9.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 257/30


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Multilingwiżmu”

(2008/C 257/06)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li fl-Unjoni Ewropea kollha, il-livelli reġjonali u lokali għandhom responsabbiltà għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità lingwistika. Ir-reġjuni u l-korpi lokali jinsabu f'pożizzjoni privileġġjata sabiex jibnu sħubija kostruttiva ma' l-istituzzjonijiet li jagħlmu l-lingwi, sabiex ifasslu korsijiet ta' tagħlim u taħriġ professjonali skond il-bżonnijiet u l-esiġenzi lokali speċifiċi;

jemmen li minħabba n-natura essenzjali tad-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea, il-kostruzzjoni tas-soċjetà multingwali għandha, għalhekk, tkun affrontata bl-intenzjoni li jiġu massimizzati l-effetti pożittivi tad-diversità waqt li jitnaqqsu l-effetti negattivi;

jemmen li kulħadd fl-UE, waqt li jżomm il-lingwa(/i) proprja tiegħu ta' oriġini, liema element jidentifika l-wirt kulturali tiegħu, għandu jsegwi triq matul il-ħajja tiegħu kollha li twasslu sabiex jikseb ukoll għarfien attiv u passiv tat-tieni lingwa komuni u t-tielet lingwa magħżula fuq il-bażi ta' l-affinità kulturali jew l-esiġenzi tal-mobilità soċjali u ekonomika tal-pajjiż jew reġjun ta' oriġini;

jenfasizza li bil-għan li jiksbu l-objettiv ta' “lingwa waħda + 2”, ir-reġjuni jridu jaqdu r-rwol ta' protagonista speċjalment fl-implimentazzjoni tal-programmi edukattivi;

jipproponi li r-reġjuni kollha jitħeġġu jwaqqfu forum lokali dwar il-multilingwiżmu sabiex jimmonitorjaw it-tendenzi lokali ta' natura soċjali, ekonomika u edukattiva u jipproponu inizjattivi neċessarji li jqajmu l-kuxjenza tal-pubbliku u l-motivazzjoni fir-rigward ta' tagħlim tul il-ħajja kollha skond il-formula “lingwa waħda + 2”.

Rapporteur

:

Roberto PELLA (IT/PPE), Kunsillier tal-Provinċja ta' Biella u Viċi-Sindku ta' Valdengo

RAKKOMANDAZZJONIJIET POLITIĊI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea għall-impetus qawwi li ngħata lit-tema tal-multilingwiżmu bil-ħolqien fl-1 ta' Jannar 2007 ta' portafoll veru u proprju dwar is-suġġett fdat lill-Kummissarju Leonard Orban. Meta wieħed iqis l-importanza ta' dan il-portafoll u l-isfida li dan jippreżenta, għandu jissaħħaħ sabiex ikun jista' jiżviluppa u jilħaq b'mod effikaċji l-objettivi li jingħatawlu;

2.

jerġa jtenni l-prijorità li l-kwistjoni tal-multilingwiżmu għandha fl-aġenda politika Ewropea, prijorità li tinvolvi orrizontalment is-setturi kollha li joperaw fil-ħajja soċjali, ekonomika u kulturali fl-Ewropa;

3.

jappoġġja l-iskema ta' ħidma stabbilita mill-Kummissarju Orban, li għalih il-fenomenu multilingwistiku huwa strumentali fil-ħolqien ta' integrazzjoni Ewropea akbar u ta' djalogu akbar bejn il-kulturi;

4.

minħabba n-natura essenzjali tad-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea, il-kostruzzjoni tas-soċjetà multilingwali għandha, għalhekk, tkun affrontata bl-intenzjoni li jiġu massimizzati l-effetti pożittivi tad-diversità waqt li jitnaqqsu l-effetti negattivi sabiex b'hekk id-diversità ma tkunx qed tintuża biss bħala l-għan aħħari fiha nniffisha;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-analiżi li saret mill-grupp ta' livell għoli dwar il-multilingwiżu maħluq fl-2005 u jaqsam il-punt ċentrali ta' l-azzjonijiet li jistgħu jitqassru kif ġej:

hemm bżonn ta' aktar azzjoni sabiex titqajjem il-kuxjena, speċjalment permezz ta' kampanji ta' informazzjoni indirizzati lill-ġenituri, liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tat-taħriġ u tal-kultura;

hemm bżonn ta' azzjoni li tippermetti ż-żjieda fil-motivazzjoni u t-tagħlim ta' lingwi ġodda speċjlament permezz ta' attivitajiet extrakurrikulari, immirati għat-tfal u informali;

hemm bżonn ta' aktar attenzjoni fil-konfront tal-potenzjalità kulturali u lingwistika ta' l-immigranti bħala parti mill-għan li l-migranti jiġu integrati fis-soċjetà ospitanti kif ukoll li jkunu jistgħu, permezz tal-multilingwiżmu tagħhom, jiksbu l-potenzjal individwali tagħhom kollu;

hemm bżonn li tiġi estiża l-azzjoni multilingwistika Ewropea anke għal-lingwi tal-pajjiżi terzi sabiex tiġi massimizzata l-kompetittività Ewropea;

6.

jindika r-riżultat tal-konsultazzjoni onlajn attivata f'Settembru 2007 li tagħti sommarju tal-punti prinċipali segwenti ta' azzjoni dwar il-multilingwiżmu:

it-tagħlim lingwistiku huwa element essenzjali sabiex tinżamm jew tiżdied il-possibbiltà individwali ta' xogħol;

l-aħjar mod sabiex jiġi motivat it-tagħlim multilingwistiku huwa li jinbeda minn proċess edukattiv bikri kif ukoll li jkun inċentiv għal perijodi ta' studju jew ta' xogħol barra l-pajjiż;

sabiex il-metodi ta' tagħlim ikunu effetti kemm jista' jkun hemm bżonn li tipoġġa enfasi fuq l-azzjoni dwar metodi mhux standardizzati ta' trasferiment tal-kompetenzi lingwistiki li jqisu l-bżonnijiet individwali;

l-aħjar mod sabiex tiġi rispettata d-diversità lingwistika fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew ġej minn għarfien aħjar tal-kultura li hija wara l-lingwa li wieħed qed jitgħallem jew dik li wieħed jinsab imdawwar biha;

il-lingwa għandha impatt qawwi fuq ix-xena ekonomika peress li huwa aktar faċli li jsir kummerċ ma' kumpanija barranija jekk wieħed ikun jaf il-lingwa tal-pajjiż fejn jinsab in-negozju;

mezz tajjeb sabiex tissaħħaħ il-kompetenza lingwistika fuq ix-xogħol huwa li jiġu promossi korsijiet tal-lingwa fl-intrapriżi sakemm ikunu vijabbli għall-intrapriża kkonċernata;

l-użu ta' numru akbar ta' lingwi uffiċjali fil-ħidmiet ta' l-Unjoni Ewropea u ż-żjieda b'konsegwenza ta' dan fl-ispejjeż ta' ġestjoni huma kkunsidrati bħala mixtieqa sabiex jiġi żviluppat is-sens multilingwistiku ta' l-istituzzjonijiet;

7.

jenfasizza u jaqsam il-proposti tal-grupp ta' l-intelletwali għad-djalogu kulturali li twaqqaf fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u ppresedut minn Amin Maalouf, u b'mod partikulari jafferma:

li fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-popli ta' l-Unjoni Ewropea, għandha tingħata preferenza lill-użu ta' lingwi ta' dawn il-popli;

l-importanza li l-Unjoni Ewropea tippromovi l-idea tal-lingwa barranija magħżula mill-individwu;

8.

jenfasizza li l-promozzjoni u s-salvagwardja tad-diversità kulturali u lingwistika hija prijorità ċentrali. Fl-Unjoni Ewropea d-diversità lingwistika għandha tiġi mifhuma bħala r-rikonoxximent u l-użu:

tal-lingwi uffiċjali ta' l-UE;

tal-lingwi uffiċjali ta' l-Istati Membri ta' l-UE;

tal-lingwi minoritarji mitkellma iżda mhux rikonoxxuti uffiċjalment fl-Istati Membri ta' l-UE.

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jippromovu d-diversità lingwistika fl-oqsma rispettivi ta' l-attivitajiet tagħhom;

9.

fl-Unjoni Ewropea kollha, il-livelli reġjonali u lokali għandhom responsabbiltà għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità lingwistika. Huma wkoll kompetenti fir-rigward ta' taħriġ, tagħlim professjonali u edukattiv ta' l-adulti, jirrappreżentaw komponent tas-sħubija soċjali u jikkoordinaw it-tkabbir u l-iżvilupp reġjonali u lokali;

10.

f'taħriġ professjonali li jiġi ispirat minn tagħlim tul il-ħajja kollha, kunċetti bħal “għarfien” u “tagħlim” jiksbu konnotazzjoni importanti, anke minħabba l-fatt li d-dinja tax-xogħol, bl-għadd kbir ta' opportunitajiet li toffri, teħtieġ kompetenzi lingwistiċi aktar wiesgħa;

11.

ir-reġjuni u l-korpi lokali jinsabu f'pożizzjoni privileġġjata sabiex jibnu sħubija kostruttiva ma' l-istituzzjonijiet li jagħlmu l-lingwi, sabiex ifasslu korsijiet ta' tagħlim u taħriġ professjonali skond il-bżonnijiet u l-esiġenzi lokali speċifiċi;

12.

jemmen madankollu li l-korpi reġjonali u lokali huma aktar attrezzati sabiex jissodisfaw id-diversi bżonnijiet lingwistiċi lokali, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe appoġġ li jistgħu jirċievu mill-awtoritajiet ċentrali/nazzjonali.

Kummenti ġenerali

13.

huwa tal-fehma li l-Ewropa għandha tibni l-koeżjoni soċjali u ekonomika tagħha billi timmassimizza l-opportunitajiet marbutin mal-mobilità, l-globalizzazzjoni, il-kultura Ewropea u s-sens ta' ċittadinanza Ewropea;

14.

il-mod prinċipali kif jista' jinkiseb dan il-proċess huwa billi jiġu eliminati l-ostakoli lingwistiċi li l-pajjiżi u l-individwi jridu jiffaċċjaw minħabba li:

a.

l-għarfien tal-lingwi barranin isaħħaħ ħafna l-mobilità professjonali, edukattiva, kulturali u personali. L-Unjoni Ewropea qatt ma tista' tkun unjoni vera jekk iċ-ċittadini ma jilħqux livell għoli ta' mobilità interna;

b.

l-għarfien tal-lingwi jippermetti titjib nett tal-kompetittività peress li jippermetti li jsiru kuntatti ġodda, skambji ta' prattiki, bejgħ tal-prodotti u provvista ta' servizzi. Il-globalizzazzjoni tippermetti ftuħ tas-swieq tal-kummerċ u tax-xogħol. L-għarfien tal-lingwi huwa wieħed mir-rekwiżiti sabiex jinbnew u jiġu żviluppati rapporti stretti ta' sħubija ma' pajjiżi u kumpaniji Komunitarji oħrajn u b'hekk jiġu sfruttati l-possibbiltajiet tal-globalizzazzjoni;

c.

il-lingwa hija l-espressjoni l-aktar diretta tal-kultura u tikkontribwixxi għat-titjib tal-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej. Il-kultura Ewropea ma tistax tibbaża fuq l-aċċettazzjoni u l-kostruzzjoni passiva tal-“puzzle” tal-kultura ta' l-Istati Membri (soċjeta multikulturali) iżda trid tikkonsolida ruħha permezz ta' skambju kulturali wiesa' bejn iċ-ċittadini u l-affirmazzjoni tal-valur tad-diversità u ta' l-identità kulturali (soċjeta interkulturali);

d.

il-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva, ta' l-involviment istituzzjonali tar-reġjuni, tal-konsultazzjoni u l-kuntatt bejn iċ-ċittadini kif ukoll ta' l-inklużjoni soċjali hija neċessarja sabiex tiġi garantita azzjoni Ewropea aktar effettiva fir-rigward tal-leġislazzjoni li għandhom ikunu dejjem aktar appoġġjati u maqbula mir-reġjuni u minn kull ċittadin. Għalhekk huwa neċessarju li l-Komunità Ewropea titkellem bil-lingwa taċ-ċittadini tagħha fid-dokumenti tagħha u fir-relazzjonijiet isituzzjonali interni u esterni tagħha sabiex jinftiehmu, ħalli l-istituzzjonijiet lokali (l-awtoritajiet lokali u reġjonali) ikunu jistgħu jinteraġixxu sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu l-messaġġ u jipparteċipaw fil-ħajja Ewropea u jaġixxu ta' multiplikaturi għall-objettivi strateġiċi proposti;

15.

jemmen li huwa neċessarju li l-Kummissjoni, rigward il-metodu miftuħ ta' kooperazzjoni fil-qasam multilingwistiku, għandha tagħti l-attenzjoni tagħha billi tinvolvi mhux biss lil-livelli amministrattivi nazzjonali iżda wkoll lil dak lokali u reġjonali peress li ta' spiss dawn il-livelli huma r-responsabbli prinċipali ta' l-applikazzjoni tad-diversi miżuri fiż-żona tagħhom;

16.

f'dan il-kuntest, jikkunsidra wkoll neċessarju li jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rispett u d-dinjità tal-lingwi mhux uffiċjali mitkellma mill-minoranzi li jirrappreżentaw, l-istess bħal-lingwi uffiċjali, id-diversità tal-kultura reġjonali li jridu jsibu spazju fil-programmi Ewropej ta' inklużjoni.

Messaġġi u azzjonijiet prinċipali

17.

jemmen li huwa importanti li l-għanijiet tal-politiki multilingwistiċi Ewropej jitnaqqxu fl-objettiv lingwa materna + 2;

18.

kulħadd fl-UE, waqt li jżomm il-lingwa(/i) proprja tiegħu ta' oriġini, liema element jidentifika l-wirt kulturali tiegħu, għandu jsegwi triq matul il-ħajja tiegħu kollha li twasslu sabiex jikseb ukoll għarfien attiv u passiv tat-tieni lingwa komuni u t-tielet lingwa magħżula fuq il-bażi ta' l-affinità kulturali jew l-esiġenzi tal-mobilità soċjali u ekonomika tal-pajjiż jew reġjun ta' oriġini;

19.

jemmen li l-għażla tal-lingwa barranija għandha ssir mhux biss minn fost il-lingwi kkunsidrati uffiċjali ta' l-UE iżda wkoll minn fost il-lingwi żgħar Ewropej u, fuq kollox, fost il-lingwi li mhumiex Ewropej li jirrappreżentaw opportunitajiet kulturali, ekonomiċi u soċjali prinċipali għat-tkabbir tal-kompetittività ta' l-Ewropa;

20.

jipproponi bħala prijoritajiet il-messaġġi segwenti prinċipali li għandhom jiġu adottati fil-politika dwar il-multilingwiżmu Ewropew u li għandhom jiġu tradotti f'azzjonijiet operattivi li jafu jimmotivaw il-popolazzjoni, iżommu d-diversità, u jpoġġu lill-korpi lokali u reġjonali fiċ-ċentru ta' l-għażliet tal-korsijiet ta' taħriġ.

Involviment reġjonali

21.

Ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa fundamentali mhux biss minħabba l-fatt li ħafna minnhom għandhom il-kompetenza politika u amministrattiva fil-qasam ta' l-edukazzjoni iżda wkoll minħabba li jirnexxilhom jissorveljaw aħjar is-sitwazzjoni tal-multilingwiżmu tal-pubbliku u t-tendenzi ta' l-applikazzjoni tad-direttivi u programmi Komunitarji. Fil-fatt, huwa fil-livell reġjonali u lokali li jitkejlu l-kompetenzi miksuba u l-prattiki mwettqa, u bis-saħħa ta' dan, jista' jingħata impetus qawwi lill-azzjoni politika Ewropea.

22.

Bil-għan li jiksbu l-objettiv ta' “lingwa waħda + 2”, ir-reġjuni jridu jaqdu r-rwol ta' protagonista speċjalment fl-implimentazzjoni tal-programmi edukattivi.

23.

Fi kwalunkwe pajjiż, kull reġjun jista' jkollu tendenzi storiċi, ċiviċi, kulturali, soċjali u ekonomiċi speċifiċi.

24.

Id-diversità reġjonali trid titħeġġeġ, u dan ifisser li kull reġjun għandu jiġi mistieden jipproponi programm ta' tagħlim lingwistiku fuq il-bażi ta' analiżi, riċerki, servejs li jsiru mill-awtoritajiet lokali u mir-reġjuni dwar it-tradizzjoni kulturali, ix-xewqa tal-pubbliku, l-esiġenzi u l-prospettivi ekonomiċi-soċjali tar-reġjun.

25.

Għalhekk ikun possibbli li tiġi ssorveljata l-konformità bejn il-bżonnijiet lokali u l-programmi edukattivi fis-seħħ u li jiġu modifikati, permezz ta' l-istrument flessibbli ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-inizjattivi edukattivi li ma ħallewx ir-riżultati mixtieqa.

26.

Il-lingwa barranija għandha tintgħażel liberament. Fil-każ li Stat Membru jkollu aktar minn lingwa waħda uffiċjali ta' l-UE, it-tagħlim tal-lingwa(/i) l-oħra għandu jitħeġġeġ ukoll.

27.

Jikkunsidra li l-politika tal-multilingwiżmu għandha tinkludi wkoll portafolli esterni importanti. Il-promozzjoni tal-lingwi Ewropej barra l-Unjoni tippreżenta interess kemm kulturali kif ukoll ekonomiku. Bl-istess mod, l-Unjoni Ewropea għandha turi li hija miftuħa għal-lingwi tal-pajjiżi terzi, bħaċ-Ċiniż, l-Għarbi, l-Indjan, ir-Russu, eċċ.

28.

Qed jiġi propost għalhekk li r-reġjuni kollha jitħeġġu jwaqqfu forum lokali dwar il-multilingwiżmu sabiex jimmonitorjaw it-tendenzi lokali ta' natura soċjali, ekonomika u edukattiva u jipproponu inizjattivi neċessarji li jqajmu l-kuxjenza tal-pubbliku u l-motivazzjoni fir-rigward ta' tagħlim tul il-ħajja kollha skond il-formula “lingwa waħda + 2”.

29.

Barra minn hekk, għandu jingħata impetus lill-programmi ta' inklużjoni taċ-ċittadini immigrati. L-għarfien tal-lingwi rilevanti li huma u t-tfal tagħhom għandhom bżonn sabiex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom fis-soċjetà Ewropea għandu jiġi inkoraġġut u ffaċilitat, filwaqt li jiġi żgurat li d-dritt tagħhom li jżommu l-lingwa tagħhom ta' oriġini jiġi rispettat bis-sħiħ. Il-lingwi li għandhom jitgħallmu u jakkwistaw għandhom ikunu l-lingwa uffiċjali ta' l-UE tat-territorju kif ukoll il-lingwi ko-uffiċjali taż-żoni jew reġjuni fejn jgħixu, b'konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom.

30.

Fil-qosor, id-dinja ta' l-iskola għandha titħeġġeġ mill-istituzzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex jadottaw firxa wiesgħa ta' lingwi fil-pakkett ta' taħriġ fil-kurrikula. Is-sistemi edukattivi għandhom jikkunsidraw firxa wiesgħa ta' lingwi, individwati skond il-bażi ta' l-esiġenzi soċjali, ekonomiċi u kulturali tar-reġjun.

31.

Jikkunsidra li l-ħakma tal-lingwi hija fattur importanti ħafna ta' kompetittività. Xi studji urew li l-intrapriżi Ewropej jitilfu s-swieq minħabba nuqqasijiet lingwistiċi;

32.

jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha f'dan il-qasam.

Integrazzjoni lingwistika aħjar

33.

Fir-rigward tal-lingwi żgħar u l-lingwi mitkellma minn minoranza, hemm bżonn li jitfakkar li dawn jgħinu jżidu l-valur bażiku tal-kultura Ewropea, u ċjoè d-diversità u għalhekk mhux biss m'għandhomx jiġu żvantaġġati f'dan il-proċess iżda għandhom ikunu suġġetti b'mod partikolari għall-ħarsien.

34.

L-espressjonijiet “lingwa tal-minoranza” jew “lingwa żgħira” m'għandhomx isiru raġuni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq il-valur tal-lingwa.

35.

Jipproponi l-promozzjoni ta' dibattiti sabiex jiġu stabiliti termini iktar xierqa li jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni attwali.

36.

Huwa importanti, għalhekk, li jitkompla l-proċess ta' rikonoxximent ta' dawk il-lingwi tal-minoranza li jirrappreżentaw tradizzjonijiet u kulturi sodi fuq livell Ewropew.

37.

Dan jippermetti r-rikonoxximent istituzzjonali Ewropew li jwassal lill-UE sabiex tittraduċi d-dokumenti proprji tagħha f'numru akbar ta' lingwi mit-23 attwali, u għalhekk titħeġġeġ l-interazzjoni diretta bejn l-istituzzjoni Ewropea u ċ-ċittadin.

38.

Il-proċess ta' rikonoxximent Ewropew u ta' diversifikazzjoni reġjonali jippermetti żjieda fl-inklużjoni soċjali.

39.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2005 li jippermettu l-użu fil-korpi u l-istituzzjonijiet ta' l-UE ta' lingwi oħra barra dawk rikonoxxuti bħala lingwi uffiċjali skond ir-Regolament 1/1958.

40.

Anke l-lingwi li mhumiex uffiċjali la fil-livell Ewropew u lanqas fil-livell lokali jew reġjonali, madankollu, iridu jkomplu jkunu parti mill-programmi ta' tagħlim sabiex tiġi protetta l-identità.

Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

41.

Barra minn hekk hemm il-problema kif iċ-ċittadini għandhom jiġu appoġġjati fil-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja kollha.

42.

Għalkemm huwa aktar faċli li t-tagħlim tal-lingwi jiġi “indirizzat” fl-iskola u li ż-żgħażagħ tal-lum jiġu megħjuna sabiex aktar tard ma jitilfux il-kuxjenza interkulturali lingwistika miksuba fuq il-bank ta' l-iskola, il-problema tidher aktar kumplessa fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet li llum diġà ilhom neqsim mis-sistemi ta' tagħlim u li qatt ma għaddew minn proċess ta' tagħlim multilingwistiku. Huwa importanti wkoll li jkun garantit it-tagħlim tal-lingwi għall-ġenerazzjoni iktar anzjana li ħafna minnhom ma jkollhomx kuntatt mal-lingwi barranin la fil-ħajja privata u lanqas fuq ix-xogħol. Dan ikattar il-“vuċi” tagħhom fi xjuħithom, u b'hekk iwassal biex jgħixu ċittadinanza Ewropea involuta b'mod aktar sħiħ.

43.

Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġu promossi mekkaniżmi ta' tagħlim li mhux biss huma għall-but ta' kulħadd (sikwit, l-ispejjeż tal-korsijiet tal-lingwi jirrappreżentaw ostakolu għat-tixrid ta' l-edukazzjoni għall-ġenerazzjoni anzjana), iżda wkoll li jistgħu jintużaw minn persuni li għandhom problema ta' mobbiltà jew li ma jistgħux jagħtu l-impenn attiv mitlub f'termini ta' ħin.

44.

Jindika wkoll li għandhom isiru sforzi sabiex it-tagħlim tal-lingwa barranija jsir bl-aktar mod korrett possibbli, b'mod speċjali fid-dawl tal-komunità dejjem tikber ta' migranti.

45.

Għalhekk, jemmen li huwa importanti li jiġi enfasizzat li jeżistu forom eħfef ta' tagħlim li jippermettu lill-individwu jikseb kompetenzi lingwistiċi bażiċi li bihom ikun jista' jesprimi lilu nnifsu u jifhem lil ħaddieħor. Dawn il-forom ta' tagħlim għandhom jiġu promossi mill-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali ta' tagħlim, u ffinanzjati mill-UE sabiex jinxterdu l-opportunitajiet ta' tagħlim u jitnaqqas id-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet fit-tagħlim tal-lingwi.

46.

Barra minn hekk għandhom jitħeġġu forom alternattivi ta' tagħlim li jitwasslu permezz ta' użu wiesa' tal-mezzi tax-xandir li jippromovu l-programmi mxandra fuq it-televiżjoni bil-lingwa oriġinali bis-sottotitoli (applikabbli għall-programmi tat-TV, ċinema, films, aħbarijiet) kif ukoll użu akbar ta' korsijiet tal-lingwa bil-kompjuter u programmi ta' traduzzjoni fuq l-internet. Dan ikun qisu tagħlim awtonomu tul il-ħajja kollu (long life self learning).

47.

Min-naħa l-oħra, hemm bżonn li fost iż-żgħażagħ u t-tfal titħeġġeġ minnufih il-motivazzjoni li jitgħallmu lingwa ġdida. It-tagħlim tat-tieni lingwa għandu jibda kmieni kemm jista' jkun sabiex it-tfal jidraw il-ħsejjes ta' lingwa barranija, billi dan jiffaċilita u jgħaġġel it-tagħlim tal-lingwi b'mod ġenerali.

48.

Għandu jsir progress fil-proċess ta' l-akkwist tal-lingwi fl-iskejjel primarji u sekondarji. Il-proċess edukattiv għandu jżid l-opportunitajiet li l-istudenti jitkellmu b'lingwa barranija fl-iskola primarja u li jsiru familjari mat-tielet lingwa fl-iskejjel sekondarji.

49.

Il-proċess universitarju għandu joffri l-opportunità li wieħed jipperfezzjona jew sostanzjalment itejjeb il-kompetenza lingwistika tiegħu anke permezz ta' tisħiħ tal-proġetti Erasmus u Socrates.

50.

Iżda l-universitajiet iridu jiftħu l-bibien tagħhom mhux biss għall-istudenti “maturi” li jridu jerġgħu jistudjaw il-lingwi iżda wkoll għan-negozji: dawn iridu jiġu megħjuna u mbuttati sabiex jippermettu lill-persunal tagħhom u lill-maniġment jilqgħu l-isfida li jitgħallmu lingwi “kummerċjali” ġodda. F'dan ir-rigward wieħed għandu jippromovi s-sħubijiet bejn l-intrapriżi u l-universitajiet.

51.

Apparti dan, hemm bżonn li jiġu żviluppati korsijiet ta' traduzzjoni u interpretazzjoni li jinvolvu mhux biss l-istituzzjonijiet (mill-pubbliku ġenerali, għar-reġjuni sal-Parlament Ewropew — il-promozzjoni u l-premjazzjoni tal-bliet li kapaċi jippreżentaw is-siti tagħhom ta' l-internet u d-dokumentazzjoni esterna tagħhom f'aktar minn lingwa waħda huma inċentiv tajjeb għall-multilingwiżmu istituzzjonali lokali) iżda wkoll il-punti ta' kuntatt mal-pubbliku.

Interdixxiplinari (l-involviment ta' aktar minn dixxiplina akkademika waħda)

52.

Il-multilingwiżmu jista' jitħeġġeġ mhux biss fuq il-bażi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ iżda wkoll ta' l-attivitajiet rikreattivi.

53.

It-tagħlim ta' aktar minn lingwa waħda permezz ta' l-isport jew il-kultura, per eżempju, huwa mod kif titqajjem kuxjenza fost varjetà kbira ta' nies, mit-tfal sa l-adulti.

54.

Ukoll, is-suq tal-mużika, fir-rigward tal-kanzunetti, diġà huwa minnu nnifsu globali u multilingwi: tkun pożittiva per eżempju l-promozzjoni ta' avvenimenti bħall-“EuroMusic Open Day” li tiffoka fuq il-lirika tal-kanzunetti.

55.

Iċ-ċirkulazzjoni ta' xogħlijiet letterarji permezz ta' programm ta' traduzzjoni litterarja (pubblikazzjoni f'żewġ lingwi — oriġinali u traduzzjoni) għandha tissaħħaħ u mhux biss fuq l-inizjattiva ta' l-edituri iżda wkoll permezz ta' sħubijiet pubbliċi mwaqqfa sabiex iħeġġu lill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali sabiex jippromovu inizjattivi privati marbutin mal-multilingwiżmu.

Istituzzjonijiet — UE

56.

M'hemm l-ebda dubju li l-multilingwiżmu “istituzzjonali” fi ħdan l-UE żgur huwa indispensabbli. Minħabba f'hekk huwa neċessarju li mingħajr aktar dewmien, l-istituzzjonijiet ta' l-UE jiggarantixxu ta' l-anqas l-interpretazzjoni passiva fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sabiex dawk li jkunu qed jipparteċipaw fid-diskussjoni jkunu jistgħu jesprimu ruħhom bil-lingwa tagħhom.

57.

Huwa konvint li l-preservazzjoni tad-diverstà kulturali tfisser il-garanzija ta' sistema ta' traduzzjoni, formali jew informali, fil-lingwi kollha uffiċjali Ewropej. Huwa assolutament neċessarju li jitħeġġeġ il-multilingwiżmu f'kull punt ta' laqgħat informali billi tiġi garantita komunikazzjoni bilaterali fil-lingwi tal-parteċipanti.

58.

Fil-laqgħat formali u għad-dokumenti ta' ħidma kif ukoll dawk uffiċjali hemm bżonn ta' traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Istati Membri. B'rispett lejn kull Stat Membru bħala bażi fundamentali ta' l-UE, l-UE, b'mod reċiproku, għandha tgħin billi tipprovdi lil kull wieħed minnhom, f'konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, id-dokumenti neċessarji sabiex iċ-ċittadini tagħhom jeżerċitaw iċ-ċittadinanza Ewropea attiva.

Il-fruntieri esterni ta' l-UE

59.

Il-multilingwiżmu m'għandux ikun limitat għall-iżvilupp tal-mobbiltà soċjali u ekonomika fl-UE iżda għandu jippermetti liċ-ċittadin Ewropew li jinfetaħ għas-swieq u għall-kulturi esterni għall-UE.

60.

Dan jitqies importanti anke fid-dawl tat-tendenzi li jimbuttaw lill-UE sabiex ikollha kuntatti ekonomiċi u kulturali dejjem aktar mill-qrib ma' swieq bħal dak Ċiniż, Russu u Ġappuniż.

61.

Il-kompetittività esterna mtejba ta' l-UE tiddependi għalhekk ukoll fuq tisħiħ tal-korsijiet ta' taħriġ u ta' tagħlim tal-lingwi mhux Komunitarji.

61.

Il-lingwa barranija tista' tintgħażel minn fost il-lingwi kollha ta' kuntatt mal-pajjiżi Ewropej b'kunsiderazzjoni partikulari tal-lingwi tal-pajjiżi emerġenti mhux parti mill-UE kif ukoll il-karatteristiċi kulturali tal-pajjiżi li magħhom l-Ewropa qed tibni kuntatti kummerċjali.

Brussell, id-19 ta' Ġunju 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE