22.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 16/57 |
Il-politika spazjali Ewropea
P6_TA(2008)0564
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-politika spazjali Ewropea: kif nistgħu inqarrbu l-ispazju lejn id-dinja
(2010/C 16 E/11)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-26 ta' Settembru 2008 dwar il-futur tal-politika spazjali Ewropea (1), |
— |
wara li kkunsidra t-Trattat tan-NU dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Attivitajiet tal-Istati fl-Esplorazzjoni u l-Użu tal-Ispazju, inkluż il-Qamar u Korpi Ċelesti Oħra (Riżoluzzjoni 2222 (XXI) — Trattat dwar l-Ispazju), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar l-ispazju u s-sigurtà (2), u tad-29 ta' Jannar 2004 dwar il-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-politika spazjali Ewropea (3), u d-deliberazzjonijiet tas-seduta ta' smigħ pubblika organizzata mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija fis-16 ta' Lulju 2007, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2007 dwar il-politika spazjali Ewropea (4), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 2008 bit-titolu ’Rapport ta' Progress tal-Politika Spazjali Ewropea’ (COM(2008)0561), |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta' Qafas bejn il-KE u l-Aġenzija Spazjali Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, kif emendati mit-Trattat ta' Liżbona, u d-dispożizzjonijiet relevanti tal-politika spazjali Ewropea (Artikolu 189 tat-TFEU), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-ispazju hu riżors strateġiku ta' importanza fundamentali għall-indipendenza, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa, u billi l-iżviluppi politiċi f'dan il-qasam jeħtieġ ikunu mmexxija mill-Kunsill flimkien mal-Parlament, |
B. |
billi l-Unjoni u numru ta' Stat Membri kienu involuti fil-finanzjament u fl-iżvilupp tat-teknoloġija u x-xjenza spazjali għal aktar minn 30 sena, li b'riżultat ta' dan ħolqu viżjoni għall-politika spazjali Ewropea (PSE), filwaqt li kienet rikonoxxuta l-koperazzjoni fejjieda mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ASE), |
C. |
billi jeżisti interess li qed jikber li l-Unjoni jkollha sehem importanti u mexxej fl-PSE biex jinstabu soluzzjonijiet fil-qasam tal-ambjent, it-trasport, ir-riċerka, id-difiża u s-sigurtà, |
D. |
billi Politika Spazjali Ewropea b'saħħitha, b'mod partikulari mil-lat ta' applikazzjonijiet, servizzi u infrastrutturi relatati, tikkontribwixxi sabiex l-Unjoni tkun influwenti mil-lat soċjali, kulturali, ekonomiku u xjentifiku, tgħin fl-iżvilupp tal-bażi industrijali u xjentifika tagħha, tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi u tiżgura l-awtonomija politika u teknoloġika b'mod koerenti u realistiku, |
E. |
billi l-attivitajiet spazjali kollha tal-Ewropa jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju li l-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju extratmosferiku huma ta' benefiċċju u fl-interess tal-pajjiżi kollha, u jirrikonoxxi li l-ispazju estratmosferiku hu provinċja tal-umanità kollha li għandha tintuża għal skopijiet purament paċifiċi, |
F. |
billi l-Unjoni ħadet l-impenn li tippromwovi l-koperazzjoni internazzjonali fl-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju extratmosferiku; jaqbel mal-fehma tal-Kunsill li l-azzjonijiet tal-Ewropa rigward l-esplorazzjoni tal-ispazju għandhom isiru fi ħdan programm dinji, |
G. |
wara li kkunsidra l-importanza għall-iżvilupp tal-PSE li jitjieb l-għarfien tal-pubbliku, kif ukoll l-appoġġ pubbliku għall-iżvilupp ta' teknoloġiji spazjali, filwaqt li tkun żgurata kumplimentarjetà ta' azzjonijiet u massimizzar tas-sinerġiji ma' żviluppi mhux spazjali, |
H. |
wara li kkunsidra l-ħtieġa strateġika li l-Ewropa tiggarantixxi l-kontinwità ta' aċċess għall-ispazju li jkun awtonomu, affidabbli, sostenibbli u effiċjenti meta mqabbel man-nefqa, ibbażat kemm fuq id-disponibilità ta' grupp ta' lanċaturi adegwati u kompetittivi ta' klassi dinjija kif ukoll port spazjali Ewropew operattiv, |
I. |
billi jeħtieġ jinstabu strumenti u fondi adegwati tal-Unjoni għall-PSE biex jissupplimentaw l-allokazzjonijiet tas-Seba' Programm ta' Qafas għall-attivitajiet tar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013), sabiex ikun possibbli għall-parteċipanti ekonomiċi differenti li jippjanaw l-azzjonijiet tagħhom fuq medda medja u twila ta' żmien, |
J. |
billi struttura adegwata ta' governanza fil-qasam tal-politika u l-attivitajiet spazjali u qafas regolatorju xieraq biex jiffaċilita l-introduzzjoni veloċi ta' servizzi downstream innovattivi u kompetittivi, b'mod partikulari bl-għan li jiggarantixxu aċċess sostnut għall-ispektrum għall-applikazzjonijiet kollha bbażati fl-ispazju, huma fundamentali biex jiżguraw li l-PSE tagħti r-riżultati mistennija u tilħaq l-ambizzjonijiet tal-Unjoni, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u tal-Istati Membri rispettivi, |
K. |
billi jeħtieġ jiġi definit kalendarju preċiż għat-twettiq tal-għanijiet ta' Galileo, EGNOS u l-programm għall-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), imsejjaħ Copernicus u għandu jiġi stabbilit pjan direzzjonali għad-diversi entitajiet li għandhom sehem fl-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi, |
L. |
billi l-ispazju issa jirrappreżenta għodda unika għall-ġbir u x-xandir istantanju mad-dinja kollha ta' kwantitajiet kbar ta' data fis-soċjetà ta' llum, kif ukoll għodda kruċjali sabiex tiġi mifhuma u monitorjata l-bidla dinjija fil-klima, qasam li fih l-Ewropa qiegħdha fuq quddiem; jistieden lill-atturi internazzjonali l-oħra biex jadottaw attitudni aktar responsabbli lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, |
M. |
billi jistgħu jinkisbu żviluppi importanti rigward l-aspetti ta' sigurtà fl-ispazju, b'mod ewlieni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, is-sorveljanza u l-osservazzjoni tad-dinja, |
N. |
billi r-riżoluzzjoni tar-raba' laqgħa tal-Kunsill dwar l-Ispazju (laqgħa konġunta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-ASE tat-22 ta' Mejju 2007 talbet li jitjieb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-ispazju fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f'istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, |
O. |
billi l-qafas finanzjarju li jmiss għandu jqis li jkun hemm strumenti u skemi ta' finanzjament tal-Unjoni biex jippermettu investiment Komunitarju fit-tul għal riċerka relatata mal-ispazju u għall-operat ta' applikazzjonijiet sostenibbli bbażati fl-ispazju għall-benefiċċju tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha, |
P. |
billi l-Unjoni għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, |
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2008 bħala impenn politiku siewi lejn l-iżvilupp tal-PSE li tagħti kontribut kbir għal identità Ewropea u jtenni l-intenzjoni tiegħu li jkun kostruttiv u jipparteċipa b'mod sħiħ fl-implimentazzjoni tagħha, daqs li kieku t-Trattat ta' Liżbona kien fis-seħħ;
2. Jaqbel mal-Kunsill li l-prijoritajiet attwali huma l-implimentazzjoni f'waqtha tal-programmi Galileo, EGNOS u GMES/Copernicus;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon partikolari l-ħolqien tal-panel interistituzzjonali għall-Galileo li jista' jservi bħala mudell għall-iżvilupp tal-ESP;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffissaw kalendarju preċiż għall-ħolqien ta' struttura ta' governanza effiċjenti għall-programm GMES/Copernicus, u biex b'mod ċar jistabbilixxi pjan direzzjonali għal dan il-programm bl-għan li jsir aktar effiċjenti u jiġi speċifikat il-baġit allokat għalih;
5. Jisħaq dwar is-sehem deċiżiv ta' GMES/Copernicus bħala inizjattiva mmexxija mill-utenti implimentata permezz tal-kontribut essenzjali tal-infrastrutturi ta' osservazzjoni in situ bbażati fid-dinja u fl-ispazju; jenfasizza li l-kontinwità tad-data u tas-servizzi hi indispensabbli; hu tal-fehma, b'mod aktar partikulari, li l-Kummissjoni l-ewwel għandha timpenja ruħha li ssir evalwazzjoni tal-impatt tal-benefiċċji potenzjali, tal-ispejjeż u tal-evoluzzjoni fit-tul tal-inizjattiva GMES/Copernicus, u mbagħad tibgħat lill-Parlament u lill-Kunsill pjan ta' azzjoni li jkun ikopri, fost l-oħrajn, l-aspetti li ġejjin:
— |
il-qafas legali tal-programm GMES/Copernicus, |
— |
governanza għall-programm GMES/Copernicus, inkluż is-sehem ta' entitajiet tal-UE u oħrajn li mhumiex, |
— |
il-finanzjament tal-programm GMES/Copernicus, |
— |
pjan ta' implimentazzjoni, |
— |
is-sehem ta' inizjattivi simili u kumplimentari, kemm intergovernattivi kif ukoll multilaterali, |
— |
l-aspetti internazzjonali tal-programm GMES/Copernicus, u għaldaqstant il-koperazzjoni meħtieġa; |
6. Jiddispjaċih illi, minkejja r-rakkomandazzjonijiet ċari tal-komunità tal-utenti, il-kontinwità tad-data tal-altimetrija tal-inklinazzjoni baxxa mhix assigurata lil hinn minn tmiem il-ħajja tas-satellita Jason 2 li ġa qiegħda fl-orbita, u jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu ħsieb il-problemi relatati mal-iffinanzjar ta' Jason 3, li qegħdin jissograw li jipperikolaw is-sostenibilità fuq medda qasira tas-servizzi Copernicus, u tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet meħuda f'dan ir-rigward;
7. Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' djalogu strutturat bejn l-atturi istituzzjonali u intergovernattivi Ewropej, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess miftuħ u ġust għall-benefiċċji tal-ESP;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu sinerġiji bejn l-iżviluppi ta' natura ċivili u dawk tas-sigurtà fil-qasam spazjali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kapaċitajiet Ewropej relatati ma' sigurtà u difiża jiddependu fost l-oħrajn mid-disponibilità ta' sistemi bbażati fuq satelliti, u li l-aċċess għalihom hu kruċjali għall-Unjoni;
9. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħmlu progress fil-lat ta' relazzjonijiet internazzjonali, jiġifieri dwar il-kompetizzjoni fis-swieq internazzjonali kummerċjali u governattivi, bil-għan li jiżguraw li l-Ewropa titkellem b'vuċi waħda u ssegwi strateġija miftehma;
10. Jaqbel mal-Kunsill li l-koperazzjoni internazzjonali dwar l-ispazju trid taqdi l-interessi tal-Ewropa u li b'dan l-iskop, għandha tagħti kontribut għal inizjattivi globali; jenfasizza l-importanza li tkun żgurata l-awtonomija politika, teknoloġika u operattiva Ewropea;
11. Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li huma stqarrew l-intenzjoni tagħhom li jippreżentaw lill-Parlament, fil-kuntest tal-pjan ta' implimentazzjoni tal-ESP, rakkomandazzjonijiet jew proposti speċifiċi, minħabba n-natura tal-erba' oqsma ta' prijorità, dwar:
— |
l-ispazju u l-bidla fil-klima, |
— |
il-kontribut tal-ESP għall-Istrateġija ta' Liżbona, |
— |
l-ispazju u s-sigurtà, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008, |
— |
l-esplorazzjoni tal-ispazju, inkluża l-preżenza umana u titjir spazjali mgħammar b'ekwipaġġ; |
12. Jenfasizza li hu importanti li tiġi żviluppata politika industrijali relatata mal-ispazju, fejn element kruċjali ta' din il-politika jkun il-qafas regolatorju u l-programm ta' standardizzazzjoni li jikkontribwixxi sabiex ifeġġu swieq downstream ġodda Ewropej, u jfakkar li r-Regolament Galileo joħloq punt ta' referenza għall-involviment tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-politika industrijali Ewropea relatata mal-ispazju;
13. Jirrikonoxxi l-kontribut uniku tal-programmi spazjali li filwaqt li jippermettu kopertura dinjija u fit-tul, jagħmlu disponibbli data importanti għar-riċerka dwar il-bidla fil-klima, u jipprovdu l-bażi tal-evidenza għat-teħid ta' deċiżjonijiet ewlenin fil-politika ambjentali;
14. Jirrikonoxxi li l-ispazju jista' jagħti kontribut għall-kisba tal-għanijiet ta' Liżbona biex jiġu sodisfati l-ambizzjonijiet ekonomiċi, edukattivi, soċjali u ambjentali tal-Unjoni u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha;
15. Jirrikonoxxi li jeħtieġ li l-Unjoni tieħu passi prattiċi sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fir-rigward ta' teknoloġiji, komponenti u operazzjonijiet spazjali kritiċi partikolari;
16. Iqis li l-Ewropa għandha tiżviluppa viżjoni komuni u ppjanar strateġiku fit-tul għall-esplorazzjoni spazjali biex ikollha sehem fi programmi internazzjonali (bħall-Istrateġija Dinjija tal-Esplorazzjoni) għall-esplorazzjoni spazjali umana u robotika, inkluża l-possibilità ta' spedizzjoni umana lejn Mars;
17. Iħeġġeġ li tiġi kkunsidrata linja baġitarja ġdida speċifika possibbli għall-ESP fil-baġit tal-UE sabiex din tirrifletti l-impenn qawwi tal-Unjoni lejn l-ESP u biex tiżdied iċ-ċarezza u t-trasparenza ta' din il-politika, jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona dwar il-politika spazjali jidħlu fis-seħħ;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu investimenti fix-xjenza u t-teknoloġija relatata mal-ispazju;
19. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizjattivi xierqa għall-iżvilupp tal-użu tal-ispazju għall-ġbir u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni, u jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti żviluppi teknoloġiċi fil-qasam tas-sorveljanza u l-osservazzjoni tal-ispazju;
20. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun evitat it-tniġġis tal-ispazju extratmosferiku;
21. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi studju dwar l-impatt tat-turiżmu spazjali u l-qafas neċessarju relevanti tiegħu mil-lat ta' sikurezza, sigurtà u regolamentazzjoni;
22. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jibdew ħidma ta' riflessjoni fuq skala kbira dwar l-esplorazzjoni tal-ispazju, filwaqt li jiddefinixxu viżjoni ta' dik li għandha tkun il-pożizzjoni tal-Ewropa, u r-riżorsi tagħha, għal sforzi ta' esplorazzjoni ġejjiena dinjija; f'dan ir-rigward, jixtieq assoċjazzjoni mill-qrib mal-konferenza ta' livell għoli dwar l-esplorazzjoni proposta mill-Kummissjoni;
23. Jenfasizza l-valur tal-esplorazzjoni spazjali biex iż-żgħażagħ Ewropej jitħajru jagħżlu karriera fix-xjenza u t-teknoloġija u biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' riċerka fl-Ewropa;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Spazjali Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
(1) ĠU C 268, 23.10.2008, p. 1.
(2) Testi Adottati ta' din id-data, P6_TA(2008)0365.
(3) ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 136.
(4) ĠU C 136, 20.6.2007, p. 1.