dawn it-terzi pajjiżi li jiksbu dritt ta' sjieda fi trasportaturi ta' l-ajru mogħtija liċenzja f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea,

FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u n-Nepal, li jmorru kontra l-liġi tal-Komunità Ewropea, iridu jinġiebu f'konformità magħha sabiex tiġi stabbilita bażi ġuridika soda għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u n-Nepal u biex tinżamm il-kontinwità ta' dawn is-servizzi ta' l-ajru,

FILWAQT LI JAGĦRFU li l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u n-Nepal għandhom ikunu konsistenti mal-liġijiet tan-Nepal u tal-Komunità Ewropea u jipprovdu bażi ġuridika vijabbli u soda biex jiġu żgurati l-kontinwità u l-iżvilupp tas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u n-Nepal,

FILWAQT LI JINNUTAW li d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u n-Nepal, li mhumiex inkonsistenti mal-liġi tal-Komunità Ewropea, ma għandhomx bżonn jiġu affettwati minn dan il-Ftehim,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta' l-ajru fil-prinċipju ma jistgħux jikkonkludu ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u li jkollhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni,

FILWAQT LI JAGĦRFU li d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u n-Nepal li i) jeħtieġu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta' ftehimiet bejn il-kumpaniji, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ kumpaniji jew prattiki miftehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta' l-ajru fuq ir-rotot rilevanti; jew (ii) isaħħu l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika miftehma ta' dan it-tip; jew iii) jiddelegaw lit-trasportaturi ta' l-ajru jew lil operaturi ekonomiċi privati oħrajn ir-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu,, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta' l-ajru fuq ir-rotot rilevanti jistgħu jrendu mhux effettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi;

FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dan il-ftehim, li tbiddel il-volum totali tat-traffiku ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u n-Nepal, jew li jiġi affettwat il-bilanċ bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u t-trasportaturi ta’ l-ajru tan-Nepal, jew li jiġu nnegozjati emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta’ l-ajru dwar id-drittijiet tat-traffiku.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ‘Stati Membri’ tfisser l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

2. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għat-trasportaturi ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għat-trasportaturi ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ddeżinjati minn dak l-Istat Membru.

ARTIKOLU 2

Deżinjazzjoni, Awtorizzazzjoni u Revoka

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tagħha mogħtija min-Nepal, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tat-trasportatur ta' l-ajru, rispettivament.

2. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru min-Nepal, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tagħha mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tat-trasportatur ta' l-ajru, rispettivament.

3. Mal-wasla ta' deżinjazzjoni bħal din, jew ta' applikazzjonijiet mit-trasportatur/i ta' l-ajru ddeżinjat/i, fil-forma u l-mod preskritt għall-awtorizzazzjonijiet u l-permessi, il-parti l-oħra għandha, suġġetta għall-paragrafi 4 u 5, tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa b'dewmien proċedurali mill-inqas, bil-kundizzjoni li:

(a) fil-każ ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat minn Stat Membru:

i) it-trasportatur ta' l-ajru jkun stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru li qed jiddeżinjah taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u li għandu Liċenzja Operattiva valida maħruġa minn Stat Membru f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea; kif ukoll

ii) kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru huwa mħaddem u miżmum mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta' Operatur ta' l-Ajru u l-awtorità ajrunawtika rilevanti tkun identifikata b'mod ċar fid-deżinjazzjoni; kif ukoll

iii) it-trasportatur ta' l-ajru jkun proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u tkun ikkontrollata effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra.

(b) fil-każ ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat min-Nepal:

i) il-post prinċipali tan-negozju tiegħu jkun fin-Nepal; kif ukoll

ii) in-Nepal għandu, u jżomm, kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru.

4. Kull waħda mill-partijiet tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjoni jew il-permessi ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat mill-parti l-oħra fejn:

(a) fil-każ ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat minn Stat Membru:

i) it-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru li ddeżinjah taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew ma għandux Liċenzja Operattiva valida minn Stat Membru f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea; jew

ii) ma jkunx imħaddem jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta' Operatur ta' l-Ajru, jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; jew

iii) it-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u ma jkunx ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra; jew

(b) fil-każ ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat min-Nepal:

i) il-post prinċipali tan-negozju tiegħu ma jkunx fin-Nepal; jew

ii) in-Nepal ma jkunx qed iżomm kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru; jew

iii) is-sjieda maġġoritarja jew il-kontroll tat-trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat min-Nepal tkun f'idejn pajjiż terz li ma jaċċettax effettivament id-deżinjazzjoni ta' trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji stabbiliti fil-Komunità.

5. Huwa u jeżerċita d-dritt tiegħu skond il-paragrafu 4, in-Nepal ma għandux jiddiskrimina bejn trasportaturi ta’ l-ajru ta' l-Istati Membri fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

ARTIKOLU 3

Is-sikurezza

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(c).

2. Fejn Stat Membru jkun iddeżinja trasportatur ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju fuqu huwa mħaddem u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tal-Gvern tan-Nepal skond id-dispożizzjonijiet ta' sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddeżinja t-trasportatur ta' l-ajru u l-Gvern tan-Nepal għandhom japplikaw b'mod ugwali fir-rigward ta' l-adozzjoni, it-tħaddim jew iż-żamma ta' l-istandards tas-sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta' dak it-trasportatur ta' l-ajru.

ARTIKOLU 4

It-tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli mniżżla f’lista fl-Anness 2(d).

2. Minkejja kull dispożizzjoni oħra għall-kuntrarju, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 2(d) ma għandu jżomm Stat Membru milli jimponi, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f'inġenju ta' l-ajru ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat min-Nepal li jopera bejn punt fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

ARTIKOLU 5

It-tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(e).

2. It-tariffi li għandhom jinżammu mit-trasportatur/i ta' l-ajru ddeżinjat/i min-Nepal permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness 1 li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness 2(e) għal ġarr li jseħħ kollu kemm hu fi ħdan il-Komunità Ewropea għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea.

ARTIKOLU 6

Il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

1. Minkejja kull dispożizzjoni oħra għall-kuntrarju, xejn f’kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 ma għandu (i) jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki miftehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni; (ii) isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika kkonċertata ta' dan it-tip; jew (iii) jiddelega lill-operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

2. Id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 li mhumiex kompatibbli mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati.

ARTIKOLU 7

Annessi għal dan il-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

ARTIKOLU 8

Reviżjoni jew emendar

Il-Partijiet jistgħu, f'kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim b'kunsens reċiproku.

ARTIKOLU 9

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni provviżorja

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim provviżorjament mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew.

3. Ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u l-Gvern tan-Nepal li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ u li ma jkunux qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim għandu japplika għall-Ftehimiet u l-arranġamenti kollha tali mad-dħul fis-seħħ jew ma' l-applikazzjoni provviżorja tagħhom.

ARTIKOLU 10

Terminazzjoni

1. Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim elenkat fl-Anness 1 ikkonċernat għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin.

2. Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim jiġi tterminat fl-istess ħin.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, awtorizzati kif jixraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [...] f'żewġ kopji, nhar il-[...] jum ta' [..., ...] bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Nepaliża.

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA: GĦALL-GVERN TAN-NEPAL:

ANNESS 1

Lista ta' ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim

(a) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn il-Gvern tan-Nepal u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament

- Il-Ftehim bejn il-Gvern Federali ta' l-Awstrija u l-Gvern tal-Maestà Tiegħu tan-Nepal rigward it-Trasport bl-Ajru Ċivili, iffirmat f'Katmandu fid-29 ta' Ottubru 1997, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Nepal-Awstrija" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tal-Maestà Tiegħu tan-Nepal dwar is-servizzi ta' l-ajru, i ffirmat fil-Lussemburgu fit-18 ta’ Ġunju 1999, minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim Nepal-Lussemburgu” fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn ir-Renju Olandiż u l-Gvern tal-Maestà Tiegħu tan-Nepal dwar is-servizzi ta' l-ajru, magħmul fl-Ajruport ta' Schiphol fl-10 ta' Ġunju 1998 , minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim Nepal-Olanda” fl-Anness 2;

- Il-ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gvern tal-Maestà Tiegħu tan-Nepal dwar is-servizzi ta' l-ajru, magħmul f'Katmandu fit-3 ta’ Marzu 1994, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Nepal-Renju Unit" fl-Anness 2;

(b) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Gvern tan-Nepal u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament

- Il-Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tal-Maestà Tiegħu tan-Nepal u l-Gvern tar-Repubblika Franċiża inizjalat f'Katmandu fis-7 ta’ Lulju 1998, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Nepal-Franza” fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tal-Maestà Tiegħu tan-Nepal dwar is-Servizzi ta' l-Ajru inizjalat u mehmuż bħala l-Anness 3 għall-Protokoll magħmul f'Bonn fis-26 ta' Lulju 2000, minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim Nepal-Ġermanja” fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Maestà Tiegħu tan-Nepal u l-Gvern tar-Repubblika Taljana dwar is-Servizzi ta' l-Ajru inizjalat f'Katmandu fit-8 ta’ Mejju 1992, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Nepal-Italja” fl-Anness 2;

ANNESS 2

Lista ta' Artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ta' dan il-Ftehim

(a) Deżinjazzjoni minn Stat Membru:

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Nepal-Awstrija;

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Nepal-Franza;

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Nepal-Italja;

- l-Artikolu 3 tal-Ftehim Nepal-Lussemburgu;

- l-Artikolu 5 tal-Ftehim Nepal-Olanda;

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Nepal-Renju Unit.

(b) Rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet jew permessi:

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Nepal-Awstrija;

- l-Artikolu 5 tal-Ftehim Nepal-Franza;

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Nepal-Ġermanja;

- l-Artikolu 5 tal-Ftehim Nepal-Italja;

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Nepal-Lussemburgu;

- l-Artikolu 6 tal-Ftehim Nepal-Olanda;

- l-Artikolu 5 tal-Ftehim Nepal-Renju Unit.

(c) Sikurezza:

- l-Artikolu 8 tal-Ftehim Nepal-Awstrija;

- l-Artikolu 9 tal-Ftehim Nepal-Franza;

- l-Artikolu 14 tal-Ftehim Nepal-Ġermanja;

- l-Artikolu 10 tal-Ftehim Nepal-Italja;

- l-Artikolu 6 tal-Ftehim Nepal-Lussemburgu;

- l-Artikolu 10 tal-Ftehim Nepal-Olanda;

(d) Tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni:

- l-Artikolu 9 tal-Ftehim Nepal-Awstrija;

- l-Artikolu 12 tal-Ftehim Nepal-Franza;

- l-Artikolu 7 tal-Ftehim Nepal-Ġermanja;

- l-Artikolu 6 tal-Ftehim Nepal-Italja;

- l-Artikolu 8 tal-Ftehim Nepal-Lussemburgu;

- l-Artikolu 13 tal-Ftehim Nepal-Olanda;

- l-Artikolu 8 tal-Ftehim Nepal-Renju Unit.

(e) Tariffi għall-Ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea:

- l-Artikolu 12 tal-Ftehim Nepal-Awstrija;

- l-Artikolu 14 tal-Ftehim Nepal-Franza;

- l-Artikolu 8 tal-Ftehim Nepal-Italja;

- l-Artikolu 10 tal-Ftehim Nepal-Lussemburgu;

- l-Artikolu 8 tal-Ftehim Nepal-Olanda;

- l-Artikolu 7 tal-Ftehim Nepal-Renju Unit.

ANNESS 3

Lista ta’ stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a) Ir-Repubblika ta l-Iżlanda (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea) ;

(b) Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea) ;

(c) Ir-Renju Norveġiż (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea) ;

(d) Il-Konfederazzjoni Żvizzera (skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta' l-Ajru)

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta' Ġunju 2003 (dokument ristrett)

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].

[4] ĠU C [...], [...], p. [...].

[5] ĠU C [...], [...], p. [...].