23.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 45/60


L-Att Awtentiku Ewropew

P6_TA(2008)0636

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Att Awtentiku Ewropew (2008/2124(INI))

(2010/C 45 E/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2005 bit-titolu “Il-programm tal-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin. Il-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja” (COM(2005)0184),

wara li kkunsidra l-istudju komparattiv dwar l-istrumenti awtentiċi mwettaq mill-Kummitat għall-Affairjiet Legali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0451/2008),

A.

billi, fil-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija dwar il-programm tal-Aja, il-Kummissjoni stqarret li waħda mill-prijoritajiet tagħha hija l-ħtieġa li tiggarantixxi spazju Ewropew effettiv fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, u prinċipalment f'dak li jikkonċerna r-rikonoxximent u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet legali; billi bil-għan li jkabbar il-fiduċja reċiproka fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-programm imsemmi jelenka bħala prijorità essenzjali fis-snin li ġejjin l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, billi dan huwa mod konkret ta' kif jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini u biex b'hekk tiġi garantita l-applikazzjoni transkonfinali fl-Ewropa,

B.

billi l-Programm tal-Aja jistipola li t-twettiq tal-implimentazzjoni tal-programm ta' rikonoxximent reċiproku jikkostitwixxi prijorità essenzjali, u li din l-implimentazzjoni għandha sseħħ sal-2011,

C.

billi l-moviment taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni Ewropea qiegħed jikber kontinwament; billi, b'konsegwenza ta' dan, kien hemm żvilupp fis-sitwazzjonijiet legali li jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed,

D.

billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq dwar il-Programm tal-Aja, li fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, ir-rikonoxximent tal-atti pubbliċi huwa aspett fundamentali li jrid jiġi trattat; billi għalhekk jeħtieġ b'mod urġenti li r-rikonoxximent u l-implimentazzjoni tal-atti awtentiċi, kif definiti fis-sentenza Unibank, jiġu promossi (1),

E.

billi approċċ settorjali u mhux omoġenju tal-leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam mhuwiex sodisfaċenti (2),

F.

billi titqies il-ħtieġa li ċ-ċittadini Ewropej jiġu mħarsa fir-relazzjonijiet familjari u ta' proprjetà tagħhom lilhinn mill-fruntieri,

G.

billi l-impriżi qed ikollhom dejjem aktar uffiċċji f'pajjiżi barranin u attivitajiet interkomunitarji li qed iwasslu għal ċirkulazzjoni akbar tal-atti awtentiċi relatati mal-ħolqien u mat-tħaddim tal-impriżi,

H.

billi huwa fundamentali għall-Unjoni li tistabbilixxi qafas legali ċar u sħiħ li jiggarantixxi liċ-ċittadini u lill-operaturi ekonomiċi Ewropej is-sigurtà u l-prevedibilità tas-sitwazzjonijiet legali u tat-tranżazzjonijiet stabbiliti minn dawk li jingħataw l-awtorità pubblika,

I.

billi l-ħolqien tal-ispazju legali Ewropew ġenwin f'dak li jikkonċerna l-qasam tat-tilwim jiddependi fuq ir-rikonoxximent transkonfinali tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda minn qorti jew minn awtorità amministrattiva u, f'dak li jikkonċerna l-qasam mhux ġudizzjarju, fuq ir-rikonoxximent transkonfinali tal-atti awtentiċi li tirċievi awtorità ġudizzjarja jew li jirċievu uffiċjali pubbliċi maħtura sabiex jawtentifikaw tal-atti legali,

J.

billi r-regolamenti eżistenti fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet legali japplika għall-atti awtentiċi li joħorġu mill-awtoritajiet pubbliċi,

K.

billi l-karatterstika essenzjali tal-att awtentiku hija s-saħħa probatorja tiegħu li tieħu preċedenza fuq dik ta' att privat, u li din is-saħħa probatorja, li l-maġistrat huwa obbligat li jaċċettaha, hija attribwita lilu regolarment fil-liġijiet tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-fiduċja fl-atti stabbiliti, fil-qafas tat-tranżazzjonijiet legali, minn uffiċjal pubbliku awtorizzat biex jagħmel dan jew minn awtorità pubblika (3),

L.

billi l-kundizzjoni mitluba bil-quddiem għas-saħħa probatorja ta' att awtentiku hija r-rikonoxximnet tal-awtentiċità tiegħu, fis-sens li dan joħroġ minn uffiċjal pubbliku li għandu s-setgħa li jistabbilixxi atti awtentiċi jew minn awtorità pubblika; billi l-fiduċja reċiproka fil-qasam tal-ġustizzja tal-Istati Membri tiġġustifika li l-proċeduri marbuta mal-verifika tal-awtentiċità ma jkunux applikabbli fil-futur sakemm ma jkunx hemm dubju serju dwar l-veridiċità tiegħu,

M.

billi r-rispett għal-liġi tal-Istat Membru fit-territorju li fih l-att ikun ippreżentat għall-użu jimplika, madankollu, iċ-ċertezza li r-rikonoxximent tas-saħħa probatorja ma jfissirx li l-att awtentiku barrani jgawdi, bis-saħħa tar-rikonoxximent tiegħu fl-Istat Membru li fih irid jiġi ppreżentat, minn saħħa probatorja li tieħu preċedenza fuq dik tal-att awtentiku nazzjonali ta' dak l-Istat Membru; billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-materjal tar-Regolament mitlub irid ikun ikopri l-parti essenzjali tal-liġi ċivili u kummerjċali, ħlief f'ċerti oqsma definiti,

N.

billi d-differenzi fl-istruttura u fl-organizzazzjoni ta' sistemi ta' reġistri pubbliċi fil-qasam tal-pussess ta' proprjetà, kif ukoll id-differenzi dwar in-natura u d-dimensjoni tal-fiduċja pubblika fihom, jirriżultaw fl-esklużjoni tat-trasferiment tad-drittijiet reali immobiljari minn strument Komunitarju futur, meta titqies il-korrelazzjoni stretta bejn il-metodu ta' tfassil ta' att awtentiku, minn naħa, u l-iskrizzjoni fir-reġistru pubbliku min-naħa l-oħra,

O.

billi, fil-qasam tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet legali madwar l-Unjoni, esklużjoni bħal din tikkorrisponi għall-għoti tal-kompetenza esklussiva lill-qrati fejn tinstab il-proprjetà għall-appelli kollha relatati mad-drittijiet reali immobiljari u għall-għoti lill-qrati fit-territorju fejn jinżamm ir-reġistru pubbliku għall-appelli kollha dwar il-validità tal-iskrizzjonijiet fir-reġistru pubbliku (4),

P.

billi l-istituzzjoni tal-att awtentiku ma teżistix f'sistemi ta' “common law“, b'mod partikolari fil-liġi Ingliża u dik ta' Wales, jew fil-pajjiżi Nordiċi; billi, fl-Ingilterra u f'Wales, jeżistu avukati (solicitors) li jwettqu d-dmirijiet ta' nutari, kif ukoll nutari professjonisti (scrivener notaries), iżda li dawn il-ġuristi ma jistgħux joħorġu atti awtentiċi u huma biss mogħtija s-setgħa li jiċċertifikaw il-firem, u li għalhekk jaqbel li, matul l-adozzjoni ta' kull liġi li tkun tikkonċerna l-atti awtentiċi Ewropej, jittieħdu miżuri sabiex jiġi eskluż kwalunkwe riskju ta' konfużjoni f'dan ir-rigward; billi, bħala konsegwenza ta' dan, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġi garantit li, fil-pajjiżi fejn iċ-ċittadini ma jkollhomx il-possibilità li jistabbilixxu atti awtentiċi, ma jkunx possibbli li atti bħal dawn jintużaw biex wieħed jevita l-proċeduri previsti mis-sistemi legali ta' dawn il-pajjiżi (pereżempju l-proċedura ta' ċertifikazzjoni); billi, minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tniedi kampanja ta' informazzjoni adattata sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-membri tal-professjonijiet legali tal-Istati Membri fejn ma jeżistux l-atti awtentiċi, u billi għandu jsir kull ma jkun possibbli sabiex jiġi garantit li l-membri tal-professjonijiet legali tal-pajjiżi tal-“common law“ ikunu konxji mill-ħidma mwettqa mill-uffiċjali pubbliċi taċ-ċivil tal-pajjiżi tal-liġi ċivili u mill-vantaġġi eventwali — partikolarment f'termini ta' sigurtà legali — li għall-klijenti tagħhom jirrappreżenta l-użu ta' atti awtentiċi fit-tranżazzjonijiet li jkunu jixtiequ jikkonkludu f'pajjiżi fejn jeżisti dan it-tip ta' strument; billi dan jenfasizza l-ħtieġa, kif esprima kemm il-darba l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, għal netwerk trans-Ewropew ta' professjonisti legali, għal kampanji u materjal ta' informazzjoni u għal taħriġ komuni li l-Kummissjoni qed tiġi mistiedna tippromwovi,

Q.

billi r-Regolament mitlub ma jistax jiġi applikat la għal kwistjonijiet dwar il-liġi applikabbli li tkun koperta minn strumenti Komunitarji oħrajn u lanqas għal kwistjonijiet dwar il-kompetenza, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-awtoritajiet u tal-uffiċjali pubbliċi, li tinkludi l-proċedura ta' awtentiċità, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri,

1.   Iqis li l-fiduċja reċiproka fil-liġi fi ħdan il-Komunità tiġġustifika l-fatt li l-proċeduri marbuta mal-verifika tal-veridiċità tal-att awtentiku fil-qasam transkonfinali jiġu eliminati fil-ġejjieni; iqis li dan ir-rikonoxximent ta' att awtentiku għal użu fl-Istati Membri li jitolbu jista' jiġi rrifjutat biss fil-każ ta' dubji serji u ssostanzjati dwar l-awtentiċità tiegħu, jew jekk ir-rikonoxximent ikun kuntrarju għall-politika pubblika fl-Istat Membru li jitolbu;

2.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Parlament, skont l-Artikolu 65(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 67(5) tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva dwar l-istabbiliment ta' rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tal-atti awtentiċi;

3.   Jenfasizza li r-rikonoxximent ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jagħti lil att barrani iktar effett minn dak li jkollu att nazzjonali;

4.   Jixtieq li r-Regolament mitlub ikun japplika għall-atti awtentiċi kollha dwar il-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali minbarra dawk marbuta mal-immobbli, u għandu jew jista' jkun soġġett għal iskrizzjoni jew traskrizzjoni f'reġistru pubbliku;

5.   Jispeċifika li r-Regolament mitlub m'għandux japplika la għall-kwistjonijiet marbuta mal-liġi applikabbli għas-suġġett tal-att awtentiku u lanqas għall-mistoqsijiet marbuta mal-kompetenza, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-awtoritajiet u l-uffiċjali pubbliċi, inkluża l-proċedura ta' awtentikazzjoni;

6.   Jinnota illi, f'dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati fl-anness jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

7.   Iqis li l-proposta mitluba m'għandhiex konsegwenzi finanzjarji;

8.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati fl-anness, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Ġunju 1999, fil-każ C-260/97, ECR 1999, I-3715.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1); Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 805/2004 (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15).

(3)  Konklużjonijiet tal-avukat ġenerali La Pergola tat-2 ta' Frar 1999 fil-każ Unibank imsemmija hawn fuq, punt 7.

(4)  Ara l-Artikolu 22, punti 1 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI RIGWARD IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.   Il-fiduċja reċiproka fil-liġi fi ħdan il-Komunità tiġġustifika l-fatt li l-proċeduri marbuta mal-verifika tal-veridiċità tal-att awtentiku fil-qasam transkonfinali jiġu eliminati fil-ġejjieni.

2.   Dan ir-rikonoxximent ta' att awtentiku għal użu fl-Istati Membri li jitolbu jista' jiġi rrifjutat biss fil-każ ta' dubji serji u ssostanzjati dwar l-awtentiċità tiegħu, jew jekk ir-rikonoxximent ikun kuntrarju għall-politika pubblika fl-Istat Membru li jitolbu.

3.   Il-Parlament jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq quddiemu, skont l-Artikolu 65(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 67(5) tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva dwar l-istabbiliment ta' rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tal-atti awtentiċi.

4.   L-att li huwa s-suġġett tal-proposta leġiżlattiva ikun japplika għall-atti awtentiċi kollha dwar il-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali minbarra dawk marbuta mal-immobbli, u għandu jew jista' jkun soġġett għal iskrizzjoni jew traskrizzjoni f'reġistru pubbliku; Ir-Regolament mitlub m'għandux japplika la għall-kwistjonijiet marbuta mal-liġi applikabbli għas-suġġett tal-att awtentiku u lanqas għall-mistoqsijiet marbuta mal-kompetenza, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-awtoritajiet u l-uffiċjali pubbliċi, inkluża l-proċedura ta' awtentikazzjoni.