|
23.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 45/89 |
Nikaragwa
P6_TA(2008)0641
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet ċivili u d-demokrazija fin-Nikaragwa
(2010/C 45 E/16)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-1948, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Djalogu Politiku u Koperazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2003 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama fuq in-naħa l-oħra, u l-Ftehima Qafas ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti ppreżentati mit-tim ta' esperti tal-UE għall-proċess u l-elezzjonijiet muniċipali li seħħew fid-9 ta' Novembru 2008 li għadda fin-Nikaragwa, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Benita Ferrero Waldner dwar dak li ġara fin-Nikaragwa wara l-elezzjonijiet muniċipali u reġjonali tad-9 ta' Novembru 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-iffirmar ta' Ftehima ta' Sħubija bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa dwar id-difensuri u l-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tat-22 ta' Ottubru 2008 tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sitt rawnd ta' negozjati għall-Ftehima ta' Sħubija bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali li se jsir fis-26 u s-27 ta' Jannar 2009, fi Brussell, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi saru allegazzjonijiet ta' qerq fir-rigward tar-riżultati tal-elezzjonijiet muniċipali tad-9 ta' Novembru 2008 li ġew irrappurtati mit-tim ta' esperti tal-UE semmew in-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa li jorganizzaw proċess ġenwinament demokratiku; billi l-aggressjonijiet li akkumpanjawhom, immirati b'mod partikulari kontra l-mezzi ta' komunikazzjoni, u l-polarizzazzjoni u l-konfrontazzjonijiet li seħħew b'riżultat, |
|
B. |
billi n-NU, l-UE, l-Istati Uniti u diversi NGOs fin-Nikaragwa esprimew tħassib rigward it-trasparenza tal-elezzjonijiet, |
|
C. |
billi skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill Elettorali Suprem tal-11 ta' Ġunju 2008, min-naħa waħda ġiet ikkanċellata l-personalità legali tal-Moviment Sandinist ta' Tiġdid (Movimiento Renovador Sandinista), u min-naħa l-oħra ġie allegat li l-Partit Konservattiv ma ssodisfax il-prerekwiżiti tal-ħruġ għall-elezzjonijiet muniċipali ta' Novembru 2008, u b'hekk impedixxa l-parteċipazzjoni ta' dawn iż-żewġ partiti, |
|
D. |
billi l-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tagħhom, ġurnalisti u rappreżentanti tal-mezzi ta' komunikazzjoni ġarrbu diversi attakki u atti ta' fastidju minn persuni, setturi politiċi u entitajiet b'rabtiet mal-poter statali, |
|
E. |
billi l-Viċi Ministru għall-Koperazzjoni tan-Nikaragwa ippropona mekkaniżmu ta' “tassassjoni konġunta” għall-appoġġ finanzjarju li jirċievu l-NGOs u għal investigazzjoni ta' diversi NGOs għall-allegat nuqqas ta' sodisfar ta' rekwiżiti legali, bħal fil-każ tal-akkużi ta' “trijangolazzjoni ta' fondi” kontra 17-il għaqda tad-drittijiet tal-bniedem, |
|
F. |
billi kien hemm investigazzjonijiet kriminali kontra dawk li jiddefendu d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi dawk li appoġġjaw lil tifla li kienet ġiet stuprata u li sarilha abort biex tiġi salvatha ħajjitha fi żmien meta l-abort terapewtiku ma kienx offiża kriminali, |
|
G. |
billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-Istat tad-Dritt, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iridu jkunu parti integrali mill-politika esterna tal-UE, |
|
H. |
billi l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha, meta jagħmlu ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jkunu jinkludu klawżola tad-drittijiet tal-bniedem, jassumi responsabilità li jiżguraw konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u klawżoli bħal dawn huma min-natura tagħhom reċiproki, |
|
I. |
billi n-Nikaragwa f'dawn l-aħħar għoxrin sena spiċċat f'sitwazzjoni ta' faqar kbir, |
1. Jiddispjaċih ħafna dwar il-mod ta' kif tmexxa l-proċess elettorali tal-elezzjonijiet lokali tad-9 ta' Novembru 2008, u jqis li r-riżultati tagħhom m'għandhom ebda leġittimità demokratika;
2. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-klima ta' qerq allegat f'xi muniċipalitajiet irriżultat f'dimostrazzjonijiet u konfrontazzjonijiet bejn il-partitarji ta' partiti differenti, li ħallew numru ta' nies midruba u komplew jaggravaw kriżi politika li diġà kienet serja;
3. Jitlob lill-gvern tan-Nikaragwa biex jieħu miżuri urġenti biex jikkalma s-sitwazzjoni eżistenti, u jitlob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex jirrispettaw l-isforzi tal-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;
4. Jiddispjaċih dwar id-diversi attakki u atti ta' fastidju li sofrew l-għaqdiet tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti indipendenti u r-rappreżentanti tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fin-Nikaragwa f'dawn l-aħħar xhur, min-naħa ta' individwi, forzi politiċi u korpi b'rabtiet statali;
5. Jitlob lill-partiti politiċi biex jikkundannaw l-atti ta' vjolenza li wettqu l-partitarji tagħhom;
6. Jiddispjaċih dwar il-fatt li żewġ partiti politiċi ma setgħux jieħu sehem fl-elezzjonijiet lokali, u jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-progress tal-konsolidazzjoni u l-governanza demokratiċi fin-Nikaragwa, b'mod speċjali rigward il-proċessi ta' inklużjoni u parteċipazzjoni attiva;
7. Iħeġġeġ lill-gvern tan-Nikaragwa u lill-awtoritajiet statali biex iħarsu l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-qrati u b'hekk jiżguraw li l-bażijiet demokratiċi ta' pajjiżhom jiġu ppreservati, u biex jiżguraw li mill-aktar fis possibbli, in-Nikaragwa tirratifika l-Istatut ta' Ruma li ħoloq il-Qorti Kriminali Internazzjonali;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrija għall-istampa tas-27 Stat Membru tal-UE tat-22 ta' Ottubru 2008, li kkundannat l-attakki fuq id-difensuri u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Ifakkar li fin-negozjati għall-Ftehima ta' Sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtieġ tiġi mfakkra dwar il-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tal-Istat tad-Dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, kif tiddefendihom u tippromwovihom l-UE;
10. Jitlob lill-Istati Membri tal-UE sabiex jiżguraw li s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa titpoġġa fuq l-aġenda tal-laqgħat kollha mal-awtoritajiet tan-Nikaragwa, kemm dawk bilaterali kif ukoll dawk multilaterali;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.
(1) ĠU L 63, 12.3.1999, p. 39.